‘Żomm Ruħek Imrażżan Quddiem il-Ħażen’
“Ilsir tal-Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili maʼ kulħadd, . . . iżomm ruħu mrażżan quddiem il-ħażen.”—2 TIMOTJU 2:24.
1. Meta nkunu qed nieħdu sehem f’attivitajiet Kristjani, għala ġieli niltaqgħu maʼ nies li jitkellmu b’mod aħrax?
INT kif tirreaġixxi meta tiġi konfrontat minn dawk li ma jurux attitudni favorevoli lejk jew lejn dak li tirrappreżenta? Fid-deskrizzjoni tiegħu taʼ l-aħħar jiem, l-appostlu Pawlu bassar li n-nies kienu se jkunu “midgħija, . . kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi.” (2 Timotju 3:1-5, 12) Forsi tiltaqaʼ maʼ individwi bħal dawn fil-ministeru jew f’attivitajiet oħra.
2. Liema skritturi jistgħu jgħinuna nittrattaw b’mod għaqli maʼ nies li jkellmuna bl-aħrax?
2 Mhux kull min juża kliem abbużiv ikollu nuqqas taʼ interess f’dak li hu tajjeb. Tbatijiet jew frustrazzjonijiet estremi jistgħu jġagħlu lin-nies biex jaħtfu lil dawk li jkun hemm madwarhom. (Koħèlet 7:7) Ħafna jaġixxu b’dan il-mod għax jgħixu u jaħdmu f’ambjent fejn id-diskors abbużiv hu komuni. Dan ma jfissirx li diskors bħal dan hu aċċettabbli għalina bħala Kristjani, imma jgħinna nifhmu għala nies oħra jużawh. Kif għandna nirreaġixxu għad-diskors aħrax? Proverbji 19:11 jgħid: “Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab.” U Rumani 12:17, 18 jagħtina dan il-parir: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara. . . . Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.”
3. Il-fatt li nżommu l-paċi kif għandu x’jaqsam mal-messaġġ li aħna nippridkaw?
3 Jekk aħna tassew uħud li nżommu l-paċi, dan se jidher ċar fl-ispirtu li nuru. Se jidher f’dak li ngħidu u nagħmlu, forsi anki fl-espressjoni taʼ wiċċna u fit-ton taʼ leħinna. (Proverbji 17:27) Meta bagħat lill-appostli tiegħu biex jippridkaw, Ġesù tahom dan il-parir: “Meta tidħlu f’xi dar, sellmu lil tad-dar [“xtiqilhom il-paċi,” The New English Bible]; u jekk id-dar jistħoqqilha, ħa tiġi fuqha l-paċi li tixtiqulha; imma jekk ma jistħoqqilhiex, ħa terġaʼ lura għandkom il-paċi tagħkom.” (Mattew 10:12, 13) Il-messaġġ li aħna nġorru hu aħbar tajba. Il-Bibbja ssejħilha “l-aħbar tajba tal-paċi,” “l-aħbar tajba tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla,” u “l-aħbar tajba tas-saltna.” (Efesin 6:15; Atti 20:24; Mattew 24:14) L-objettiv tagħna hu, mhux li nikkritikaw it-twemmin taʼ l-individwu jew li nargumentaw miegħu dwar l-opinjonijiet tiegħu, imma li naqsmu miegħu l-aħbar tajba mill-Kelma t’Alla.
4. X’tistaʼ tgħid meta xi ħadd jgħidlek “M’iniex interessat” qabel ma jkollok lopportunità tgħidlu għalfejn ġejt iżżuru?
4 Mingħajr ma jkun tassew qed jismaʼ, inkwilin forsi jaqbad u jgħid, “M’iniex interessat.” F’ħafna każi, tkun tistaʼ tgħid, “Xtaqt biss naqra dan il-vers qasir mill-Bibbja.” Għandu mnejn iħallik. F’każi oħra, forsi jkun xieraq li tgħid: “Xtaqt ngħidlek dwar żmien meta mhux se jkun hawn iktar inġustizzja u meta n-nies kollha se jitgħallmu jħobbu lil xulxin.” Jekk l-inkwilin ma jitlobx spjegazzjoni, forsi tistaʼ żżid: “Imma jidher li dan mhux ħin konvenjenti għalik.” Anki jekk l-inkwilin ma jweġibx b’mod li juri l-paċi, għandna nikkonkludu li hu ‘ma jistħoqqlux’? Minkejja r-reazzjoni, ftakar il-parir tal-Bibbja biex inkunu ‘ġentili maʼ kulħadd, imrażżna quddiem il-ħażen.’—2 Timotju 2:24.
Insolenti imma Gwidat Ħażin
5, 6. Sawl kif ittratta mas-segwaċi taʼ Ġesù, u għala aġixxa b’dan il-mod?
5 Fl-ewwel seklu, raġel jismu Sawl kien magħruf għad-diskors tiegħu bla rispett, anki għall-imġiba vjolenti tiegħu. Il-Bibbja tgħid li kien “għadu jhedded lid-dixxipli tal-Mulej u kellu xewqa kbira li joqtolhom.” (Atti 9:1, 2) Iktar tard għaraf li kien “midgħi u persekutur u raġel insolenti.” (1 Timotju 1:13) Għalkemm forsi xi wħud mill-qraba tiegħu kienu diġà saru Kristjani, hu qal hekk dwar l-attitudni tiegħu lejn is-segwaċi taʼ Kristu: “Peress li kont mitluf bir-rabja kbira li kelli għalihom, wasalt sal-punt li nippersegwitahom saħansitra fi bliet oħra.” (Atti 23:16; 26:11; Rumani 16:7, 11) M’hemm ebda evidenza li d-dixxipli pprovaw jinvolvu lil Sawl f’dibattiti pubbliċi waqt li kien qed jaġixxi b’dan il-mod.
6 Sawl għala aġixxa b’dan il-mod? Snin wara, hu kiteb: “Kont fl-injoranza u aġixxejt b’nuqqas taʼ fidi.” (1 Timotju 1:13) Hu kien Fariżew, ‘istruwit biex iħares b’mod strett il-Liġi taʼ l-antenati.’ (Atti 22:3) Għalkemm l-għalliem taʼ Sawl, Gamaljel, milli jidher ma kienx juri preġudizzju, il-qassis il-kbir Kajfa, li Sawl kien jagħmilha miegħu, wera li kien fanatiku. Kajfa kien il-perċimes fil-pjan li wassal għall-mewt taʼ Ġesù Kristu. (Mattew 26:3, 4, 63-66; Atti 5:34-39) Wara dan, Kajfa għamel ċert li l-appostli taʼ Ġesù jiġu msawtin, u b’mod aħrax ordnalhom biex ma jibqgħux jippridkaw fuq il-bażi taʼ l-isem taʼ Ġesù. Kajfa kien ippresieda fuq is-Sinedriju waqt is-sessjoni mimlija emozzjoni fil-qorti fejn Stiefnu ttieħed biex jiġi mħaġġar. (Atti 5:27, 28, 40; 7:1-60) Sawl osserva dan it-tħaġġir, u Kajfa tah l-awtorità biex jagħmel iktar sforzi biex iwaqqaf lis-segwaċi taʼ Ġesù billi jarrestahom f’Damasku. (Atti 8:1; 9:1, 2) F’dawn iċ-ċirkustanzi, Sawl ħaseb li l-kondotta tiegħu wriet iż-żelu li kellu għal Alla, imma fir-realtà ma kellux fidi vera. (Atti 22:3-5) Bħala riżultat, Sawl naqas li jirrealizza li Ġesù kien il-Messija veru. Imma Sawl ġie f’sensih meta Ġesù rxoxtat b’mod mirakoluż kellmu fit-triq li twassal għal Damasku.—Atti 9:3-6.
