Kapitlu 8
‘Nissaraw Kontra Forzi taʼ Spirti mill-Agħar’
1. L-attività taʼ l-ispirti mill-agħar għala hija taʼ interess partikulari għalina?
NIES li moħħhom huwa orjentat materjalistikament jistgħu jirredikolaw l-idea taʼ spirti mill-agħar. Imma din m’hijiex xi ħaġa tad-daħk. Jemmnuha jew ma jemmnuhiex, attività demonika tagħmel pressjoni fuq kulħadd. L-adoraturi taʼ Jehovah m’humiex eżentati minn dan. Fil-fatt, huma mira primarja. L-appostlu Pawlu jiftħilna għajnejna għal dan il-konflitt, billi jgħid: “Għandna sarâr, mhux kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-gvernijiet [li m’humiex fil-qasam tad-demm u l-laħam], kontra l-awtoritajiet, kontra l-ħakkiema tad-dinja taʼ dan id-dlam, kontra l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fl-imkejjen tas-sema.” (Ef. 6:12) Fi żmienna l-pressjoni laħqet l-ogħla livell fost iż-żminijiet kollha għaliex Satana ġie mitfugħ ’il barra mis-sema u huwa mimli qilla, billi jaf li ż-żmien li fadallu huwa qasir.—Riv. 12:12.
2. Kif inhu possibbli għalina li nissaraw b’suċċess kontra l-ispirti sovrumani?
2 Kif qatt jistaʼ kwalunkwe wieħed minna possibilment jirnexxi f’taqbida kontra forzi sovrumani taʼ l-ispirti? Huwa biss b’li wieħed jistrieħ kompletament fuq Jehovah. Irridu nagħtuh widen u nobdu l-Kelma tiegħu. Billi nagħmlu hekk, nistgħu niġu skansati mill-ħsara fiżika, morali, emozzjonali u mentali mġarrba minn dawk li jkunu taħt kontroll Sataniku.—Ef. 6:11; Ġak. 4:7.
ĦAKKIEMA TAD-DINJA F’IMKEJJEN TAS-SEMA
3. Lejn xiex u lejn min huwa Satana f’oppożizzjoni b’mod kiefer?
3 Jehovah jiddeskrivilna b’mod vivaċi s-sitwazzjoni dinjija kif jaraha hu mill-post vantaġġuż tiegħu fis-smewwiet. Hu ta lill-appostlu Ġwanni viżjoni fejn Satana kien impinġi bħala “dragun kbir lewn in-nar” lest biex, jekk jistaʼ jkun, jiblaʼ s-Saltna Messjanika t’Alla malli din kellha titwieled fis-sema fl-1914 E.K. Billi ma rnexxilux jagħmel dak, Satana ħall kontra r-rappreżentanti viżibbli taʼ dik is-saltna, il-parti sekondarja taż-żerriegħa tal-“mara” t’Alla, xmara t’oppożizzjoni kiefra.—Riv. 12:3, 4, 13, 17.
4. (a) Il-Bibbja tiftħilna għajnejna dwar liema fatt rigward is-sors tal-poter tal-gvernijiet umani? (b) Lejn xiex issa qegħdin jinġabru l-ħakkiema politiċi, u minn min?
4 Is-sors tal-poter u awtorità tal-gvernijiet umani wkoll ġie mikxuf f’dik ir-rivelazzjoni lil Ġwanni. Ġie muri bhima selvaġġa komposta, b’7 rjus u 10 qran, bhima li kellha awtorità “fuq kull tribù u poplu u lsien u ġens.” Din tirrappreżenta, mhux biss gvern wieħed, imma s-sistema politika globali. Ġwanni kien informat li “d-dragun [Satana x-Xitan] ta lill-bhima l-poter tiegħu u t-tron tiegħu u awtorità kbira.” (Riv. 13:1, 2, 7; qabbel Luqa 4:5, 6.) Minkejja kwalunkwe dikjarazzjoni reliġjuża min-naħa tal-ħakkiema politiċi, ebda wieħed mill-ġnus membri tal-“bhima” ma jissottometti ruħu lejn is-sovranità taʼ Jehovah u lejn is-Sultan maħtur tiegħu, Ġesù Kristu. Kollha kemm huma qegħdin jitqabdu biex iżommu s-sovranità tagħhom stess. Illum, bħalma turi r-Rivelazzjoni, “espressjonijiet ispirati minn demonji” qegħdin jiġmgħuhom ilkoll għall-“gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox” f’Ħar-Magedon. (Riv. 16:13, 14, 16) Tabilħaqq, bħalma kiteb l-appostlu Pawlu, “il-ħakkiema tad-dinja” m’humiex sempliċi rġiel imma “forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fl-imkejjen tas-sema.” (Ef. 6:12) Dawk kollha li se jagħtu prova li huma adoraturi veri taʼ Jehovah għandhom bżonn li jifhmu sewwa s-sinjifikat sħiħ taʼ dan il-fatt.
5. Għala hemm bżonn l-attenzjoni sabiex nevitaw li niġu mmanuvrati f’li nappoġġjaw lil din is-sistema satanika?
5 Taʼ kuljum ħajjietna jintmissu minn konflitti li qegħdin iċarrtu beraħ il-familja umana. Huwa komuni għan-nies li, bil-kliem jew b’mod ieħor, iżommu man-nazzjon, tribù, grupp lingwistiku jew klassi soċjali li minnha huma parti. Saħansitra meta l-qasam partikulari tagħhom tas-soċjetà m’huwiex involut direttament f’xi konflitt kurrenti, jistgħu jsibu ruħhom jiffavorixxu naħa iktar minn oħra. Imma hu x’inhu l-ilment, hi min hi l-persuna jew il-kawża li huma qegħdin japprovaw, x’inhuma tassew jappoġġjaw? Il-Bibbja tistqarr ċar u tond li “d-dinja kollha kemm hi qiegħda taħt il-poter tal-wieħed mill-agħar.” (1 Ġwn. 5:19) Kif, allura, tistaʼ persuna tevita li tiġi żvijata mal-bqija taʼ l-umanità? Huwa biss billi tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lis-Saltna t’Alla u żżomm newtralità kompleta inkwantu għal konflitti bejn fazzjonijiet tad-dinja.—Ġwn. 17:15, 16.
MEZZI BRIKKUNI TAL-WIEĦED MILL-AGĦAR
6. X’inhu inkluż fost il-mezzi li Satana uża biex idawwar lil nies lil hemm mill-qima vera?
6 Fil-perijodi kollha taʼ l-istorja Satana uża persekuzzjoni verbali u fiżika sabiex idawwar lil individwi ’l bogħod mill-qima vera. Imma huwa wkoll għamel użu minn mezzi iktar sottili—atti makakki u mezzi brikkuni.
7. Il-ħżunija taʼ Satana kif tintwera fl-użu tiegħu tar-reliġjon falza?
7 Bi ħżunija huwa żamm proporzjon kbir mill-umanità fid-dlam permezz tar-reliġjon falza, billi jħallihom jaħsbu, jekk jixtiequ hekk, li qegħdin jaqdu ’l Alla. Billi għandhom nuqqas taʼ mħabba ġenwina lejn il-verità, jistgħu jiġu mħajrin b’servizzi reliġjużi mistiċi u emozzjonali jew jiġu impressjonati minn xogħlijiet potenti. (2 Tess. 2:9, 10) Imma aħna niġu mwissijin li, saħansitra minn fost dawk li kienu jaqsmu fil-qima vera, “xi wħud se jaqgħu ’l hemm . . . billi jagħtu kas ħwejjeġ mitkellma li jiżvijaw u tagħlimiet tad-demonji.” (1 Tim. 4:1) Dak kif jistaʼ jiġri?
