LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 5/15 pp. 29-31
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Materjal Simili
  • Tnikkitx l-Ispirtu Qaddis taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • L-Ispirtu taʼ Jehovah Imexxi lill-Poplu Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • ‘Fl-Isem tal-Ispirtu Qaddis’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 5/15 pp. 29-31

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

• Kif nistgħu nnikktu l-​ispirtu qaddis t’Alla, ladarba dan m’huwiex persuna?

Kien l-​appostlu Pawlu li kiteb: “Tnikktux l-​Ispirtu s-​Santu taʼ Alla.” (Efesin 4:30) Xi wħud jieħdu dan il-​kliem bħala indikazzjoni li l-​ispirtu qaddis hu persuna. Madankollu, il-​pubblikazzjonijiet tal-​“prokuratur leali” spiss ipprovdew provi Skritturali u storiċi li l-​Kristjani tal-​bidu la kienu jqisu l-​ispirtu qaddis bħala persuna u lanqas bħala alla li hu daqs l-​Iktar Għoli bħala parti mill-​hekk imsejħa Trinità.a (Luqa 12:42, NW) Għalhekk, Pawlu ma kienx qed jirreferi għall-​ispirtu qaddis bħala persuna.

L-​ispirtu qaddis hu l-​forza attiva inviżibbli tiegħu. (Ġenesi 1:2) Ġesù kien se jgħammed “bl-​Ispirtu s-​Santu,” sewwasew bħalma Ġwanni kien qed jgħammed bl-​ilma. (Luqa 3:16) F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., madwar 120 dixxiplu “mtlew ilkoll bl-​Ispirtu s-​Santu”—ovvjament mhux b’xi persuna. (Atti 1:5, 8; 2:4, 33) Dawn il-​midlukin irċivew it-​tama li jgħixu fis-​sema, u l-​ispirtu t’Alla ggwidahom f’ħajja taʼ fedeltà. (Rumani 8:14-17; 2 Korintin 1:22) L-​ispirtu pproduċa frott li jogħġob lil Alla u għenhom jevitaw l-​“għemejjel [midinba] tal-​ġisem” li jistgħu jwassluhom biex jitilfu l-​approvazzjoni t’Alla.—Galatin 5:19-25.

Jekk aħna qaddejja t’Alla li għandna t-​tama li ngħixu fuq l-​art, aħna ma ġejniex midlukin bl-​ispirtu qaddis. Però, xorta waħda Alla se jagħtina l-​istess spirtu li jagħti lil dawk li għandhom it-​tama li jgħixu fis-​sema. Għalhekk, aħna wkoll nistgħu nnikktu l-​ispirtu. Imma kif?

Jekk ninjoraw il-​pariri Skritturali li kienu miktubin taħt il-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis, aħna nistgħu niżviluppaw tendenzi li jistgħu jwasslu għal dnub apposta kontra l-​ispirtu, għal li nitilfu l-​approvazzjoni taʼ Jehovah, u fl-​aħħar għall-​qerda. (Mattew 12:31, 32) Forsi ma nkunux għadna għamilna xi dnub gravi, imma jistaʼ jkun li nkunu qed naqbdu xi triq ħażina, triq li maż-​żmien tistaʼ tiħodna fid-​direzzjoni li tmur kontra l-​gwida taʼ l-​ispirtu. F’dawn iċ-​ċirkustanzi, aħna nkunu qed innikktu l-​ispirtu qaddis.

Mela, kif nistgħu nevitaw li nnikktu l-​ispirtu t’Alla? Ċertament li jkollna nikkontrollaw il-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet tagħna. Fl-​ittra tiegħu lill-​Efesin, kapitlu 4, l-​appostlu Pawlu tkellem dwar li nevitaw it-​tendenzi li ngħidu kelma b’oħra, li nibqgħu inkorlati, li nkunu għażżenin, u li ngħidu kliem mhux xieraq. Jekk ilbisna “l-​bniedem il-​ġdid” u fl-​istess ħin inħallu lilna nfusna nerġgħu lura għal dawn l-​affarijiet, xi nkunu qed nagħmlu? Inkunu qed immorru kontra l-​pariri tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, li huma mnebbħin mill-​ispirtu. Jekk nagħmlu hekk, inkunu qed innikktu l-​ispirtu qaddis.