7. Xi ġralu Sawl minħabba li ltaqaʼ maʼ Ġesù fit-triq li twassal għal Damasku?
7 Ftit wara dan, id-dixxiplu Ananija ntbagħat biex jagħti xiehda lil Sawl. Kont tkun ħerqan biex tagħmel din iż-żjara? Ananija kien ansjuż, imma kellem lil Sawl b’mod dħuli. L-attitudni taʼ Sawl kienet inbidlet bħala riżultat tal-laqgħa mirakoluża li kellu maʼ Ġesù fit-triq li twassal għal Damasku. (Atti 9:10-22) Hu sar magħruf bħala l-appostlu Pawlu, missjunarju Kristjan żeluż.
Ġwejjed imma Kuraġġuż
8. Ġesù kif irrifletta l-attitudni taʼ Missieru man-nies li kienu għamlu affarijiet ħżiena?
8 Ġesù kien proklamatur żeluż tas-Saltna li kien ġwejjed imma kuraġġuż meta ttratta man-nies. (Mattew 11:29) Hu rrifletta l-ispirtu taʼ Missieru tas-sema, li jħeġġeġ lill-ħżiena biex iduru lura mit-triqat ħżiena tagħhom. (Isaija 55:6, 7) Meta ttratta mal-midinbin, Ġesù nnota meta kien hemm evidenza taʼ bidla għall-aħjar, u hu inkuraġġixxa lil dawn l-individwi. (Luqa 7:37-50; 19:2-10) Minflok ma ġġudika lil oħrajn mid-dehra taʼ barra, Ġesù imita l-qalb tajba, il-paċenzja, u s-sabar fit-tul taʼ Missieru bl-iskop li jwassalhom għall-indiema. (Rumani 2:4) Hija r-rieda taʼ Ġeħova li l-bnedmin taʼ kull xorta jindmu u jsalvaw.—1 Timotju 2:3, 4.
9. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Isaija 42:1-4 twettaq permezz taʼ Ġesù?
9 Biex jispjega l-mod kif Ġeħova jħares lejn Ġesù Kristu, Mattew, wieħed mill-kittieba taʼ l-evanġelji, kiteb dan il-kliem profetiku: “Ara! Il-qaddej tiegħi li jien għażilt, il-maħbub tiegħi, li ruħi approvat! Inqiegħed l-ispirtu tiegħi fuqu, u lill-ġnus jurihom ċar x’inhi l-ġustizzja. Ma jargumenta bl-aħrax maʼ ħadd, ma jgħajjatx, u ħadd ma jismaʼ leħnu fit-toroq prinċipali. Qasba mxaqqa ma jiksirhiex, u ftila tnemnem ma jitfihiex, sakemm jirnexxilu jġib il-ġustizzja. Tabilħaqq, f’ismu se jittamaw il-ġnus.” (Mattew 12:17-21; Isaija 42:1-4) Fi qbil maʼ dan il-kliem profetiku, Ġesù ma kienx jinvolvi ruħu f’argumenti storbjużi. Anki meta kien taħt pressjoni, hu tkellem il-verità b’mod li kien jappella għal uħud taʼ qalb onesta.—Ġwanni 7:32, 40, 45, 46.
10, 11. (a) Għalkemm il-Fariżej kienu fost l-iktar opponenti bla ħajta fi lsienhom, Ġesù għala ta xiehda lil xi wħud minnhom? (b) Kultant Ġesù liema tip taʼ risposti ta lill-opponenti tiegħu, imma x’ma għamilx?
10 Waqt il-ministeru tiegħu, Ġesù tkellem maʼ ħafna Fariżej. Għalkemm xi wħud minnhom ipprovaw jaqbduh f’nassa fi kliemu stess, Ġesù ma kkonkludiex li kollha kellhom motivi ħżiena. Xmun, Fariżew li kien jikkritika xi ftit, mid-dehra ried jara lil Ġesù iktar mill-viċin u stiednu għall-ikel. Ġesù aċċetta l-istedina u ta xiehda lil dawk li kienu preżenti. (Luqa 7:36-50) F’okkażjoni oħra, Fariżew prominenti jismu Nikodemu mar għand Ġesù fis-satra tal-lejl. Ġesù ma ċanfrux talli qagħad jistenna li jkun id-dlam. Minflok, hu ta xiehda lil Nikodemu dwar l-imħabba li wera Alla billi bagħat lil Ibnu sabiex jiftaħ it-triq għas-salvazzjoni għal dawk li jeżerċitaw il-fidi. Ġesù bil-qalb tajba wera wkoll l-importanza t’ubbidjenza lejn l-arranġament t’Alla. (Ġwanni 3:1-21) Nikodemu iktar tard tkellem għan-nom taʼ Ġesù meta rapport favorevoli dwar Ġesù ġie injorat minn Fariżej oħra.—Ġwanni 7:46-51.
11 Ġesù ma kienx agħma għall-ipokrisija taʼ dawk li kienu qed jipprovaw jaqbduh f’nassa. Hu ma ħalliex lill-opponenti tiegħu jdaħħluh f’dibattiti li minnhom ma kien se joħroġ ebda ġid. Però, meta kien xieraq hu ta risposti qosra u qawwijin billi uża prinċipji, tixbihat, jew billi kkwota skrittura. (Mattew 12:38-42; 15:1-9; 16:1-4) Drabi oħra, Ġesù sempliċement ma weġibx meta kien evidenti li ma kien se joħroġ ebda ġid billi jwieġeb.—Marku 15:2-5; Luqa 22:67-70.
12. Anki meta għajtu miegħu, Ġesù kif setaʼ jgħin lin-nies?
12 Darba kultant, in-nies għajtu maʼ Ġesù minħabba li kienu kontrollati mill-ispirti ħżiena. Meta ġara dan, hu eżerċita r-rażna u saħansitra uża l-qawwa li tah Alla biex iġib is-serħan. (Marku 1:23-28; 5:2-8, 15) Jekk xi wħud jirrabjaw u jgħajtu magħna meta nkunu fil-ministeru, aħna bl-istess mod irridu neżerċitaw ir-rażna, u għandna nistinkaw biex nittrattaw sitwazzjonijiet bħal dawn b’qalb tajba u b’tattika.—Kolossin 4:6.
Ġewwa l-Familja
13. Kultant xi wħud għala jopponu lil membru tal-familja li jibda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova?
13 Il-bżonn li s-segwaċi taʼ Ġesù jeżerċitaw ir-rażna spiss jidher l-iktar ġewwa l-familja. Meta l-verità tal-Bibbja tmiss il-qalb taʼ xi ħadd, dan ikun jixtieq li l-familja tiegħu tirrispondi bl-istess mod. Imma bħalma qal Ġesù, xi membri tal-familja forsi juru l-ostilità. (Mattew 10:32-37; Ġwanni 15:20, 21) Hemm diversi raġunijiet għal dan. Per eżempju, filwaqt li t-tagħlim tal-Bibbja jistaʼ jgħinna biex insiru onesti, responsabbli, u biex nuru rispett, l-Iskrittura tgħallem ukoll li fi kwalunkwe sitwazzjoni l-akbar responsabbiltà tagħna hi lejn il-Ħallieq tagħna. (Koħèlet 12:1, 13; Atti 5:29) Membru tal-familja forsi jieħu għalih għax iħoss li l-influwenza tiegħu ġewwa l-familja qed tonqos minħabba l-lealtà tagħna lejn Ġeħova. Meta nittrattaw maʼ sitwazzjoni bħal din, kemm hu importanti li nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù dwar ir-rażna!—1 Pietru 2:21-23; 3:1, 2.
14-16. X’għen biex uħud li kienu jopponu lill-membri tal-familja tagħhom ibiddlu fehmithom?
14 Ħafna li issa qed jaqdu lil Ġeħova kellhom sieħeb jew sieħba jew membru ieħor tal-familja li kien jopponi għall-bidliet li kienu qed jagħmlu meta bdew jistudjaw il-Bibbja. L-opponenti forsi kienu semgħu kummenti negattivi dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova, u forsi beżgħu li kien se jkun hemm influwenza mhix mixtieqa fuq dawk tad-dar. X’għenhom ibiddlu l-attitudni tagħhom? F’ħafna każi, fattur kbir kien l-eżempju tajjeb. Minħabba li x-Xhud applika l-pariri tal-Bibbja b’mod sod—jiġifieri attenda l-laqgħat Kristjani b’mod regulari u pparteċipa fil-ministeru filwaqt li xorta baqaʼ jieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet tal-familja u juri r-rażna minkejja kwalunkwe abbuż verbali—l-oppożizzjoni mill-familja kultant naqset.—1 Pietru 2:12.
15 Jistaʼ jkun ukoll li wieħed li jopponi rrifjuta li jismaʼ kwalunkwe spjegazzjoni mill-Bibbja minħabba preġudizzju jew kburija. Dan kien minnu għal wieħed raġel fl-Istati Uniti li qal li kien patrijottiku ħafna. Darba minnhom, meta martu kienet qed tattendi konvenzjoni, hu ħa ħwejġu kollha u telaq mid-dar. Darba oħra, telaq mid-dar bi xkubetta u qal li kien se joqtol lilu nnifsu. Qal li kien it-tort tar-reliġjon tagħha li kien qed jaġixxi b’dan il-mod. Imma hi baqgħet tistinka biex tapplika l-pariri tal-Bibbja. Għoxrin sena wara li hi saret waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, hu ngħaqad magħha. Fl-Albanija mara rrabjat ħafna għax bintha bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova u mbagħad tgħammdet. L-omm 12-il darba qattgħet il-Bibbja taʼ bintha. Imbagħad ġurnata minnhom fetħet Bibbja ġdida li bintha kienet ħalliet fuq il-mejda. B’kumbinazzjoni, fetħitha f’Mattew 10:36, u l-omm irrealizzat li dak li kien hemm miktub kien japplika għaliha. Minkejja dan, minħabba li kienet konċernata dwar bintha, l-omm marret magħha ħdejn il-vapur li kienet se tirkeb maʼ Xhieda oħra għal konvenzjoni fl-Italja. Meta l-omm rat l-imħabba, it-tgħanniq, u t-tbissima tal-grupp u semgħet id-daħq ferrieħi tagħhom, is-sentimenti tagħha bdew jinbidlu. Ftit wara dan, hi qablet li tibda tistudja l-Bibbja. Illum hi tistinka biex tgħin lil oħrajn li għall-ewwel ikunu jopponu.
16 F’każ ieħor, raġel ikkonfronta lil martu b’sikkina f’idu hi u dieħla s-Sala tas-Saltna u beda jakkużaha bl-aħrax. Hi bil-ġentilezza wieġbet: “Idħol fis-Sala tas-Saltna, u ara għalik innifsek.” Hu hekk għamel, u maż-żmien sar anzjan Kristjan.
17. Jekk is-sitwazzjoni f’dar Kristjana kultant issir daqsxejn stressanti, liema pariri Skritturali jistgħu jgħinu?
17 Anki jekk kulmin hemm f’darek hu Kristjan, forsi jkun hemm drabi meta s-sitwazzjoni tal-familja ssir daqsxejn stressanti u forsi anki l-kliem ikun aħrax minħabba l-imperfezzjoni. Hu taʼ min jinnota li l-Kristjani f’Efesu tal-qedem ngħataw dan il-parir: “Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tagħjir flimkien maʼ kull ħażen.” (Efesin 4:31) Milli jidher, l-ambjent li kien hemm madwar il-Kristjani f’Efesu, l-imperfezzjonijiet tagħhom stess u, f’xi każi, il-ħajja li kellhom qabel influwenzawhom. X’kien se jgħinhom jinbidlu? Huma kellhom bżonn ‘jiġġeddu fil-forza li kienet qed tqanqal lil moħħhom.’ (Efesin 4:23) Hekk kif studjaw il-Kelma t’Alla, immeditaw fuq kif għandha teffettwalhom ħajjithom, assoċjaw maʼ Kristjani sħabhom, u talbu b’ħerqa, il-frott taʼ l-ispirtu t’Alla kien se jidher iktar f’ħajjithom. Kienu se jitgħallmu ‘jkunu qalbhom tajba maʼ xulxin, jagħdru b’tenerezza, u jaħfru lil xulxin mill-qalb bħalma Alla wkoll ħafrilhom mill-qalb bi Kristu.’ (Efesin 4:32) Minkejja dak li forsi jagħmlu oħrajn, aħna għandna neżerċitaw ir-rażna, nuru l-qalb tajba, il-mogħdrija, u naħfru. Tabilħaqq, m’għandna ‘rroddu lil ħadd ħsara bi ħsara.’ (Rumani 12:17, 18) L-aħjar ħaġa li nagħmlu hi li nuru mħabba ġenwina bħal Alla.—1 Ġwanni 4:8.
Pariri għall-Kristjani Kollha
18. Il-parir li jinsab fit-2 Timotju 2:24 għala kien xieraq għal anzjan f’Efesu tal-qedem, u kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għall-Kristjani kollha?
18 Il-parir li nżommu lilna nfusna ‘mrażżnin quddiem il-ħażen’ japplika għall-Kristjani kollha. (2 Timotju 2:24) Imma l-ewwel ngħata lil Timotju, li kellu bżonnu waqt li kien qed jaqdi bħala anzjan f’Efesu. Xi wħud fil-kongregazzjoni hemmhekk ma kinux joqogħdu lura milli jgħidu kif jaħsbuha, u kienu qed jgħallmu duttrina ħażina. Minħabba li ma fehmux bis-sħiħ l-objettiv tal-Liġi Mosajka, huma naqsu li japprezzaw l-importanza tal-fidi, l-imħabba, u kuxjenza tajba. Il-kburija ħolqot l-inkwiet hekk kif kellhom dibattiti dwar kliem, filwaqt li naqsu li jifhmu t-tagħlim taʼ Kristu u l-importanza tad-devozzjoni lejn Alla. Sabiex jirranġa din is-sitwazzjoni, Timotju kellu jżomm sod mal-veritajiet taʼ l-Iskrittura, però fl-istess ħin kellu jittratta lil ħutu bil-ġentilezza. Bħall-anzjani taʼ llum, hu kien jaf li l-merħla ma kinitx tiegħu u li kellu jittratta m’oħrajn b’mod li kien se jqanqal l-imħabba u l-għaqda Kristjana.—Efesin 4:1-3; 1 Timotju 1:3-11; 5:1, 2; 6:3-5.
19. Għala huwa importanti għalina li ‘nfittxu l-umiltà’?
19 Alla jħeġġeġ lill-poplu tiegħu biex ‘ifittex l-umiltà.’ (Sofonija 2:3) L-espressjoni Ebrajka għall-“umiltà” tagħti l-idea taʼ dispożizzjoni li tgħin lil individwu jissaporti l-problemi bis-sabar, mingħajr frustrazzjoni, u mingħajr ma jpatti. Jalla nitolbu lil Ġeħova bil-ħerqa biex jgħinna sabiex aħna nkunu nistgħu neżerċitaw ir-rażna u nirrappreżentawh b’mod xieraq, anki meta nesperjenzaw ċirkustanzi diffiċli.
X’Tgħallimt?
Meta tiġi konfrontat b’diskors aħrax, liema skritturi jistgħu jgħinuk?
• Sawl kif aġixxa b’mod insolenti?
• L-eżempju taʼ Ġesù kif jgħinna nittrattaw maʼ kull xorta taʼ persuni b’mod xieraq?
• Liema benefiċċji jistgħu jiġu jekk neżerċitaw ir-rażna fi kliemna ġewwa d-dar?
[Stampa f’paġna 26]
Minkejja r-reputazzjoni taʼ Sawl, Ananija ttrattah b’qalb tajba
[Stampa f’paġna 29]
Il-fatt li Kristjan jieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet tiegħu bil-lealtà jistaʼ jgħin biex l-oppożizzjoni minn familtu tonqos
[Stampa f’paġna 30]
Il-Kristjani jippromwovu l-imħabba u l-għaqda