8. Satana kif ħajjar biex jidħlu fir-reliġjon falza saħansitra lil xi wħud li kienu jqimu lil Jehovah?
8 Bi brikkunerija x-Xitan jappella għad-dgħjufijet taʼ dak li jkun. Għadu hu maħkum mill-biżaʼ tal-bniedem? Jekk inhu hekk, jistaʼ jċedi għal pressjoni mill-qraba jew mill-ġirien biex jieħu sehem fi prattiċi li għandhom l-oriġini tagħhom f’reliġjonijiet foloz. Hu l-individwu kburi? Allura jistaʼ jieħu għalih meta jingħata parir jew meta oħrajn ma jaċċettawx xi ideat li hu jiffavorixxi. (Prov. 29:25; 15:10; 1 Tim. 6:3, 4) Xi ngħidu jekk il-parteċipazzjoni tiegħu fil-ministeru taʼ l-għalqa m’hijiex motivata mill-imħabba? Minflok ma jirranġa l-ħarsa tiegħu biex tikkonforma maʼ l-eżempju taʼ Kristu, jistaʼ jinklina ruħu lejn dawk li ‘jagħrxulu widnejh’ billi jgħidu li l-qari tal-Bibbja u li tgħix “ħajja tajba” huma biżżejjed. (2 Tim. 4:3) Kemm jekk attwalment jingħaqad maʼ grupp reliġjuż ieħor u kemm jekk sempliċement iżomm ir-reliġjon li fforma għalih innifsu m’huwiex importanti għal Satana, sakemm dan jibqaʼ ma jqimx lil Jehovah bil-mod li Alla jesiġi permezz tal-Kelma u l-organizzazzjoni tiegħu.
9. Satana kif juża s-sess bil-makakkerija sabiex iwettaq il-miri tiegħu?
9 Satana wkoll bil-makakkerija jħajjar lin-nies biex jissodisfaw ix-xewqat normali tagħhom b’modi żbaljati. Huwa għamel dan bix-xewqa għal intimitajiet sesswali. Billi jiċħdu l-moralità tal-Bibbja, ħafna fid-dinja jħarsu lejn relazzjonijiet sesswali bejn persuni m’humiex miżżewġin bħala pjaċir leġittimu jew bħala mod biex jagħtu prova li huma adulti. U xi ngħidu għal persuni miżżewġin? M’hijiex ħaġa rari li nies tad-dinja li jġarrbu problemi fiż-żwieġ jieħdu divorzju u jerġgħu jiżżewġu jew inkella sempliċement jisseparaw u jgħixu maʼ sieħeb (sieħba) ieħor. Meta nosservaw dan il-mod taʼ ħajja, inħossu aħna li qegħdin nitilfu xi ħaġa, li l-mod Kristjan huwa strett wisq? Il-mod sottili kif jopera Satana huwa li jġiegħel lil persuna taħseb li Jehovah qiegħed iżomm lura xi ħaġa tajba. Huwa jħeġġiġna biex naħsbu fuq il-pjaċir li nistgħu nieħdu issa—mhux fuq l-effett fit-tul fuqna u fuq oħrajn, u ċertament mhux fuq ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah u Ibnu.—Gal. 6:7, 8; 1 Kor. 6:9, 10.
10. Satana b’liema mezzi jipprova jikkorrompi l-attitudni tagħna lejn il-vjolenza?
10 Xewqa naturali oħra hija dik għal divertiment. Meta jkun bnin, dan jistaʼ jkun rifreskanti fiżikament, mentalment u emozzjonalment. Imma x’inhi r-reazzjoni tagħna meta Satana bi ħżunija juża okkażjonijiet taʼ mistrieħ biex jipprova jbiegħed il-ħsieb tagħna minn dak t’Alla? Per eżempju, nafu li Jehovah jobgħod lil dawk li jħobbu l-vjolenza. (Salm 11:5) Imma meta xi programmi fuq it-televixin jew fit-teatru juru dan, noqogħdu aħna b’mod passiv bil-qiegħda u nassorbuh kollu? Jew meta din tkun ippreżentata f’isem l-isports, naċċettawha u forsi saħansitra ninkuraġġixxu lill-parteċipanti?—Qabbel Ġenesi 6:13.
11. Wieħed li jaf il-verità dwar l-ispiritiżmu b’liema modi jistaʼ jiġi maqbud f’nassa jekk ma joqgħodx attent?
11 Aħna wkoll konxji li dawk li jieħdu sehem fi kwalunkwe għamla taʼ spiritiżmu—jipprattikaw id-divinazzjoni, jagħmlu użu mis-seħer jew li jipprovaw jikkomunikaw mal-mejtin—huma “xi ħaġa mistmerra għal Jehovah.” Aħna lanqas biss jgħaddilna minn moħħna li nikkonsultaw lil medji taʼ l-ispirti u ċertament mhux se nilqgħuhom fi djarna biex jipprattikaw l-arti demonika tagħhom. Imma nkunu aħna lesti li nagħtuhom widen u nħarsu lejhom b’mod affaxxinanti jekk dawn jidhru fuq it-televixin tagħna? Għalkemm qatt m’aħna se naċċettaw kura minn tabib saħħâr, norbtu aħna spaga madwar il-polz tat-tarbija tagħna li għadha titwieled bil-ħsieb li din tistaʼ b’xi mod tipproteġi lit-tarbija mid-deni? Jew, billi nafu li l-Bibbja tikkundanna ‘li torbot lil oħrajn b’magħmul,’ se nħallu lil xi ipnotista jikkontrolla lil moħħna, saħansitra temporanjament?—Dewt. 18:10-12; Gal. 5:19-21.
12. (a) Il-mużika kif inhi wżata sabiex nagħtu lok għal ideat li nafu li huma żbaljati? (b) L-ilbies, il-maxta tax-xagħar, jew il-manjiera kif persuna titkellem kif jistgħu jindikaw ammirazzjoni lejn dawk li l-mod taʼ ħajja tagħhom Jehovah ma japprovahx? (ċ) X’inhu meħtieġ min-naħa tagħna jekk irridu nevitaw li naqgħu vittma għal mezzi brikkuni sataniċi?
12 Aħna qrajna fl-Iskrittura li ‘l-fornikazzjoni u n-nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta m’għandhom lanqas biss jissemmew fostkom, b’motiv li mhux xieraq.’ (Ef. 5:3-5) Imma xi ngħidu jekk temi bħal dawn bi ħżunija jiġu akkumpanjati b’mużika li għandha melodija li togħġob, ritmu li jolqtok, jew temp insistenti? Nistgħu aħna saħansitra mingħajr ma nkunu konxji nibdew nirrepetu l-lirika li tigglorifika s-sess mingħajr żwieġ, l-użu tad-drogi għall-gost u ħafna iktar? Jew, fil-waqt li nafu li m’għandniex nimitaw il-mod taʼ ħajja taʼ nies li jintelqu f’affarijiet bħal dawn, għandna aħna t-tendenza li nidentifikaw lilna nfusna magħhom billi nimitaw il-mod kif jilbsu, il-maxta tax-xagħar tagħhom jew il-mod tagħhom kif jitkellmu? Kemm huwa makakk Satana! Kemm huma qarrieqa l-metodi li huwa juża biex iħajjar lill-bnedmin sabiex jikkonformaw mal-moħħ korrott tiegħu stess! (2 Kor. 4:3, 4) Sabiex inkomplu nevitaw li naqgħu vittma għall-mezzi brikkuni tiegħu, irridu nevitaw li nitkaxkru mal-kurrenti tad-dinja. Irridu nżommu f’moħħna min huma l-“ħakkiema tad-dinja taʼ dan id-dlam” u bis-serjetà nkunu qegħdin nissaraw kontra l-influwenzi tagħhom.—Ef. 6:12; 1 Piet. 5:8.
MGĦAMMRIN BIEX INKUNU KONKWISTATURI
13. Kif inhu possibbli għal kwalunkwe wieħed minna, fl-imperfezzjonijiet tagħna, li nikkonkwistaw lid-dinja li Satana jaħkem?
13 Qabel mewtu Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Agħmlu kuraġġ! Jien ikkonkwistajt lid-dinja.” Mela, ukoll, huma setgħu jkunu konkwistaturi; u, ’il fuq minn 60 sena wara, l-appostlu Ġwanni kiteb: “Min hu l-wieħed li jikkonkwista lid-dinja ħlief dak li għandu l-fidi li Ġesù hu l-Iben t’Alla?” (Ġwn. 16:33; 1 Ġwn. 5:5) Fidi bħal din tintwera billi aħna nobdu l-kmandi taʼ Ġesù u nistrieħu fuq il-Kelma t’Alla, saħansitra bħalma għamel hu. X’iżjed huwa meħtieġ? Li nibqgħu qrib il-kongregazzjoni li Ġesù hu l-kap tagħha. Meta nonqsu, irridu nindmu bis-serjetà u nfittxu l-maħfra t’Alla fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. B’dan il-mod, minkejja l-imperfezzjonijiet tagħna, aħna wkoll nistgħu nkunu konkwistaturi.
14. (a) Aqra Efesin 6:13-18. (b) Uża l-mistoqsijiet u l-iskritturi pprovduti bħala bażi biex tiddiskuti l-benefiċċji minn kull parti taʼ l-armatura spiritwali.
14 Sabiex nirnexxu, għandna bżonn nilbsu “l-libsa tal-ħadid sħiħa mingħand Alla,” u ma nittraskuraw ebda parti minnha. Jekk jogħġbok iftaħ il-Bibbja tiegħek f’Efesin 6:13-18 u aqra d-deskrizzjoni li tagħti dwar dik il-libsa tal-ħadid. Imbagħad, billi twieġeb il-mistoqsijiet hawn taħt, ikkunsidra kif int tistaʼ tibbenefika mill-protezzjoni li tforni kull biċċa mil-libsa tal-ħadid.
‘Ġenbejn imħażżmin bil-verità’
Avolja għandna mnejn nafu l-verità, l-istudju regulari, il-meditazzjoni fuq il-verità tal-Bibbja u l-attendenza għal-laqgħat kif jipproteġuna? (Fil. 3:1; 4:8, 9; 1 Kor. 10:12, 13; 2 Kor. 13:5; 1 Piet. 1:13, Kingdom Interlinear)
“Kurazza tat-tjieba”
Taʼ min huwa dan il-livell taʼ tjieba? (Riv. 15:3)
Uri b’eżempji kif id-diżubbidjenza lejn il-kmandi taʼ Jehovah, ikkaġunata milli wieħed jonqos li jikkultiva mħabba għall-mogħdijiet tiegħu, tistaʼ tesponi lil dak li jkun għal ħsara spiritwali kbira. (Ara 1 Samwel 15:22, 23; Dewteronomju 7:3, 4.)
‘Saqajn mixdudin bit-tagħmir taʼ l-aħbar tajba taʼ paċi’
Kif inhu taʼ protezzjoni għalina li nżommu saqajna okkupati f’li jiħduna nitkellmu man-nies dwar il-provvedimenti t’Alla għal paċi? (Rum. 10:15; Salm 73:2, 3; 1 Tim. 5:13)
“Tarka kbira tal-fidi”
Jekk għandna fidi mibnija fuq bażi soda, kif se nirreaġixxu meta niffaċċjaw sforzi li huma intenzjonati li jġegħluna niddubitaw jew nibżgħu? (Qabbel 2 Timotju 1:12; 2 Slaten 6:15-17.)
“Elmu tas-salvazzjoni”
It-tama tas-salvazzjoni kif tgħin lil dak li jkun biex jevita li jinqabad fin-nassa minn tħassib eċċessiv dwar affarijiet materjali li jippossjedi? (1 Tim. 6:7-10, 19)
“Sejf taʼ l-ispirtu”
Fuq xiex għandna dejjem nistrieħu meta niġġieldu kontra attakki kontra l-ispiritwalità tagħna jew dik t’oħrajn? (Salm 119:98; Prov. 3:5, 6; qabbel Mattew 4:3, 4.)
F’armonija maʼ dak, f’Efesin 6:18, 19, x’iżjed jintwera li huwa vitali għas-suċċess fil-konflitti spiritwali? Kemm taʼ spiss għandu dan jiġi wżat? Għan-nom taʼ min?
15. (a) Hija sempliċement gwerra spiritwali persunali li aħna qegħdin niġġieldu? (b) Kif nistgħu mmorru fuq l-attakk fil-ġlieda?
15 Bħala suldati Kristjani aħna nifformaw parti minn armata kbira li qiegħda tieħu sehem f’konflitti spiritwali. Jekk nibqgħu attenti u nagħmlu użu tajjeb mil-libsa sħiħa tal-ħadid mingħand Alla, m’aħniex se nkunu midrubin f’din il-gwerra. Minflok, se nkunu għajnuna li ssaħħaħ għall-qaddejja t’Alla mseħbin. Se nkunu lesti u ħerqanin li mmorru fuq l-attakk, billi nferrxu l-aħbar tajba tas-Saltna Messjanika t’Alla, dak il-gvern li lilu Satana jopponi b’mod tassew vjolenti.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● L-adoraturi taʼ Jehovah għala jfittxu li jżommu newtralità kompleta inkwantu għal konflitti bejn l-elementi tad-dinja?
● X’inhuma xi ftit mill-mezzi brikkuni li Satana juża biex iġib il-Kristjani f’rovina spiritwali?
● L-armatura pprovduta minn Alla kif tissalvagwardjana f’modi li huma kruċjali f’din il-gwerra spiritwali?