LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 6/8 pp. 18-20
  • Evita Kliem li Jweġġaʼ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Evita Kliem li Jweġġaʼ
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Obgħod iċ-​Ċajt Mhux Sewwa
  • Kliem Aħrax li Ma Jogħġobx lil Alla
  • Inkunu Meqjusin fi Kliemna
  • Kliem li Jfejjaq
  • “Għidu dak li hu tajjeb biex jibni”
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Għidu Dak li “Hu Tajjeb Biex Jibni”
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Kun t’Eżempju Tajjeb Meta Titkellem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Uri l-Imħabba u r-Rispett Billi Tikkontrolla Lsienek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 6/8 pp. 18-20

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Evita Kliem li Jweġġaʼ

“Minn ilsien wieħed joħorġu l-​barka u s-​saħta. Dan m’għandux ikun, ħuti.”—Ġakbu 3:​10.

L-​ABBILTÀ li nitkellmu hija karatteristika unika li tisseparana mill-​annimali. B’dispjaċir, xi nies jużaw dan il-​privileġġ b’mod ħażin. It-​tgħajjir, it-​tkasbir, id-​dagħa, u l-​kliem baxx, vulgari u oxxen jistaʼ jweġġaʼ—kultant iktar minn ħsara fiżika. “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf,” tgħid il-​Bibbja.​—Proverbji 12:18.

Għadd li dejjem jiżdied taʼ nies jitkellmu ħażin u jidgħu b’mod regulari. L-​iskejjel qegħdin jirrapportaw żjieda fl-​użu taʼ kliem pastaż min-​naħa tat-​tfal. Iżda, xi nies isostnu li kliem li jweġġaʼ jistaʼ jservi taʼ ġid meta jintuża biex tisfoga dak li tkun qed tħoss. Student tax-​xjenza politika kiteb: “L-​użu taʼ kliem baxx għandu jintuża prinċipalment biss biex iħalli effett qawwi, meta l-​vokabolarju normali ma jispjegax biżżejjed kemm huma profondi s-​sentimenti tagħna.” Għandhom il-​Kristjani juru dan it-​tip taʼ indifferenza dwar kliem li jweġġaʼ? Alla kif iħossu dwar dan?

Obgħod iċ-​Ċajt Mhux Sewwa

Il-​kliem mhux sewwa m’huwiex xi fenomenu taʼ żmienna. Tiskanta jekk tkun taf li fi żmien l-​appostli, xi 2,000 sena ilu, kien hemm nies li jużaw kliem ħażin? Per eżempju, jidher li xi wħud fil-​kongregazzjoni taʼ Kolossi użaw kliem ħażin meta kienu rrabjati. Huma setgħu għamlu dan biex jattakkaw jew iweġġgħu lil dak li jkun intenzjonalment, forsi biex ipattu. Bl-​istess mod, ħafna nies illum jużaw kliem ħażin fis-​saħna tar-​rabja. B’hekk, l-​ittra taʼ Pawlu lill-​Kolossin hija importanti fi żmienna. Pawlu kiteb: “Intom ukoll ħallu kollox: korla, passjoni, ħażen, dagħa, u l-​kliem mhux xieraq warrbuh minn fommkom.” (Kolossin 3:8) Bla dubju, il-​Kristjani huma mwissijin biex jevitaw l-​iżbroffar taʼ rabja u l-​kliem mhux xieraq, jew oxxen, li ħafna drabi jmorru id f’id mar-​rabja.

Veru, illum ħafna ma jużawx kliem baxx bl-​intenzjoni li jattakkaw jew iweġġgħu lil oħrajn. Għandu mnejn li ħafna drabi l-​kliem baxx jintuża b’nuqqas taʼ ħsieb. B’hekk, il-​kliem ħażin jitħallat mal-​kliem taʼ kuljum. Xi wħud saħansitra jsibuha diffiċli li jitkellmu mingħajr ma jużaw kliem baxx. Ħafna drabi, kliem ħażin jintuża biex idaħħaq. Imma jistaʼ ċajt mhux sewwa bħal dan jitqies bħala kliem aċċettabbli jew li mhux daqshekk ħażin? Ikkunsidra dan li ġej.

Ċajt mhux sewwa huwa kliem skandaluż bl-​iskop li jdaħħaq lil oħrajn. Illum, ħafna miċ-​ċajt mhux sewwa għandu x’jaqsam mas-​sess. Lingwaġġ bħal dan jogħġob lil ħafna nies li jqisu lilhom infushom rispettabbli. (Rumani 1:​28-32) M’hijiex sorpriża, mela, li kemm imġiba sesswali naturali u kemm dik li mhix, hija s-​suġġett li jitkellmu fuqu ħafna kummidjanti professjonali. Ċajt mhux sewwa jidher f’ħafna films kif ukoll fuq programmi tat-​televixin u tar-​radju.

Il-Bibbja ma tibqax siekta dwar is-​suġġett taʼ ċajt mhux sewwa. L-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani f’Efesu: “Żína u kull xorta taʼ faħx jew regħba, ebda waħda minnhom ma għandha biss tissemma fostkom, kif jixraq lill-​qaddisin. U anqas kliem baxx u kliem iblah, jew ċajt mhux sewwa, kollha ħwejjeġ li ma jixirqux.” (Efesin 5:​3, 4, korsiv tagħna.) Bla dubju, kliem mhux sewwa, ikun b’liema intenzjoni jkun, iweġġaʼ lil Alla. Huwa ħażin. Huwa kliem li jweġġaʼ.

Kliem Aħrax li Ma Jogħġobx lil Alla

Kliem li jweġġaʼ żgur li jiġbor fih iktar minn kliem oxxen. Insulti, sarkażmu, irridikolar, u kritika ħarxa jistgħu jweġġgħu bil-​kbir. Huwa veru li aħna kollha niżbaljaw bi lsienna, speċjalment fl-​ambjent li jirrenja madwarna mimli sarkażmu u gideb kontra n-​nies. (Ġakbu 3:​2) Minkejja dan, fejn jidħol il-​kliem abbużiv, il-​Kristjani veri qatt m’għandu jkollhom l-​attitudni li kollox jgħaddi. Il-​Bibbja tistabbilixxi biċ-​ċar li Alla Jehovah huwa kontra kull tip taʼ kliem li jweġġaʼ.

Per eżempju, mill-​ktieb Bibliku tat-​Tieni Slaten naraw kif grupp taʼ subien taw fastidju lill-​profeta Eliżew bi kliemhom. Ir-​rakkont jgħid li huma “bdew jiddieħku bih u jgħidulu: ‘Itlaʼ, ja qargħi! Itlaʼ, ja qargħi!’” Jehovah, li setaʼ jaqra x’kien hemm fil-​qlub taʼ dawn it-​tfal u jara l-​intenzjoni ħażina tagħhom, ħa l-​abbuż verbali tagħhom bis-​serjetà kollha. Ir-​rakkont jgħid li Alla qatel 42 tifel minħabba l-​kliem abbużiv tagħhom.​—2 Slaten 2:​23, 24.

In-​nies taʼ Iżrael “kienu jiddieħku bil-​mibgħutin [t’Alla], imaqdru kliemu, u jkasbru l-​profeti tiegħu, sa ma saħnet il-​korla tal-​Mulej għall-​poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar.” (2 Kronaki 36:16) Għalkemm ir-​rabja t’Alla prinċipalment kienet imkebbsa mill-​idolatrija u mid-​diżubbidjenza tan-​nies tiegħu, taʼ min jinnota li l-​Bibbja speċifikament issemmi l-​abbuż verbali lejn il-​profeti t’Alla. Dan jenfasizza d-​diżapprovazzjoni diretta t’Alla lejn imġiba bħal din.

Fi qbil maʼ dan, il-​Bibbja twissi lill-​Kristjani: “Lil min hu mdaħħal fiż-​żmien tiħdux bl-​aħrax.” (1 Timotju 5:1) Dan il-​prinċipju jistaʼ jiġi applikat għall-​mod kif nittrattaw lil kulħadd. Il-​Bibbja tinkuraġġina biex ‘ma nkasbru ’l ħadd, naħarbu t-​tilwim, inkunu umli, nimxu bil-​ħlewwa maʼ kulħadd.’—Titu 3:2.

