Kapitlu Tnax
Int Tistaʼ Tegħleb Problemi Li Jagħmlu Ħsara Lill-Familja
1. Liema problemi moħbijin jeżistu f’xi familji?
KAROZZA qadima għadha kif ġiet maħsula u mogħtija l-lostru. Għal min ikun għaddej tidher tleqq, kważi ġdida. Imma taħt il-lostru, sadid korrużiv qiegħed imermer il-bódi tal-vettura. Huwa simili fil-każ taʼ xi familji. Għalkemm minn barra kollox jidher sabiħ, uċuħ bi tbissima jaħbu l-biżaʼ u l-uġigħ. Mill-bieb ’il ġewwa, elementi korrużivi qegħdin imermru l-paċi tal-familja. Żewġ problemi li jistaʼ jkollhom dan l-effett huma l-alkoħoliżmu u l-vjolenza.
IL-ĦSARA KKAĠUNATA MILL-ALKOĦOLIŻMU
2. (a) X’inhi l-ħarsa tal-Bibbja dwar l-użu taʼ xorb alkoħoliku? (b) X’inhu l-alkoħoliżmu?
2 Il-Bibbja ma tikkundannax l-użu moderat taʼ xorb alkoħoliku, imma s-sokor tikkundannah. (Proverbji 23:20, 21; 1 Korintin 6:9, 10; 1 Timotju 5:23; Titu 2:2, 3) L-alkoħoliżmu, iżda, huwa iktar minn sokor; huwa preokkupazzjoni kronika dwar xorb alkoħoliku u telf taʼ kontroll minħabba l-konsum tiegħu. L-alkoħoliċi jistgħu jkunu adulti. B’sogħba, jistgħu jkunu wkoll żgħażagħ.
3, 4. Iddeskrivi l-effetti taʼ l-alkoħoliżmu fuq il-mara taʼ l-alkoħoliku u fuq it-tfal.
3 Il-Bibbja żmien twil ilu indikat li l-użu ħażin taʼ l-alkoħol jistaʼ jħarbat il-paċi tal-familja. (Dewteronomju 21:18-21) L-effetti korrużivi taʼ l-alkoħoliżmu jinħassu mill-familja kollha kemm hi. Il-mara tistaʼ ssir assorbita fi sforzi biex twaqqaf lill-alkoħoliku milli jixrob jew biex tkampa maʼ l-imġiba imprevedibbli tiegħu.a Hi tipprova taħbi x-xorb, tarmih, taħbilu flusu, u tappella għall-imħabba tiegħu lejn il-familja, lejn il-ħajja, saħansitra lejn Alla—imma l-alkoħoliku xorta jibqaʼ jixrob. Hekk kif l-isforzi tagħha biex tikkontrolla x-xorb tiegħu jfallu ripetutament, hi tħossha frustrata u mhix kapaċi. Tistaʼ tibda ssofri minn biżaʼ, rabja, ħtija, nervi, anzjetà, u nuqqas taʼ rispett lejha nfisha.
4 It-tfal ma jiġux skansati mill-effetti taʼ l-alkoħoliżmu taʼ ġenitur. Xi wħud jiġu attakkati fiżikament. Oħrajn jiġu mmolestati sesswalment. Huma għandhom mnejn saħansitra jwaħħlu fihom infushom għall-alkoħoliżmu taʼ ġenitur. Spiss l-abbiltà tagħhom li jafdaw lil oħrajn tiġi mtertqa mill-imġiba inkonsistenti taʼ l-alkoħoliku. Minħabba li ma jistgħux jitkellmu bil-kumdità dwar dak li qiegħed jiġri fid-dar, it-tfal jistgħu jitgħallmu jrażżnu s-sentimenti tagħhom, spiss b’konsegwenzi fiżiċi taʼ ħsara. (Proverbji 17:22) Tfal bħal dawn għandhom mnejn jibqgħu b’dan in-nuqqas taʼ fiduċja fihom infushom jew rispett lejhom infushom sakemm isiru adulti.
X’TISTAʼ TAGĦMEL IL-FAMILJA?
5. L-alkoħoliżmu kif jistaʼ jiġi mmaniġġat, u dan għala huwa diffiċli?
5 Għalkemm ħafna awtoritajiet jgħidu li l-alkoħoliżmu ma jistax jiġi mfejjaq, il-biċċa l-kbira jaqblu li miżura taʼ fejqan hija possibbli bi programm taʼ astinenza totali. (Qabbel Mattew 5:29.) Madankollu, li ġġiegħel lil alkoħoliku jaċċetta l-għajnuna huwa iktar faċli tgħidu milli tagħmlu, ladarba hu ġeneralment jiċħad li għandu problema. Minkejja dan, meta membri tal-familja jieħdu passi biex jittrattaw mal-mod kif l-alkoħoliżmu effettwahom, l-alkoħoliku jistaʼ jibda jirrealizza li għandu problema. Tabib li għandu l-esperjenza f’li jgħin lill-alkoħoliċi u lill-familji tagħhom qal: “Naħseb li l-iktar ħaġa importanti hija li l-familja sempliċement jibqgħu għaddejjin bl-attivitajiet tagħhom taʼ kuljum bl-iktar mod benefikanti li jistgħu. L-alkoħoliku iktar u iktar jiġi kkonfrontat b’kemm huwa kbir il-kuntrast bejnu u bejn il-bqija tal-familja.”
6. X’inhu l-aħjar sors taʼ pariri għal familji li għandhom membru alkoħoliku?
6 Jekk hemm xi alkoħoliku fil-familja tiegħek, il-parir ispirat tal-Bibbja jistaʼ jassistik f’li tgħix bl-iktar mod benefikanti possibbli. (Isaija 48:17; 2 Timotju 3:16, 17) Ikkunsidra xi prinċipji li għenu lil xi familji biex jittrattaw b’suċċess maʼ l-alkoħoliżmu.
7. Jekk membru tal-familja hu alkoħoliku, min hu responsabbli?
7 Tibqax tieħu l-ħtija kollha. Il-Bibbja tgħid: “Kull wieħed għandu t-tagħbija tiegħu x’jerfaʼ,” u, “kull wieħed minna għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” (Galatin 6:5; Rumani 14:12) L-alkoħoliku għandu mnejn jipprova jinsinwa li l-membri tal-familja huma responsabbli. Per eżempju, jistaʼ jgħid: “Kieku ttrattajtuni aħjar, ma kontx nixrob.” Jekk oħrajn juru li jaqblu miegħu, ikunu qegħdin jinkuraġġuh biex ikompli jixrob. Imma saħansitra jekk aħna vittimizzati minn ċirkostanzi jew minn nies oħrajn, ilkoll kemm aħna—inklużi l-alkoħoliċi—aħna responsabbli għal dak li nagħmlu.—Qabbel Filippin 2:12.
8. Liema huma xi modi kif l-alkoħoliku jistaʼ jiġi mgħejjun biex jiffaċċja l-konsegwenzi tal-problema tiegħu?
8 Tħossokx li trid dejjem tipproteġi lill-alkoħoliku mill-konsegwenzi tax-xorb tiegħu. Proverbju Bibliku dwar xi ħadd f’dagħdigħa jistaʼ japplika ugwalment għall-alkoħoliku: “Jekk teħilsu darba, ikollok teħilsu darb’oħra.” (Proverbji 19:19, KŻ) Ħallih lill-alkoħoliku jħoss l-effetti tax-xorb tiegħu. Ħallih inaddaf warajh jew iċempel lill-imgħallem tiegħu l-għada li jkun xorob ħafna.
9, 10. Il-familji taʼ l-alkoħoliċi għala għandhom jaċċettaw l-għajnuna, u l-għajnuna taʼ min b’mod partikulari għandhom ifittxu?
9 Aċċetta għajnuna mingħand oħrajn. Proverbji 17:17 jgħid: “Il-ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk jitwieled għal żmien il-hemm.” Meta hemm alkoħoliku fil-familja tiegħek, hemm l-hemm. Teħtieġ l-għajnuna. Taħsibhiex darbtejn biex tistrieħ fuq ‘il-ħbieb’ għal appoġġ. (Proverbji 18:24) Li titkellem m’oħrajn li jifhmu l-problema jew li ffaċċjaw sitwazzjoni simili jistaʼ jipprovdilek suġġerimenti dwar x’għandek jew x’m’għandekx tagħmel. Imma kun ibbilanċjat. Tkellem maʼ dawk li tafdahom, dawk li se jipproteġu l-“ħwejjeġ moħbija” tiegħek.—Proverbji 11:13.
10 Tgħallem afda lill-anzjani Kristjani. L-anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana jistgħu jkunu sors kbir t’għajnuna. Dawn l-irġiel maturi huma mgħallmin fil-Kelma t’Alla u għandhom l-esperjenza fl-applikar tal-prinċipji tagħha. Jistgħu juru li huma “bħal ilqugħ għar-riħ, u kenn fit-tempesta, bħal swieqi taʼ l-ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.” (Isaija 32:2) L-anzjani Kristjani mhux biss jipproteġu lill-kongregazzjoni minn influwenzi taʼ ħsara imma wkoll ifarrġu, jirrifreskaw, u jieħdu interess persunali f’individwi li għandhom il-problemi. Ħu vantaġġ sħiħ mill-għajnuna tagħhom.
11, 12. Min jipprovdi l-akbar għajnuna għal familji taʼ l-alkoħoliċi, u kif jingħata dak l-appoġġ?
11 Fuq kollox, ikseb is-saħħa mingħand Jehovah. Il-Bibbja kordjalment tassigurana: “Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, igħin lil dawk b’ruħhom mifnija.” (Salm 34:19 [34:18, NW]) Jekk tħossok qalbek maqsuma jew mifnija fl-ispirtu minħabba l-pressjonijiet taʼ li tkun tgħix maʼ membru alkoħoliku tal-familja, kun af li “qrib il-Mulej.” Hu jifhem kemm hija diffiċli s-sitwazzjoni tal-familja tiegħek.—1 Pietru 5:6, 7.
12 Li temmen dak li jgħid Jehovah fil-Kelma tiegħu jistaʼ jgħinek tkampa maʼ l-anzjetà. (Salm 130:3, 4; Mattew 6:25-34; 1 Ġwann 3:19, 20) Li tistudja l-Kelma t’Alla u tgħix fi qbil mal-prinċipji tagħha jpoġġik f’pożizzjoni biex tirċievi l-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla, li jistaʼ jarmak b’“qawwa iktar min-normal” biex tkampa minn jum għall-ieħor.—2 Korintin 4:7, NW.b
13. Liema hija problema oħra li tagħmel ħsara lil ħafna familji?
13 L-abbuż taʼ l-alkoħol jistaʼ jwassal għal problema oħra li tagħmel ħsara lil ħafna familji—il-vjolenza domestika.
ĦSARA KKAĠUNATA MINN VJOLENZA DOMESTIKA
14. Meta bdiet il-vjolenza domestika, u x’inhi s-sitwazzjoni llum?
14 L-ewwel att vjolenti fl-istorja tal-bniedem kien inċident taʼ vjolenza domestika li involva lil żewġ aħwa, Kajjin u Abel. (Ġenesi 4:8) Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-umanità kienet impestata b’kull manjiera taʼ vjolenza domestika. Hemm irġiel li jbiċċru lin-nisa tagħhom, nisa li jattakkaw lil żwieġhom, ġenituri li jsawtu bi krudeltà lit-tfal żgħar tagħhom, u tfal kbar li jwettqu abbuż fuq il-ġenituri anzjani tagħhom.
15. Membri tal-familja kif inhuma effettwati emozzjonalment mill-vjolenza domestika?
15 Il-ħsara kkaġunata mill-vjolenza domestika jkollha ferm iktar konsegwenzi mill-ġrieħi fiżiċi. Waħda mara miżżewġa msawta qalet: “Hemm skoss ħtija u għajb li trid tittratta magħhom. Kważi kull fil-għodu, sempliċement tkun trid tibqaʼ fis-sodda, billi tittama li din kienet biss ħolma kerha.” Tfal li josservaw jew jesperjenzaw vjolenza domestika għandhom mnejn huma nfushom ikunu vjolenti meta jikbru u jkollhom familji tagħhom stess.
16, 17. X’inhu l-abbuż emozzjonali, u membri tal-familja kif inhuma effettwati minnu?
16 Il-vjolenza domestika m’hijiex limitata għal abbuż fiżiku. Spiss l-attakk ikun verbali. Proverbji 12:18 jgħid: “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal b’sejf.” Dan l-‘infid’ li huwa karatteristiku tal-vjolenza domestika jinkludi tgħajjir u agħjat, kif ukoll kritika kostanti, insulti degradanti, u theddid taʼ vjolenza fiżika. Il-ġrieħi tal-vjolenza emozzjonali huma inviżibbli u spiss ma jiġux innotati minn oħrajn.
17 Is-swat emozzjonali taʼ tifel—li wieħed jikkritika u jċekken b’mod kostanti l-abbiltajiet u l-intelliġenza taʼ tifel, jew il-valur tiegħu bħala persuna—huwa speċjalment taʼ sogħba. Abbuż verbali bħal dan jistaʼ jeqred l-ispirtu taʼ tifel. Veru, it-tfal kollha jeħtieġu d-dixxiplina. Imma l-Bibbja tistruwixxi lill-missirijiet: “La ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.”—Kolossin 3:21.
KIF TEVITA L-VJOLENZA DOMESTIKA
18. Il-vjolenza domestika fejn tibda, u l-Bibbja liema turi li huwa l-mod biex wieħed iwaqqafha?
18 Il-vjolenza domestika tibda fil-qalb u fil-moħħ; il-mod kif naġixxu jibda bil-mod kif naħsbu. (Ġakbu 1:14, 15) Biex iwaqqaf il-vjolenza, dak li jabbuża jeħtieġ li jittrasforma l-mod taʼ kif jaħseb. (Rumani 12:2) Huwa dan possibbli? Iva. Il-Kelma t’Alla għandha l-qawwa li tbiddel lin-nies. Tistaʼ taqlaʼ mill-għeruq saħansitra ideat distruttivi ‘mdaħħlin fil-fond ħafna.’ (2 Korintin 10:4 [NW]; Lhud 4:12) Għarfien eżatt tal-Bibbja jistaʼ jgħin f’li jipproduċi bidla tant kompleta fin-nies li jintqal li qegħdin jilbsu personalità ġdida.—Efesin 4:22-24; Kolossin 3:8-10.
19. Kristjan kif għandu jqis u jittratta lil sieħba fiż-żwieġ?
19 Kif tqis lis-sieħeb/sieħba fiż-żwieġ. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu jkun iħobb lilu nnifsu.” (Efesin 5:28) Il-Bibbja tgħid ukoll li raġel għandu jagħti lil martu “l-ġieh . . . għax [hi] aktar dgħajfa.” (1 Pietru 3:7) In-nisa huma mwissijin biex “iħobbu lil żwieġhom” u biex ikollhom “rispett” lejhom. (Titu 2:4; Efesin 5:33) Żgur li ebda raġel li għandu l-biżaʼ t’Alla ma jistaʼ jgħid bl-onestà kollha li tassew jonora lil martu jekk jattakkaha fiżikament jew verbalment. U ebda mara li twerżaq f’wiċċ żewġha, tindirizzah b’mod sarkastiku, jew iċċanfru b’mod kostanti ma tistaʼ tgħid li verament tħobbu u tirrispettah.
20. Quddiem min huma l-ġenituri responsabbli għat-tfal tagħhom, u l-ġenituri għala m’għandhomx ikollhom stennijiet mhux realistiċi dwar it-tfal tagħhom?
20 Kif tqis b’mod xieraq lit-tfal. It-tfal jixirqilhom, iva, jeħtieġu, imħabba u attenzjoni mill-ġenituri tagħhom. Il-Kelma t’Alla ssejjaħ lit-tfal “wirt il-Mulej” u “ħlas.” (Salm 127:3) Il-ġenituri huma responsabbli quddiem Jehovah li jieħdu ħsieb dak il-wirt. Il-Bibbja titkellem dwar “dak li hu taʼ tarbija” u l-“bluha” tat-tfulija. (1 Korintin 13:11; Proverbji 22:15) Il-ġenituri m’għandhomx jissorprendu ruħhom jekk tfeġġ il-bluha f’uliedhom. Iż-żgħażagħ m’humiex adulti. Il-ġenituri m’għandhomx jippretendu iktar milli huwa xieraq għall-età, l-isfond tal-familja, u l-abbiltà taʼ tifel.—Ara Ġenesi 33:12-14.
21. Liema huwa l-mod qaddis taʼ kif wieħed iqis lil ġenituri anzjani u kif jittratta magħhom?
21 Kif tqis lill-ġenituri anzjani. Levitiku 19:32 (KŻ) jgħid: “Quddiem dawk li xagħarhom bjad tqum, u tweġġah wiċċ ix-xiħ.” Il-Liġi t’Alla b’hekk inkuraġġiet rispett u stima kbira lejn l-anzjani fl-età. Dan jistaʼ jkun taʼ sfida meta ġenitur anzjan jidher li jesiġi żżejjed jew hu marid u forsi ma jiċċaqlaqx jew ma jaħsibx bil-ħeffa. Xorta waħda, l-ulied huma mfakkrin biex “[i]roddu lill-ġenituri tagħhom dak li ħaqqhom.” (1 Timotju 5:4) Dan ikun ifisser li wieħed jittrattahom b’dinjità u rispett, forsi saħansitra billi jipprovdilhom finanzjarjament. Li wieħed jittratta ħażin lil ġenituri anzjani fiżikament jew b’mod ieħor jikkontradixxi assolutament il-mod li l-Bibbja tgħidilna biex naġixxu.
22. Liema hija kwalità prinċipali f’li wieħed jegħleb il-vjolenza domestika, u kif tistaʼ tiġi eżerċitata?
22 Ikkultiva r-rażna. Proverbji 29:11 jgħid: “L-iblah jagħdab b’saħħtu kollha, imma l-għaref irażżan għadbu.” Kif tistaʼ tikkontrollah l-ispirtu tiegħek? Minflok ma tħalli l-frustrazzjoni tinġemaʼ ġo fik, aġixxi bil-ħeffa biex tirranġa d-diffikultajiet li jqumu. (Efesin 4:26, 27) Itlaq minn fuq il-post jekk tħoss li qiegħed titlef il-kontroll. Itlob għall-ispirtu qaddis t’Alla biex jipproduċi r-rażna fik. (Galatin 5:22, 23) Li tmur timxi jew tagħmel xi eżerċizzju fiżiku jistaʼ jgħinek biex tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek. (Proverbji 17:14, 27) Agħmel ħiltek biex ma ‘tagħdabx malajr.’—Proverbji 14:29, KŻ.
TISSEPARAW JEW TIBQGĦU FLIMKIEN?
23. X’jistaʼ jiġri jekk membru tal-kongregazzjoni Kristjana ripetutament u bla ndiema jċedi għal attakki vjolenti taʼ rabja li forsi jinkludu abbuż fiżiku fuq il-familja tiegħu?
23 Il-Bibbja tpoġġi fost ix-xogħlijiet ikkundannati minn Alla “mibegħda, ġlied, . . . korla” u tistqarr li “min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiretx is-saltna taʼ Alla.” (Galatin 5:19-21) Għalhekk, kulmin isostni li hu Kristjan u li ripetutament u bla ndiema jċedi għal attakki vjolenti taʼ rabja, li forsi jinkludu abbuż fiżiku fuq il-mara jew it-tfal, jistaʼ jiġi maqtugħ mis-sħubija mill-kongregazzjoni Kristjana. (Qabbel 2 Ġwann 9, 10.) B’dan il-mod il-kongregazzjoni tinżamm nadifa minn persuni abbużivi.—1 Korintin 5:6, 7; Galatin 5:9.
24. (a) Nisa miżżewġin abbużati kif jistgħu jagħżlu li jaġixxu? (b) Ħbieb u anzjani kkonċernati kif jistgħu jappoġġjaw lil mara miżżewġa abbużata, imma x’m’għandhomx jagħmlu?
24 Xi ngħidu dwar Kristjani li bħalissa qegħdin jiġu msawtin mill-parti l-oħra abbużiva li ma turi ebda sinjal taʼ tibdil? Xi wħud għażlu li jibqgħu mal-parti l-oħra abbużiva għal xi raġuni jew oħra. Oħrajn għażlu li jitilqu, billi ħassew li s-saħħa fiżika, mentali, u spiritwali tagħhom—forsi saħansitra ħajjithom—qiegħda fil-periklu. Dak li tagħżel li tagħmel vittma taʼ vjolenza domestika f’dawn iċ-ċirkostanzi huwa deċiżjoni persunali quddiem Jehovah. (1 Korintin 7:10, 11) Ħbieb, qraba, jew anzjani Kristjani b’intenzjoni tajba għandhom mnejn jixtiequ joffru għajnuna u pariri, imma m’għandhomx ipoġġu pressjoni fuq il-vittma biex tieħu xi korsa partikulari t’azzjoni. Dik hija deċiżjoni tiegħu jew tagħha.—Rumani 14:4; Galatin 6:5.
TMIEM GĦAL PROBLEMI LI JAGĦMLU ĦSARA
25. X’inhu l-iskop taʼ Jehovah għall-familja?
25 Meta Jehovah għaqqad lil Adam u Eva fiż-żwieġ, qatt ma kellu l-iskop li l-familji jiġu mmermrin minn problemi li jagħmlu l-ħsara bħalma huma l-alkoħoliżmu jew il-vjolenza. (Efesin 3:14, 15) Il-familja kellha tkun post fejn l-imħabba u l-paċi kellhom jiffjorixxu u kull membru kellu jkollu l-ħtiġijiet mentali, emozzjonali, u spiritwali tiegħu mħarsin. Bl-introduzzjoni tad-dnub, madankollu, il-ħajja tal-familja ddeterjorat bil-ħeffa.—Qabbel Koħelet 8:9.
26. X’futur hemm jistenna lil dawk li jipprovaw jgħixu f’armonija mal-ħtiġijiet taʼ Jehovah?
26 B’ferħ, Jehovah m’abbandunax l-iskop tiegħu għall-familja. Hu jwiegħed li se jġib dinja ġdida mimlija paċi li fiha n-nies se “jgħixu bi kwiethom u ħadd ma jbeżżagħhom aktar.” (Eżekjel 34:28) F’dak iż-żmien, l-alkoħoliżmu, il-vjolenza domestika, u l-problemi l-oħrajn kollha li jagħmlu l-ħsara lill-familji llum se jkunu affarijiet tal-passat. In-nies se jitbissmu, mhux biex jaħbu l-biżaʼ u l-uġigħ, imma minħabba li jkunu qegħdin isibu “l-għaxqa bnina . . . fl-abbundanza taʼ paċi.”—Salm 37:11, NW.
[Noti taʼ taħt]
a Għalkemm nirreferu għall-alkoħoliku bħala maskil, il-prinċipji f’dan il-kapitlu japplikaw ugwalment meta l-alkoħoliku jkun mara.
b F’xi pajjiżi, hemm ċentri taʼ kura, sptarijiet, u programmi taʼ rkuprar li jispeċjalizzaw f’li jgħinu lill-alkoħoliċi u lill-familji tagħhom. Jekk għandekx tfittex għajnuna bħal din jew le hija deċiżjoni persunali. Il-Watch Tower Society ma tapprovax xi kura partikulari. Madankollu, trid tingħata attenzjoni sabiex, f’li jfittex l-għajnuna, wieħed ma jiġix involut f’attivitajiet li bihom jagħmel xi kompromess fuq prinċipji Skritturali.
DAWN IL-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . LILL-FAMILJI BIEX JEVITAW PROBLEMI LI JISTGĦU JIKKAĠUNAW ĦSARA SERJA?
Jehovah jikkundanna l-użu ħażin taʼ l-alkoħol. —Proverbji 23:20, 21.
Kull individwu hu responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu.—Rumani 14:12.
Mingħajr rażna ma nistgħux naqdu lil Alla b’mod aċċettabbli.—Proverbji 29:11.
Kristjani ġenwini jonoraw lill-ġenituri anzjani tagħhom.—Levitiku 19:32.
[Stampa f’paġna 146]
Anzjani Kristjani jistgħu jkunu sors kbir t’għajnuna f’li jiġu solvuti problemi tal-familja
[Stampa f’paġna 151]
Imseħbin Kristjani li jħobbu u jirrispettaw lil xulxin se jaġixxu malajr biex jirranġaw id-diffikultajiet