Nikkumbattu l-Qabda Soda tad-Dnub Fuq il-Laħam Midneb u Imperfett
“Li tkun ħsiebek fil-laħam ifisser mewt, imma li tkun ħsiebek fl-ispirtu jfisser ħajja u paċi.”—RUMANI 8:6.
1. Għal liema skop kienu maħluqin il-bnedmin?
“ALLA ssokta joħloq lir-raġel fix-xbiha tiegħu, fix-xbiha t’Alla ħalqu; maskil u femminil ħalaqhom.” (Ġenesi 1:27) Xbiha hi riflessjoni taʼ oġġett jew sors. B’hekk, il-bnedmin kienu maħluqin biex ikunu riflessjoni tal-glorja t’Alla. Billi juru kwalitajiet divini—bħalma huma l-imħabba, it-tjubija, il-ġustizzja, u l-ispiritwalità—f’dak kollu li jipprovaw jagħmlu, huma jġibu tifħir u unur lill-Ħallieq, kif ukoll kuntentizza u sodisfazzjon lilhom infushom.—1 Korintin 11:7; 1 Pietru 2:12.
2. L-ewwel koppja umana kif ma laħqux il-marka?
2 L-ewwel koppja umana, maħluqin fil-perfezzjoni, kienu mgħammrin tajjeb għal dan l-irwol. Bħal mirja llostrati u jleqqu ħafna, huma kienu kapaċi jirriflettu l-glorja t’Alla b’dija u fedeltà. Madankollu, ħallew dik id-dija tiġi mtappna meta apposta għażlu li ma jobdux lill-Ħallieq u Alla tagħhom. (Ġenesi 3:6) Wara dan, ma setgħux iżjed jirriflettu l-glorja t’Alla b’mod perfett. Ġew neqsin mill-glorja t’Alla, billi tilfu l-iskop li għalih kienu ġew maħluqin fix-xbiha t’Alla. Fi kliem ieħor, dinbu.a
3. X’inhi n-natura vera tad-dnub?
3 Dan jgħinna nifhmu n-natura vera tad-dnub, li jtebbaʼ r-riflessjoni tal-bniedem tax-xebh u l-glorja t’Alla. Id-dnub jagħmel lill-bniedem mhux qaddis, jiġifieri, mhux nadif u mtappan f’sens spiritwali u morali. Il-bnedmin kollha, billi huma dixxendenti taʼ Adam u Eva, jitwieldu f’dak l-istat mtappan u mhux nadif, billi jonqsu li jwettqu dak li Alla jistenna minnhom bħala wliedu. U r-riżultat? Il-Bibbja tispjega: “Sewwa sew bħalma permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja u l-mewt permezz tad-dnub, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għaliex kollha kienu dinbu.”—Rumani 5:12; qabbel Isaija 64:6.
Il-Qabda Soda Tad-Dnub Fuq Il-Laħam Midneb u Imperfett
4-6. (a) Il-biċċa l-kbira tan-nies kif iħarsu lejn id-dnub illum? (b) X’inhu r-riżultat taʼ l-opinjonijiet moderni dwar id-dnub?
4 Il-biċċa l-kbira tan-nies illum ma jaħsbux dwarhom infushom bħala li huma mhux indaf, imtappnin, jew midinbin. Fil-fatt, id-dnub, bħala kelma, kważi sparixxa mill-vokabularju tal-biċċa l-kbira tan-nies. Huma forsi jitkellmu dwar żbalji, indiskrezzjonijiet, u kalkoli ħżiena. Imma d-dnub? Bil-kemm! Saħansitra għal dawk li għadhom isostnu li jemmnu f’Alla, “it-tagħlim tiegħu fforma sett taʼ twemmin morali minflok kodiċi moralistiku, l-‘10 suġġerimenti’ minflok l-10 kmandamenti,” josserva Alan Wolfe, professur tas-soċjoloġija.
5 X’inhu r-riżultat taʼ dan il-mod taʼ ħsieb? Iċ-ċaħda taʼ, jew għall-inqas l-injorar taʼ, ir-realtà tad-dnub. Dan ipproduċa ġenerazzjoni taʼ nies b’sens tat-tajjeb u l-ħażin mgħawweġ għall-aħħar, li jħossuhom ħelsin li jistabbilixxu l-livelli taʼ mġieba tagħhom stess u ma jħossuhom responsabbli lejn ħadd għal dak li jagħżlu li jagħmlu. Għal nies bħal dawn, li jħossuhom tajjeb hu l-uniku kriterju f’li jiġġudikaw jekk korsa taʼ azzjoni hix xierqa jew le.—Proverbji 30:12, 13; qabbel Dewteronomju 32:5, 20.
6 Per eżempju, fi programm taʼ diskussjoni fuq it-televiżjoni, żgħażagħ ġew mistednin jesprimu l-veduti tagħhom fuq l-hekk imsejħin sebaʼ dnubiet mejta.b “Il-kburija mhix dnub,” iddikjara wieħed li pparteċipa. “Int suppost li tħossok tajjeb dwarek innifsek.” Rigward l-għażż, oħra qalet: “Huwa tajjeb li tkun hekk kultant. . . . Xi drabi huwa tajjeb li tirrilassa u tagħti lilek innifsek ħin persunali.” Saħansitra n-narratur ipprovda dan il-kumment konċiż: ‘Is-sebaʼ dnubiet mejta m’humiex atti mill-agħar imma, minflok, impulsi umani universali li jistgħu jkunu rritanti u pjaċevoli ħafna.’ Iva, flimkien mad-dnub telaq ukoll is-sentiment taʼ ħtija, għax, wara kollox, il-ħtija hi eżattament l-oppost taʼ li tħossok tajjeb.—Efesin 4:17-19.
7. Skond il-Bibbja, il-bnedmin kif inhuma effettwati mid-dnub?
7 F’kuntrast qawwi maʼ dan kollu, il-Bibbja tistqarr b’mod ċar: “Kollha dinbu u ma jilħqux il-glorja t’Alla.” (Rumani 3:23) Saħansitra l-appostlu Pawlu rrikonoxxa: “Naf li fija, jiġifieri, fil-laħam tiegħi, ma jgħammar xejn tajjeb; għax abbiltà biex nixtieq hi preżenti miegħi, imma abbiltà biex inwettaq dak li hu mill-aħjar mhix preżenti. Għax it-tajjeb li nixtieq ma nagħmlux, imma l-ħażin li ma nixtieqx hu dak li nipprattika.” (Rumani 7:18, 19) Pawlu ma kienx hawn qiegħed jitħassar lilu nnifsu. Minflok, għaliex hu rrealizza bis-sħiħ kemm l-umanità kienet tinsab ’il bogħod milli tilħaq il-glorja t’Alla, hu kien bil-wisq iżjed konxju tal-qabda soda tad-dnub fuq il-laħam midneb u imperfett. “Bniedem miżerabbli li jien!” iddikjara, “min se jeħlisni mill-ġisem li qiegħed iġarrab din il-mewt?”—Rumani 7:24.
8. X’mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna? Għala?
8 X’inhi l-veduta tiegħek dwar din il-kwistjoni? Int tistaʼ tirrikonoxxi li bħala dixxendent taʼ Adam, int, bħal kull bniedem ieħor, imperfett. Imma dak l-għarfien kif jeffettwa l-ħsieb tiegħek u l-mod taʼ ħajja tiegħek? Taċċettah int bħala realtà tal-ħajja u sempliċement timxi fuq l-inklinazzjoni naturali tiegħek? Jew tagħmel sforz kontinwu biex tikkumbatti l-qabda soda tad-dnub fuq il-laħam midneb u imperfett, billi tistinka biex tirrifletti b’mod qawwi kemm jistaʼ jkun il-glorja t’Alla f’dak kollu li tagħmel? Dan għandu jkun taʼ tħassib serju għal kull wieħed minna minħabba dak li qal Pawlu: “Dawk li huma fi qbil mal-laħam jixħtu l-imħuħ tagħhom fuq l-affarijiet tal-laħam, imma dawk fi qbil maʼ l-ispirtu fuq l-affarijiet taʼ l-ispirtu. Għax li tkun ħsiebek fil-laħam ifisser mewt, imma li tkun ħsiebek fl-ispirtu jfisser ħajja u paċi.”—Rumani 8:5, 6.
Li Tkun Ħsiebek Fil-Laħam
9. Għala hu illi “li tkun ħsiebek fil-laħam ifisser mewt”?
9 Pawlu x’ried ifisser meta qal illi “li tkun ħsiebek fil-laħam ifisser mewt”? It-terminu “laħam” taʼ spiss hu wżat fil-Bibbja biex jissinjifika l-bniedem fl-istat imperfett tiegħu, ‘ikkonċeput fid-dnub’ bħala dixxendent taʼ Adam ir-ribelluż. (Salm 51:5; Ġob 14:4) B’hekk, Pawlu kien qiegħed jammonixxi lill-Kristjani biex ma jixħtux imħuħhom fuq it-tendenzi, l-impulsi, u x-xewqat tal-laħam midneb u imperfett. U għala le? F’post ieħor Pawlu qalilna x’inhuma x-xogħlijiet tal-laħam u mbagħad żied it-twissija: “Dawk li jipprattikaw affarijiet bħal dawn m’humiex se jirtu s-saltna t’Alla.”—Galatin 5:19-21.
10. X’ifisser “li tkun ħsiebek fi”?
10 Imma m’hemmx differenza kbira bejn li tkun ħsiebek f’xi ħaġa u li tipprattikaha? Veru, li taħseb dwar xi ħaġa mhux dejjem iwassal għal li tagħmilha. Madankollu, li tkun ħsiebek fi huwa iktar milli sempliċement ikollok ħsieb ħafif. Il-kelma wżata minn Pawlu hi phroʹne·ma bil-Grieg, u tissinjifika “mod taʼ ħsieb, moħħ(-mixħut), . . . mira, aspirazzjoni, stinkar.” Għalhekk, “li tkun ħsiebek fil-laħam” ifisser li tkun ikkontrollat, ippussessat, iddominat, u misjuq mix-xewqat tal-laħam midneb u imperfett.—1 Ġwann 2:16.
11. Kajjin kif kien qed ikun ħsiebu fil-laħam, u x’kien ir-riżultat?
11 Il-punt jingħata stampa tajba tiegħu bil-korsa li segwa Kajjin. Meta l-ġelożija u r-rabja telgħu f’qalb Kajjin, Alla Jehovah wissieh: “Għala int sħun bir-rabja u għala qarrast l-espressjoni taʼ wiċċek? Jekk iddur biex tagħmel it-tajjeb, mhux se jkun hemm eżaltar? Imma jekk ma ddurx biex tagħmel it-tajjeb, hemm id-dnub lest għalik fid-daħla, u għalik hi x-xenqa tiegħu; u sejjer int, min-naħa tiegħek, trażżnu?” (Ġenesi 4:6, 7) Kien hemm għażla quddiem Kajjin. Kien se ‘jdur biex jagħmel it-tajjeb,’ jiġifieri, jitfaʼ moħħu, il-mira, u l-aspirazzjoni tiegħu fuq xi ħaġa tajba? Jew kien se jibqaʼ ħsiebu fil-laħam u jiffoka moħħu fuq it-tendenzi ħżiena li kienu jittlajjaw ġo qalbu? Kif spjega Jehovah, id-dnub kien ‘lest għalih fid-daħla,’ lest biex jaqbeż fuq u jiblaʼ lil Kajjin jekk kien se jħallih. Minflok ma kkumbatta u ‘rażżan’ ix-xewqa tiegħu tal-laħam, Kajjin ħallieha tiddominah—lejn tmiem diżastruż.
12. X’għandna nagħmlu sabiex ma mmorrux “fil-passaġġ taʼ Kajjin”?
12 Xi ngħidu għalina llum? Ċertament aħna ma rridux immorru “fil-passaġġ taʼ Kajjin,” kif tniehed Ġuda rigward ċerti wħud fost il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. (Ġuda 11) M’għandna qatt niġġustifikaw lilna nfusna u naħsbu li ftit gratifikazzjoni tax-xewqat tagħna jew libertà meħuda ’l hawn u ’l hemm mhix taʼ ħsara. Għall-kuntrarju, għandna noqogħdu attenti biex nidentifikaw kwalunkwe influwenza bla tjieba u li tikkorrompi li forsi daħlet ġewwa qalbna u moħħna u malajr inneħħuha qabel ma trabbi l-għeruq. Li nikkumbattu l-qabda soda tad-dnub fuq il-laħam midneb u imperfett jibda minn ġewwa.—Mark 7:21.
13. Wieħed kif jistaʼ jiġi “[i]mħajjar mix-xewqa tiegħu stess”?
13 Per eżempju, int forsi tilmaħ xi xena li taħsdek jew li tkexkxek jew xi immaġni suġġestiva jew erotika. Tistaʼ tkun stampa fi ktieb jew rivista, xena f’xi film jew fuq it-televiżjoni, riklam fuq xi kartellun, jew saħansitra f’xi sitwazzjoni fil-ħajja vera. Dak fih innifsu m’għandux għalfejn ikun allarmanti, ladarba jistaʼ—u ġieli—jiġri. Madankollu, din l-immaġni jew xena, għalkemm forsi damet biss ftit sekondi, tistaʼ titlajja fil-moħħ u terġaʼ titfaċċa minn żmien għal żmien. X’tagħmel int meta jiġri dak? Tieħu int azzjoni immedjatament biex tikkumbatti dak il-ħsieb u toħorġu minn ġo moħħok? Jew tħallih jibqaʼ ġo moħħok, forsi billi tgħix mill-ġdid dik l-esperjenza kull darba li jittfaċċa dak il-ħsieb? F’li tagħmel dan taʼ l-aħħar tkun qed tissogra li tibda l-katina taʼ ġrajjiet deskritta minn Ġakbu: “Kull wieħed hu pprovat billi jkun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess. Imbagħad ix-xewqa, meta tkun saret fertili, twelled id-dnub; imbagħad, id-dnub, meta jkun ġie mwettaq, iġib il-mewt.” Kien għalhekk li Pawlu qal: “Li tkun ħsiebek fil-laħam ifisser mewt.”—Ġakbu 1:14, 15; Rumani 8:6.
14. Maʼ xiex irridu nħabbtu wiċċna kuljum, u kif għandna nirreaġixxu?
14 Billi ngħixu kif qegħdin aħna f’dinja fejn l-immoralità sesswali, il-vjolenza, u l-materjaliżmu huma gglorifikati—billi jingħataw prominenza bil-miftuħ u liberalment f’kotba, rivisti, films, programmi televiżivi, u mużika popolari—aħna litteralment ibbombardjati minn ħsibijiet u ideat żbaljati kuljum. X’inhi r-reazzjoni tiegħek? Tħossok int li tieħu pjaċir u tiddeverti b’dan kollu? Jew tħossok kif ħassu t-twajjeb Lot, “li kien imnikket ferm bis-sehem tan-nies li jisfidaw il-liġi . . . jitturmenta lir-ruħ twajba tiegħu minħabba l-għemejjel taʼ bla liġi tagħhom”? (2 Pietru 2:7, 8) Biex nirnexxu f’li nikkumbattu l-qabda soda tad-dnub fuq il-laħam midneb u imperfett, għandna bżonn inkunu deċiżi li nagħmlu bħas-salmista: “Jien mhux se nqiegħed quddiem għajnejja kwalunkwe ħaġa li ma hi tajba għalxejn. L-għemil taʼ dawk li jaqgħu lil hinn jien bgħadt; ma jeħilx miegħi.”—Salm 101:3.
Li Tkun Ħsiebek Fl-Ispirtu
15. Liema għajnuna għandna biex nikkumbattu l-qabda soda tad-dnub fuqna?
15 Xi ħaġa li tistaʼ tgħinna biex nikkumbattu l-qabda soda tad-dnub fuq il-laħam midneb u imperfett hi dak li Pawlu ssokta jgħid: “Li tkun ħsiebek fl-ispirtu jfisser ħajja u paċi.” (Rumani 8:6) B’hekk, minflok ma nkunu ddominati mil-laħam, aħna rridu nħallu lil moħħna jiġi taħt l-influwenza taʼ l-ispirtu u nikbru b’saħħitna bl-affarijiet taʼ l-ispirtu. Dawn x’inhuma? F’Filippin 4:8, Pawlu jagħmel lista tagħhom: “Fl-aħħarnett, ħuti, l-affarijiet kollha li huma veri, l-affarijiet kollha li huma taʼ tħassib serju, l-affarijiet kollha li huma taʼ tjieba, l-affarijiet kollha li huma kasti, l-affarijiet kollha li huma taʼ min iħobbhom, l-affarijiet kollha li jitkellmu tajjeb dwarhom, il-virtujiet kollha li hemm u l-affarijiet kollha li jistħoqqilhom tifħir li hemm, ibqgħu ikkunsidraw dawn l-affarijiet.” Ejjew nagħtu ħarsa iktar mill-qrib u nifhmu aħjar dak li għandna nkomplu nikkunsidraw.
16. Pawlu inkuraġġiena biex ‘nibqgħu nikkunsidraw’ liema kwalitajiet, u x’tinvolvi kull waħda minnhom?
16 L-ewwelnett, Pawlu għamel lista taʼ tmien kwalitajiet morali. Aħna, m’għandniex xi ngħidu, nirrealizzaw li l-Kristjani m’humiex restritti biex jaħsbu biss fuq affarijiet Skritturali jew duttrinali l-ħin kollu. Hemm varjetà kbira taʼ suġġetti jew topiċi li fuqhom nistgħu nitfgħu l-imħuħ tagħna. Imma l-importanti hu li dawn iridu jilħqu l-livelli tal-kwalitajiet morali speċifikati minn Pawlu. Kull kategorija taʼ “affarijiet” ċitati minn Pawlu jixirqilha l-attenzjoni tagħna. Ejjew nikkunsidrawhom waħda waħda.
◻ “Veri” jinvolvi iżjed minn sempliċement li ħaġa tkun vera jew falza. Ifisser li tkun onesta, retta, u taʼ min jafdaha, xi ħaġa li hi reali, mhux sempliċement tagħti d-dehra li tkun hekk.—1 Timotew 6:20.
◻ “Taʼ tħassib serju” jirreferi għal affarijiet li huma dinjitużi u taʼ rispett. Iqanqal sens taʼ reverenza, xi ħaġa li hi għolja, nobbli, u onorabbli minflok vulgari u baxxa.
◻ “Taʼ tjieba” jfisser li tilħaq il-livelli t’Alla, mhux tal-bniedem. Nies tad-dinja jokkupaw imħuħhom bi skemi taʼ mingħajr tjieba, imma aħna għandna naħsbu fuq u nsibu għaxqa f’affarijiet li huma taʼ tjieba fil-ħarsa t’Alla.—Qabbel Salm 26:4; Amos 8:4-6.
◻ “Kasti” jfisser pur u qaddis mhux biss fil-kondotta (sesswali jew mod ieħor) imma wkoll fil-ħsieb u fil-mottiv. “L-għerf minn fuq huwa l-ewwelnett kast,” jgħid Ġakbu. Ġesù, li hu “pur,” hu l-Eżempju perfett għalina biex nikkunsidrawh.—Ġakbu 3:17; 1 Ġwann 3:3.
◻ “Taʼ min iħobbhom” hu dak li jqanqal u jispira mħabba f’oħrajn. Aħna għandna “nqisu lil xulxin biex inqanqlu għall-imħabba u xogħlijiet mill-aħjar,” minflok maʼ npoġġu l-imħuħ tagħna fuq affarijiet li jistimulaw mibgħeda, imrar, u ġlied.—Ebrej 10:24.
◻ “Li jitkellmu tajjeb dwarhom” ifisser mhux biss li tkun “reputabbli” jew “taʼ rapport tajjeb” imma wkoll, fis-sens attiv, li tkun tibni u tinkuraġġixxi. Aħna nitfgħu mħuħna fuq affarijiet li huma bnini u edifikanti minflok fuq dawk li jbaxxu u offensivi.—Efesin 4:29.
◻ ‘Virtù’ bażikament tfisser “tjubija” jew “eċċellenza morali,” imma tistaʼ tfisser eċċellenza taʼ kwalunkwe xorta. B’hekk, aħna nistgħu napprezzaw il-kwalitajiet, il-merti, u l-kisbiet taʼ valur taʼ oħrajn fi qbil mal-livell t’Alla.
◻ “Li jistħoqqilhom tifħir” [l-affarijiet] huma verament hekk jekk it-tifħir jiġi mingħand Alla jew minn awtorità rikonoxxuta b’mod xieraq minnu.—1 Korintin 4:5; 1 Pietru 2:14.
Wegħda Taʼ Ħajja u Paċi
17. X’barkiet jirriżultaw minn “li tkun ħsiebek fl-ispirtu”?
17 Meta nsegwu t-twissija taʼ Pawlu u ‘nibqgħu nikkunsidraw dawn l-affarijiet,’ se jirnexxielna f’li ‘nkunu ħsiebna fl-ispirtu.’ Ir-riżultat m’huwiex biss il-barka tal-ħajja, jiġifieri, ħajja taʼ dejjem fid-dinja ġdida mwegħda, imma wkoll paċi. (Rumani 8:6) Għala? Għaliex imħuħna huma protetti mill-influwenza mill-agħar taʼ affarijiet tal-laħam, u m’aħniex iżjed effettwati bil-kbir mit-taqbida agonizzanti bejn il-laħam u l-ispirtu kif deskritta minn Pawlu. Billi nirreżistu l-influwenza tal-laħam, aħna niksbu wkoll paċi m’Alla “għaliex li tkun ħsiebek fil-laħam ifisser għadwa m’Alla.”—Rumani 7:21-24; 8:7.
18. Satana liema battalja qiegħed jiġġieled, u kif nistgħu nkunu vittorjużi?
18 Satana u l-aġenti tiegħu qegħdin jagħmlu dak kollu li jistgħu biex itappnu r-riflessjoni tagħna tal-glorja t’Alla. Huma jipprovaw jiksbu kontroll fuq imħuħna billi jibbombardjawhom b’xewqat tal-laħam, billi jafu li dan eventwalment iwassal għal għadwa m’Alla u għall-mewt. Imma nistgħu noħorġu rebbiħin f’din il-battalja. Bħal Pawlu, aħna wkoll nistgħu nipproklamaw: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu l-Mulej tagħna” talli pprovdielna l-mezzi biex nikkumbattu l-qabda soda tad-dnub fuq il-laħam midneb u imperfett.—Rumani 7:25. (w94 6/15)
[Noti taʼ taħt]
a Il-Bibbja ġeneralment tuża l-verb Ebrajk cha·taʼʹ u l-verb Grieg ha·mar·taʹno biex tissinjifika “dnub.” Dawn iż-żewġ kelmiet it-tnejn ifissru “timmissja,” fis-sens li ma tolqotx jew ma tilħaqx għan, marka, jew mira.
b Tradizzjonalment, is-sebaʼ dnubiet mejta huma l-kburija, ix-xenqa, il-kilba, l-għira, il-gula, ir-rabja, u l-għażż.
Tistaʼ Tispjega Int?
◻ X’inhu d-dnub, u kif jistaʼ jiżżviluppa qabda soda fuq il-laħam midneb u imperfett?
◻ Kif nistgħu nikkumbattu biex ma ‘nkunux ħsiebna fil-laħam’?
◻ X’nistgħu nagħmlu biex nippromwovu ‘li nkunu ħsiebna fl-ispirtu’?
◻ “Li tkun ħsiebek fl-ispirtu” kif iġib ħajja u paċi?
[Stampa f’paġna 10]
Kajjin ħalla tendenzi tal-laħam jiddominawh għar-rovina tiegħu stess