Inkunu Meqjusin fi Kliemna

Kultant, il-​kilba biex tattakka lil xi ħadd bil-​kliem tistaʼ tkun diffiċli biex tirreżistiha. Meta persuna tiġi mweġġgħa tistaʼ tħossha skużata jekk tpattiha lil dak li offendieha bi kliem iebes u kiefer​—jew f’wiċċu jew minn wara dahru. Xorta waħda, il-​Kristjani jirreżistuha kilba bħal din. Proverbji 10:19 jgħid: “Il-​kliem żejjed m’hux nieqes mill-​ħtija; meqjus fi kliemu min hu bil-​għaqal.”

L-​anġli t’Alla jagħtuna eżempju tajjeb. Huma konxji tal-​ħażen kollu li jsir mill-​bnedmin. Għalkemm l-​anġli għandhom iktar saħħa u qawwa mill-​bniedem, huma ma jkasbruhomx u ma jakkużawhomx, u dan jagħmluh b’rispett għal Jehovah. (2 Pietru 2:11) Ladarba l-​anġli jafu li Alla huwa konxju taʼ l-​għemejjel ħżiena taʼ kulħadd u għandu kull kapaċità biex jirranġa s-​sitwazzjoni, l-​anġli huma meqjusin fi kliemhom. Mikiel, il-​kap taʼ l-​anġli kollha, żamm lura milli juża kliem taʼ żebliħ, saħansitra kontra x-​Xitan.​—Ġuda 9.

Il-Kristjani jagħmlu l-​aħjar li jistgħu biex jimitaw lill-​anġli. Huma jimxu fuq il-​parir tal-​Bibbja: “Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-​tajjeb quddiem il-​bnedmin kollha. Jekk jistaʼ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-​paċi maʼ kulħadd. Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-​korla taʼ Alla tagħmel hi, għax hemm miktub: ‘Għalija l-​vendetta, jiena nħallas, jgħid il-​Mulej.’”​—Rumani 12:​17-19.

Taʼ interess, kemm it-​ton kif ukoll il-​volum tal-​vuċi tagħna jistaʼ jġiegħel lil kliemna jkun taʼ wġigħ. M’hijiex xi ħaġa rari li rġiel u nisa miżżewġin iweġġgħu lil xulxin f’xi ġlieda taʼ min jgħajjat l-​iktar. Ħafna ġenituri spiss jgħajtu kemm jifilħu maʼ wliedhom. Imma m’hemmx għalfejn naqbdu ngħajtu biex nesprimu dak li nħossu. Il-​Bibbja tħeġġiġna: “Mrar, saħna, korla, tagħjir, għajat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor.” (Efesin 4:​31, korsiv tagħna.) Il-​Bibbja tgħid ukoll li “min hu qaddej tal-​Mulej m’għandux joqgħod jitlewwem; imma għandu jkun ħlejju maʼ kulħadd.”​—2 Timotju 2:​24.

Kliem li Jfejjaq

Minħabba li llum il-​kliem oxxen u abbużiv huwa mifrux maʼ kullimkien, il-​Kristjani jrid ikollhom strateġija biex jirreżistu din l-​influwenza taʼ ħsara. Il-​Bibbja tipprovdi strateġija tajba, jiġifieri, li nħobbu lill-​proxxmu tagħna. (Mattew 7:​12; Luqa 10:27) Interess ġenwin f’oħrajn flimkien maʼ mħabba għall-​proxxmu tagħna se jimmotivawna biex dejjem nitkellmu kliem li jfejjaq. Il-​Bibbja tgħid: “Ebda kelma mhux xierqa m’għandha toħroġ minn fommkom, imma kliem sewwa li jedifika skond il-​ħtieġa, kliem li jagħmel il-​ġid lil min jisimgħu.”​—Efesin 4:​29.

Ukoll, li ndaħħlu l-​Kelma t’Alla f’moħħna se jgħinna biex nevitaw kliem li jweġġaʼ. Il-​qari u l-​meditazzjoni fuq l-​Iskrittura Mqaddsa jistgħu jgħinuna biex ‘inneħħu minn fuqna kull ma hu mniġġes.’ (Ġakbu 1:​21) Iva, il-​Kelma t’Alla tistaʼ tfejqilna moħħna.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja