Kristu Jmexxi l-Kongregazzjoni Tiegħu
“Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”—MATTEW 28:20.
1, 2. (a) Meta Ġesù rxoxtat ikkmanda lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli, liema wegħda għamlilhom? (b) Ġesù kif mexxa b’mod attiv il-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu?
QABEL ma telaʼ s-sema, Ġesù Kristu, il-Mexxej irxoxtat tagħna, deher lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”—Mattew 23:10; 28:18-20.
2 Ġesù mhux biss inkariga lid-dixxipli tiegħu bix-xogħol vitali li jagħmlu iktar dixxipli imma wegħedhom ukoll li kien se jkun magħhom. L-istorja taʼ l-ewwel Kristjani, bħalma hi mniżżla fil-ktieb Bibliku taʼ l-Atti, mingħajr ebda dubju turi li Kristu uża l-awtorità li ngħatatlu biex imexxi l-kongregazzjoni li kienet għadha kemm ġiet ifformata. Lis-segwaċi tiegħu bagħtilhom l-għajnuna li kien wegħedhom—l-ispirtu qaddis—biex isaħħaħhom u jiggwida l-isforzi tagħhom. (Ġwann 16:7; Atti 2:4, 33; 13:2-4; 16:6-10) Ġesù rxoxtat uża wkoll l-anġli tiegħu biex jappoġġa lid-dixxipli tiegħu. (Atti 5:19; 8:26; 10:3-8, 22; 12:7-11; 27:23, 24; 1 Pietru 3:22) Iktar minn hekk, il-Mexxej tagħna pprovda direzzjoni lill-kongregazzjoni billi rranġa biex ikun hemm irġiel kwalifikati li jaqdu bħala ġemgħa li tiggverna.—Atti 1:20, 24-26; 6:1-6; 8:5, 14-17.
3. Liema mistoqsijiet se jiġu kunsidrati f’dan l-artiklu?
3 Iżda, xi ngħidu għaż-żmien tagħna, “l-aħħar taż-żmien”? Ġesù Kristu kif qed imexxi l-kongregazzjoni Kristjana llum? U kif nistgħu nuru li aħna naċċettaw din it-tmexxija?
Is-Sid Għandu Lsir Leali
4. (a) Min jifforma “l-ilsir leali u diskret”? (b) Is-Sid x’ħalla f’idejn l-ilsir tiegħu?
4 Meta kien qed jagħti l-profezija dwar is-sinjal tal-preżenza tiegħu, Ġesù qal: “Min tgħidu li hu [“l-ilsir leali u diskret,” NW]? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq niesu biex jagħtihom jieklu fil-ħin? Hieni dak [“l-ilsir,” NW] li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru. Tassew, ngħidilkom, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.” (Mattew 24:45-47) Is-“sid” huwa l-Mexxej tagħna, Ġesù Kristu, u dan ħatar lill-“ilsir leali u diskret”—il-ġemgħa taʼ Kristjani midlukin fuq l-art—biex jieħu ħsieb l-interessi tiegħu fuq l-art.
5, 6. (a) Fil-viżjoni li rċieva l-appostlu Ġwanni, x’jirrappreżentaw “is-sebaʼ kandelabri tad-deheb” u “s-sebaʼ kwiekeb”? (b) X’jindika l-fatt li “s-sebaʼ kwiekeb” qegħdin fl-id il-leminija taʼ Ġesù?
5 Il-ktieb Bibliku taʼ l-Apokalissi juri li l-ilsir leali u diskret qiegħed taħt il-kontroll dirett taʼ Ġesù Kristu. Fil-viżjoni dwar “jum il-Mulej,” l-appostlu Ġwanni ra “sebaʼ kandelabri tad-deheb, u f’nofs il-kandelabri kien hemm wieħed qisu Iben taʼ bniedem” li “f’idu l-leminija kellu sebaʼ kwiekeb.” Meta spjega l-viżjoni lil Ġwanni, Ġesù qal: “Dwar il-misteru moħbi fis-sebaʼ kwiekeb li rajtli f’idi l-leminija u fis-sebaʼ kandelabri tad-deheb, kun af li s-sebaʼ kwiekeb huma s-sebaʼ anġli tas-sebaʼ [“kongregazzjonijiet,” NW] u s-sebaʼ kandelabri huma s-sebaʼ [“kongregazzjonijiet,” NW].”—Apokalissi 1:1, 10-20.
6 “Is-sebaʼ kandelabri tad-deheb” jagħtu stampa tal-kongregazzjonijiet kollha tal-Kristjani veri “f’jum il-Mulej,” li beda fl-1914. Imma xi ngħidu għas-“sebaʼ kwiekeb”? Qabel xejn, dawn kienu jissimbolizzaw l-indokraturi kollha mnisslin u midlukin bl-ispirtu li kienu jieħdu ħsieb il-kongregazzjonijiet taʼ l-ewwel seklu.a L-indokraturi kienu fl-id il-leminija taʼ Ġesù—taħt il-kontroll u d-direzzjoni tiegħu. Iva, Kristu Ġesù mexxa l-klassi taʼ l-ilsir bħala grupp. Madankollu, issa l-indokraturi midlukin huma ftit fin-numru. It-tmexxija taʼ Kristu kif tistaʼ tilħaq lil iktar minn 93,000 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar il-globu?
7. (a) Ġesù kif juża l-Ġemgħa li Tiggverna biex imexxi l-kongregazzjonijiet madwar id-dinja? (b) Għala nistgħu ngħidu li l-indokraturi Kristjani jiġu maħturin mill-ispirtu qaddis?
7 L-istess bħalma ġara fl-ewwel seklu, illum għandna grupp żgħir taʼ rġiel kwalifikati minn fost l-indokraturi midlukin li jaqdu bħala l-Ġemgħa li Tiggverna. Din tirrappreżenta lill-klassi komposta taʼ l-ilsir leali u diskret. Il-Mexxej tagħna juża lil din il-Ġemgħa li Tiggverna biex taħtar irġiel kwalifikati—midlukin bl-ispirtu u m’humiex—bħala anzjani fil-kongregazzjonijiet lokali. F’dan ir-rigward, l-ispirtu qaddis, li Ġesù għandu l-awtorità minn Jehovah biex jużah kif irid, għandu parti importanti ħafna. (Atti 2:32, 33) L-ewwelnett, dawn l-indokraturi jridu jilħqu l-kwalifiki li hemm imniżżlin fil-Kelma t’Alla, li ġiet ispirata bl-ispirtu qaddis. (1 Timotju 3:1-7; Titu 1:5-9; 2 Pietru 1:20, 21) Imbagħad, ir-rakkomandazzjonijiet u l-ħatriet isiru bit-talb u taħt il-gwida taʼ l-ispirtu qaddis. Barra minn hekk, l-individwi li jiġu maħturin iridu jkunu qed juru biċ-ċar il-frott taʼ l-spirtu bl-għemejjel tagħhom. (Galatin 5:22, 23) Mela, il-parir taʼ Pawlu japplika bl-istess qawwa għall-anzjani kollha, sew jekk midlukin u sew jekk m’humiex: “Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa [“indokraturi,” NW] tagħha.” (Atti 20:28) Dawn l-irġiel maħturin jirċievu direzzjoni mill-Ġemgħa li Tiggverna u jirgħu l-kongregazzjoni minn qalbhom. Huwa b’dan il-mod li Kristu qiegħed magħna bħalissa u qed imexxi b’mod attiv il-kongregazzjoni.
8. Kristu kif juża l-anġli biex imexxi lis-segwaċi tiegħu?
8 Illum, Ġesù juża wkoll anġli letterali biex imexxi lis-segwaċi tiegħu. Skond it-tixbiha tal-qamħ u s-sikrana, iż-żmien tal-ħsad se jkun “fi tmiem id-dinja.” Lil min se juża s-Sid biex jagħmel ix-xogħol tal-ħsad? “Il-ħassada [huma] l-anġli,” qal Kristu. Hu kompla: “Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen.” (Mattew 13:37-41) Iktar minn hekk, sewwa sew bħalma kien hemm anġlu li dderieġa lil Filippu biex isib lill-ewnuku Etjopjan, illum hemm ħafna evidenza li turi li Kristu juża l-anġli tiegħu biex jidderieġi lill-Kristjani veri fix-xogħol tagħhom biex isibu wħud taʼ qalb onesta.—Atti 8:26, 27; Apokalissi 14:6.
9. (a) X’juża Kristu biex imexxi l-kongregazzjoni Kristjana llum? (b) Liema mistoqsija għandna nikkunsidraw jekk irridu nibbenefikaw mit-tmexxija taʼ Kristu?
9 Kemm jassigurana li nkunu nafu li Ġesù Kristu jipprovdi tmexxija lid-dixxipli tiegħu llum permezz tal-Ġemgħa li Tiggverna, l-ispirtu qaddis, u l-anġli! Anki jekk xi wħud mill-adoraturi taʼ Jehovah ikollhom jinqatgħu għal xi żmien mill-Ġemgħa li Tiggverna minħabba l-persekuzzjoni jew xi ħaġa oħra, Kristu xorta jistaʼ jipprovdi tmexxija permezz taʼ l-ispirtu qaddis u l-appoġġ anġeliku. Madankollu, l-uniku mod kif nistgħu nibbenefikaw mit-tmexxija tiegħu huwa billi naċċettawha. Kif nistgħu nuru li aħna veru naċċettaw it-tmexxija taʼ Kristu?
‘Oqogħdu Għalihom u Obduhom’
10. Kif nistgħu nuru rispett lejn l-anzjani maħturin fil-kongregazzjoni?
10 Il-Mexxej tagħna ta lill-kongregazzjonijiet għotjiet fi rġiel—“lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin.” (Efesin 4:8, 11, 12) L-għemejjel u l-attitudni tagħna lejhom jikxfu jekk aħna naċċettawx it-tmexxija taʼ Kristu jew le. Mela kemm huwa xieraq li ‘rroddu ħajr’ għal dawn l-irġiel kwalifikati spiritwalment li tana Kristu. (Kolossin 3:15) Huma jixirqilhom ukoll ir-rispett tagħna. “Il-presbiteri [“l-irġiel ixjeħ,” NW], li jmexxu sewwa, ikun jistħoqqilhom ġieħ għal darbtejn,” kiteb l-appostlu Pawlu. (1 Timotju 5:17) Kif nistgħu nuru l-gratitudni u r-rispett tagħna lejn l-irġiel ixjeħ—l-anzjani, jew l-indokraturi—fil-kongregazzjoni? Pawlu jwieġeb: “Oqogħdu għal dawk li jmexxukom, u obduhom.” (Lhud 13:17) Iva, aħna rridu nobduhom u nissottomettu ruħna lejhom, inċedu għalihom.
11. Ir-rispett lejn l-arranġament taʼ l-anzjani għala għandu x’jaqsam maʼ li ngħixu fi qbil mal-magħmudija tagħna?
11 Il-Mexxej tagħna hu perfett. Iżda l-irġiel li tana bħala għotjiet m’humiex. Għalhekk, kultant jistgħu jiżbaljaw. Madankollu, huwa vitali li nibqgħu leali lejn l-arranġament taʼ Kristu. Fil-fatt, li ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni u l-magħmudija tagħna jfisser li nirrikonoxxu li l-awtorità fil-kongregazzjoni li ġejja mill-ħatra taʼ l-ispirtu hija leġittima, kif ukoll inkunu lesti li nissottomettu ruħna għaliha. Il-magħmudija tagħna fl-isem taʼ l-ispirtu qaddis hija dikjarazzjoni pubblika li biha nuru li nafu x’inhu l-ispirtu qaddis u li nirrikonoxxu l-irwol li għandu fl-iskopijiet taʼ Jehovah. (Mattew 28:19) Din il-magħmudija timplika li aħna nikkooperaw maʼ l-ispirtu, u ma nagħmlu xejn li jistaʼ jtellef il-ħidma tiegħu fost is-segwaċi taʼ Kristu. Ladarba l-ispirtu qaddis għandu rwol vitali fir-rakkomandazzjoni u l-ħatra taʼ l-anzjani, nistgħu aħna ngħidu li qed inkunu verament leali lejn id-dedikazzjoni tagħna jekk ma nikkooperawx maʼ l-arranġament taʼ l-anzjani fil-kongregazzjoni?
12. Ġuda liema eżempji jsemmi dwar in-nuqqas taʼ rispett lejn l-awtorità, u dawn x’jgħallmuna?
12 L-Iskrittura fiha eżempji li jgħallmuna l-valur taʼ l-ubbidjenza u s-sottomissjoni. Meta kien qed jirreferi għal dawk li kienu jitkellmu b’mod abbużiv dwar l-irġiel maħtura fil-kongregazzjoni, id-dixxiplu Ġuda ġibed l-attenzjoni lejn tliet eżempji taʼ twissija. Hu qal: “Ħażin għalihom! Qabdu triq Kajjin; għal daqsxejn taʼ ħlas intelqu fl-iżball taʼ Balgħam, u nqerdu bit-tixwix taʼ Koraħ.” (Ġuda 11) Kajjin injora l-parir kollu mħabba li tah Jehovah u minn rajh qabad triq taʼ mibegħda qattiela. (Ġenesi 4:4-8) Minkejja li rċieva twissijiet divini għal darba wara l-oħra, Balgħam ipprova jisħet lin-nies t’Alla għall-flus. (Numri 22:5-28, 32-34; Dewteronomju 23:6 [23:5, NW]) Koraħ kellu pożizzjoni taʼ responsabbiltà f’Iżrael, imma ma kienx kuntent. Hu xewwex lin-nies kontra Mosè, il-qaddej t’Alla, l-iktar raġel umli fuq l-art. (Numri 12:3; 16:1-3, 32, 33) Kemm Kajjin, Balgħam, kif ukoll Koraħ ġie fuqhom inkwiet kbir. X’tagħlima ħajja għandna f’dawn l-eżempji biex nisimgħu mill-pariri taʼ dawk li Jehovah juża f’pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà u nirrispettawhom!
13. Liema barkiet bassar il-profeta Isaija għal dawk li jissottomettu ruħhom għall-arranġament taʼ l-anzjani?
13 Min ma jixtieqx jibbenefika mill-arranġament grandjuż taʼ tmexxija li stabbilixxa l-Mexxej tagħna fil-kongregazzjoni Kristjana? Il-profeta Isaija bassar il-barkiet li kellha ġġib din it-tmexxija meta qal: “Araw, sultan għad isaltan bil-ġustizzja, u prinċpijiet jaħkmu bis-sewwa. U kull wieħed ikun bħal ilqugħ għar-riħ, u kenn fit-tempesta, bħal swieqi taʼ l-ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.” (Isaija 32:1, 2) Kull wieħed mill-anzjani għandu joffri protezzjoni u sigurtà. Anki jekk insibuha diffiċli li nissottomettu ruħna għall-awtorità, ejja nitolbu u naħdmu biex inkunu ubbidjenti u sottomessi lejn l-awtorità li Alla stabbilixxa fil-kongregazzjoni.
Kif l-Anzjani Joqogħdu għat-Tmexxija taʼ Kristu
14, 15. Dawk li qed imexxu fil-kongregazzjoni kif juru li jissottomettu ruħhom għat-tmexxija taʼ Kristu?
14 Kull Kristjan—speċjalment l-anzjani— għandu jimxi fi qbil mat-tmexxija taʼ Kristu. L-indokraturi, jew l-anzjani, għandhom ċerta awtorità fil-kongregazzjoni. Imma huma ma jfittxux li jkollhom “xi setgħa fuq il-fidi” taʼ sħabhom fil-kongregazzjoni billi jipprovaw jikkontrollawlhom ħajjithom. (2 Korintin 1:24, KŻ) L-anzjani jagħtu kas il-kliem taʼ Ġesù: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk.” (Mattew 20:25-27) Filwaqt li l-anzjani jwettqu r-responsabbiltà tagħhom, huma sinċerament jipprovaw jaqdu lil oħrajn.
15 Il-Kristjani huma mħeġġin: “Ftakru f’dawk li jmexxukom, . . . [“u hekk kif tikkontemplaw dwar x’jirriżulta mill-kondotta tagħhom,” NW], imxu fuq l-eżempju tal-fidi tagħhom.” (Lhud 13:7) Il-fatt li l-anzjani qed imexxu m’huwiex ir-raġuni għala l-Kristjani huma mħeġġin biex jimitawhom. Ġesù qal: “Il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.” (Mattew 23:10) Dak li rridu nimitaw huwa l-fidi taʼ l-anzjani għaliex huma qed jimitaw lill-Mexxej veru tagħna, Kristu. (1 Korintin 11:1) Ikkunsidra xi modi kif l-anzjani jistinkaw biex ikunu bħal Kristu fir-relazzjoni tagħhom m’oħrajn fil-kongregazzjoni.
16. Minkejja l-awtorità li kellu, Ġesù kif kien jittrattahom lis-segwaċi tiegħu?
16 Avolja Ġesù kien aħjar f’kollox mill-bnedmin imperfetti ħadd ma kellu awtorità daqs dik li tah Missieru, hu kien juri l-modestja meta kien jittratta mad-dixxipli tiegħu. Qatt ma kien jiffanfra u juri kemm jaf biex iġiegħel lis-semmiegħa tiegħu iħossuhom ma jiswew għalxejn. Ġesù kien iħoss għas-segwaċi tiegħu u jagħdirhom, u kien jagħti kas tal-bżonnijiet tagħhom bħala bnedmin. (Mattew 15:32; 26:40, 41; Mark 6:31) Hu qatt ma stenna żżejjed mid-dixxipli tiegħu, u qatt m’għabbiehom iktar milli kienu jifilħu. (Ġwann 16:12) Ġesù kien “taʼ qalb ħelwa u umli.” Għalhekk, m’hijiex ħaġa taʼ l-iskantament li ħafna kienu jsibu serħan meta jmorru għandu.—Mattew 11:28-30.
17. L-anzjani kif għandhom jimitaw lil Kristu u juru l-modestja fir-relazzjoni tagħhom m’oħrajn fil-kongregazzjoni?
17 Jekk Kristu l-Mexxej wera l-modestja, kemm għandhom iktar jagħmlu hekk dawk li qed imexxu fil-kongregazzjoni! Iva, huma joqogħdu attenti li kwalunkwe awtorità li tingħatalhom ma jużawhiex ħażin. U huma ma jipprovawx jimpressjonaw lil oħrajn “bi kliem kbir jew għaref.” (1 Korintin 2:1, 2) Minflok, huma jagħmlu l-almu tagħhom biex jitkellmu dwar il-verità Skritturali bi kliem sempliċi u sinċier. Iktar minn hekk, l-anzjani jistinkaw biex ikunu raġunevoli f’dak li jistennew minn oħrajn u jagħtu kas tal-bżonnijiet tagħhom. (Filippin 4:5) Meta jiġu biex jittrattaw maʼ ħuthom, huma b’imħabba jżommu f’moħħhom li kulħadd għandu l-limitazzjonijiet tiegħu. (1 Pietru 4:8) U m’huwiex minnu li l-anzjani li huma umlin u taʼ qalb ħelwa jgħinu lil oħrajn isibu serħan? Iva, tabilħaqq.
18. L-anzjani x’jistgħu jitgħallmu mill-mod kif Ġesù ttratta mat-tfal?
18 Ġesù kien bniedem li kulħadd setaʼ jmur għandu u jkellmu, anki ż-żgħar. Ikkunsidra dak li qal lid-dixxipli tiegħu meta dawn ċanfru lin-nies għax “ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin.” Hu qal: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx.” Imbagħad “ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.” (Mark 10:13-16) Ġesù kien mimli mħabba u kellu qalbu tajba, u n-nies kienu jinġibdu lejh. Ma kinux jibżgħu minnu. Saħansitra t-tfal kienu jħossuhom komdi miegħu. L-anzjani wkoll faċli tavviċinahom, u hekk kif juru affezzjoni u qalb tajba, oħrajn—saħansitra t-tfal—iħossuhom komdi magħhom.
19. X’inhu involut f’li jkollok ‘il-moħħ taʼ Kristu,’ u dan liema sforz jeħtieġ?
19 Kemm l-anzjani jistgħu jimitaw lil Kristu Ġesù jiddependi minn kemm ikunu jafuh sew. “Min hu dak li jistaʼ jifhem il-ħsieb tal-Mulej biex ikun jistaʼ jgħallmu?” staqsa Pawlu. Imbagħad hu kompla: “Imma aħna, aħna għandna fina l-ħsieb [“il-moħħ,” NW] taʼ Kristu.” (1 Korintin 2:16) Li jkollna fina “l-moħħ” taʼ Kristu jinvolvi li nkunu nafu l-mod kif jaħsibha u l-aspetti kollha tal-personalità tiegħu sabiex b’hekk inkunu nafu kif kien jaġixxi f’ċerta sitwazzjoni partikulari. Immaġinak issir tafu daqshekk lill-Mexxej tagħna! Iva, biex nagħmlu dan jeħtieġ li nagħtu attenzjoni bir-reqqa għar-rakkonti taʼ l-Evanġelju u nimlew moħħna regolarment bil-fehma dwar il-ħajja u leżempju taʼ Ġesù. Meta l-anzjani jagħmlu sforz biex jimxu wara t-tmexxija taʼ Kristu sa dan il-punt, dawk fil-kongregazzjoni jkunu iktar inklinati li jimitaw il-fidi tagħhom. U l-anzjani infushom ikollhom is-sodisfazzjon li jaraw lil oħrajn jimxu ferħanin fil-passi tal-Mexxej.
Ibqaʼ taħt it-Tmexxija taʼ Kristu
20, 21. Hekk kif inħarsu ’l quddiem għad-dinja l-ġdida mwiegħda, x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
20 Huwa vitali li lkoll kemm aħna nibqgħu nissottomettu ruħna għat-tmexxija taʼ Kristu. Hekk kif noqorbu lejn it-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet, is-sitwazzjoni tagħna tixbah lil dik taʼ l-Iżraelin fuq il-Pjanuri taʼ Mowab fis-sena 1473 Q.E.K. Huma kienu fuq l-għatba taʼ l-Art Imwiegħda, u permezz tal-profeta Mosè, Alla ddikjara: “Int [Ġożwè] iddaħħal lil dan il-poplu fl-art li l-Mulej ħalef lil missirijiethom li jagħtihielhom.” (Dewteronomju 31:7, 8) Ġożwè kien il-mexxej maħtur. Sabiex jidħlu fl-Art Imwiegħda, l-Iżraelin kellhom joqogħdu għat-tmexxija taʼ Ġożwè.
21 Il-Bibbja tgħidilna: “Il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.” Kristu biss se jdaħħalna fid-dinja l-ġdida mwiegħda fejn se tgħammar it-tjieba. (2 Pietru 3:13) Għalhekk, ejja nkunu determinati biex nissottomettu ruħna għat-tmexxija tiegħu f’kull aspett taʼ ħajjitna.
[Nota taʼ taħt]
a Hawnhekk il-“kwiekeb” ma jissimbolizzawx l-anġli letterali. Żgur li Ġesù ma kienx se juża xi bniedem biex iniżżel bil-miktub xi informazzjoni għall-benefiċċju tal-ħlejjaq spirti inviżibbli. Għalhekk, il-“kwiekeb” bilfors li jirrappreżentaw l-indokraturi umani, jew l-anzjani, fil-kongregazzjonijiet, li Ġesù jħares lejhom bħala l-messaġġiera tiegħu. Il-fatt li huma sebgħa fin-numru jfisser li huma meqjusin sħaħ skond il-livelli t’Alla.
X’Tiftakar?
• Kristu kif kien imexxi l-kongregazzjoni fl-ewwel seklu?
• Kristu kif imexxi l-kongregazzjoni tiegħu llum?
• Għala għandna nkunu sottomessi għal dawk li qed imexxu fil-kongregazzjoni?
• L-anzjani b’liema modi jistgħu juru li Kristu hu l-Mexxej tagħhom?
[Stampa f’paġna 15]
Kristu jmexxi l-kongregazzjoni tiegħu u jżomm lill-indokraturi f’idu l-leminija
[Stampi f’paġna 16]
“Oqogħdu għal dawk li jmexxukom, u obduhom”
[Stampa f’paġna 18]
Ġesù kien mimli mħabba u stajt tkellmu faċilment. L-anzjani Kristjani jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu bħalu