LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 10/1 pp. 17-22
  • Tgħallem Obdi Hekk Kif Joqrob it-Tmiem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tgħallem Obdi Hekk Kif Joqrob it-Tmiem
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Ewwel Saltna taʼ Ġesù
  • Imberkin Talli Obdew lill-​“Qaddej” t’Alla
  • Silo Jsir il-​Ħakkiem tad-​Dinja bi Dritt
  • Issa Huwa ż-​Żmien li ‘Nobdu l-​Evanġelju’
  • Evita l-​Apatija, l-​Immoralità, il-​Materjaliżmu
  • Imfaħħrin għall-​Ubbidjenza Tagħhom
  • “Tgħallem l-Ubbidjenza”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
  • L-Ubbidjenza Lezzjoni Importanti mit-Tfulija?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ġeħova Jgħożż l-Ubbidjenza Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Kristu Jkellem lill-Kongregazzjonijiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 10/1 pp. 17-22

Tgħallem Obdi Hekk Kif Joqrob it-Tmiem

“[Minn Silo] l-​ġnus jisimgħu.”—Ġenesi 49:10.

1. (a) Fil-passat, x’kien ifisser taʼ spiss li tobdi lil Jehovah? (b) Ġakobb liema profezija għamel rigward l-​ubbidjenza?

L-​UBBIDJENZA lejn Jehovah taʼ spiss kienet tfisser ubbidjenza lejn ir-​rappreżentanti tiegħu. Fosthom kien hemm anġli, patrijarki, imħallfin, qassisin, profeti, u slaten. Saħansitra t-​tron tas-​slaten taʼ Iżrael kien imsejjaħ it-​tron taʼ Jehovah. (1 Kronaki 29:23) B’sogħba, iżda, ħafna mill-​ħakkiema taʼ Iżrael m’obdewhx lil Alla, u b’hekk ġabu għawġ kbir fuqhom u fuq is-​sudditi tagħhom. Imma Jehovah ma ħalliex lill-​uħud leali tiegħu bla tama; hu farraġhom bil-​wegħda li jpoġġi Sultan li ma kienx se jkun korrott u li l-​ġusti kienu se jitgħaxxqu jobduh. (Isaija 9:​5, 6 [9:​6, 7, NW]) Meta kien qed imut, il-​patrijarka Ġakobb ipprofetizza hekk dwar dan il-​ħakkiem li ġej: “Ix-​xettru minn id Ġuda ma jitneħħiex; u l-​ħatar minn bejn riġlejh, sakemm [“jiġi Silo,” NW], u minnu l-​ġnus jisimgħu.”—Ġenesi 49:10.

2. Xi jfisser “Silo,” u x’se tinkludi l-​ħakma rjali tiegħu?

2 “Silo” huwa terminu bl-​Ebrajk li jfisser “Dak li Tiegħu Hija,” jew “Dak li Lilu Tappartjeni.” Iva, Silo kellu jiret id-​dritt li jaħkem, bħalma jissimbolizza x-​xettru, u l-​qawwa li jikkmanda, bħalma hu rappreżentat mill-​ħatar. Iktar minn hekk, il-​ħakma rjali tiegħu ma kellhiex tinkludi biss lid-​dixxendenti taʼ Ġakobb imma l-​“ġnus” kollha. Dan hu fi qbil mal-​wegħda li Jehovah għamel lil Abraham: “Nislek għad jiret bwieb l-​għedewwa tiegħu. U jitbierku b’nislek il-​ġnus kollha taʼ l-​art.” (Ġenesi 22:​17, 18) Jehovah ikkonferma l-​identità taʼ dan in-​“nisel” fis-​sena 29 E.K. meta dilek lil Ġesù taʼ Nazaret bl-​ispirtu qaddis.​—Luqa 3:​21-​23, 34; Galatin 3:​16.

L-​Ewwel Saltna taʼ Ġesù

3. Liema ħakma rċieva Ġesù meta telaʼ s-​sema?

3 Meta Ġesù telaʼ s-​sema, hu ma ħax mill-​ewwel ix-​xettru tal-​ħakma fuq il-​ġnus taʼ l-​art. (Salm 110:1) Madankollu, irċieva “saltna” b’sudditi li kienu jobduh. L-​appostlu Pawlu identifika dik is-​saltna meta kiteb: “[Alla] ħelisna [il-Kristjani midlukin bl-​ispirtu] mill-​ħakma tad-​dlam, u daħħalna fis-​saltna taʼ Ibnu l-​maħbub.” (Kolossin 1:​13, korsiv tagħna.) Dan il-​ħelsien beda f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. meta l-​ispirtu qaddis ġie mferraʼ fuq is-​segwaċi leali taʼ Ġesù.​—Atti 2:​1-4; 1 Pietru 2:9.

4. Id-​dixxipli taʼ Ġesù fl-​ewwel seklu b’liema modi wrew l-​ubbidjenza tagħhom, u Ġesù kif identifikahom bħala grupp?

4 Bħala “ambaxxaturi taʼ Kristu,” id-​dixxipli midlukin bl-​ispirtu b’ubbidjenza bdew jiġbru lil oħrajn li kellhom isiru “ċittadini” flimkien magħhom f’dik is-​saltna spiritwali. (2 Korintin 5:​20; Efesin 2:​19; Atti 1:8) Iżjed minn hekk, dawn kellhom jibqgħu “magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda” sabiex ikunu jistgħu jgawdu l-​approvazzjoni tas-​Sultan tagħhom Ġesù Kristu. (1 Korintin 1:10) Bħala grupp, huma fformaw “l-​ilsir leali u diskret,” jew il-​klassi tal-​qaddej fidil.—Mattew 24:​45, NW; Luqa 12:42.

Imberkin Talli Obdew lill-​“Qaddej” t’Alla

5. Jehovah kif għallem lin-​nies tiegħu sa mill-​imgħoddi?

5 Jehovah dejjem ipprovda għalliema għan-​nies tiegħu. Per eżempju, wara li l-​Lhud irritornaw minn Babilonja, Esdra u grupp taʼ rġiel kwalifikati oħrajn mhux biss qraw il-​Liġi t’Alla lin-​nies, imma għamlu dan “b’mod li jiftiehem” u ‘fissru u spjegaw’ il-​Kelma t’Alla.—Neħemija 8:8.

6, 7. Il-klassi taʼ l-​ilsir kif ipprovdiet ikel spiritwali fil-​ħin permezz tal-​Ġemgħa li Tiggverna tagħha, u għala huwa xieraq li nissottomettu ruħna għall-​klassi taʼ l-​ilsir?

6 Fl-​ewwel seklu, meta qamet il-​kwistjoni taċ-​ċirkonċiżjoni fis-​sena 49 E.K., il-​ġemgħa li tiggverna taʼ dik il-​klassi taʼ l-​ilsir tal-​bidu kkunsidrat il-​kwistjoni bit-​talb u waslet għall-​konklużjoni li taqbel maʼ l-​Iskrittura. Meta ħabbret id-​deċiżjoni tagħha permezz taʼ ittra, il-​kongregazzjonijiet obdew id-​direzzjoni li ngħataw u gawdew barkiet abbundanti mingħand Alla. (Atti 15:​6-​15, 22-​29; 16:​4, 5) Bl-​istess mod fi żmienna, l-​ilsir leali permezz tal-​Ġemgħa li Tiggverna tiegħu kompla ċċara kwistjonijiet importanti bħan-​newtralità Kristjana, il-​qdusija tad-​demm, u l-​użu tad-​drogi u t-​tabakk. (Isaija 2:4; Atti 21:25; 2 Korintin 7:1) Jehovah bierek lin-​nies tiegħu għall-​ubbidjenza tagħhom lejn il-​Kelma tiegħu u l-​ilsir leali.

7 Billi joqogħdu għall-​klassi taʼ l-​ilsir, in-​nies t’Alla juru wkoll is-​sottomissjoni tagħhom lejn is-​Sid, Ġesù Kristu. Sottomissjoni bħal din hija wisq iktar sinifikanti llum minħabba li Ġesù għandu awtorità ferm akbar, bħalma bassar Ġakobb fuq is-​sodda tal-​mewt tiegħu.

Silo Jsir il-​Ħakkiem tad-​Dinja bi Dritt

8. L-​awtorità taʼ Kristu meta u kif espandiet?

8 Il-​profezija taʼ Ġakobb bassret li ‘l-​ġnus kellhom jisimgħu’ minn Silo. Jidher ċar, li l-​ħakma taʼ Kristu ma kellhiex tinkludi biss lil Iżrael spiritwali. Lil min kellha tinkludi? Apokalissi 11:15 iwieġeb: “Is-​saltna tad-​dinja saret taʼ Sidna u tal-​Messija tiegħu, u hu se jsaltan għal dejjem taʼ dejjem.” (Korsiv tagħna.) Il-​Bibbja turi li Ġesù ngħata din l-​awtorità fi tmiem is-​“sebaʼ żminijiet” profetiċi—“żmien il-​ġnus”—fl-​1914.a (Danjel 4:​13, 14 [4:​16, 17, NW]; Luqa 21:24) F’dik is-​sena, bdiet il-​“preżenza” inviżibbli taʼ Kristu bħala s-​Sultan Messjaniku, u beda wkoll iż-​żmien tiegħu biex imur ‘jaħkem f’nofs l-​għedewwa tiegħu.’—Mattew 24:​3, NW; Salm 110:2.

9. X’għamel Ġesù meta ngħata s-​Saltna tiegħu, u dan x’effett kellu indirettament fuq il-​bnedmin, speċjalment fuq id-​dixxipli tiegħu?

9 L-​ewwel ħaġa li għamel Ġesù meta rċieva l-​qawwa taʼ sultan kienet li jwaddab “għal fuq l-​art” il-​personifikazzjoni nfisha tad-​diżubbidjenza—Satana—flimkien mad-​demonji tiegħu. Minn dakinhar ’l hawn, dawn l-​ispirti mill-​agħar ġabu għawġ kbir fuq il-​bnedmin li qatt ma kien hawn bħalu qabel, u iżjed minn hekk komplew iħeġġu atmosfera li kienet se tagħmilha diffiċli ħafna biex wieħed jobdi lil Jehovah. (Apokalissi 12:​7-12; 2 Timotju 3:​1-5) Fil-​fatt, il-​mira prinċipali f’din il-​ġlieda li għandu Satana tikkonsisti mill-​uħud midlukin taʼ Jehovah, “li jħarsu l-​preċetti taʼ Alla u li għandhom ix-​xhieda taʼ Ġesù,” u n-​“nagħaġ oħra” sħabhom.—Apokalissi 12:17; Ġwann 10:16.

10. It-​twettiq taʼ liema profeziji Bibliċi jagħti garanzija li Satana se jitlef il-​gwerra tiegħu kontra l-​Kristjani veri?

10 Madankollu, Satana m’għandu l-​ebda tama li jirnexxi għax dan hu “jum il-​Mulej,” u xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Ġesù milli “jkompli jirbaħ.” (Apokalissi 1:10; 6:1 [6:​2, NW]) Per eżempju, hu se jagħmel żgur li fl-​aħħar il-​144,000, Iżrael spiritwali, se jkunu siġillati. Hu se jipproteġi wkoll “kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” (Apokalissi 7:​1-4, 9, 14-16) Madankollu, għall-​kuntrarju taʼ sħabhom il-​midlukin, dawn se jsiru s-​sudditi ubbidjenti taʼ Ġesù fuq l-​art. (Danjel 7:​13, 14) Il-​preżenza tagħhom fid-​dinja llum diġà tagħti prova ċara li Silo hu tassew Ħakkiem fuq “is-​saltna tad-​dinja.”—Apokalissi 11:15.

Issa Huwa ż-​Żmien li ‘Nobdu l-​Evanġelju’

11, 12. (a) Min biss se jsalva fi tmiem din is-​sistema t’affarijiet? (b) Liema karatteristiċi jiżviluppaw fil-​personalitajiet tagħhom dawk li għandhom “l-​ispirtu taʼ din id-​dinja” jaħdem fihom?

11 Dawk kollha li jridu l-​ħajja taʼ dejjem iridu jitgħallmu jobdu, għaliex il-​Bibbja tistqarr ċar u tond li ‘dawk li ma jagħrfux lil Alla, u dawk li ma jobdux l-​Evanġelju taʼ Sidna Ġesù’ mhux se jsalvaw f’jum il-​vendetta t’Alla. (2 Tessalonikin 1:8) Madankollu, is-​sistema mill-​agħar preżenti u l-​ispirtu taʼ ribelljoni tagħha kontra l-​liġijiet u l-​prinċipji tal-​Bibbja jagħmluha diffiċli ferm li tobdi l-​evanġelju.

12 Il-​Bibbja tiddeskrivi dan l-​ispirtu taʼ ribelljoni kontra Alla bħala “l-​ispirtu taʼ din id-​dinja.” (1 Korintin 2:12) Sabiex jispjega l-​effett li għandu dan l-​ispirtu fuq in-​nies, l-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu f’Efesu, u qalilhom: “Darba mxejtu skond ix-​xejra taʼ din id-​dinja, skond il-​kap tas-​saltna taʼ l-​ajru, taʼ l-​Ispirtu li bħalissa qiegħed jaħdem fost dawk li ma jisimgħux. Aħna wkoll għexna darba mgħarrqa fil-​passjonijiet taʼ ġisimna; konna nagħmlu l-​opri tar-​rieda tal-​ġisem u fehmietna; konna minna nfusna wlied il-​korla, bħall-​bqija tal-​bnedmin.”—Efesin 2:​2, 3.

13. Il-​Kristjani kif jistgħu jirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja b’mod effettiv, u b’liema riżultati taʼ benefiċċju?

13 B’ferħ, il-​Kristjani f’Efesu ma baqgħux ilsiera taʼ dan l-​ispirtu taʼ diżubbidjenza. Minflok, huma saru wlied ubbidjenti t’Alla billi qagħdu għall-​ispirtu tiegħu u ħasdu l-​frott abbundanti u bnin tiegħu. (Galatin 5:​22, 23) Bl-​istess mod illum, l-​ispirtu t’Alla—l-​iktar forza qawwija fl-​univers—qed jgħin lil miljuni jsiru ubbidjenti lejn Jehovah, bir-​riżultat li ‘t-​tama tagħhom tistaʼ tilħaq il-​milja tagħha sa l-​aħħar.’—Lhud 6:11; Żakkarija 4:6.

14. Ġesù kif avża lill-​Kristjani kollha li qed jgħixu fl-​aħħar jiem biex joqogħdu attenti għal affarijiet speċifiċi li kellhom jittestjaw l-​ubbidjenza tagħhom?

14 Żomm f’moħħok ukoll li aħna għandna lil Silo li qed jappoġġana b’qawwa, u li flimkien maʼ Missieru mhux se jħalli li xi għadu—demonju jew bniedem—jittestja l-​ubbidjenza tagħna iktar milli nifilħu. (1 Korintin 10:13) Fil-​fatt, biex jgħinna fil-​ġlieda spiritwali tagħna, Ġesù ddeskriva numru taʼ problemi speċifiċi li kellna niffaċċjaw matul dawn l-​aħħar jiem. Hu għamel dan permezz taʼ sebaʼ ittri, li ta lill-​appostlu Ġwanni f’viżjoni. (Apokalissi 1:​10, 11) Dawn l-​ittri żgur li kien fihom pariri vitali għall-​Kristjani lura f’dak iż-​żmien, imma l-​iktar li japplikaw huwa għal “jum il-​Mulej,” mill-​1914 ’l hawn. Għalhekk, kemm huwa xieraq li noqogħdu attenti għal dawn il-​messaġġi!b

Evita l-​Apatija, l-​Immoralità, il-​Materjaliżmu

15. Għala rridu ngħassu kontra l-​problema li effettwat lill-​kongregazzjoni f’Efesu, u kif nistgħu nagħmluh dan? (2 Pietru 1:​5-8)

15 L-​ewwel ittra taʼ Ġesù kienet lill-​kongregazzjoni f’Efesu. Wara li faħħar lill-​kongregazzjoni għas-​sabar tagħha, Ġesù qal: “Imma kontra tiegħek għandi li inti ħallejt dik l-​imħabba li kont urejt fil-​bidu.” (Apokalissi 2:​1-4) Illum, xi Kristjani li darba kienu żelużi bl-​istess mod tilfu l-​imħabba kollha ħrara li kellhom qabel għal Alla. Telfa bħal din tistaʼ ddgħajjef ir-​relazzjoni taʼ dak li jkun m’Alla u jeħtieġ li jsir xi ħaġa dwarha mill-​iktar fis. Kif nistgħu nerġgħu nsaħħu mħabba bħal din? Billi regolarment nistudjaw il-​Bibbja, nattendu l-​laqgħat, nitolbu, u nimmeditaw. (1 Ġwann 5:3) Veru, biex nagħmlu dan irridu ‘nkunu ħerqana,’ iżda żgur li dan l-​isforz jiswielna taʼ ġid. (2 Pietru 1:​5-8) Jekk permezz taʼ eżami onest tiegħek innifsek tara li l-​imħabba tiegħek birdet, allura irranġa s-​sitwazzjoni minnufih, u b’hekk tobdi t-​twissija taʼ Ġesù: “Ġib quddiem għajnejk fiex waqajt, indem, u erġaʼ aqbad l-​opri tiegħek tal-​bidu.”—Apokalissi 2:5.

16. Liema influwenzi perikolużi spiritwalment kienu jeżistu fil-​kongregazzjonijiet taʼ Pergamu u Tjatira, u l-​kliem li qalilhom Ġesù għala għadu jgħodd għal-​lum?

16 Il-​Kristjani f’Pergamu u Tjatira kienu mfaħħrin għall-​integrità, is-​sabar, u ż-​żelu tagħhom. (Apokalissi 2:​12, 13, 18, 19) Iżda huma kienu qed jiġu influwenzati minn ċerti wħud li kienu qed juru l-​istess spirtu mill-​agħar taʼ Balgħam u Ġeżabel, li permezz taʼ l-​immoralità sesswali u l-​qima taʼ Bagħal kienu influwenzi li kkorrompew lil Iżrael tal-​qedem. (Numri 31:16; 1 Slaten 16:​30, 31; Apokalissi 2:​14, 16, 20-​23) Imma xi ngħidu għal żmienna—“jum il-​Mulej”? Jeżistu dawn l-​istess influwenzi ħżiena? Iva, għaliex ċertament l-​immoralità hija l-​kaġun ewlieni tal-​qtugħ mis-​sħubija fost il-​poplu t’Alla. Għalhekk, kemm huwa importanti li nevitaw li nissieħbu maʼ kull individwu—sew ġewwa l-​kongregazzjoni kif ukoll barra—li huwa influwenza li tħassar moralment! (1 Korintin 5:​9-​11; 15:33) Dawk li jridu jkunu sudditi ubbidjenti taʼ Silo se jevitaw ukoll divertiment dubjuż kif ukoll pornografija stampata jew fuq l-​Internet.​—Għamos 5:​15; Mattew 5:​28, 29.

17. Il-​ħarsa u l-​attitudni taʼ dawk f’Sardi u Laodiċija kif kienu differenti mill-​ħarsa li kellu Ġesù dwar il-​qagħda spiritwali tagħhom?

17 Bl-​eċċezzjoni taʼ ftit individwi, il-​kongregazzjoni f’Sardi ma ngħatat l-​ebda tifħir. Hi kellha l-​“fama,” jew id-​dehra, taʼ kongregazzjoni ħajja, imma l-​apatija spiritwali tant kienet rabbiet għeruq li Ġesù qal li kienet ‘mejta.’ L-​ubbidjenza lejn l-​evanġelju kienet saret kważi xi ħaġa taʼ rutina. X’akkuża dik! (Apokalissi 3:​1-3) Il-​kongregazzjoni f’Laodiċija kienet tinsab fl-​istess ilma. Din kienet tiftaħar bl-​għana materjali, billi kienet tgħid li hi ‘għanja,’ iżda għal Kristu kienet ‘imsejkna, taʼ min jitħassarha, fqira, għamja, u għerja.’—Apokalissi 3:​14-​17.

18. Wieħed kif jistaʼ jevita li jibred spiritwalment f’għajnejn Alla?

18 Illum, xi wħud li darba kienu Kristjani leali wkoll imxew fuq l-​istess eżempju taʼ diżubbidjenza. Forsi ħallew l-​ispirtu tad-​dinja jdgħajjef is-​sens t’urġenza fil-​ħajja tagħhom, u b’hekk żviluppaw attitudni bierda spiritwalment lejn l-​istudju tal-​Bibbja, it-​talb, il-​laqgħat Kristjani, u l-​ministeru. (2 Pietru 3:​3, 4, 11, 12) Kemm huwa importanti li wħud bħal dawn jobdu lil Kristu billi jinvestu f’għana spiritwali—iva, jixtru mingħand Kristu “deheb imsoffi bin-​nar”! (Apokalissi 3:18) Għana ġenwin bħal dan jinkludi li ‘nistagħnew b’opri tajba, li nkunu ġenerużi u naqsmu maʼ oħrajn.’ Billi ninvestu f’dawn ir-​riżorsi spiritwali tassew prezzjużi ‘nkunu qegħdin naħżnu għalina nfusna teżor sabiħ għal li ġej, biex bih niksbu l-​ħajja vera.’—1 Timotju 6:​17-19.

Imfaħħrin għall-​Ubbidjenza Tagħhom

19. Ġesù liema tifħir u tħeġġiġ tahom lill-​Kristjani fi Żmirna u Filadelfja?

19 Il-​kongregazzjonijiet taʼ Żmirna u Filadelfja huma eżempju li jispikka f’dik li hi ubbidjenza, għaliex l-​ittri taʼ Ġesù ma kellhom l-​ebda twiddib għalihom. Lil dawk fi Żmirna qalilhom: “Jiena naf it-​taħbit u l-​faqar tiegħek, għad li inti għani.” (Apokalissi 2:9) X’kuntrast maʼ dawk f’Laodiċija li ftaħru bl-​għana materjali meta fil-​fatt kienu fqar! M’għandniex xi ngħidu, ix-​Xitan ma kienx ferħan li kien hemm min kien leali u qed jobdi lil Kristu. Għaldaqstant, Ġesù wissa: “Tibżax minn dak li se jkollok issofri; ara, id-​Demonju se jixħet ’il xi wħud minnkom fil-​ħabs biex iġarrabkom, u intom tgħaddu minn għaxart ijiem taʼ taħbit. Ibqaʼ fidil sal-​mewt, u jien nagħtik il-​kuruna tal-​ħajja.” (Apokalissi 2:10) B’mod simili, Ġesù faħħar lill-​kongregazzjoni taʼ Filadelfja, u qalilha: “Il-​kelma tiegħi ħaristha [jew, obdejtni] u ismi ma ċħadthulix. Dalwaqt niġi; żomm sħiħ f’dak li għandek, biex ħadd ma jeħodlok il-​kuruna tiegħek.”—Apokalissi 3:​8, 11.

20. Miljuni llum kif ħarsu l-​kelma taʼ Ġesù, u minkejja liema ċirkustanzi?

20 F’“jum il-​Mulej,” li beda fl-​1914, fdal leali flimkien maʼ sħabhom in-​nagħaġ oħra, li issa jgħoddu l-​miljuni, ukoll ħarsu l-​kelma taʼ Ġesù billi ħadu sehem b’mod żeluż fil-​ministeru u żammew sod l-​integrità tagħhom. Bħal ħuthom taʼ l-​ewwel seklu, xi wħud batew minħabba l-​ubbidjenza tagħhom lejn Kristu, saħansitra ġew mitfugħin il-​ħabs u f’kampijiet taʼ konċentrament. Oħrajn ħarsu l-​kelma taʼ Ġesù billi żammew ‘għajn safja,’ jew sempliċi, minkejja li huma mdawrin bl-​għana u r-​regħba. (Mattew 6:​22, 23) Iva, f’kull sitwazzjoni u f’kull ċirkustanza, il-​veri Kristjani jkomplu jferrħu qalb Jehovah permezz taʼ l-​ubbidjenza tagħhom.​—Proverbji 27:11.

21. (a) Il-klassi taʼ l-​ilsir liema obbligazzjoni spiritwali se tkompli twettaq? (b) Kif nistgħu nuru li aħna rridu tassew nobdu lil Silo?

21 Hekk kif noqorbu lejn it-​tribulazzjoni lkbira, “l-​ilsir leali u diskret” jibqaʼ determinat li ma jikkompromettix l-​ubbidjenza tiegħu lejn is-​Sid, Kristu. Dan jinkludi li jipprepara l-​ikel spiritwali fil-​ħin għan-​nies t’Alla. Għalhekk, ejja nkomplu napprezzaw l-​organizzazzjoni teokratika taʼ l-​għaġeb li għandu Jehovah u dak li tipprovdi. B’dan il-​mod, nuru li aħna sottomessi lejn Silo, li se jippremja lis-​sudditi ubbidjenti tiegħu kollha b’ħajja taʼ dejjem.​—Mattew 24:​45-47, NW; 25:40; Ġwann 5:​22-24.

[Noti taʼ taħt]

a Għal spjegazzjoni dwar is-​“sebaʼ żminijiet,” ara kapitlu 10 fil-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

b Għal diskussjoni dettaljata dwar is-​sebaʼ ittri, jekk jogħġbok ara l-​ktieb Revelation​—Its Grand Climax At Hand!, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah, billi tibda minn paġna 33.

Tiftakar Int?

• Skond ma bassar Ġakobb meta kien qed imut, Ġesù liema rwol kien se jkollu?

• Kif nirrikonoxxu lil Ġesù bħala Silo, u liema spirtu rridu nevitaw?

• Liema parir li għadu jgħodd għal żmienna nsibu fl-​ittri lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet f’Apokalissi?

• B’liema modi nistgħu nimitaw lil dawk fil-​kongregazzjonijiet tal-​qedem taʼ Żmirna u Filadelfja?

[Stampi f’paġna 18]

Jehovah ibierek lin-​nies tiegħu talli jobdu lill-​“qaddej” leali

[Stampa f’paġna 19]

L-​influwenza taʼ Satana tagħmilhielna diffiċli biex nobdu lil Alla

[Stampi f’paġna 21]

Relazzjoni b’saħħitha maʼ Jehovah tgħinna nkunu ubbidjenti lejh

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja