LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 7/15 pp. 21-23
  • Kemm Int Verament Tolleranti?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kemm Int Verament Tolleranti?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Jehovah Jaħfer Dnubietek Kollha’
  • Meħtieġ Bilanċ
  • Nieħdu Paċenzja b’Xulxin
  • “Bil-​Ħlewwa u bir-​Rispett”
  • Il-Bibbja Kif Tistaʼ Tgħinna Ma Nurux Preġudizzju?
    Iktar Suġġetti
  • Alla Kemm Se Jdum Jissaporti?
    Stenbaħ!—2001
  • It-tolleranza
    Stenbaħ!—2015
  • Flessibbli, U Madankollu Marbut Maʼ Livelli Divini
    Stenbaħ!—1997
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 7/15 pp. 21-23

Kemm Int Verament Tolleranti?

ĠIELI ħassejt demmek ibaqbaq minħabba l-​imġiba ħażina taʼ xi ħadd? Int ħafif biex taġixxi meta tara ’l dawk taʼ madwarek jiġu effettwati serjament minn influwenzi korrotti?

Xi drabi jkun hemm bżonn t’azzjoni soda u fil-​pront biex dnub serju ma jkomplix jinfirex. Per eżempju, meta l-​ħażen sfaċċat kien qed jhedded li jħassar lill-​Iżraelin fis-​seklu 15 Q.E.K., Fineħas, in-​neputi t’Aron, ħa azzjoni deċiżiva biex ineħħi min-​nofs dak il-​ħażen. Alla Jehovah approva l-​aġir tiegħu, u qal: “Fineħas . . . raġġaʼ lura l-​korla tiegħi minn fuq ulied Iżrael; xegħel bl-​għira għal ġieħi [“billi ma ttollera assolutament ebda rivalità lejja,” NW] fosthom.”—Numri 25:​1-11.

F’dan il-​każ, Fineħas ħa azzjoni xierqa, biex iżomm it-​taħsir milli jkompli jinfirex. Imma xi ngħidu jekk ninkorlaw iktar milli jmissna għas-​sempliċi nuqqasijiet li jagħmel ħaddieħor? Jekk ngħaġġlu biex nirreaġixxu jew ma jkollniex raġuni tajba, ma nkunux qed niddefendu t-​tjieba imma nsiru mera taʼ l-​intolleranza—uħud li ma juru l-​ebda mogħdrija għall-​imperfezzjonijiet taʼ l-​oħrajn. X’jistaʼ jgħinna biex ma naqgħux f’din in-​nassa?

‘Jehovah Jaħfer Dnubietek Kollha’

Jehovah hu “Alla għajjur,” jew bħalma jpoġġuha traduzzjonijiet oħra “żeluż,” “li ma jittollera ebda rivalità.” (Eżodu 20:5) Bħala l-​Ħallieq, hu għandu d-​dritt li jistenna mingħandna devozzjoni esklużiva. (Apokalissi 4:11) Madankollu, Jehovah jittollera d-​dgħjufijiet tal-​bniedem. Għalhekk is-​salmista David kanta dwaru: “Ħanin u twajjeb il-​Mulej, idum ma jagħdab u kollu mogħdrija. [“Mhux se jibqaʼ għaż-​żmien kollu jsib il-​ħtija,” NW] .  . . Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna; ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.” Iva, jekk nindmu, Alla ‘jaħfer dnubietna kollha.’—Salm 103:​3, 8-10.

Ladarba Jehovah jifhem in-​natura midinba tal-​bnedmin, hu mhux se joqgħod il-​ħin kollu “jsib il-​ħtija” f’uħud li jkunu nidmu mill-​iżbalji tagħhom. (Salm 51:7 [51:​5, NW]; Rumani 5:12) Fil-​fatt, l-​iskop tiegħu hu li jneħħi għalkollox id-​dnub u l-​imperfezzjoni. Sakemm dan iseħħ kompletament, minflok ma jagħtina dak li ħaqqna, Alla b’qalb tajba jaħfrilna fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju li Ġesù Kristu ħallas bħala prezz tal-​fidwa. Li kieku Jehovah ma jurix ħniena meta jkun xieraq, ħadd minna ma jkun jistħoqqlu jsalva. (Salm 130:3) Kemm għandna għalfejn inkunu grati li Missierna tas-​sema, li bi dritt jesiġi devozzjoni esklużiva, hu Alla ħanin!

Meħtieġ Bilanċ

Ladarba s-​Sid Sovran taʼ l-​univers juri tolleranza meta jittratta maʼ bnedmin imperfetti, m’għandniex aħna nagħmlu l-​istess? It-​tolleranza ġiet definita bħala t-​tendenza li tkun paċenzjuż fejn jidħlu l-​opinjonijiet u l-​għemejjel t’oħrajn. Inkwantu għalina, għandna din it-​tendenza—l-​inklinazzjoni li nuru paċenzja u sabar meta oħrajn jgħidu jew jagħmlu affarijiet li ma jkunux dnubiet serji imma forsi ma jkunux xierqa fil-​kliem jew fl-​għemil?

M’għandniex xi ngħidu, ma rridux inkunu tolleranti żżejjed. Per eżempju, issir ħsara enormi meta l-​awtoritajiet reliġjużi jittolleraw ċerti membri tal-​kleru li jkomplu jużaw u jabbużaw mit-​tfal. Ġurnalist fl-​Irlanda kkummenta: “Billi ttrattaw dak li ġara lit-​tfal bħallikieku kien xi inċident taʼ dnub, l-​awtoritajiet tal-​knisja kemm qabdu u ttrasferew lill-​qassis li għamel l-​offiża [f’post ieħor].”

Huwa dan eżempju xieraq taʼ tolleranza li raġel taʼ din ix-​xorta jiġi biss trasferit f’post ieħor? Ma tantx! Immaġina bord mediku li jħalli kirurgu irresponsabbli jkompli jopera fuq in-​nies billi jittrasferuh minn sptar għal ieħor, minkejja li kien qed joqtol jew jimmanka ’l-pazjenti tiegħu. Sens żbaljat taʼ lealtà professjonali jistaʼ jipproduċi “tolleranza” bħal din. Imma xi ngħidu għall-​vittmi li tilfu ħajjithom jew li ġew effettwati ħażin minħabba t-​traskuraġni, jew saħansitra xi prattiċi kriminali?

Hemm ukoll il-​periklu li nuru ftit li xejn tolleranza. Meta Ġesù kien fuq l-​art, xi Lhud magħrufin bħala Żelaturi użaw b’mod żbaljat l-​eżempju taʼ Fineħas biex jiġġustifikaw l-​attivitajiet tagħhom. Waħda mill-​azzjonijiet estremi li ħadu ċerti Żelaturi kienet li “jitħalltu mal-​folol f’Ġerusalemm waqt xi festa jew okkażjoni simili u jferu bis-​skieken lill-​għedewwa tagħhom għall-​għarrieda.”

Bħala Kristjani, qatt m’aħna se nagħmlu bħalma kienu għamlu ż-​Żelaturi billi nattakkaw fiżikament lil dawk li ma nġerrgħuhomx. Imma jistaʼ jkun li ċertu ammont taʼ intolleranza jwassalna biex nattakkaw b’modi oħra lil dawk li ma jaqblux magħna, forsi billi nitkellmu dwarhom b’mod abbużiv? Jekk aħna verament bnedmin tolleranti, m’aħniex se nużaw diskors li jweġġaʼ bħal dan.

Il-​Fariżej taʼ l-​ewwel seklu kienu grupp intolleranti ieħor. Huma kienu l-​ħin kollu jikkundannaw lil oħrajn u ma kinux jagħdru l-​imperfezzjoni umana. Il-​Fariżej kburin kienu jistmerru lin-​nies komuni, u kollhom tmaqdir kienu jsejħulhom “nies misħuta.” (Ġwann 7:49) B’raġuni tajba, Ġesù kkundanna lil dawn l-​irġiel li kienu jriduha taʼ qaddisin: “Ħażin għalikom, intom il-​kittieba u l-​Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tħallsu d-​dieċmi fuq in-​nagħniegħ u l-​busbies u l-​kemmun, u mbagħad tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-​aqwa fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u s-​sinċerità! Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-​oħrajn barra.”—Mattew 23:23.

Meta għamel din l-​istqarrija, Ġesù ma kienx qed iċekken l-​importanza tal-​Liġi Mosajka. Kien sempliċement qed juri li “l-​aqwa,” jew l-​iktar aspetti importanti tal-​Liġi kienu jeħtieġu li din tiġi applikata b’mod raġunevoli u bi ħniena. Kemm kienu differenti Ġesù u d-​dixxipli tiegħu mill-​Fariżej u ż-​Żelaturi!

La Alla Jehovah u lanqas Ġesù Kristu ma jħallu l-​ħażin għaddej. Dalwaqt, ‘se jiġi l-​ħlas fuq dawk li ma jagħrfux lil Alla, u fuq dawk li ma jobdux l-​Evanġelju.’ (2 Tessalonikin 1:​6-10) Madankollu, minkejja ż-​żelu tiegħu għat-​tjieba, Ġesù qatt ma naqas li jirrifletti l-​kwalitajiet taʼ Missieru tas-​sema, f’li juri paċenzja, ħniena, u tħassib b’imħabba lejn dawk kollha li jridu jagħmlu t-​tajjeb. (Isaija 42:​1-3; Mattew 11:​28-30; 12:​18-21) X’eżempju mill-​aħjar ħallielna Ġesù!

Nieħdu Paċenzja b’Xulxin

Minkejja li jistaʼ jkollna żelu kbir għal dak li hu tajjeb, ejja napplikaw il-​parir taʼ l-​appostlu Pawlu: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-​Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.” (Kolossin 3:13; Mattew 6:​14, 15) It-​tolleranza titlob li nieħdu paċenzja bin-​nuqqasijiet u l-​iżbalji taʼ ħaddieħor f’din id-​dinja imperfetta. Għandna bżonn inkunu raġunevoli dwar dak li nistennew minn oħrajn.—Filippin 4:​5, NW.

Il-fatt li nkunu tolleranti bl-​ebda mod ma jfisser li naqblu mal-​ħażen jew li nagħlqu għajnejna għall-​iżbalji. Wieħed taʼ l-​istess twemmin bħalna jistaʼ jkollu xi aspett fil-​mod kif jaħsibha jew kif iġib ruħu li forsi ma jkunx fi qbil għalkollox mal-​livelli taʼ Jehovah. Għalkemm id-​differenza għandha mnejn ma tkunx daqshekk serja li twassal lil dak li jkun biex jitlef l-​approvazzjoni t’Alla, din tistaʼ tkun sinjal taʼ twissija li juri li jinħtieġ li jsir xi aġġustament. (Ġenesi 4:​6, 7) Kemm hu taʼ mħabba meta dawk li huma kwalifikati spiritwalment jipprovaw jaġġustaw mill-​ġdid lil dak li jkun żbalja bi spirtu taʼ ħlewwa! (Galatin 6:1) Biex jirnexxilhom fl-​isforz tagħhom, huwa importanti li jaġixxu mqanqlin minn interess ġenwin u mhux b’sens taʼ kritika.

“Bil-​Ħlewwa u bir-​Rispett”

Xi ngħidu dwar li nuru paċenzja maʼ dawk li għandhom ħarsa reliġjuża differenti? “Lezzjoni Ġenerali” li twaħħlet fl-​Iskejjel Nazzjonali kollha stabbiliti fl-​Irlanda fl-​1831 tgħid hekk: “Ġesù Kristu ma riedx li r-​reliġjon tiegħu tiġi inforzata fuq il-​bnedmin b’mezzi vjolenti. . . . Li niġġieldu mal-​ġirien tagħna u noffenduhom m’huwiex il-​mod li bih nistgħu nikkonvinċuhom li aħna qegħdin fis-​sewwa u huma fil-​ħażin. Anzi, x’aktarx dan se jikkonvinċihom li aħna m’għandniex spirtu Kristjan.”

Ġesù għallem u aġixxa b’mod li lin-​nies kien jiġbidhom lejn il-​Kelma t’Alla, u hekk għandna nagħmlu aħna. (Mark 6:34; Luqa 4:​22, 32; 1 Pietru 2:21) Bħala bniedem perfett b’dehen speċjali mogħti lilu minn Alla, hu setaʼ jaqra l-​qlub. Għalhekk, meta kien ikun hemm bżonn, Ġesù setaʼ jikkundanna bl-​aħrax lill-​għedewwa taʼ Jehovah. (Mattew 23:​13-​33) Ma kienx qed juri nuqqas taʼ tolleranza b’dan.

Aħna m’għandniex l-​istess abbiltà taʼ Ġesù li naqraw il-​qlub. Għaldaqstant, għandna nimxu fuq il-​parir taʼ l-​appostlu Pietru: “Lill-​Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-​għala tat-​tama li għandkom; imma wieġbu bil-​ħlewwa u bir-​rispett.” (1 Pietru 3:​15, 16 [3:​15, NW]) Bħala qaddejja taʼ Jehovah, għandna niddefendu t-​twemmin tagħna għaliex dan hu bbażat fis-​sod fuq il-​Kelma t’Alla. Imma dan irridu nagħmluh b’tali manjiera li nuru rispett kemm lejn oħrajn u kemm lejn it-​twemmin li jħaddnu b’mod sinċier. Pawlu kiteb: “Ħa tkun dejjem il-​kelma tagħkom kollha ħlewwa, mħawwra bil-​melħ taʼ l-​għerf, biex tkunu tafu twieġbu sewwa lil kulħadd.”—Kolossin 4:6.

Fil-Priedka magħrufa tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal: “Dak kollu li tridu li l-​bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.” (Mattew 7:12) Għalhekk, mela, ejja nieħdu paċenzja b’xulxin u nuru rispett lejn dawk li nippridkawlhom l-​aħbar tajba. Billi nibbilanċjaw iż-​żelu li għandna għat-​tjieba mat-​tolleranza bbażata fuq il-​Bibbja, se nogħġbu lil Jehovah u se nkunu verament tolleranti.

[Stampa f’paġna 23]

Evita l-​attitudni tal-​Fariżej li kienet nieqsa mit-​tolleranza

[Stampa f’paġna 23]

Ġesù rrifletta l-​ispirtu tolleranti taʼ Missieru. Tagħmlu dan int?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja