Nies li minn Rajhom Jitqanqlu biex Jiġu Gilgħad
L-iSKOLA taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) qiegħda hemm biex tħarreġ irġiel u nisa li huma dedikati lil Alla għas-servizz missjunarju f’pajjiżi barranin. Min jikkwalifika biex jiġi Gilgħad? Dawk li minn rajhom huma lesti li jagħtu iktar. (Salm 110:3, Saydon) Dan żgur li deher ċar fit-8 taʼ Settembru, 2001, meta ggradwat il-111-il klassi.
Xi studenti f’din il-klassi kienu diġà ħallew minn rajhom lill-familji tagħhom, lil ħbiebhom, u lil art twelidhom biex jaqdu fejn kien hemm iktar bżonn. Billi għamlu dan, huma raw jekk setgħux jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa biex jgħixu f’ambjent kemxejn differenti. Per eżempju, Richer u Nathalie rranġaw l-affarijiet tagħhom biex imorru l-Bolivja, Todd u Michelle biex imorru r-Repubblika Dominikana, u David u Monique biex imorru f’pajjiż Asjatiku bl-iskop li jxerrdu l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla. Studenti oħrajn kienu diġà qdew fin-Nikaragwa, l-Ekwador, u l-Albanija.
Christy ġiet inkuraġġita biex fl-iskola sekondarja tistudja l-Ispanjol. Dan għenha tipprepara ruħha sabiex tqattaʼ sentejn fl-Ekwador qabel ma tiżżewweġ. Oħrajn ngħaqdu maʼ kongregazzjonijiet taʼ lingwa barranija f’pajjiżhom stess. Saul u Priscilla kellhom jiffaċċjaw sfida differenti. Qabel m’attendew l-iskola, minn rajhom ħadmu iebes biex itejbu l-Ingliż tagħhom.
L-20 ġimgħa taʼ taħriġ missjunarju għaddew malajr. Il-ġurnata tal-gradwazzjoni waslet, u l-istudenti flimkien mal-ħbieb u l-familjari tagħhom semgħu l-pariri għaqlin u l-aħħar kliem taʼ inkuraġġiment.
Iċ-chairman tal-programm kien Theodore Jaracz, li ggradwa mis-sebaʼ klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad u li issa qed jaqdi bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah. Il-kliem tal-ftuħ tiegħu enfasizza l-fatt li bħala organizzazzjoni aħna qatt ma tlifna l-objettiv tat-taħriġ taʼ l-istudenti f’Gilgħad, jiġifieri l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna mad-dinja kollha. (Mark 13:10) L-Iskola taʼ Gilgħad tħarreġ lill-istudenti li jikkwalifikaw sabiex ikomplu bl-attività taʼ l-ippridkar tagħhom fuq skala akbar minn dik tal-passat u f’partijiet tad-dinja fejn hemm il-bżonn għal missjunarji mħarrġin. Ħuna Jaracz ħeġġeġ lill-istudenti biex jagħmlu użu tajjeb mit-taħriġ li ħadu f’Gilgħad, issa li se jingħaqdu maʼ missjunarji oħra li fil-preżent qed jaqdu fid-19-il pajjiż fejn se jintbagħtu dawk li se jiggradwaw.
Pariri f’Waqthom għal Dawk li Se Jiggradwaw
Imbagħad kien hemm serje taʼ taħditiet. William Van De Wall, membru tal-Kumitat tal-Fergħa taʼ l-Istati Uniti, tkellem fuq is-suġġett “Iż-Żelu Missjunarju—Il-Marka tal-Kristjani Veri.” Hu ffoka fuq l-inkarigu taʼ li ‘nagħmlu dixxipli,’ bħalma hu mniżżel f’Mattew 28:19, 20, u ħeġġeġ ’l-istudenti: “Imitaw lil Ġesù, li wettaq l-inkarigu missjunarju tiegħu biż-żelu u bl-entużjażmu.” Sabiex jgħin lill-missjunarji futuri ma jitilfux iż-żelu tagħhom għax-xogħol missjunarju, hu inkuraġġiehom: “Agħmlu skeda prattika; żommu drawwiet tajbin taʼ studju persunali, aġġornaw ruħkom dwar l-affarijiet teokratiċi, u dejjem żommu f’moħħkom ir-raġunijiet għala qegħdin fl-inkarigu tagħkom.”
Imbagħad kien imiss lil Guy Pierce, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna. Hu żviluppa t-tema “Ibqgħu Ikkultivaw ‘il-Qawwa tar-Raġuni Tagħkom.’” (Rumani 12:1, NW) Hu ta pariri prattiċi lill-klassi li kienet se tiggradwa, u ħeġġiġhom jużaw l-abbiltà li tahom Alla biex jaħsbu u jirraġunaw. “Komplu aħsbu fil-fond dwar dak li Jehovah qed jgħidilkom permezz tal-Kelma tiegħu. Dan se jħariskom,” qal hu. (Proverbji 2:11, Saydon) Ħuna Pierce wissa wkoll lill-membri tal-klassi biex ma jkunux dommatiċi fl-opinjonijiet tagħhom, u b’hekk ma jfixklux il-“qawwa tar-raġuni.” Ċertament, dawn it-tfakkiriet f’waqthom se jkunu t’għajnuna hekk kif il-gradwati jibdew jaqdu bħala missjunarji.
Iċ-chairman imbagħad introduċa lill-wieħed mill-għalliema taʼ Gilgħad, Lawrence Bowen. Dan tkellem dwar it-tema “Ippretendi li Ma Taf Xejn.” Hu ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-appostlu Pawlu, fix-xogħol missjunarju tiegħu f’Korintu, iddeċieda li ma jkun jaf xejn “ħlief lil Ġesù Kristu, u ’l dan imsallab.” (1 Korintin 2:2, korsiv tagħna.) Pawlu kien jaf li l-akbar forza fl-univers, l-ispirtu qaddis, jappoġġa l-messaġġ li huwa rifless fil-Bibbja kollha: l-ivvindikar tas-sovranità taʼ Jehovah permezz taż-Żerriegħa mwiegħda. (Ġenesi 3:15) It-48 student li kienu se jiggradwaw ġew inkuraġġiti biex ikunu bħal Pawlu u Timotju u jkunu missjunarji li jirnexxu, u jżommu maʼ “l-eżempju tat-tagħlim sħiħ.”—2 Timotju 1:13.
“Apprezza l-Privileġġ Tiegħek li Hu Rigal Mingħand Alla” kienet it-tema taʼ l-aħħar taħdita mis-serje taʼ taħditiet tal-ftuħ. Wallace Liverance, ir-reġistratur taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad, għen lill-istudenti li kienu se jiggradwaw biex jifhmu li l-privileġġi taʼ servizz huma espressjonijiet tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, mhux xi ħaġa li għandhom id-dritt għaliha jew li kisbu bil-kapaċità tagħhom. Billi uża l-eżempju taʼ l-appostlu Pawlu, Ħuna Liverance nnota: “Jehovah m’għażilx lil Pawlu biex ikun l-appostlu tal-ġnus minħabba l-għemejjel tiegħu. Kieku għamel hekk Pawlu kien ikun donnu kiseb id-dritt għal dak l-inkarigu jew inkella għax kien jixraqlu. Lanqas minħabba li kien ilu żmien jaqdih jew għax kellu iktar esperjenza. Mil-lat uman, kien donnu li jagħmel iktar sens li jintgħażel Barnaba. Pawlu lanqas ma ntgħażel minħabba l-abbiltajiet tiegħu. Apollo milli jidher kien iktar fluwenti minnu. L-għażla tiegħu kienet espressjoni tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.” (Efesin 3:7, 8) Ħuna Liverance ħeġġeġ lill-gradwati biex jużaw ir-rigal tagħhom, jew il-privileġġ taʼ servizz, sabiex jgħinu lil oħrajn isiru ħbieb t’Alla u jirċievu ‘d-don li jagħti Alla . . . l-ħajja taʼ dejjem fi Kristu Ġesù Sidna.’—Rumani 6:23.
Wara dan, Mark Noumair, għalliem ieħor taʼ Gilgħad, mexxa diskussjoni interessanti maʼ numru taʼ studenti fuq it-tema “Il-Preparazzjoni Twassal għal Riżultati Tajbin.” (Proverbji 21:5) L-esperjenzi wrew li meta l-ministru taʼ l-aħbar tajba jipprepara tajjeb għall-ministeru, speċjalment billi jħejji qalbu, hu se jkollu interess ġenwin fin-nies. Hu dejjem se jsib xi jgħid. Anzi, hu se jgħid u jaġixxi b’mod li jgħinhom spiritwalment. “Dan hu l-qofol biex tirnexxi bħala missjunarju,” qal Ħuna Noumair waqt li tkellem mill-esperjenza tiegħu stess bħala missjunarju fl-Afrika.
Is-Servizz Missjunarju —Karriera Sodisfaċenti
Ralph Walls u Charles Woody intervistaw xi missjunarji taʼ l-esperjenza, li kienu wkoll fiċ-Ċentru Edukattiv taʼ Patterson għal taħriġ speċjali. L-intervisti enfasizzaw li hija l-imħabba għan-nies li ġġib il-ferħ fis-servizz missjunarju. Kemm l-istudenti kif ukoll il-familji u l-ħbieb tagħhom li kienu fl-udjenza qawwew qalbhom meta semgħu lil dawn il-missjunarji taʼ l-esperjenza jispjegaw huma stess għala s-servizz missjunarju huwa karriera sodisfaċenti.
John E. Barr, li jaqdi fil-Ġemgħa li Tiggverna, ta t-taħdita prinċipali tal-ġurnata, bit-titlu “Għannu lil Jehovah Għanja Ġdida.” (Isaija 42:10) Ħuna Barr wera li l-espressjoni “għanja ġdida” tidher disaʼ darbiet fil-Bibbja. Hu staqsa l-mistoqsija, “Dwar xiex inhi din l-għanja ġdida?” Imbagħad wieġeb: “Il-kuntest juri li l-għanja ġdida titkanta minħabba l-iżviluppi ġodda fil-mod kif Jehovah jeżerċita s-sovranità tiegħu.” Hu ħeġġeġ lill-istudenti biex b’vuċi waħda jkomplu jgħannu tifħir dwar is-Saltna vittorjuża t’Alla mmexxija mis-Sultan Messjaniku, Kristu Ġesù. Ħuna Barr qal ukoll li t-taħriġ li rċivew f’Gilgħad għenhom jifhmu l-aspetti differenti taʼ din l-“għanja ġdida” iktar minn qatt qabel. “L-iskola enfasizzat il-bżonn li intom ‘tgħannu’ tifħir lil Jehovah f’armonija maʼ ħutkom kulfejn tmorru. Fittxu dejjem li tkunu magħqudin maʼ dawk fl-inkarigu tagħkom.”
Wara li ngħataw id-diplomi tagħhom, wieħed mill-istudenti qara ittra f’isem sħabu tal-klassi li esprimiet l-apprezzament sinċier tagħhom għat-taħriġ li kienu rċivew f’Gilgħad.
Tistaʼ tagħmel iżjed fis-servizz tiegħek lejn Alla u tagħmlu iktar produttiv? Jekk iva, stinka bħalma għamlu dawn l-istudenti li ggradwaw. Dan hu dak li għenhom jikkwalifikaw għall-għalqa missjunarja. Jekk toffri lilek innifsek minn rajk u minn qalbek għas-servizz taʼ Jehovah jistaʼ jkollok ferħ kbir.—Isaija 6:8.
[Kaxxa f’paġna 25]
STATISTIĊI TAL-KLASSI
Numru taʼ pajjiżi rappreżentati: 10
Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 19
Numru taʼ studenti: 48
Età medja: 33.2
Medja taʼ snin fil-verità: 16.8
Medja taʼ snin fil-ministeru full-time: 12.6
[Stampa f’paġna 26]
Il-111-il Klassi li Ggradwat mill-Iskola taʼ Gilgħad
Fil-lista t’hawn taħt, ir-ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-xellug għal-lemin.
(1) Yeomans, C.; Toukkari, A.; Nuñez, S.; Phillips, J.; Dawkin, M.; Silvestri, P. (2) Morin, N.; Biney, J.; López, M.; Van Hout, M.; Cantú, A.; Szilvassy, F. (3) Williams, M.; Itoh, M.; Van Coillie, S.; Levering, D.; Fuzel, F.; Geissler, S. (4) Yeomans, J.; Moss, M.; Hodgins, M.; Dudding, S.; Briseño, J.; Phillips, M. (5) López, J.; Itoh, T.; Sommerud, S.; Kozza, C.; Fuzel, G.; Moss, D. (6) Williams, D.; Dudding, R.; Geissler, M.; Morin, R.; Biney, S.; Cantú, L. (7) Dawkin, M.; Hodgins, T.; Levering, M.; Silvestri, S.; Van Hout, D.; Briseño, A. (8) Van Coillie, M.; Nuñez, A.; Kozza, B.; Sommerud, J.; Toukkari, S.; Szilvassy, P.