F’Efesin kapitlu 5, naqraw il-​parir taʼ Pawlu dwar li nevitaw li nħallu l-​kurżità ġġagħalna nkunu interessati fiż-​żína. L-​appostlu jħeġġeġ ukoll lill-​kredenti sħabu biex jevitaw kondotta taʼ mistħija, u ċajt oxxen. Jekk ma rridux li nnikktu l-​ispirtu qaddis t’Alla, aħna għandna nżommu dan f’moħħna meta niġu biex nagħmlu l-​għażla tagħna tad-​divertiment. Għala għandna nuru interess f’affarijiet bħal dawn billi noqogħdu nitkellmu u naqraw dwarhom, jew noqogħdu narawhom fuq it-​televixin jew xi mkien ieħor?

M’għandniex xi ngħidu, nistgħu nnikktu l-​ispirtu b’modi oħrajn. L-​ispirtu taʼ Jehovah iġib l-​unità fil-​kongregazzjoni, imma nagħtu każ li aħna ngħidu kliem taʼ ħsara kontra xi ħadd jew ninkuraġġixxu l-​klikek fil-​kongregazzjoni. Ma nkunux aħna qed immorru kontra l-​gwida li jagħti l-​ispirtu biex inżommu l-​unità? B’mod ġenerali, aħna nkunu qed innikktu l-​ispirtu qaddis, bħalma għamlu dawk li kkaġunaw il-​firdiet fil-​kongregazzjoni taʼ Korintu. (1 Korintin 1:10; 3:1-4, 16, 17) Inkunu wkoll qed innikktu l-​ispirtu jekk minn jeddna nuru nuqqas taʼ rispett, u b’hekk inżebilħu l-​irġiel midlukin mill-​ispirtu fil-​kongregazzjoni.—Atti 20:28; Ġuda 8.

Mela, jidher ċar li hu għaqli li nikkunsidraw l-​attitudni u l-​għemejjel tagħna meta nqisu liema hi l-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis kif inhi mogħtija lilna fil-​Bibbja u fil-​kongregazzjoni Kristjana. Ejja wkoll ‘nitolbu fl-​Ispirtu s-​Santu,’ u nħalluh jinfluwenzalna ħajjitna u dejjem naġixxu fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Kelma mnebbħa t’Alla. (Ġuda 20) Jalla nkunu determinati li qatt ma nnikktu l-​ispirtu imma li dejjem inħalluh jiggwidana għall-​unur u l-​glorja taʼ l-​isem imqaddes taʼ Jehovah.

• Ġesù Kristu qabbel is-​sitwazzjoni diffiċli taʼ raġel għani biex jidħol fis-​Saltna maʼ dik taʼ ġemel biex jidħol minn għajn taʼ labra. Kellu f’moħħu Ġesù ġemel letterali u labra tal-​ħjata taʼ veru?

Tnejn mit-​tliet darbiet li jidher dan ir-​rakkont fl-​Iskrittura huma simili mhux ħażin. Skond ir-​rakkont taʼ Mattew, Ġesù qal: “Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli wieħed għani jidħol fis-​Saltna tas-​Smewwiet!” (Mattew 19:24) Bl-​istess mod, Mark 10:25 jgħid: “Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli wieħed għani jidħol fis-​Saltna taʼ Alla!”

Xi xogħlijiet taʼ referenza jissuġġerixxu li l-​“għajn taʼ labra” kienet bieb żgħir li jinfetaħ fil-​bibien il-​kbar taʼ Ġerusalemm. Meta l-​bieb il-​kbir tal-​belt kien ikun magħluq bil-​lejl, u xi ħadd ried jidħol fil-​belt kienu jiftħulu biss il-​bieb iż-​żgħir. Jgħidu li ġemel setaʼ jgħaddi minnu. Però huwa dan li Ġesù kellu f’moħħu?

Jidher ċar li le. Ġesù milli jidher kien qed jirreferi għal labra tal-​ħjata. Ladarba l-​labar tal-​qedem, li kienu jkunu kemm taʼ l-​għadam u kemm tal-​metall, instabu f’dak ir-​reġjun, jidher li dawn kienu jintużaw ħafna fid-​djar. Luqa 18:25 ineħħi kwalunkwe dubju dwar il-​kliem taʼ Ġesù, għax dan jgħid: “Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra [“tal-​ħjata,” NW] milli wieħed għani jidħol fis-​Saltna taʼ Alla!”

Diversi awturi taʼ dizzjunarji jaqblu li t-​traduzzjoni tal-​kelma Griega għandha tkun “labra tal-​ħjata” kif tagħmilha n-​New World Translation. Il-​kelma Griega għal ‘labra’ f’Mattew 19:24 u Mark 10:25 (rafis) ġejja mill-​għerq tal-​verb li jfisser “tħit.” U l-​kelma Griega li tinsab f’Luqa 18:25 (belone) tintuża biex tirreferi letteralment għal-​labra taʼ l-​operazzjonijiet. Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words jgħid: “L-​idea li tirreferi għall-​‘għajn taʼ labra’ bħala bieb żgħir tidher li hi waħda moderna; m’hemm ebda ħjiel li din intużat hekk fl-​antik. L-​objettiv għala l-​Mulej uża din l-​espressjoni hu biex juri li hu impossibbli għal bniedem u m’hemm ebda ħtieġa li wieħed jipprova jnaqqas id-​diffikultà billi jgħid li l-​labra tfisser xi ħaġa oħra ħlief strument ordinarju.”—1981, it-​3 Volum, paġna 106.

Xi wħud jissuġġerixxu li f’dawn il-​versi l-​kelma “ġemel” trid tiġi “ħabel.” Il-​kliem bil-​Grieg għal ħabel (kamilos) u għal ġemel (kamelos) jixxiebhu ħafna. Madankollu, fl-​eqdem manuskritti Griegi li għadhom jeżistu taʼ l-​Evanġelju taʼ Mattew (is-Sinajtiku, il-​Vatikan Nru. 1209, u l-​Alessandrin), f’Mattew 19:24 tidher il-​kelma Griega għal “ġemel” u mhux dik għal “ħabel.” Milli jidher, Mattew oriġinalment kiteb l-​Evanġelju tiegħu bl-​Ebrajk u x’aktarx li ttraduċieh personalment bil-​Grieg. Hu kien jaf eżatt dak li qal Ġesù, u għalhekk uża l-​kelma t-​tajba.

Mela, allura, Ġesù ried ifisser labra tal-​ħjata letterali u ġemel taʼ veru. Hu kien qed juża dawn biex jenfasizza li kienet xi ħaġa impossibbli li ssir. Imma ried Ġesù jfisser li kien impossibbli għal raġel għani li jidħol fis-​Saltna? Le, għax l-​istqarrija taʼ Ġesù ma saritx biex tittieħed letteralment. Hu kien qed juża esaġerazzjoni biex jenfasizza l-​punt li bħalma ġemel taʼ veru ma setax jgħaddi minn għajn taʼ labra tal-​ħjata letterali, hu impossibbli li raġel għani jidħol fis-​Saltna jekk ikompli jgħożż ir-​rikkezzi tiegħu u ma jpoġġix lil Jehovah l-​ewwel f’ħajtu.—Luqa 13:24; 1 Timotju 6:17-19.

Ġesù għamel din l-​istqarrija preċiż wara li ħakkiem żagħżugħ li kien għani ħafna rrifjuta l-​privileġġ grandjuż li jsir wieħed mis-​segwaċi taʼ Ġesù. (Luqa 18:18-24) Individwu għani u li jħobb il-​ġid materjali li għandu iktar mill-​affarijiet spiritwali ma jistax jippretendi li jikseb il-​ħajja taʼ dejjem fl-​arranġament tas-​Saltna. Iżda kien hemm xi nies għonja li saru dixxipli taʼ Ġesù. (Mattew 27:57; Luqa 19:2, 9) Għalhekk, bniedem għani li hu konxju tal-​bżonn spiritwali tiegħu u li jfittex l-​għajnuna t’Alla jistaʼ jirċievi s-​salvazzjoni mingħandu.—Mattew 5:3; 19:16-26.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​browxer Għandek Int Temmen fit-​Trinità? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja