LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • cl kap. 5 pp. 47-56
  • Il-qawwa kreattiva—dak ‘li għamel is-sema u l-art’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-qawwa kreattiva—dak ‘li għamel is-sema u l-art’
  • Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Erfgħu Għajnejkom ’il Fuq u Araw”
  • “Bil-​Ħila Tiegħu Għamel l-​Art”
  • “Kull ma Jieħu Nifs”
  • Nitgħallmu mill-​Qawwa Kreattiva taʼ Jehovah
  • Is-Sistema Solari Unika Tagħna—Kif Bdiet Teżisti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • L-Ispirtu Qaddis—Jaħdem fil-Ħolqien!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • In-Natura Eċċezzjonali tax-Xemx Tagħna
    Stenbaħ!—2001
  • Il-Ħolqien Ixandar il-Glorja t’Alla!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
cl kap. 5 pp. 47-56
Ix-xemx qawwija

KAPITLU 5

Il-​Qawwa Kreattiva—Dak ‘li Għamel is-​Sema u l-​Art’

1, 2. Ix-​xemx kif turi l-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah?

ĠIELI qgħadt ħdejn xi ħuġġieġa nar f’xi lejla kiesħa? Forsi żammejt idejk ’il bogħod eżatt mill-​fjammi biex tieħu pjaċir bis-​sħana ħierġa. Jekk kont tersaq qrib iżżejjed, is-​sħana kienet issir insapportabbli. Jekk kont tersaq wisq lura, is-​sirda tal-​lejl kont tħossha ġo l-​għadam.

2 Hemm “nar” li jsaħħnilna ġisimna matul il-​ġurnata. Dan in-​“nar” qed jaqbad mal-​150 miljun kilometru ’l bogħod!a X’saħħa bilfors għandha x-​xemx biex int jirnexxilek tħoss is-​sħana tagħha minn daqshekk bogħod! Madankollu, id-​dinja ddur ma’ dan il-​forn taʼ l-​għaġeb termonukleari filwaqt li żżomm ’il bogħod minnu d-​distanza eżatta. Qrib wisq, u l-​ilma li hawn fid-​dinja jevapora; ’il bogħod wisq, u jiffriża kollu kemm hu. Fiż-​żewġ estremi li huma, xejn ma jibqaʼ ħaj fuq il-​pjaneta tagħna. Minbarra li hu sabiħ, id-​dawl tax-​xemx hu essenzjali għall-​ħajja fuq l-​art, u huwa wkoll nadif u effiċjenti.—Koħèlet 11:7.

Jehovah ‘għamel il-kwiekeb u x-xemx’

3. Liema verità importanti tintwera bis-​saħħa tax-​xemx?

3 Madankollu, il-​biċċa l-​kbira min-​nies ma japprezzawhiex biżżejjed ix-​xemx, avolja ħajjithom tiddependi minnha. B’hekk, huma jonqsu li jaraw dak li x-​xemx tistaʼ tgħallimna. Il-​Bibbja tgħid dwar Jehovah: “Il-​kwiekeb u x-​xemx int għamilthom.” (Salm 74:16) Iva, ix-​xemx iġġib unur lil Jehovah, Dak li ‘għamel is-​sema u l-​art.’ (Salm 19:2 [19:1, NW]; 146:6) Hija biss waħda mill-​ħafna pjaneti bla għadd fl-​univers li jgħallmuna dwar il-​qawwa kreattiva immensa taʼ Jehovah. Ejja neżaminaw iktar mill-​qrib xi ftit minnhom u mbagħad indawru l-​attenzjoni tagħna lejn l-​art u l-​ħajja li tiffjorixxi fuqha.

“Erfgħu Għajnejkom ’il Fuq u Araw”

4, 5. Kemm hija qawwija u kbira x-​xemx, iżda din kif titqabbel ma’ kwiekeb oħra?

4 Bħalma forsi taf, ix-​xemx tagħna hija kewkba. Tidher akbar mill-​kwiekeb li naraw bil-​lejl għax, meta tqabbilha magħhom, hi tinsab qrib mhux ħażin. Kemm hi qawwija? Fil-​qalba tax-​xemx, is-​sħana hi qawwija madwar 15,000,000 grad Celsius. Li kieku tistaʼ taqbad nitfa daqs ras taʼ labra mill-​qalba tax-​xemx u tpoġġiha hawn fuq l-​art, ma kontx tkun tistaʼ toqgħod inqas minn 140 kilometru ’l bogħod minn dik in-​naqra sors taʼ sħana mingħajr ma tweġġa’! Kull sekonda, ix-​xemx tarmi enerġija qawwija daqs l-​isplużjoni taʼ ħafna mijiet taʼ miljuni taʼ bombi nukleari.

5 Ix-​xemx tant hi kbira li ġo fiha jidħlu iktar minn 1,300,000 pjaneta daqs id-​dinja tagħna. Hija x-​xemx xi kewkba akbar mis-​soltu? Le, l-​astronomi jsejħulha nanu isfar. L-​appostlu Pawlu kiteb li “kewkba tiddi aktar minn kewkba oħra.” (1 Korintin 15:41) Lanqas kien jaf kemm kien minnu dan il-​kliem ispirat! Hemm kewkba tant kbira illi kieku din kellha titpoġġa eżatt fejn tinsab ix-​xemx, id-​dinja tagħna tiġi ġewwa fiha. Jekk issir l-​istess ħaġa b’kewkba ġganteska oħra, din tasal sa Saturnu—għalkemm Saturnu tant tinsab ’il bogħod mill-​art li rokit dam erba’ snin biex wasal hemm, avolja vvjaġġa 40 darba iktar jgħaġġel minn balla sparata b’pistola qawwija!

6. Il-​Bibbja kif turi li l-​għadd taʼ kwiekeb hu kbir immens mill-​ħarsa tal-​bniedem?

6 Xi ħaġa iktar taʼ l-​għaġeb mid-​daqs tal-​kwiekeb hija l-għadd tagħhom. Fil-​fatt, il-​Bibbja tissuġġerixxi li l-​kwiekeb huma kważi bla għadd, u diffiċli tgħoddhom daqs “ir-​ramel tal-​baħar.” (Ġeremija 33:22) Din l-​istqarrija timplika li hemm bil-​wisq iktar kwiekeb milli wieħed jistaʼ jara b’għajnejh biss. Wara kollox, li kieku kittieb tal-​Bibbja, bħal Ġeremija, kellu dakinhar iħares lejn is-​sema bil-​lejl u jipprova jgħodd il-​kwiekeb li jidhru, hu kien jirnexxilu jgħodd biss xi tlett elef, għax daqshekk tistaʼ tara l-​għajn umana waħedha waqt lejl bnazzi. Dan in-​numru jistaʼ jitqabbel ma’ l-​għadd taʼ frak tar-​ramel f’sempliċi ponn ramel. Madankollu, fir-​realtà l-​għadd taʼ kwiekeb huwa bil-​wisq akbar, bħar-​ramel tal-​baħar.b Min jistaʼ jgħoddu numru bħal dan?

Numru bla għadd taʼ stilel u galassji fis-sema

“Isejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed”

7. (a) Kemm fiha kwiekeb bejn wieħed u ieħor il-​galassja tagħna t-​Triq tal-​Ħalib, u kemm hu kbir dan in-​numru? (b) Għala huwa sinifikanti li l-​astronomi jsibuha diffiċli biex jgħoddu l-​galassji, u dan x’jgħallimna dwar il-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah?

7 Isaija 40:26 iwieġeb: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-​ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-​eżerċti tiegħu, u jsejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed.” Salm 147:4 jgħid: “Hu jgħodd in-​numru tal-​kwiekeb.” X’inhu “n-​numru tal-​kwiekeb”? Din m’hijiex mistoqsija sempliċi. L-​astronomi jikkalkulaw li biss biss fil-​galassja tagħna t-​Triq tal-​Ħalib hemm iktar minn 100 biljun kewkba.c Imma l-​galassja tagħna hija sempliċement waħda minn ħafna galassji, u ħafna minn dawn huma miżgħudin b’saħansitra iktar kwiekeb. Kemm hemm galassji? Xi astronomi jikkalkulaw li hemm 50 biljun waħda. Oħrajn jgħidu li jistaʼ jkun hemm mal-​125 biljun waħda. Mela l-​bniedem lanqas hu kapaċi jiddetermina l-​għadd taʼ galassji, aħseb u ara n-​numru eżatt tal-​biljuni kollha taʼ kwiekeb li hemm ġo fihom. Madankollu, Jehovah jafu dan in-​numru. Iktar minn hekk, hu jagħti lil kull kewkba isem għaliha!

8. (a) Kif tispjegah int id-​daqs tal-​galassja t-​Triq tal-​Ħalib? (b) Jehovah b’liema mod jirranġa f’ordni ċ-​ċaqliq tal-​pjaneti ċelestjali?

8 L-​istagħġib u r-​riverenza tagħna jistgħu biss jiżdiedu meta nqisu d-​daqs tal-​galassji. Ġie kalkulat li l-​galassja t-​Triq tal-​Ħalib hija twila 100,000 sena tad-​dawl minn tarf sa tarf. Ġib quddiem għajnejk raġġ taʼ dawl li jivvjaġġa b’veloċità tremenda taʼ 300,000 kilometru fis-​sekonda. Dak ir-​raġġ taʼ dawl idum 100,000 sena biex jaqsam il-​galassja tagħna! U xi galassji huma ħafna drabi akbar minn tagħna. Il-​Bibbja tgħid li Jehovah qed ‘jifrex’ dawn is-​smewwiet vasti bħallikieku kienu xi pezza drapp. (Salm 104:2) Hu wkoll jirranġa f’ordni ċ-​ċaqliq taʼ dan il-​ħolqien. Mill-​iċken għabra taʼ materjal li tinsab ħdejn il-​kwiekeb sa l-​akbar galassja li hemm, kollox jiċċaqlaq skond il-​liġijiet fiżiċi li Alla għamel u beda jħaddem. (Ġob 38:31-​33) B’hekk, ix-​xjenzati qabblu ċ-​ċaqliq preċiż tal-​pjaneti ċelestjali maż-​żfin elaborat tal-​balè. Aħseb, allura, fuq Dak li ħalaq dawn l-​affarijiet. Ma tħossokx mimli riverenza profonda lejn l-​Alla li għandu din il-​qawwa kreattiva immensa?

“Bil-​Ħila Tiegħu Għamel l-​Art”

9, 10. Il-​qawwa taʼ Jehovah kif inhi evidenti f’konnessjoni mal-​pożizzjoni tas-​sistema solari tagħna, Ġove, id-​dinja, u l-​qamar?

9 Il-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah hija evidenti fid-​dar tagħna, il-​pjaneta art. Hu qagħad attent ferm fejn ipoġġi d-​dinja f’dan l-​univers enormi. Xi xjenzati jemmnu li ħafna galassji x’aktarx li m’humiex addattati biex ikun hemm il-​ħajja fuqhom bħalma hi addattata l-​pjaneta tagħna. Mid-​dehra, parti kbira mill-​galassja tagħna t-​Triq tal-​Ħalib ma ġietx disinjata biex ikun hemm il-​ħajja fiha. Iċ-​ċentru galattiku hu miżgħud bil-​kwiekeb. Ir-​radjazzjoni hija għolja ħafna, u hija ħaġa komuni li xi kwiekeb kważi jkunu se jaħbtu ma’ xulxin. Fit-​trufijiet tal-​galassja, ħafna mill-​elementi bżonnjużi għall-​ħajja ma jeżistux. Is-​sistema solari tagħna tinsab b’mod ideali bejn dawn iż-​żewġ estremi.

10 Id-​dinja tibbenefika minn protettriċi li tinsab ’il bogħod imma li hija ġganteska—il-​pjaneta Ġove. Ġove hija akbar mid-​dinja iktar minn elf darba, u għandha ġibda tal-​gravità tremenda. X’inhu r-​riżultat? Din tiġbed lejha jew tbiddel id-​direzzjoni t’oġġetti li jiġġerrew fl-​ispazju. Ix-​xjenzati jikkalkulaw illi kieku ma kienx għal Ġove, ix-​xita taʼ materjal kbir li jolqot lid-​dinja kienet tkun 10,000 darba iktar qawwija milli hi fil-​preżent. Iktar qribna, id-​dinja tagħna tibbenefika minn satellita mhux tas-​soltu—il-​qamar. Minbarra li hu sabiħ u jipprovdi d-​dawl bil-​lejl, il-​qamar iżomm id-​dinja kemxejn imxaqilba b’mod kontinwu u stabbli. Permezz taʼ din ix-​xaqliba, l-​art tistaʼ tgawdi minn staġuni stabbli u ċerti—benefiċċju importanti ieħor għall-​ħajja fuq l-​art.

11. L-​atmosfera taʼ l-​art kif ġiet disinjata biex isservi bħala għata protettiva?

11 Il-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah hija evidenti f’kull aspett taʼ kif inhi magħmula d-​dinja. Ħu l-​atmosfera, li sservi bħala għata protettiva. Ix-​xemx tarmi raġġi tajbin għas-​saħħa u oħrajn qattiela. Meta r-​raġġi qerridin jaħbtu mas-​saff taʼ barra taʼ l-​atmosfera tad-​dinja, dawn jikkaġunaw ossiġnu normali biex jinbidel f’ożonu. Imbagħad, dan is-​saff t’ożonu li jiġi fformat jassorbi l-​biċċa l-​kbira minn dawn ir-​raġġi. Fil-​fatt, il-​pjaneta tagħna ġiet disinjata bl-​umbrella protettiva tagħha stess!

12. Iċ-​ċiklu atmosferiku taʼ l-​ilma kif juri x’qawwa kreattiva għandu Jehovah?

12 Dan huwa biss aspett wieħed taʼ l-​atmosfera tagħna, taħlita kumplessa taʼ gassijiet li huma addattati b’mod ideali sabiex jgħixu l-​ħlejjaq fuq wiċċ l-​art jew ftit ’il bogħod minnu. Fost l-​għeġubijiet f’din l-​atmosfera hemm iċ-​ċiklu taʼ l-​ilma. Kull sena, permezz taʼ l-​evaporazzjoni, ix-​xemx ittellaʼ biżżejjed ilma mill-​oċeani u l-​ibħra taʼ l-​art sabiex timla tank wiesa’, għoli, u fond iktar minn 70 kilometru. L-​ilma jifforma s-​sħab, li jitferrex ma’ kullimkien permezz taʼ rjieħ atmosferiċi. Dan l-​ilma li jkun għadu kif ġie filtrat u purifikat, jinżel bħala xita, borra, u silġ, u jerġaʼ jimla l-​provvisti taʼ l-​ilma. Huwa sewwa sew bħalma jgħid Koħèlet 1:7: “Ix-​xmajjar kollha lejn il-​baħar jiġru, iżda ma jimteliex il-​baħar bihom; mnejn ikunu bdew il-​mixja tagħhom, ’l hemmhekk ix-​xmajjar jerġgħu jmorru.” Jehovah biss setaʼ joħloq ċiklu bħal dan.

13. Liema evidenza tal-​qawwa tal-​Ħallieq naraw fil-​ħxejjex taʼ l-​art u fil-​ħamrija?

13 Kulfejn naraw il-​ħajja, naraw evidenza tal-​qawwa tal-​Ħallieq. Mis-​siġar enormi tas-​seqoja li jikbru iktar minn 30 sular sal-​pjanti mikroskopiċi li huma miżgħudin bihom l-​oċeani u li jipprovdu ħafna mill-​ossiġnu li nieħdu aħna, il-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah hija evidenti. Il-​ħamrija nfisha hija ppakkjata b’affarijiet ħajjin—dud, fungi, u organiżmi żgħar ħafna, ilkoll jaħdmu flimkien b’modi komplikati sabiex jgħinu l-​pjanti jikbru. B’mod xieraq, il-​Bibbja titkellem dwar il-​ħamrija bħala li għandha l-​qawwa.—Ġenesi 4:12, KŻ.

14. X’qawwa moħbija teżisti saħansitra fl-​atomu ċkejken?

14 Mingħajr ebda dubju, Jehovah “bil-​ħila tiegħu għamel l-​art.” (Ġeremija 10:12) Il-​qawwa t’Alla hija evidenti anki fl-​iktar affarijiet żgħar li ħalaq. Per eżempju, miljun atomu mpoġġijin wieħed ħdejn l-​ieħor ma jiġux eħxen minn xagħra taʼ bniedem. U anki jekk atomu kellu jitkabbar sakemm ikun għoli daqs binja t’14-​il sular, in-​nukleu tiegħu jkun sempliċement daqs farka melħ waħda fis-​seba’ sular. Madankollu, dak in-​nukleu daqs naqra huwa s-​sors tal-​qawwa immensa u tal-​biżaʼ li toħroġ fi splużjoni nukleari!

“Kull ma Jieħu Nifs”

15. Billi tkellem dwar diversi annimali salvaġġi, Jehovah liema lezzjoni ta lil Ġob?

15 Prova ċara oħra tal-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah tinsab fl-​abbundanza t’annimali li jgħixu fuq l-​art. Salm 148 isemmi ħafna mill-​affarijiet li jfaħħru lil Jehovah, u vers 10 jinkludi lill-​“bhejjem selvaġġi u l-​annimali kollha.” Biex juri għala l-​bniedem għandu jkollu riverenza profonda lejn il-​Ħallieq, Jehovah darba kellem lil Ġob dwar annimali bħall-​iljun, il-​ħmar salvaġġ, il-​gendus salvaġġ, l-​ippopotamu, u l-​kukkudrill. X’punt ried joħroġ? Li jekk il-​bniedem jistagħġeb u jibżaʼ minn dawn il-​ħlejjaq b’saħħithom, li jbeżżgħu, u li ma jistgħux jiġu mmansati, mela kif għandu jħossu dwar il-​Ħallieq tagħhom?—Ġob, kapitli 38-​41.

16. X’jimpressjonak dwar xi wħud mill-​għasafar li ħalaq Jehovah?

16 Salm 148:10 jsemmi wkoll “l-​għasafar li jtiru.” Aħseb ftit kemm hemm varjetajiet! Jehovah kellem lil Ġob dwar in-​nagħma, li “tisfida liż-​żiemel u r-​rikkieb.” Tabilħaqq, huwa minnu li dan l-​għasfur twil żewġ metri u nofs ma jtirx, imma jistaʼ jiġri 65 kilometru fis-​siegħa, u f’pass wieħed jistaʼ jagħmel erba’ metri u nofs! (Ġob 39:13, 18) Mill-​banda l-​oħra, l-​albatru jqattaʼ l-​parti kbira minn ħajtu jittajjar fuq l-​ibħra. Il-​wisa’ taʼ ġwinħajh minn naħa s’oħra hija taʼ xi 3 metri u dan l-​għasfur għandu l-​abbiltà naturali li jittajjar ħelu ħelu mal-​kurrenti t’arja sħuna. Kapaċi jżomm fl-​ajru għal sigħat sħaħ mingħajr ma jħabbat ġwinħajh. B’kuntrast ma’ dan, hemm il-​bee hummingbird b’tul taʼ ħames ċentimetri biss, l-​iżgħar għasfur fid-​dinja. Jistaʼ jħabbat ġwinħajh sa 80 darba fis-​sekonda! Il-​hummingbird, ileqq donnu xi ġojjell bil-​ġwienaħ, jistaʼ jibqaʼ mdendel fl-​ajru bħall-​ħelikopters u saħansitra jtir b’lura.

17. Kemm hija kbira l-​baliena l-​kaħla, u għal liema konklużjoni ovvja għandna naslu wara li nqisu l-​annimali li ħalaq Jehovah?

17 Salm 148:7 jgħid li anki l-​“mostri tal-​baħar” ifaħħru lil Jehovah. Ikkunsidra dak li ħafna jemmnu li hu l-​akbar annimal li qatt għex fuq din il-​pjaneta, il-​baliena l-​kaħla. Dan il-​“mostru” li jgħix fil-​fond jistaʼ jikber sa 30 metru jew iktar. Jistaʼ jiżen daqs 30 iljunfant adult. Biss biss, ilsien il-​baliena jiżen daqs iljunfant wieħed. Għandha qalbha daqs karozza żgħira. Dan l-​organu enormi jħabbat 9 darbiet biss fil-​minuta—b’kuntrast ma’ qalb il-​hummingbird, li tistaʼ tħabbat ma’ l-​1,200 darba fil-​minuta. Il-​baliena l-​kaħla għandha mill-​inqas waħda mill-​vini tad-​demm tant kbira li tifel żgħir jistaʼ jidħol jitkaxkar ġo fiha. Żgur li qlubna jqanqluna biex nirrepetu dak li nsibu li hemm f’għeluq il-​ktieb tas-​Salmi: “Kull ma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-​Mulej!”—Salm 150:6.

Nitgħallmu mill-​Qawwa Kreattiva taʼ Jehovah

18, 19. Kemm huma varjati l-​affarijiet ħajjin li Jehovah għamel fuq din l-​art, u l-​ħolqien x’jgħallimna dwar is-​sovranità tiegħu?

18 X’nitgħallmu minn kif Jehovah juża l-​qawwa kreattiva tiegħu? Aħna nibqgħu mistagħġbin bil-​varjetà li hemm fil-​ħolqien. Wieħed mis-​salmisti esklama: “Kemm huma kotrana l-​għemejjel tiegħek, Mulej! . . . Mimlija l-​art bil-​ħlejjaq tiegħek.” (Salm 104:24) Kemm huwa veru dan! Il-​bijoloġi identifikaw ħafna iktar minn miljun speċi t’affarijiet ħajjin fuq l-​art; madankollu, l-​opinjonijiet ivarjaw u oħrajn jaħsbu li jistaʼ jkun hemm 10 miljuni, 30 miljun, jew iktar. Artist uman għandu mnejn isib li xi kultant ma jibqagħlux kreattività. B’kuntrast, huwa ovvju li l-​kreattività taʼ Jehovah—il-​qawwa li jivvinta u joħloq affarijiet ġodda u differenti—ma tispiċċa qatt.

19 Il-​mod kif Jehovah juża l-​qawwa kreattiva tiegħu jgħallimna dwar is-​sovranità tiegħu. L-​istess kelma “Ħallieq” tifred lil Jehovah minn kwalunkwe ħaġa oħra fl-​univers, li huwa kollu “ħolqien.” Anki l-​Iben uniġenitu taʼ Jehovah, li qeda bħala “ħaddiem tas-​sengħa” matul il-​ħolqien, fil-​Bibbja qatt ma jissejjaħ Ħallieq. (Proverbji 8:30, NW; Mattew 19:4) Minflok, hu jissejjaħ “il-​kbir fost il-​ħlejjaq kollha.” (Kolossin 1:15) Il-​pożizzjoni taʼ Jehovah bħala l-​Ħallieq tagħtih id-​dritt fih innifsu li jeżerċita qawwa sovrana totali fuq l-​univers kollu.—Rumani 1:20; Apokalissi 4:11.

