Kapitlu 16
Il-Gvern T’Alla Jibda L-Ħakma Tiegħu
1. (a) Nies taʼ fidi lejn liema ħaġa ħarsu ’l quddiem għal żmien twil? (b) Is-saltna t’Alla għala tissejjaħ “belt”?
GĦAL ELUF taʼ snin persuni b’fidi fil-gvern t’Alla ħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien meta dan kellu jibda l-ħakma tiegħu. Per eżempju, il-Bibbja tgħid li l-leali Abraham “kien qiegħed jistenna l-belt li għandha sisien reali, li l-bennej tagħha u dak li għamilha hu Alla.” (Ebrej 11:10) Dik il-“belt” hija s-saltna t’Alla. Imma hawnhekk għala tissejjaħ “belt”? Dan huwa għaliex fl-antik kienet ħaġa komuni għal sultan li jaħkem fuq belt. Mela n-nies taʼ spiss ħarsu lejn belt bħala saltna.
2. (a) Liema ħaġa turi li s-Saltna kienet realtà għad-dixxipli bikrin taʼ Kristu? (b) X’riedu jkunu jafu dwarha?
2 Is-saltna t’Alla kienet reali għas-segwaċi bikrin taʼ Kristu. Dan jidher mill-interess profond tagħhom fil-ħakma tagħha. (Mattew 20:20-23) Mistoqsija f’moħħhom kienet: Kristu u d-dixxipli tiegħu meta kellhom jibdew jaħkmu? Darba waħda meta Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu wara l-irxoxt tiegħu, staqsewh: “Mulej, qiegħed tirrestawra s-saltna lil Iżrael f’dan iż-żmien?” (Atti 1:6) Mela, ħerqan int biex tkun taf meta Kristu se jibda jaħkem bħala Sultan tal-gvern t’Alla, saħansitra bħalma kienu d-dixxipli taʼ Kristu?
IL-GVERN LI GĦALIH JITOLBU L-KRISTJANI
3, 4. (a) Liema ħaġa turi li Alla minn dejjem ħakem bħala Sultan? (b) Mela Kristu għala għallem lis-segwaċi tiegħu jitolbu biex tiġi s-saltna t’Alla?
3 Kristu għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu ’l Alla: “Ħalli tiġi saltnatek. Ħalli r-rieda tiegħek isseħħ, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:9, 10) Imma xi ħadd jistaʼ jistaqsi: ‘Alla Jehovah mhux minn dejjem ħakem bħala sultan? U jekk inhu hekk, għala nitolbu biex tiġi saltnatu?’
4 Veru, il-Bibbja ssejjaħ lil Jehovah is-“Sultan taʼ l-eternità.” (1 Timotew 1:17) U tgħid: “Jehovah innifsu stabbilixxa b’mod sod it-tron tiegħu fl-istess smewwiet; u fuq kull ħaġa l-istat taʼ sultan tiegħu żamm dominju.” (Salm 103:19) Mela Jehovah minn dejjem kien il-Ħakkiem Suprem fuq il-ħolqien kollu tiegħu. (Ġeremija 10:10) Madankollu, minħabba l-irvell kontra l-ħakma tiegħu fil-ġnien t’Għeden, Alla rranġa biex ikun hemm gvern speċjali. Dan huwa l-gvern li għalih Ġesù Kristu iktar tard għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu. L-iskop tiegħu huwa li jtemm il-problemi li nqalgħu meta Satana x-Xitan u oħrajn taw daharhom lill-ħakma t’Alla.
5. Jekk is-saltna hija t’Alla, għala tissejjaħ ukoll is-saltna taʼ Kristu u s-saltna tal-144,000?
5 Dan il-gvern ġdid tas-Saltna jirċievi l-poter tiegħu u d-dritt li jaħkem mingħand is-Sultan il-Kbir, Alla Jehovah. Hija s-saltna tiegħu. Għal darba wara l-oħra, il-Bibbja ssejħilha s-“saltna t’Alla.” (Luqa 9:2, 11, 60, 62; 1 Korintin 6:9, 10; 15:50) Madankollu, peress li Jehovah ħatar lil Ibnu biex ikun il-Ħakkiem Ewlieni tagħha, issir ukoll referenza għaliha bħala s-saltna taʼ Kristu. (2 Pietru 1:11) Bħalma tgħallimna f’kapitlu ieħor, 144,000 persuna minn fost il-bnedmin se jaħkmu maʼ Kristu f’din is-saltna. (Rivelazzjoni 14:1-4; 20:6) Mela l-Bibbja tirreferi għaliha wkoll bħala “s-saltna tagħhom.”—Danjel 7:27.
6. Skond xi nies, is-saltna t’Alla meta bdiet taħkem?
6 Xi persuni jgħidu li s-Saltna bdiet il-ħakma tagħha fis-sena li fiha Ġesù mar lura fis-sema. Huma jgħidu li Kristu beda jaħkem meta sawwab l-ispirtu qaddis fuq is-segwaċi tiegħu fil-jum tal-festa Lhudija taʼ Pentekoste fis-sena 33 E.K. (Atti 2:1-4) Imma l-gvern tas-Saltna li Jehovah irranġa biex itemm il-problemi kollha li nħolqu bl-irvell taʼ Satana ma bediex il-ħakma tiegħu dak in-nhar. M’hemm xejn li juri li t-‘tifel,’ li huwa l-gvern t’Alla bi Kristu bħala ħakkiem, ġie mwieled dak in-nhar u beda l-ħakma tiegħu. (Rivelazzjoni 12:1-10) Sewwa, kellu Ġesù b’xi mod xi saltna fis-sena 33 E.K.?
7. Kristu fuq min kien qiegħed jaħkem mis-sena 33 E.K. ’l hawn?
7 Iva, Ġesù dak in-nhar beda jaħkem fuq il-kongregazzjoni taʼ segwaċi tiegħu li, maż-żmien, kellhom jingħaqdu miegħu fis-smewwiet. B’hekk il-Bibbja titkellem dwarhom, dment li huma fuq l-art, bħala li ttieħdu ‘fis-saltna taʼ l-Iben taʼ l-imħabba [t’Alla].’ (Kolossin 1:13) Imma din il-ħakma, jew “saltna,” fuq il-Kristjani bit-tama taʼ ħajja fis-sema m’hijiex il-gvern tas-Saltna li għalih Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu. Hija saltna fuq il-144,000 persuna biss li se jaħkmu miegħu fis-sema. Matul is-sekli huma kienu l-uniċi sudditi tagħha. B’hekk din il-ħakma, jew ‘saltna taʼ l-Iben taʼ l-imħabba t’Alla,’ se tispiċċa meta l-aħħar wieħed minn dawn is-sudditi b’tama għas-sema jmut u jingħaqad maʼ Kristu fis-sema. Ma jkunux iżjed is-sudditi taʼ Kristu, imma mbagħad ikunu slaten miegħu fil-gvern tas-Saltna t’Alla mwiegħed minn żmien ilu.
BIDU TAL-ĦAKMA F’NOFS L-GĦEDEWWA
8. (a) Liema ħaġa turi li wara l-irxoxt taʼ Kristu kellu jkun hemm żmien taʼ stennija qabel ma beda jaħkem? (b) X’qal Alla lil Kristu meta wasal il-waqt biex jibda jaħkem?
8 Meta Kristu rritorna fis-sema wara l-irxoxt tiegħu, ma bediex jaħkem dak in-nhar bħala Sultan tal-gvern t’Alla. Minflok, kellu jkun hemm żmien taʼ stennija, bħalma jispjega l-appostlu Pawlu: “Dan ir-raġel [Ġesù Kristu] offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet b’mod perpetwu u qagħad bil-qiegħda fuq il-leminija t’Alla, minn dak iż-żmien ’il quddiem jistenna sakemm l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu bħala banketta għal saqajh.” (Ebrej 10:12, 13) Meta wasal iż-żmien biex Kristu jibda jaħkem, Jehovah qallu: “Mur rażżan [jew, ikkonkwista] f’nofs l-għedewwa tiegħek.”—Salm 110:1, 2, 5, 6.
9. (a) Għala mhux kulħadd irid is-saltna t’Alla? (b) Meta l-gvern t’Alla jibda l-ħakma tiegħu, il-ġnus x’jagħmlu?
9 Tinstemaʼ stramba li xi ħadd ikun għadu tal-gvern t’Alla? Madankollu mhux kulħadd irid jgħix taħt gvern li jitlob mis-sudditi tiegħu li jagħmlu dak li huwa sewwa. Mela wara li tgħid kif Jehovah u Ibnu se jieħdu f’idejhom il-ħakma tad-dinja, il-Bibbja tgħid, “[i]l-ġnus saru mimlijin korla.” (Rivelazzjoni 11:15, 17, 18) Il-ġnus ma jilqgħux is-saltna t’Alla għaliex Satana jiżvijahom biex jopponuha.
10, 11. (a) Meta l-gvern t’Alla jibda l-ħakma tiegħu, x’jiġri fis-sema? (b) X’jiġri fuq l-art? (ċ) Mela liema punt importanti rridu niftakru?
10 Meta l-gvern t’Alla jibda l-ħakma tiegħu, Satana u l-anġli tiegħu jkunu għadhom jgħixu fis-sema. Ladarba huma jopponu l-ħakma tas-Saltna, mill-ewwel tfaqqaʼ gwerra. B’riżultat taʼ dan, Satana u l-anġli tiegħu jintefgħu ’l barra mis-sema. Għal dan, leħen qawwi jgħid: “Issa seħħew is-salvazzjoni u l-poter u s-saltna t’Alla tagħna u l-awtorità tal-Kristu tiegħu.” Iva, tibda l-ħakma tal-gvern t’Alla! U b’Satana u l-anġli tiegħu mneħħijin mis-sema, hemm ferħ kbir hemmhekk. “Minħabba f’dan ifirħu, intom is-smewwiet u intom li toqogħdu fihom!” tgħid il-Bibbja.—Rivelazzjoni 12:7-12.
11 Huwa dan ukoll żmien hieni għall-art? Le! Minflok, hemm l-iktar żmien taʼ inkwiet li qatt deher fuq l-art. Il-Bibbja tgħidilna: “Gwaj għall-art u għall-baħar, għaliex ix-Xitan niżel għandkom, billi għandu rabja kbira, billi jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.” (Rivelazzjoni 12:12) Mela dan huwa punt importanti li tiftakar: Il-bidu tal-ħakma tas-saltna t’Alla ma jfissirx paċi u sigurtà mmedjati fuq l-art. Il-vera paċi se tiġi iktar tard meta s-saltna t’Alla tieħu kontroll sħiħ taʼ l-art. Dan jiġri fit-tmiem tal-“perijodu qasir taʼ żmien,” meta Satana u l-anġli tiegħu jitneħħew min-nofs biex qatt iktar ma jkunu jistgħu jikkaġunaw inkwiet għal ħadd.
12. Għala nistgħu nistennew li l-Bibbja tgħidilna meta s-saltna t’Alla tibda l-ħakma tagħha?
12 Imma Satana meta jintefaʼ ’l barra mis-sema, u b’hekk jikkaġuna l-inkwiet fuq l-art għal “perijodu qasir taʼ żmien”? Il-gvern t’Alla meta jibda l-ħakma tiegħu? Tagħti l-Bibbja xi tweġiba? Għandna nistennew li tagħti. Għala? Sewwa, għaliex ħafna bil-quddiem il-Bibbja bassret meta l-Iben t’Alla kellu jidher l-ewwel bħala bniedem fuq l-art biex isir il-Messija. Fil-fatt, hija indikat dik l-istess sena li fiha hu sar il-Messija. Xi ngħidu, allura, dwar il-miġja bil-wisq iktar importanti tal-Messija, jew Kristu, biex jibda l-ħakma tas-Saltna tiegħu? Żgur li għandna nistennew li l-Bibbja għandha tgħidilna wkoll meta dan kellu jiġri!
13. Il-Bibbja kif tbassar dik l-istess sena li fiha l-Messija deher fuq l-art?
13 Imma wieħed jistaʼ jistaqsi: ‘Il-Bibbja fejn tbassar dik l-istess sena li fiha l-Messija deher fuq l-art?’ Il-ktieb Bibliku taʼ Danjel jgħid: “Mill-ħruġ tal-kelma biex Ġerusalemm tiġi restawrata u mibnija mill-ġdid sal-Messija l-Mexxej, se jkun hemm sebaʼ ġimgħat, ukoll tnejn u sittin ġimgħa,” jew b’kollox 69 ġimgħa. (Danjel 9:25) Dawn, madankollu, m’humiex 69 ġimgħa litterali, li jammontaw għal biss 483 jum, jew ftit iżjed minn sena waħda. Dawn huma 69 ġimgħa taʼ snin, jew 483 sena. (Qabbel Numri 14:34.) Il-kmand biex jiġu rrestawrati u mibnijin mill-ġdid il-ħitan taʼ Ġerusalemm kien mogħti fis-sena 455 Q.E.K.a (Neħemija 2:1-8) Mela dawn id-69 ġimgħa taʼ snin spiċċaw 483 sena wara, fis-sena 29 E.K. U dik hija l-istess sena meta Ġesù ġie għand Ġwanni biex jitgħammed! F’dik l-okkażjoni ġie midluk bl-ispirtu qaddis u sar il-Messija, jew Kristu.—Luqa 3:1, 2, 21-23.
META L-GVERN T’ALLA JIBDA L-ĦAKMA TIEGĦU
14. Is-“siġra” f’Danjel kapitlu erbgħa x’tirrappreżenta?
14 Sewwa, allura, il-Bibbja fejn tbassar is-sena li fiha Kristu jibda jaħkem bħala sultan tal-gvern t’Alla? Huwa f’dan l-istess ktieb Bibliku taʼ Danjel. (Danjel 4:10-37) Hemmhekk siġra ġganteska li tasal sas-sema hija wżata biex tirrappreżenta lis-Sultan Nebukadneżżar taʼ Babilonja. Hu kien l-ogħla ħakkiem uman f’dak iż-żmien. Madankollu, is-Sultan Nebukadneżżar ġie mġiegħel ikun jaf li xi ħadd ogħla kien qiegħed jaħkem. Dan il-wieħed hu “l-Iktar Għoli,” jew “is-Sultan tas-smewwiet,” Alla Jehovah. (Danjel 4:34, 37) Mela, b’mod iktar importanti, din is-siġra m’ogħla s-sema, tiġi tirrappreżenta l-ħakma suprema t’Alla, partikolarment fir-relazzjoni tagħha maʼ l-art tagħna. L-istat taʼ ħakma taʼ Jehovah kien espress għal xi żmien permezz tas-saltna li hu stabbilixxa fuq il-ġens taʼ Iżrael. B’hekk is-slaten tat-tribù taʼ Ġuda, li kienu jsaltnu fuq l-Iżraeliti, kien jintqal li ‘kienu fuq it-tron taʼ Jehovah.’—1 Kronaki 29:23.
15. Meta s-“siġra” ġiet imqaċċta, għala tpoġġew ċrieki madwarha?
15 Skond ir-rakkont Bibliku f’Danjel kapitlu erbgħa, is-siġra m’ogħla s-sema ġiet imqaċċta. Madankollu, iz-zokk taʼ l-għeruq ġie mħolli, u ċrieki tal-ħadid u tar-ram ġew imqegħdin madwaru. Dan kellu jżomm iz-zokk taʼ l-għeruq milli jikber sakemm jasal il-waqt li Alla jneħħi l-irbit u jħallih jibda jikber mill-ġdid. Imma kif u meta ġie mqaċċat l-istat taʼ ħakma t’Alla?
16. (a) Kif u meta ġie mqaċċat l-istat taʼ ħakma t’Alla? (b) Xi ntqal lill-aħħar sultan taʼ Ġuda li qagħad fuq “it-tron taʼ Jehovah”?
16 Maż-żmien, is-saltna taʼ Ġuda, li Jehovah kien stabbilixxa, saret tant korrotta li hu ħalla lis-Sultan Nebukadneżżar jeqridha, iqaċċatha. Dan ġara fis-sena 607 Q.E.K. F’dak iż-żmien lil Żedekija, l-aħħar sultan taʼ Ġuda li qagħad fuq it-tron taʼ Jehovah, intqallu: “Neħħi l-kuruna. . . . ċertament li ma se tkun taʼ ħadd sakemm jiġi dak li għandu d-dritt legali, u jien irrid nagħtiha lilu.”—Eżekjel 21:25-27.
17. Liema perijodu taʼ żmien beda fis-sena 607 Q.E.K.?
17 Mela l-istat taʼ ħakma t’Alla, bħalma huwa rrappreżentat mis-“siġra,” ġie mqaċċat fis-sena 607 Q.E.K. Qatt iktar ma kien hemm gvern biex jirrappreżenta l-istat taʼ ħakma t’Alla fl-art. B’hekk, fis-sena 607 Q.E.K. beda perijodu taʼ żmien li Ġesù Kristu iktar tard irrefera għalih bħala “ż-żminijiet maħturin tal-ġnus,” jew, “żminijiet il-Ġentili.” (Luqa 21:24; King James Version) Matul dawn “iż-żminijiet maħturin” Alla ma kellux gvern biex jirrappreżenta l-istat taʼ ħakma tiegħu fl-art.
18. X’kellu jiġri fit-tmiem taż-“żminijiet maħturin tal-ġnus”?
18 X’kellu jiġri fit-tmiem taʼ dawn “iż-żminijiet maħturin tal-ġnus”? Jehovah kellu jagħti l-poter biex jaħkem lill-Wieħed “li għandu d-dritt legali.” Dan il-Wieħed hu Ġesù Kristu. Mela jekk nistgħu niskopru meta jintemmu “ż-żminijiet maħturin tal-ġnus,” se nkunu nafu meta Kristu jibda jaħkem bħala sultan.
19. L-istat taʼ ħakma t’Alla fuq l-art għal kemm “żminijiet” kellu jkun interrott?
19 Skond Danjel kapitlu erbgħa, dawn “iż-żminijiet maħturin” kellhom ikunu “sebaʼ żminijiet.” Danjel juri li kellu jkun hemm “sebaʼ żminijiet” li matulhom l-istat taʼ ħakma t’Alla, bħalma huwa rrappreżentat mis-“siġra,” ma kellux ikun qiegħed jopera għal fuq l-art. (Danjel 4:16, 23) Kemm huma twal dawn is-“sebaʼ żminijiet”?
20. (a) Kemm huwa twil “żmien” wieħed? (b) Kemm huma twal is-“sebaʼ żminijiet”? (ċ) Għala ngħoddu sena għal kull jum?
20 F’Rivelazzjoni kapitlu 12, versi 6 u 14, insibu li 1,260 jum huma daqs “żmien [jiġifieri, żmien wieħed] u żminijiet [jiġifieri, żewġ żminijiet] u nofs żmien.” Dak huwa total taʼ tliet żminijiet u nofs. Mela “żmien” wieħed jiġi ugwali għal 360 jum. Għalhekk, “sebaʼ żminijiet” jagħmlu 7 għal 360 darba, jew 2,520 jum. Issa jekk ngħoddu sena għal kull jum, skond regola tal-Bibbja, is-“sebaʼ żminijiet” jiġu ugwali għal 2,520 sena.—Numri 14:34; Eżekjel 4:6.
21. (a) “Iż-żminijiet maħturin tal-ġnus” meta jibdew u jintemmu? (b) Il-gvern t’Alla meta jibda l-ħakma tiegħu? (ċ) Għala għadu xieraq li nitolbu biex tiġi s-saltna t’Alla?
21 Diġà tgħallimna li “ż-żminijiet maħturin tal-ġnus” bdew fis-sena 607 Q.E.K. Mela billi ngħoddu 2,520 sena minn dik id-data, naslu għas-sena 1914 E.K. Dik hija s-sena li fiha ntemmu dawn “iż-żminijiet maħturin.” Miljuni taʼ nies li għadhom ħajjin jiftakru l-affarijiet li ġraw fl-1914. F’dik is-sena, l-I Gwerra Dinjija bdiet perijodu taʼ inkwiet terribbli li għadu sejjer sa żmienna. Dan ifisser li Ġesù Kristu beda jaħkem bħala sultan tal-gvern tas-sema t’Alla fl-1914. U minħabba li s-Saltna diġà bdiet il-ħakma tagħha, kemm huwa f’waqtu li nitolbu biex din “tiġi” u tiknes is-sistema t’affarijiet mill-agħar taʼ Satana minn fuq l-art!—Mattew 6:10; Danjel 2:44.
22. Xi wħud jistgħu jistaqsu liema mistoqsija?
22 Madankollu wieħed jistaʼ jistaqsi: ‘Jekk Kristu diġà rritorna biex jaħkem fis-saltna taʼ Missieru, għala ma narawhx?’
[Nota ta’ taħt]
a Għall-evidenza storika li dan il-kmand ngħata fis-sena 455 Q.E.K., ara s-suġġett “Artaxerxes” fil-ktieb Insight on the Scriptures, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Tabella f’paġna 140, 141]
Fis-sena 607 Q.E.K. s-saltna t’Alla taʼ Ġuda waqgħet.
Fl-1914 E.K. Ġesù Kristu beda jaħkem bħala sultan tal-gvern tas-sema t’Alla
607 Q.E.K.—1914 E.K.
Ottubru, 607 Q.E.K.—Ottubru, 1 Q.E.K. = 606 snin
Ottubru, 1 Q.E.K.—Ottubru, 1914 E.K. = 1,914-il sena
SEBAʼ ŻMINIJIET TAL-ĠENTILI = 2,520 SENA
[Stampa f’paġna 134]
“Qiegħed tirrestawra s-saltna lil Iżrael f’dan iż-żmien?”
[Stampa f’paġna 139]
Is-siġra għolja f’Danjel kapitlu 4 tirrappreżenta stat divin taʼ ħakma. Għal xi żmien dan kien espress permezz tas-saltna taʼ Ġuda
[Stampa f’paġna 140, 141]
Is-siġra ġiet imqaċċta meta s-saltna taʼ Ġuda ġiet meqruda