Kont Taf?
F’Efesin 2:11-15, kien qiegħed l-appostlu Pawlu jirreferi għal ħajt li veru kien jeżisti meta tkellem dwar ħajt li jissepara lil-Lhud mill-Ġentili?
Meta kien qed jikteb l-ittra lill-Efesin, l-appostlu Pawlu għamel kuntrast bejn l-Israelin u l-“barranin.” Hu qal li kien hemm “ħajt” li liż-żewġ gruppi “kien jisseparahom” minn xulxin. (Efesin 2:11-15) Pawlu kien qed jirreferi għal-“Liġi tal-kmandamenti” li ngħataw permezz taʼ Mosè, imma meta uża l-kelma “ħajt” hu jistaʼ jkun li fakkar lill-qarrejja dwar ħajt tal-ġebel li kien jeżisti verament.
Fl-ewwel seklu E.K., it-tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm kellu għadd taʼ btieħi li ċerti nies biss setgħu jmorru fihom. Kulħadd setaʼ jidħol fil-Bitħa tal-Ġentili, imma l-Lhud u l-proseliti biss setgħu jidħlu fi kwalunkwe bitħa tat-tempju. Is-Soreg, ringiela balavostri tal-ġebel elaborati li jintqal li kienu twal 1.3 metru, kienet tifred l-inħawi li kienu riservati għal ċerti wħud mill-inħawi li setaʼ jidħol fihom kulħadd. Skond Ġużeppi Flavju, studjuż Lhudi taʼ l-istorja taʼ l-ewwel seklu, fuq dan il-ħajt intgħamlet kitba bil-Grieg u l-Latin bħala twissija għall-Ġentili biex ma jgħaddux għan-naħa l-oħra tal-ħajt ħalli ma jirfsux fl-inħawi qaddisin.
Instabet kitba sħiħa bil-Grieg minn dan il-ħajt li kien jifred. Din kienet tgħid hekk: “Ħalli ebda barrani ma jidħol ’il ġewwa mill-ħajt u ċ-ċint taʼ madwar is-santwarju. Kulmin jidħol ’il ġewwa mill-ħajt jinqatel.”
Milli jidher Pawlu uża s-Soreg biex jirrappreżenta l-patt tal-Liġi Mosajka, li kien ilu ħafna jifred il-Lhud mill-Ġentili. Il-mewt taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju ġabet il-patt tal-Liġi fix-xejn u b’hekk ‘qerdet il-ħajt taʼ bejniethom.’
Ġeneralment, il-Bibbja għala tirreferi għat-12-il tribù taʼ Israel meta fil-fatt kien hemm 13?
It-tribujiet, jew il-familji, taʼ Israel kienu d-dixxendenti tas-subien taʼ Ġakobb, li ismu ġie mibdul għal Israel. Dan il-patrijarka kellu 12-il iben—Ruben, Simegħon, Levi, Ġuda, Dan, Naftali, Gad, Aser, Issakar, Żebulun, Ġużeppi, u Benjamin. (Ġenesi 29:32–30:24; 35:16-18) Ħdax minn dawn l-aħwa kellhom tribujiet imsemmijin għalihom, imma l-ebda tribù ma kien imsemmi għal Ġużeppi. Minflok, ġew imsemmijin żewġ tribujiet għal uliedu, Efrajm u Manasse, li kull wieħed minnhom kien meqjus bħala kap tat-tribù. Għalhekk l-għadd taʼ tribujiet f’Israel ammonta għal 13. Allura, għala normalment il-Bibbja titkellem fuq 12-il tribù?
Fost l-Israelin, l-irġiel tat-tribù taʼ Levi ntgħażlu biex jaqdu fit-tabernaklu taʼ Ġeħova u iktar tard fit-tempju. Għalhekk, huma ġew meħlusin mis-servizz militari. Ġeħova qal lil Mosè: “Huwa biss it-tribù taʼ Levi li m’għandekx tirreġistra, u tgħoddhomx maʼ wlied Israel. U int innifsek aħtar lil-Leviti fuq it-tabernaklu tat-Testimonjanza u fuq l-għodod kollha tiegħu u fuq kulma hu tiegħu.”—Numri 1:49, 50.
Il-Leviti lanqas ma ngħataw territorju fl-Art Imwiegħda. Minflok, ġew inkarigati fuq 48 belt li kienu mxerrdin mat-territorju kollu taʼ Israel.—Numri 18:20-24; Ġożwè 21:41.
Għal dawn iż-żewġ raġunijiet, it-tribù taʼ Levi ma kienx normalment ikun inkluż meta jissemmew it-tribujiet. Għalhekk, it-tribujiet taʼ Israel kienu jammontaw għal 12.—Numri 1:1-15.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 27]
Mużew taʼ l-Arkeoloġija f’Istanbul