20. Jehovah f’liema sens waqaf minn mindu lesta l-​ħolqien tiegħu fuq l-​art?

20 Waqaf Jehovah jeżerċita l-​qawwa kreattiva tiegħu? Sewwa, il-​Bibbja tgħid li meta Jehovah lesta mix-​xogħol kreattiv tiegħu fis-​sitt jum taʼ ħolqien, hu “waqaf fis-​seba’ jum mix-​xogħol tiegħu li kien għamel.” (Ġenesi 2:2) L-​appostlu Pawlu indika li dan is-​seba’ “jum” huwa twil eluf taʼ snin, għax kien għadu għaddej fi żmienu. (Lhud 4:3-​6) Iżda l-​fatt li “waqaf” ifisser illi Jehovah waqaf jaħdem għalkollox? Le, Jehovah qatt ma jieqaf jaħdem. (Salm 92:5 [92:4, NW]; Ġwanni 5:17) Mela dan il-​waqfien, jew mistrieħ, bilfors li jirreferi sempliċement għall-​waqfien tiegħu mix-​xogħol taʼ ħolqien fiżiku inkwantu għall-​art. Madankollu, ix-​xogħol li jwettaq l-​iskopijiet tiegħu baqaʼ għaddej bla waqfien. Dan ix-​xogħol inkluda l-​ispirazzjoni taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa. Xogħlu saħansitra involva li jipproduċi “ħolqien ġdid,” li se jiġi diskuss f’Kapitlu 19.—2 Korintin 5:17.

21. Il-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah kif se teffettwa lill-​bnedmin leali għall-​eternità?

21 Meta finalment jum il-​mistrieħ taʼ Jehovah jasal fi tmiemu, hu jkun jistaʼ jgħid dwar ix-​xogħol kollu li jkun għamel fuq l-​art bħala li hu “tajjeb ħafna,” l-​istess bħalma kien għamel meta ntemmu s-​sitt ijiem taʼ ħolqien. (Ġenesi 1:31) Għad irridu naraw kif hu se jagħżel li jeżerċita l-​qawwa kreattiva bla limitu tiegħu wara li jiġri dan kollu. Jiġri x’jiġri, nistgħu nibqgħu ċerti li se nkomplu naffaxxinaw ruħna bil-​mod kif Jehovah juża l-​qawwa kreattiva. Matul l-​eternità kollha, se nitgħallmu iktar dwar Jehovah permezz tal-​ħolqien tiegħu. (Koħèlet 3:11) Iktar ma nitgħallmu dwaru, iktar se ssir profonda r-​riverenza tagħna lejh—u iktar se nersqu qrib lejn il-​Ħallieq Grandjuż tagħna.

a Biex tieħu idea taʼ dan in-​numru ġgantesk, aħseb dwar dan: Li kieku kellek tagħmel dik id-​distanza bil-​karozza—anki jekk tkun għaddej b’160 kilometru fis-​siegħa, 24 siegħa kuljum—iddum iktar minn mitt sena biex tasal!

b Xi wħud jaħsbu li n-​nies tal-​qedem fi żminijiet Bibliċi bilfors li użaw xi għamla primittiva taʼ teleskopju. Huma jirraġunaw li jekk ma kienx hekk, kif setgħu n-​nies taʼ dakinhar ikunu jafu li mill-​ħarsa tal-​bniedem l-​għadd taʼ kwiekeb hu kbir immens u ma jistax jingħadd? Spekulazzjoni bla bażi bħal din tħalli barra lil Jehovah, l-​Awtur tal-​Bibbja.—2 Timotju 3:16.

c Ikkunsidra kemm jiħodlok żmien li kellek biss tgħodd 100 biljun kewkba. Li kieku tkun kapaċi tgħodd waħda ġdida kull sekonda—u tibqaʼ sejjer hekk 24 siegħa kuljum—iddum tgħodd 3,171 sena!

Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni

  • Salm 8:4-​10 (8:3-​9, NW) Il-​ħolqien taʼ Jehovah kif jistaʼ jgħallimna l-​umiltà?

  • Salm 19:2-​7 (19:1-​6, NW) X’tistaʼ tqanqalna nagħmlu l-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah, u għala?

  • Mattew 6:25-​34 Il-​fatt li naħsbu fuq il-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah kif jistaʼ jgħinna biex niġġieldu kontra l-​ansjetà u npoġġu prijoritajiet xierqa fil-​ħajja?

  • Atti 17:22-​31 Il-​mod kif Jehovah juża l-​qawwa kreattiva kif jgħallimna li l-​idolatrija hija ħażina u li Alla m’huwiex ’il bogħod minna?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja