Il-Problemi tal-Bniedem—Dalwaqt Se Jispiċċaw!
“L-GĦAJNUNA umanitarja jkollha valur limitat jekk ma tkunx parti minn pjan strateġiku u politiku iktar mifrux li hu mmirat biex jittratta l-għeruq tal-konflitti. L-esperjenza wriet kemm-il darba li l-għajnuna umanitarja biss ma tistax issolvi l-problemi li primarjament huma taʼ natura politika.”—The State of the World’s Refugees 2000.
Minkejja l-għajnuna umanitarja enormi, il-problemi tal-bniedem qed jikbru b’mod inevitabbli. X’ċans hemm li tinstab soluzzjoni politika dejjiema? Ngħiduha kif inhi, ftit li xejn. Imma fejn nistgħu nfittxu iktar? F’silta sinifikanti fil-bidu taʼ l-ittra tiegħu lill-Kristjani f’Efesu, l-appostlu Pawlu jispjega kif Alla se jtemm il-problemi kollha tal-bniedem. Hu saħansitra jindika liema aġenzija se juża Alla biex jagħmel dan—aġenzija li se tittratta l-għeruq tal-problemi kollha li jnikktuna llum. Għala ma tikkunsidrax dak li Pawlu għandu xi jgħid? Din is-silta tinsab f’Efesin 1:3-10.
Kollox Jerġaʼ Jinġabar taħt Kristu
L-iskop t’Alla, jgħid l-appostlu, hu dik li hu jsejħilha “[“amministrazzjoni,” “NW,” jew immaniġġar taʼ l-affarijiet] meta tasal il-milja taż-żminijiet.” Dan xi jfisser? Ifisser li Alla stabbilixxa żmien meta hu se jaġixxi b’tali mod ‘li kollox [jerġaʼ] jinġabar taħt Kristu, kull ma hu fis-sema u kull ma hu fl-art.’ (Efesin 1:10) Iva, Alla ta bidu għal arranġament biex iġib lura kull ma hu fis-sema u fuq l-art fi qbil taħt il-kontroll dirett tiegħu. Huwa interessanti li dwar it-terminu li ġie tradott hawn bħala ‘jerġaʼ jinġabar,’ J. H. Thayer, studjuż Bibliku, jinnota: “Jerġaʼ jiġbor għalih innifsu . . . l-affarijiet u l-esseri kollha (li s’issa kienu mifrudin minħabba d-dnub) fi stat magħqud wieħed taʼ sħubija fi Kristu.”
Dan jindika kemm Alla kellu bżonn jagħmel dan minħabba l-mod kif inħoloq nuqqas t’għaqda fil-bidu. Kmieni fl-istorja tal-bniedem, il-ġenituri oriġinali tagħna, Adam u Eva, segwew lil Satana x-Xitan u rribellaw kontra Alla. Riedu l-indipendenza ħalli jkollhom id-dritt jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġenesi 3:1-5) Fi qbil mal-ġustizzja divina, huma tkeċċew mill-familja t’Alla u tilfu s-sħubija tagħhom miegħu. Tefgħu lill-umanità fl-imperfezzjoni bil-konsegwenzi terribbli kollha li qed inġarrbu llum.—Rumani 5:12.
Jippermetti l-Ħażen għal Xi Żmien
‘Alla għala ħalliehom jagħmlu dan?’ xi wħud għandhom mnejn jistaqsu. ‘Għala m’użax sempliċement il-qawwa suprema tiegħu biex jara li ssir ir-rieda tiegħu, u b’hekk jiffrankalna l-uġigħ u t-tbatija kollha li qed inġarrbu issa?’ Tistaʼ tiġina t-tentazzjoni li naħsbu b’dan il-mod. Imma x’kien se juri billi juża l-qawwa kbira tiegħu? Tammira int jew tapprova lil xi ħadd li maʼ l-ewwel sinjal taʼ nuqqas taʼ qbil jaqbad u jeħles minn min ikun opponieh għaliex għandu l-poter li jagħmel hekk? Żgur li le!
Dawk ir-ribelli ma sfidawx propjament il-qawwa kbira taʼ Jehovah. Partikolarment, huma iżjed sfidaw id-dritt tiegħu li jaħkem u l-mod rett taʼ kif jaħkem. Biex jaqtaʼ darba għal dejjem il-kwistjonijiet fundamentali li qamu, Jehovah ħalla lill-ħlejjaq tiegħu jmexxu l-affarijiet tagħhom stess mingħajr il-kontroll dirett tiegħu għal żmien limitat. (Koħèlet 3:1; Luqa 21:24) Meta jiskadi dak iż-żmien, hu se jindaħal biex jerġaʼ jeżerċita kontroll sħiħ fuq l-art. Sa dakinhar, se jkun ċar daqs il-kristall li l-mod tiegħu kif jaħkem hu l-uniku mod li jiggarantixxi paċi, hena, u prosperità dejjiema għall-abitanti taʼ l-art. Imbagħad, dawk kollha fid-dinja li jħobbu jaħqru lin-nies se jitneħħew min-nofs għal dejjem.—Salm 72:12-14; Danjel 2:44.
“Minn Qabel il-Ħolqien tad-Dinja”
Jehovah kellu l-iskop li jagħmel dan kollu ħafna żmien ilu. Pawlu jsemmi “minn qabel il-ħolqien tad-dinja.” (Efesin 1:4) Dan ma kienx qabel il-ħolqien taʼ l-art jew taʼ Adam u Eva. Dik id-dinja kienet ‘tajba ħafna,’ u kienet għadha ma saritx ir-ribelljoni. (Ġenesi 1:31) Allura, għal liema “dinja” kien qed jirreferi l-appostlu Pawlu? Għad-dinja taʼ wlied Adam u Eva—dinja taʼ bnedmin midinbin u imperfetti bil-prospett li jiġu mifdijin. Qabel ma tweldulhom it-tfal, Jehovah kien diġà jaf kif kien se jittratta s-sitwazzjoni biex jipprovdi serħan għad-dixxendenti taʼ Adam li setgħu jinfdew.—Rumani 8:20, 21a (8:20, NW).
M’għandniex xi ngħidu, dan ma jissuġġerix li s-Sovran taʼ l-univers għandu jittratta l-affarijiet kif jittrattawhom il-bnedmin. Il-bnedmin jirrikonoxxu li tistaʼ tinqalaʼ xi emerġenza, u jippjanaw diversi strateġiji dettaljati biex jittrattaw is-sitwazzjoni. Imma mhux Alla li jistaʼ kollox. Hu sempliċement jgħid x’inhu l-iskop tiegħu u jwettqu. Minkejja dan, Pawlu fil-fatt jispjega kif Jehovah iddeċieda li jsolvi l-kwistjoni sabiex iġib serħan għal dejjem lill-umanità. X’miżuri ħa?
Min Se Jġib Serħan?
Pawlu jispjega li d-dixxipli taʼ Kristu midlukin bl-ispirtu għandhom l-irwol speċjali li jsewwu l-ħsara kollha li ġiet kaġunata mid-dnub taʼ Adam. Jehovah “għażilna fih [fi Kristu],” jgħid Pawlu, biex naħkmu maʼ Ġesù fis-Saltna tiegħu fis-sema. Waqt li jkompli jispjega dan, Pawlu jgħid li Jehovah “[“ordnana,” “NW”] minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi permezz taʼ Ġesù Kristu.” (Efesin 1:4, 5) M’għandniex xi ngħidu, Jehovah m’għażilhomx, jew ordnahom minn qabel, bħala individwi. Iżda, fil-fatt Hu ordna minn qabel klassi taʼ nies leali u devoti li kien se jkollhom sehem maʼ Kristu f’li jsewwu l-ħsara li Satana x-Xitan, flimkien maʼ Adam u Eva, ġabu fuq il-familja umana.—Luqa 12:32; Lhud 2:14-18.
X’ħaġa taʼ l-għaġeb din! Fl-isfida li oriġinalment għamel kontra s-sovranità t’Alla, Satana implika li l-ħolqien uman li ħalaq Alla kien difettuż—li meta ssirilhom ħafna pressjoni jew jiġu ttantati, huma kollha kienu se jirribellaw kontra l-ħakma t’Alla. (Ġob 1:7-12; 2:2-5) F’turija drammatika “tal-glorja tal-[“qalb tajba mhix mistħoqqa,” “NW”] tiegħu,” Alla Jehovah maż-żmien wera l-fiduċja tiegħu fil-ħolqien tiegħu fuq l-art billi adotta lil xi wħud mill-familja midinba taʼ Adam biex isiru wliedu spiritwali. Dawk li jagħmlu parti minn dan il-grupp żgħir se jittieħdu biex jaqdu fis-sema. Għal liema skop?—Efesin 1:3-6; Ġwann 14:2, 3; 1 Tessalonikin 4:15-17; 1 Pietru 1:3, 4.
Dawn l-ulied adottivi t’Alla, jgħid l-appostlu Pawlu, isiru “werrieta maʼ Kristu” fis-Saltna tiegħu fis-sema. (Rumani 8:14-17) Bħala slaten u qassisin, huma se jieħdu sehem biex jeħilsu l-familja umana mill-uġigħ u t-tbatija li din qiegħda ġġarrab issa. (Apokalissi 5:10) Veru, “il-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas.” Imma dalwaqt, dawn l-ulied magħżulin b’mod speċjali minn Alla se jsegwu lil Ġesù Kristu meta jidħol fl-azzjoni, u l-bnedmin ubbidjenti kollha “għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla” mill-ġdid.—Rumani 8:18-22.
Ħelsien b’Fidwa
Dan kollu sar possibbli permezz taʼ l-iktar espressjoni drammatika u sublimi tal-qalb tajba mhix mistħoqqa li Alla wera lejn din id-dinja taʼ bnedmin li setgħu jinfdew—is-sagrifiċċju li Ġesù Kristu ħallas bħala prezz tal-fidwa. Pawlu jikteb: “Fih [f’Ġesù Kristu] aħna għandna l-[“ħelsien b’fidwa,” “NW”] bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet, skond l-għana [“tal-qalb tajba mhix mistħoqqa,” “NW”] tiegħu.”—Efesin 1:7.
Ġesù Kristu hu l-figura ewlenija fit-twettiq taʼ l-iskop t’Alla. (Lhud 2:10) Il-prezz li tħallas għall-fidwa, permezz tas-sagrifiċċju tiegħu, jipprovdi l-bażi legali biex Jehovah ikun jistaʼ jadotta fil-familja tiegħu fis-sema lil xi wħud mid-dixxendenti taʼ Adam u jeħles lill-umanità mill-konsegwenzi tad-dnub taʼ Adam, bla ma jġiegħel li titnaqqas il-fiduċja fil-liġijiet u l-prinċipji Tiegħu. (Mattew 20:28; 1 Timotju 2:6) Jehovah għamel l-affarijiet b’mod u manjiera li jżomm il-livelli tiegħu taʼ dak li hu ġust u sewwa u jissodisfa dak li titlob il-ġustizzja perfetta.—Rumani 3:22-26.
“Is-Sigriet Sagru” t’Alla
Għal eluf taʼ snin, Alla ma rrivelax eżattament kif kien se jwettaq l-iskop tiegħu għall-art. Fl-ewwel seklu E.K., lilna l-Kristjani “hu għarrafna [“is-sigriet sagru,” “NW”] tar-rieda tiegħu.” (Efesin 1:9) Pawlu u sħabu l-Kristjani li kienu midlukin fehmu ċar l-irwol meraviljuż li ngħata lil Ġesù Kristu fit-twettiq taʼ l-iskop t’Alla. Huma bdew japprezzaw ukoll l-irwol speċjali li kellhom huma bħala werrieta mseħbin maʼ Kristu fis-Saltna tiegħu fis-sema. (Efesin 3:5, 6, 8-11) Iva, il-gvern tas-Saltna f’idejn Ġesù Kristu u l-ħakkiema sħabu huwa l-aġenzija li Alla se juża biex iġib paċi dejjiema mhux biss fis-sema imma wkoll fuq l-art. (Mattew 6:9, 10) Permezz taʼ dan il-gvern, Jehovah se jerġaʼ jġib l-art fil-kundizzjoni li hu oriġinalment kellu l-iskop li tkun.—Isaija 45:18; 65:21-23; Atti 3:21.
Iż-żmien maħtur tiegħu biex jieħu azzjoni diretta ħalli jeħles lill-art mill-moħqrija u l-inġustizzji kollha jinsab fil-futur qarib. Imma Jehovah fil-fatt beda l-proċess taʼ tiġdid f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. Kif? Billi dakinhar beda jiġbor “kull ma hu fis-sema,” dawk li se jsaltnu maʼ Kristu fis-smewwiet. Dawn kienu jinkludu lill-Kristjani taʼ Efesu. (Efesin 2:4-7) Iktar reċenti, fi żmienna, Jehovah qed jiġbor “kull ma hu fl-art.” (Efesin 1:10) Permezz taʼ kampanja taʼ ppridkar madwar il-globu kollu, hu qed jgħarraf lill-ġnus kollha l-aħbar tajba dwar il-gvern tas-Saltna tiegħu f’idejn Ġesù Kristu. Dawk li jaċċettaw qed jiġu miġburin saħansitra issa f’post taʼ protezzjoni u fejqan spiritwali. (Ġwann 10:16) F’qasir żmien, fuq art imnaddfa u magħmula ġenna, huma se jesperjenzaw ħelsien totali minn kull inġustizzja u tbatija.—2 Pietru 3:13; Apokalissi 11:18.
Saru “bosta passi impressjonanti ’l quddiem” fl-isforzi umanitarji biex tingħata għajnuna lill-bnedmin maħqurin. (The State of the World’s Children 2000) Madankollu, l-iktar pass impressjonanti se jkun l-intervent imminenti taʼ Kristu Ġesù u l-ħakkiema sħabu fil-gvern tas-Saltna fis-sema. Huma se jsolvu għalkollox l-għeruq kollha li minnhom jiġi l-ġlied u l-ħażen kollu li jiġi fuqna. Huma se jtemmu l-problemi kollha taʼ l-umanità.—Apokalissi 21:1-4.
[Stampi f’paġna 4]
L-għajnuna umanitarja ma solvietx il-problemi tal-bniedem
[Stampa f’paġna 6]
Is-sagrifiċċju li Kristu ħallas bħala prezz tal-fidwa għall-bnedmin ipprovda ħelsien mid-dnub taʼ Adam
[Stampa f’paġna 7]
Nistgħu nsibu protezzjoni u fejqan spiritwali llum
[Stampi f’paġna 7]
Permezz tas-Saltna Messjanika, dalwaqt se niksbu serħan komplet mill-problemi