Jehovah Jistaʼ Jagħmlek Potenti
“Hu qiegħed jagħti lill-wieħed għajjien qawwa; u lill-wieħed mingħajr enerġija dinamika jagħmillu s-setgħa sħiħa toktor.”—ISAIJA 40:29.
1, 2. Liema huma xi evidenzi tal-qawwa abbundanti taʼ Jehovah?
JEHOVAH hu Alla “abbundanti fil-qawwa.” Nistgħu naraw prova tal-“qawwa eterna u d-Divinità” t’Alla fil-kobor bla qies tal-ħolqien fiżiku tiegħu. Dawk li jirrifjutaw li jirrikonoxxu evidenza bħal din taʼ l-istat taʼ Ħallieq tiegħu m’għandhomx skuża.—Salm 147:5; Rumani 1:19, 20.
2 Il-qawwa taʼ Jehovah ssir iżjed evidenti hekk kif ix-xjenzati jfittxu fil-fond fl-univers, bil-galassi bla għadd tiegħu li jinfirxu għal mijiet taʼ miljuni taʼ snin tad-dawl. F’lejla mudlama imma ċara, ħares lejn is-smewwiet u ara kif x’aktarx int ukoll tħossok bħalma ħassu s-salmista: “Meta nara s-smewwiet tiegħek, ix-xogħlijiet taʼ subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int ħejjejt, x’inhu l-bniedem mortali biex iżżommu f’moħħok, u bin il-bniedem taʼ l-art biex tieħu ħsiebu?” (Salm 8:3, 4) U Jehovah kemm ħa ħsieb tajjeb tal-bniedem, tagħna! Ipprovda lill-ewwel raġel u mara b’dar sabiħa fuq l-art. Saħansitra l-ħamrija tagħha kellha qawwa—biex tkabbar il-ħaxix, li jagħti ikel bnin u bla tinġis. Il-bniedem u l-annimali jieħdu qawwa fiżika minn din it-turija tal-qawwa t’Alla.—Ġenesi 1:12; 4:12; 1 Samwel 28:22.
3. Minbarra l-affarijiet fiżiċi taʼ l-univers, x’iktar hemm li juri l-qawwa t’Alla?
3 Minbarra li s-smewwiet huma affaxxinanti u l-pjanti u l-annimali taʼ l-art huma t’għaxqa, juruna wkoll il-qawwa t’Alla. L-appostlu Pawlu kiteb: “Il-kwalitajiet inviżibbli tiegħu jidhru ċari mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għaliex jintgħarfu mill-affarijiet li ntgħamlu, saħansitra l-qawwa eterna u d-Divinità tiegħu.” (Rumani 1:20) Imma hemm evidenza oħra tal-qawwa tiegħu li jixirqilha l-attenzjoni u l-apprezzament tagħna. ‘Liema ħaġa,’ tistaʼ tistaqsi, ‘turi l-qawwa t’Alla iktar milli jagħmel l-univers?’ It-tweġiba hija Ġesù Kristu. Fil-fatt, taħt ispirazzjoni l-appostlu Pawlu jgħid li Kristu msammar maʼ zokk hu “l-qawwa t’Alla u l-għerf t’Alla.” (1 Korintin 1:24) ‘Dak għala?’ tistaʼ tistaqsi, ‘U dan x’konnessjoni għandu maʼ ħajti issa stess?’
Qawwa Permezz T’Ibnu
4. Il-qawwa t’Alla kif intweriet f’konnessjoni maʼ Ibnu?
4 Il-qawwa t’Alla kienet murija l-ewwel meta ħalaq lill-Iben uniġenitu tiegħu, magħmul fix-xbiha tiegħu. Dan l-Iben spirtu qeda lil Jehovah bħala “mgħallem” billi uża l-qawwa abbundanti t’Alla f’li joħloq l-affarijiet l-oħrajn kollha. (Proverbji 8:22, 30) Pawlu kiteb lil ħutu Kristjani f’Kolossi: “Permezz tiegħu l-affarijiet l-oħrajn kollha nħolqu fis-smewwiet u fuq l-art, l-affarijiet viżibbli u l-affarijiet inviżibbli . . . L-affarijiet l-oħrajn kollha ġew maħluqin permezz tiegħu u għalih.”—Kolossin 1:15, 16.
5-7. (a) Fil-passat, il-bnedmin kif kienu involuti f’turijiet tal-qawwa t’Alla? (b) Liema raġuni hemm biex nemmnu li l-qawwa t’Alla tistaʼ tintwera fil-każ taʼ Kristjani llum?
5 Aħna parti mill-‘affarijiet maħluqin fuq l-art.’ Mela setgħet il-qawwa t’Alla tiġi estiża għalina l-bnedmin? Sewwa, matul iż-żmien kollu li Alla ttratta maʼ bnedmin imperfetti, Jehovah minn żmien għal żmien ta qawwa barranija lill-qaddejja tiegħu biex huma jistgħu jwettqu l-iskopijiet tiegħu. Mosè kien jaf, b’mod ġenerali, li bnedmin imperfetti jgħixu xi 70 jew 80 sena. (Salm 90:10) Xi ngħidu dwar Mosè nnifsu? Hu għex sa l-età taʼ 120 sena, u madankollu “għajnu ma kenitx battiet, u s-saħħa vitali tiegħu ma kenitx ħarbet.” (Dewteronomju 34:7) Fil-waqt li dan ma jfissirx li Alla jippermetti lil kull wieħed mill-qaddejja tiegħu biex jgħix daqshekk fit-tul jew li jżomm daqshekk b’saħħtu, dan tassew jagħti prova li Jehovah jistaʼ jagħti qawwa lill-bnedmin.
6 Turija oħra taʼ l-abbiltà t’Alla li jagħti qawwa lil irġiel u nisa qiegħda f’dak li għamel maʼ mart Abraham. “Sara nfisha rċeviet qawwa biex tikkonċepixxi żerriegħa, saħansitra meta kienet għaddiet il-limitu taż-żmien, ladarba hi stmatu leali lil dak li kien wiegħed.” Jew ikkunsidra kif Alla ta l-qawwa lil imħallfin u oħrajn f’Iżrael: “Gidjon, Barak, Sansun, Ġefta, David kif ukoll Samwel u l-profeti l-oħrajn, li . . . minn stat dgħajjef intgħamlu potenti.”—Ebrej 11:11, 32-34.
7 Qawwa bħal din tistaʼ ssir topera fil-każ tagħna wkoll. O, forsi issa ma nistennewx ulied permezz taʼ miraklu, jew forsi ma nurux setgħa bħal taʼ Sansun. Imma potenti nistgħu nkunu, bħalma semma Pawlu lil bnedmin kwalunkwe f’Kolossi. Iva, Pawlu kiteb lil irġiel, nisa, u tfal, bħalma nsibu fil-kongregazzjonijiet illum, u qal li kienu “magħmulin potenti bil-qawwa kollha.”—Kolossin 1:11.
8, 9. Fl-ewwel seklu, il-qawwa taʼ Jehovah kif intgħamlet evidenti rigward bnedmin bħalna?
8 Matul il-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art, Jehovah għamilha ċara li l-qawwa tiegħu kienet qiegħda taħdem permezz t’Ibnu. Per eżempju, fi żmien meta folol kbar inġemgħu għand Ġesù f’Kapernahum, “[i]l-qawwa taʼ Jehovah kienet hemm għalih biex ifejjaq.”—Luqa 5:17.
9 Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù żgura lis-segwaċi tiegħu li huma kienu se ‘jirċievu qawwa meta l-ispirtu qaddis jasal fuqhom.’ (Atti 1:8) Kemm kien veru dan! Kittieb taʼ l-istorja jirrapporta dwar żviluppi ftit ġranet wara Pentekoste fis-sena 33 E.K.: “B’qawwa kbira l-appostli komplew jagħtu x-xiehda dwar l-irxoxt tal-Mulej Ġesù.” (Atti 4:33) Pawlu nnifsu kien wieħed li ntgħamel potenti għax-xogħol li Alla ħatru biex jagħmel. Wara li kkonverta u kiseb lura d-dawl, “kompla jikseb qawwa iktar u iktar u kien qiegħed iħawwad lil-Lhud li kienu jgħammru f’Damasku hekk kif ta prova b’mod loġiku li dan hu l-Kristu.”—Atti 9:22.
10. Qawwa mingħand Alla kif kienet t’għajnuna fil-każ taʼ Pawlu?
10 Ċertament li Pawlu kellu bżonn qawwa barranija, meta nikkunsidraw l-istamina spiritwali u mentali meħtieġa biex iwettaq tliet vjaġġi missjunarji li jinvolvu eluf taʼ mili taʼ vjaġġar. Hu wkoll issaporta kull xorta taʼ tbatija, issaporta priġunerija u kellu wkoll jiffaċċja l-martirju. Dan kif għamlu? Hu jwieġeb: “[I]l-Mulej qagħad ħdejja u sawwab qawwa fija, biex permezz tiegħi l-ippridkar jistaʼ jkun imwettaq għalkollox.”—2 Timotew 4:6-8, 17; 2 Korintin 11:23-27.
11. Rigward il-qawwa t’Alla, Pawlu liema tama rrefera għaliha għall-qaddejja sħabu f’Kolossi?
11 M’huwiex sorprendenti, allura, li Pawlu, meta kiteb lill-‘ħutu . . . f’unjoni maʼ Kristu’ f’Kolossi, żgurahom li setgħu jkunu ‘magħmulin potenti bil-qawwa kollha safejn tasal is-setgħa glorjuża taʼ Jehovah sabiex jissaportu bis-sħiħ u jistabru fit-tul bil-ferħ.’ (Kolossin 1:2, 11) Għalkemm dak il-kliem kien indirizzat primarjament lill-Kristjani midlukin, dawk kollha li jsegwu l-passi taʼ Kristu jistgħu jibbenefikaw bil-kbir minn dak li kiteb Pawlu.
Mogħtijin Il-Qawwa F’Kolossi
12, 13. X’inhuwa l-isfond taʼ l-ittra lill-Kolossin, u x’aktarx li kien ir-rispons għaliha?
12 Il-kongregazzjoni f’Kolossi, li kienet tinsab fil-provinċja Rumana taʼ l-Asja, probabbli kienet ifformata permezz taʼ l-ippridkar tal-Kristjan leali bl-isem taʼ Epafras. Jidher li meta semaʼ dwar il-priġunerija taʼ Pawlu f’Ruma madwar is-sena 58 E.K., Epafras daħħalha f’moħħu li jżur lill-appostlu u jinkuraġġih b’rapport mill-aħjar taʼ l-imħabba u ż-żamma soda taʼ ħutu f’Kolossi. Epafras wisq probabbli għaddielu wkoll rapport leali taʼ xi problemi fil-kongregazzjoni taʼ Kolossi li kellhom bżonn jiġu kkorreġuti. Min-naħa tiegħu, Pawlu ħassu mħeġġeġ li jikteb lill-kongregazzjoni ittra taʼ inkuraġġiment u twissija. Int ukoll tistaʼ tieħu inkuraġġiment konsiderevoli minn kapitlu 1 taʼ dik l-ittra, għax titfaʼ dawl fuq kif Jehovah jistaʼ jagħmel lill-qaddejja tiegħu potenti.
13 Tistaʼ timmaġina kif ħassewhom l-aħwa f’Kolossi meta Pawlu ddeskriviehom bħala “aħwa leali f’unjoni maʼ Kristu.” Kien jistħoqqilhom prosit għall-‘imħabba tagħhom għall-qaddisin kollha’ u talli kienu ‘jagħtu l-frott taʼ l-aħbar tajba’ miż-żmien li kienu saru Kristjani! Jistgħu dawn l-istess espressjonijiet jintqalu dwar il-kongregazzjoni tagħna, dwarna individwalment?—Kolossin 1:2-8.
14. X’kienet ix-xewqa taʼ Pawlu rigward il-Kolossin?
14 Pawlu kien tant imqanqal mir-rapport li kien irċieva li qal lill-Kolossin li ma kienx waqaf jitlob għalihom u jistaqsi biex huma jsiru ‘mimlijin bl-għarfien eżatt tar-rieda t’Alla bl-għerf kollu u l-komprensjoni spiritwali, sabiex jimxu kif jixraq lil Jehovah.’ Hu talab li jibqgħu ‘jagħtu l-frott f’kull xogħol tajjeb u jiżdiedu fl-għarfien eżatt t’Alla, magħmulin potenti bil-qawwa kollha safejn tasal is-setgħa glorjuża tiegħu sabiex jissaportu bis-sħiħ u jistabru fit-tul bil-ferħ.’—Kolossin 1:9-11.
Mogħtijin Il-Qawwa Llum Ukoll
15. Kif nistgħu nuru l-istess attitudni kif kienet riflessa f’dak li Pawlu kiteb lill-Kolossin?
15 X’eżempju mill-aħjar Pawlu stabbilixxa għalina! Ħutna madwar l-art kollha jeħtieġu t-talb tagħna biex ikunu jistgħu jissaportu u jżommu l-ferħ tagħhom minkejja s-sofferenzi tagħhom. Bħal Pawlu, għandna nkunu speċifiċi fit-talb tagħna meta nieħdu aħbarijiet li ħutna f’xi kongregazzjoni oħra, jew f’xi pajjiż ieħor, qegħdin ikollhom diffikultajiet. Forsi xi kongregazzjoni fil-qrib hija effettwata minn xi diżastru naturali jew xi diffikultà spiritwali. Jew forsi xi Kristjani qegħdin jissaportu f’xi art mifnija minn gwerra ċivili jew qtil bejn it-tribujiet. Fit-talb għandna nistaqsu lil Alla biex jgħin lil ħutna ‘jimxu kif jixraq lil Jehovah,’ biex ikomplu jagħtu frott tas-Saltna fil-waqt li qegħdin jissaportu, u li jiżdiedu fl-għarfien. B’dan il-mod il-qaddejja t’Alla jirċievu l-qawwa taʼ l-ispirtu tiegħu, billi ‘jkunu magħmulin potenti bil-qawwa kollha.’ Tistaʼ tibqaʼ ċert li Missierek se jismaʼ u jwieġeb.—1 Ġwann 5:14, 15.
16, 17. (a) Bħalma kiteb Pawlu, għal liema ħaġa għandna nkunu grati? (b) In-nies t’Alla f’liema sens ġew meħlusin u maħfurin?
16 Pawlu kiteb li l-Kolossin kellhom ikunu ‘qegħdin iroddu ħajr lill-Missier li għamilhom xerqin li jieħdu sehem fil-wirt tal-qaddisin fid-dawl.’ Ejjew aħna wkoll inroddu ħajr lil Missierna tas-sema għall-post tagħna fl-arranġament tiegħu, kemm jekk fil-qasam tas-sema jew taʼ fuq l-art tas-Saltna tiegħu. Alla kif għamel bnedmin imperfetti adattati f’għajnejh? Pawlu kiteb lil ħutu midlukin: “Hu ħelisna mill-awtorità tad-dlam u ttrasferiena għal ġos-saltna taʼ l-Iben taʼ mħabbtu, li permezz tiegħu għandna l-ħelsien tagħna bir-rahan, il-maħfra taʼ dnubietna.”—Kolossin 1:12-14.
17 Hi x’inhi t-tama tagħna, għas-sema jew għall-art, aħna niżżu ħajr lil Alla kuljum għall-ħelsien tagħna minn din is-sistema mill-agħar taʼ dlam, imwettaq bil-fidi tagħna fil-provvediment prezzjuż tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ l-Iben għażiż taʼ Jehovah. (Mattew 20:28) Kristjani midlukin bl-ispirtu bbenefikaw mir-rahan li ġie applikat għalihom b’mod speċjali sabiex ikunu jistgħu jiġu ‘ttrasferiti għal ġos-saltna taʼ l-Iben taʼ l-imħabba t’Alla.’ (Luqa 22:20, 29, 30) Imma n-“ngħaġ oħrajn” ukoll jibbenefikaw mir-rahan saħansitra issa. (Ġwann 10:16) Jistgħu jirċievu l-maħfra t’Alla sabiex ikollhom waqfa taʼ tjieba quddiemu bħala l-ħbieb tiegħu. Għandhom sehem kbir f’li jipproklamaw “din l-aħbar tajba tas-saltna” f’dan iż-żmien tat-tmiem. (Mattew 24:14) Minbarra dak, għandhom it-tama meraviljuża li jsiru kompletament taʼ tjieba u fiżikament perfetti, sat-tmiem tar-Renju Millennjali taʼ Kristu. Hekk kif taqra d-deskrizzjoni f’Rivelazzjoni 7:13-17, ara jekk taqbilx li dan se jkun prova taʼ li nkunu meħlusin u mberkin.
18. Liema rikonċiljazzjoni msemmija f’Kolossin għadu qiegħed iwettaq Alla?
18 L-ittra taʼ Pawlu tgħinna nirrealizzaw kemm aħna midjunin lejn l-aqwa bniedem li qatt għex. Alla x’kien qed iwettaq permezz taʼ Kristu? “[Dan kien] biex iħabbeb mill-ġdid miegħu nnifsu l-affarijiet l-oħrajn kollha billi jagħmel paċi permezz tad-demm li hu xerred fuq iz-zokk tat-tortura, kemm jekk huma l-affarijiet fuq l-art jew l-affarijiet fis-smewwiet.” L-iskop t’Alla huwa biex iġib lura l-ħolqien kollu f’armonija sħiħa miegħu, kif kien qabel l-irvell f’Għeden. Il-Wieħed li ntuża biex joħloq l-affarijiet kollha hu l-istess Wieħed li issa qed jintuża biex iwettaq din ir-rikonċiljazzjoni.—Kolossin 1:20.
Mogħtijin Il-Qawwa Għal Liema Għan?
19, 20. Li nkunu qaddisin u bla tebgħa fuq liema ħaġa jiddependi?
19 Responsabbiltajiet jiġu għand dawk minna li huma rikonċiljati m’Alla. Aħna konna darba midinbin u mbegħdin minn Alla. Imma issa, billi poġġejna fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù u bl-imħuħ tagħna mhux iżjed fuq xogħlijiet li huma mill-agħar, bażikament ninsabu weqfin fi stat ‘qaddis u bla tebgħa,’ “esposti għal ebda akkuża quddiem [Alla].” (Kolossin 1:21, 22) Immaġina ftit, bħalma Alla ma kienx jistħi b’dawk ix-xhieda leali tal-qedem, l-istess ma jistħix bina, li jiġi msejjaħ bħala Alla tagħna. (Ebrej 11:16) Illum, ħadd ma jistaʼ jakkużana li qegħdin inġorru b’mod żbaljat l-isem illustri tiegħu, lanqas li nibżgħu niddikjaraw dak l-isem sat-truf taʼ l-art!
20 Madankollu innota t-twissija li Pawlu żied f’Kolossin 1:23: “Bil-patt, m’għandniex xi ngħidu, li tkomplu fil-fidi, stabbiliti fuq il-pedament u sodi u bla ma titwarrbu mit-tama taʼ dik l-aħbar tajba li smajtu, u li kienet ippridkata fil-ħolqien kollu li huwa taħt is-sema.” Wisq jiddependi fuq li aħna nibqgħu leali lejn Jehovah, billi nsegwu fil-passi taʼ l-għażiż Ibnu. Jehovah u Ġesù għamlu wisq għalina! Jalla nuru mħabbitna għalihom billi nsegwu l-parir taʼ Pawlu.
21. Għala għandna raġuni kbira biex nithennew bil-kbir illum?
21 Il-Kristjani Kolossin żgur li thennew bil-kbir meta semgħu li ‘l-aħbar tajba li semgħu’ kienet diġà ġiet “ippridkata fil-ħolqien kollu li huwa taħt is-sema.” Illum huwa saħansitra iżjed eċċitanti li nisimgħu sa liema punt l-aħbar tajba tas-Saltna qiegħda tiġi pproklamata minn ’il fuq sewwa minn erbaʼ miljuni u nofs Xhieda f’iktar minn 230 art. Iva, kull sena kważi 300,000 mill-ġnus kollha qegħdin isiru rikonċiljati m’Alla!—Mattew 24:14; 28:19, 20.
22. Saħansitra jekk inġarrbu sofferenzi, Alla x’jistaʼ jagħmel għalina?
22 Għalkemm Pawlu kien evidentement miżmum il-ħabs fiż-żmien li kiteb l-ittra lill-Kolossin, ma qagħadx b’xi mod jibki xortih. Minflok, qal: “Jien issa qiegħed nifraħ fis-sofferenzi tiegħi għalikom.” Pawlu kien jaf xi jfisser li ‘jissaporti bis-sħiħ u jistabar fit-tul bil-ferħ.’ (Kolossin 1:11, 24) Imma kien jaf li dan m’għamlux bis-saħħa tiegħu stess. Jehovah kien għamlu potenti! Huwa l-istess illum. Eluf taʼ Xhieda li ġew mitfugħin il-ħabs u ppersegwitati ma tilfux il-ferħ tagħhom f’li jaqdu lil Jehovah. Minflok, saru japprezzaw il-verità tal-kliem t’Alla misjub f’Isaija 40:29-31: “Hu qiegħed jagħti lill-wieħed għajjien qawwa . . . Dawk li qegħdin jittamaw f’Jehovah se jiksbu l-qawwa mill-ġdid.”
23, 24. X’inhuwa s-sigriet sagru msemmi f’Kolossin 1:26?
23 Il-ministeru taʼ l-aħbar tajba ċċentrata fuq Kristu kien importanti ħafna għal Pawlu. Hu ried li oħrajn japprezzaw il-valur taʼ l-irwol taʼ Kristu fl-iskop t’Alla, u għalhekk iddeskrivieh bħala “s-sigriet sagru li kien moħbi mis-sistemi t’affarijiet li għaddew u mill-ġenerazzjonijiet li għaddew.” Iżda ma kellux jibqaʼ sigriet għal dejjem. Pawlu żied: “Issa ntgħamel jidher għall-qaddisin tiegħu.” (Kolossin 1:26) Meta faqqaʼ l-irvell f’Għeden, Jehovah ta wegħda t’affarijiet aħjar li kellhom jiġu, billi bassar li ‘ż-żerriegħa tal-mara kellha tbenġel lir-ras tas-serpent.’ (Ġenesi 3:15) Dan x’kien ifisser? Għal ġenerazzjonijiet sħaħ, għal sekli sħaħ, dan baqaʼ misteru. Imbagħad ġie Ġesù, u “tafaʼ dawl fuq il-ħajja u n-nuqqas taʼ taħsir permezz taʼ l-aħbar tajba.”—2 Timotew 1:10.
24 Iva, is-“sigriet sagru” jiċċentra madwar Kristu u s-Saltna Messjanika. Pawlu semma “l-affarijiet fis-smewwiet,” billi rrefera għal dawk li se jieħdu sehem fl-istat taʼ ħakma tas-Saltna maʼ Kristu. Dawn se jkunu strumentali f’li jġibu barkiet bla għadd għall-“affarijiet [kollha] fuq l-art,” dawk li se jgawdu ġenna taʼ dejjem hawn. Tistaʼ tara kemm kien xieraq, allura, għal Pawlu li jirreferi għar-“rikkezzi glorjużi taʼ dan is-sigriet sagru.”—Kolossin 1:20, 27.
25. Kif indikat f’Kolossin 1:29, x’għandha tkun l-attitudni tagħna issa?
25 Pawlu ħares ’il quddiem għall-post tiegħu fis-Saltna. Madankollu rrealizza li dak ma kienx xi ħaġa li għaliha setaʼ sempliċement jittama mingħajr ma jagħmel xejn. “Qiegħed tabilħaqq naħdem iebes, nistinka ruħi fi qbil mal-ħidma minn tiegħu u li qiegħda taħdem fija bil-qawwa.” (Kolossin 1:29) Innota li Jehovah, permezz taʼ Kristu, għamel lil Pawlu potenti biex setaʼ jwettaq ministeru li jsalva l-ħajja. Jehovah jistaʼ jagħmel l-istess għalina llum. Imma għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Għandi jien l-ispirtu taʼ l-evanġelizzar li kelli meta l-ewwel tgħallimt il-verità?’ X’inhija t-tweġiba tiegħek? X’jistaʼ jgħin lil kull wieħed minna biex jibqaʼ ‘jaħdem iebes u jistinka ruħu fi qbil mal-ħidma tal-qawwa taʼ Jehovah’? L-artiklu li jmiss se jiddiskuti proprju din il-ħaġa.
(w94 12/15)
Innotajt Int?
◻ Għala nistgħu nkunu ċerti li Jehovah jistaʼ juri l-qawwa tiegħu għan-nom tal-bnedmin?
◻ X’inhuwa l-isfond tal-kliem taʼ Pawlu f’Kolossin kapitlu 1?
◻ Alla kif qed iwettaq ir-rikonċiljazzjoni msemmija f’Kolossin 1:20?
◻ Bil-qawwa tiegħu, Jehovah x’jistaʼ jwettaq permezz tagħna?
[Mappa/Stampa f’paġna 7]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
KOLOSSI