LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bt kap. 27 pp. 211-217
  • “Jagħtihom Xhieda fid-Dettall”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Jagħtihom Xhieda fid-Dettall”
  • Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Pawlu . . . Irringrazzja lil Alla u Għamel Kuraġġ” (Atti 28:14, 15)
  • “Kullimkien Jitkellmu Kontriha” (Atti 28:16-22)
  • “Jagħtihom Xhieda fid-Dettall”—Mudell Għalina (Atti 28:23-29)
  • “Jippritkalhom Dwar is-Saltna t’Alla” (Atti 28:30, 31)
  • Pawlu f’Ruma
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Agħmel Kuraġġ—Ġeħova Se Jgħinek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Ipproklama bil-Qlubija s-Saltna taʼ Jehovah!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • “M’Iniex Responsabbli għall-Mewt taʼ Xi Ħadd”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
Ara Iżjed
Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
bt kap. 27 pp. 211-217

KAPITLU 27

“Jagħtihom Xhieda fid-Dettall”

Priġunier f’Ruma, Pawlu jkompli jipprietka

Ibbażat fuq Atti 28:11-31

1. Pawlu u sħabu liema fiduċja għandhom, u għala?

BASTIMENT li fuq quddiem għandu statwa tat-tfal taʼ Żews, x’aktarx li jġorr ħafna qmuħ, sejjer mill-gżira Mediterranja taʼ Malta lejn l-Italja. Is-sena hi madwar 59 WK. Abbord hemm l-appostlu Pawlu—priġunier skortat minn gwardja—u sħabu l-Kristjani Luqa u Aristarku. (Atti 27:2) Kuntrarju għall-ekwipaġġ tal-vapur, dawn l-evanġelizzaturi ma qed ifittxu ebda protezzjoni mingħand it-tfal tal-alla Grieg Żews—it-tewmin Kastor u Polluks. (Ara nota taʼ studju bl-Ingliż f’​Atti 28:11, nwtsty.) Minflok, Pawlu u sħabu jaqdu lil Ġeħova, li kien stqarr li Pawlu kien se jagħti xhieda tal-verità f’Ruma u jidher quddiem Ċesari.—Atti 23:11; 27:24.

2, 3. Il-vapur li kien fuqu Pawlu liema rotta jieħu, u Pawlu liema appoġġ gawda sa mill-bidu?

2 Tlett ijiem wara li jasal Sirakuża, belt sabiħa fi Sqallija kważi importanti daqs Ateni u Ruma, il-vapur imur lejn Reġġju, fin-Nofsinhar tal-Italja. Imbagħad, bl-għajnuna taʼ riħ min-Nofsinhar, il-bastiment jagħmel vjaġġ taʼ 320 kilometru lejn il-port Taljan taʼ Putijoli (viċin Napli tal-lum) iktar malajr mis-soltu, u jasal fit-tieni jum.—Atti 28:12, 13.

3 Pawlu issa qiegħed fl-aħħar parti tal-vjaġġ tiegħu lejn Ruma, fejn se jidher quddiem l-Imperatur Neruni. Mill-bidu sal-aħħar, “l-Alla taʼ kull faraġ” kien maʼ Pawlu. (2 Kor. 1:3) Bħalma se naraw, dan l-appoġġ ma jonqosx; Pawlu lanqas ma jitlef iż-żelu tiegħu bħala missjunarju.

“Pawlu . . . Irringrazzja lil Alla u Għamel Kuraġġ” (Atti 28:14, 15)

4, 5. (a) F’Putijoli, Pawlu u sħabu liema ospitalità rċivew, u għala għandu mnejn ngħata daqstant libertà? (b) Saħansitra meta jkunu l-ħabs, il-Kristjani kif jistgħu jibbenefikaw mill-kondotta tajba tagħhom?

4 F’Putijoli, Pawlu u sħabu ‘sabu aħwa li ħeġġewhom biex jibqgħu magħhom sebat ijiem.’ (Atti 28:14) X’eżempju mill-aħjar tal-ospitalità Kristjana! Dawn l-aħwa ospitabbli x’aktarx li kisbu benefiċċju kbir mill-inkuraġġiment spiritwali li rċivew mingħand Pawlu u sħabu. Imma priġunier mgħasses għala ngħata daqstant libertà? Possibbilment minħabba li l-appostlu kiseb il-fiduċja sħiħa tal-gwardji Rumani tiegħu.

5 Bl-istess mod illum, il-qaddejja taʼ Ġeħova, waqt li jkunu f’ħabsijiet u f’kampijiet taʼ konċentrament, spiss ngħataw libertajiet u privileġġi speċjali minħabba l-kondotta Kristjana tagħhom. Pereżempju, fir-Rumanija, raġel li kien qed jiskonta sentenza taʼ 75 sena minħabba serq beda jistudja l-Kelma t’Alla u għamel bidliet drastiċi fil-personalità tiegħu. Minħabba f’hekk, l-uħud li jgħassu l-ħabs ippremjawh billi ħallewh imur il-belt—mingħajr għassa—biex jixtri xi affarijiet għall-ħabs! M’għandniex xi ngħidu, fuq kollox il-kondotta tajba tagħna tigglorifika lil Ġeħova.—1 Pt. 2:12.

6, 7. L-aħwa minn Ruma kif urew imħabba straordinarja?

6 Minn Putijoli, Pawlu u sħabu x’aktarx li mxew xi 50 kilometru lejn Capua fit-Triq t’Appju, li kienet tagħti għal Ruma. Din it-triq famuża, li kienet ċangjata bi blokki kbar u ċatti tal-lava, kienet toffri veduti mill-isbaħ tal-kampanja Taljana u, f’ċertu postijiet matul it-triq, tal-Baħar Mediterran. It-triq kienet tgħaddi wkoll minn post imsejjaħ il-Pontine Marshes li fih għadajjar imtajna, madwar 60 kilometru ’l bogħod minn Ruma, fejn kien hemm is-Suq t’Appju. Meta l-aħwa f’Ruma “semgħu li konna sejrin hemmhekk,” kiteb Luqa, xi wħud marru sa ħdejn is-Suq t’Appju, waqt li oħrajn stennew fit-Tliet Taverni, post taʼ mistrieħ xi 50 kilometru minn Ruma. Xi mħabba straordinarja!—Atti 28:15.

7 Is-Suq t’Appju ma kienx post taʼ mistrieħ komdu għall-vjaġġaturi li kienu għajjenin. Il-poeta u kittieb Ruman Orazju jiddeskrivi s-Suq bħala li kien “iffollat bil-baħrin u b’sidien tal-lukandi żorri.” Hu kiteb li “l-ilma kien taʼ kwalità ħażina ħafna,” jew maħmuġ. U hu saħansitra rrifjuta li jiekol hemmhekk! Madankollu, minkejja l-iskumditajiet kollha, il-grupp t’aħwa minn Ruma b’ferħ kienu qed jistennew lil Pawlu u lil sħabu sabiex iwassluhom qawwijin u sħaħ matul l-aħħar parti tal-vjaġġ tagħhom.

8. Pawlu għala irringrazzja lil Alla ‘malli rahom’ lil ħutu?

8 “Meta Pawlu rahom” lil ħutu, ir-rakkont jgħid li “irringrazzja lil Alla u għamel kuraġġ.” (Atti 28:15) Iva, is-sempliċi fatt li ra lil għeżież ħutu, li xi wħud minnhom l-appostlu forsi kien jafhom personalment, saħħu u farrġu. Pawlu għala irringrazzja lil Alla? Hu kien jaf li mħabba mhix egoistika hija aspett mill-frott tal-ispirtu. (Gal. 5:22) Illum, ukoll, l-ispirtu qaddis iqanqal lill-Kristjani biex jagħmlu sagrifiċċji għan-nom t’oħrajn u biex ifarrġu lil dawk fil-bżonn.—1 Tess. 5:11, 14.

9. Kif nistgħu nimitaw lill-aħwa li ltaqgħu maʼ Pawlu?

9 Pereżempju, l-ispirtu qaddis iqanqal lill-aħwa ospitabbli biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, missjunarji, u qaddejja oħrajn full-time, li ħafna minnhom għamlu sagrifiċċji kbar sabiex jaqdu lil Ġeħova iktar bis-sħiħ. Staqsi lilek innifsek: ‘Nistaʼ nagħmel iktar biex nappoġġa ż-żjara tal-indokratur li jżuru l-kongregazzjonijiet, forsi billi nuri ospitalità miegħu u maʼ martu jekk miżżewweġ? Nistaʼ niftiehem biex naħdem magħhom fil-ministeru?’ Taʼ dan tistaʼ tirċievi barka kbira. Pereżempju, immaġina l-ferħ li ħassew l-aħwa taʼ Ruma hekk kif semgħu lil Pawlu u lil sħabu jirrakkontaw xi ftit mill-ħafna esperjenzi inkuraġġanti tagħhom.—Atti 15:3, 4.

“Kullimkien Jitkellmu Kontriha” (Atti 28:16-22)

10. X’kienu ċ-ċirkustanzi taʼ Pawlu f’Ruma, u l-appostlu x’għamel ftit wara li wasal?

10 Meta finalment il-grupp taʼ vjaġġaturi daħal Ruma, “Pawlu tħalla joqgħod f’dar waħdu b’suldat għassa miegħu.” (Atti 28:16) Sabiex dawk li kienu arrestati fid-djar ma jaħarbux, kienu jiġu marbutin b’katina mal-gwardja tagħhom. Minkejja dan, Pawlu kien proklamatur tas-Saltna, u ċertament li katina ma kinitx se ssikktu. Għalhekk, wara li ħa biss tlett ijiem biex jirkupra mill-vjaġġ, hu sejjaħ flimkien lill-kbarat tal-Lhud f’Ruma sabiex jintroduċi lilu nnifsu u jagħti xhieda.

11, 12. Meta kellem lil sħabu l-Lhud, Pawlu kif ipprova jegħleb kwalunkwe preġudizzju li setaʼ kellhom?

11 “Ħuti,” qal Pawlu, “għalkemm m’għamilt xejn kontra dan il-poplu jew kontra d-drawwiet taʼ missirijietna, jien ġejt arrestat f’Ġerusalemm u ngħatajt f’idejn ir-Rumani. Wara li interrogawni, huma riedu jeħilsuni, għax ma kienx hemm raġuni biex joqtluni. Imma meta l-Lhud oġġezzjonaw, jien kelli nitlob biex niġi quddiem Ċesari, però jien m’għamiltx hekk għax kelli xi akkuża kontra l-poplu tiegħi.”—Atti 28:17-19.

12 Billi indirizza lis-semmiegħa Lhud tiegħu bħala “ħuti,” Pawlu pprova jistabbilixxi bażi komuni magħhom u jegħleb kwalunkwe preġudizzju li setaʼ kellhom. (1 Kor. 9:20) Ukoll, għamilha ċara li hu ma kienx hemmhekk biex jipponta subgħajh lejn sħabu l-Lhud, imma biex jappella għal quddiem Ċesari. Madankollu, din kienet l-ewwel darba li l-komunità lokali Lhudija semgħet dwar l-appell taʼ Pawlu. (Atti 28:21) Għala jidher li kien hemm nuqqas taʼ komunikazzjoni min-naħa tal-Lhud fil-Lhudija? Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “Il-vapur taʼ Pawlu żgur li kien fost l-ewwel li waslu fl-Italja wara x-xitwa, u ma jistax ikun li kienu waslu xi rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Lhud minn Ġerusalemm jew xi ittra dwar il-każ.”

13, 14. Pawlu kif introduċa t-tema tas-Saltna, u aħna kif nistgħu nimitaw l-eżempju tiegħu?

13 Pawlu issa introduċa t-tema tas-Saltna bi stqarrija li żgur li kienet se tqanqal il-kurżità tal-mistidnin Lhud tiegħu. Hu qal: “Jien tlabt biex narakom u nitkellem magħkom, għax jien marbut b’din il-katina minħabba dak li Iżrael qed jittama għalih.” (Atti 28:20) Naturalment, din it-tama ma setgħetx teżisti mingħajr il-Messija u s-Saltna tiegħu, bħalma kienet qed tiġi proklamata mill-kongregazzjoni Kristjana. “Nixtiequ nisimgħu x’taħseb int,” wieġbu x-xjuħ Lhud, “għax dwar din is-setta kulma nafu hu li kullimkien jitkellmu kontriha.”—Atti 28:22.

14 Meta jkollna l-opportunità naqsmu l-aħbar tajba, nistgħu nimitaw lil Pawlu billi nużaw stqarrijiet jew mistoqsijiet li jqanqlu l-ħsieb biex inqajmu l-interess tas-semmiegħa tagħna. Suġġerimenti tajbin ħafna jistgħu jinstabu f’pubblikazzjonijiet bħall-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja, l-ktieb Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, u l-browxer Irsisti fil-qari u t-tagħlim. Qed tagħmel użu tajjeb minn dawn l-għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja?

“Jagħtihom Xhieda fid-Dettall”—Mudell Għalina (Atti 28:23-29)

15. Liema erbaʼ affarijiet jispikkaw rigward ix-xhieda taʼ Pawlu?

15 Pawlu rranġa biex jiltaqaʼ ġurnata oħra mal-Lhud, “u marru iktar nies għandu minn qabel.” Pawlu spjegalhom xi kwistjonijiet billi “minn filgħodu sa filgħaxija, hu kien . . . jagħtihom xhieda fid-dettall dwar is-Saltna t’Alla biex jipprova jikkonvinċihom dwar Ġesù kemm mil-Liġi taʼ Mosè u kemm mill-kitbiet tal-profeti.” (Atti 28:23) Jispikkaw erbaʼ affarijiet fix-xhieda taʼ Pawlu. L-ewwel, hu ffoka fuq is-Saltna t’Alla. It-tieni, ipprova jilħaq lis-semmiegħa tiegħu “biex jipprova jikkonvinċihom.” It-tielet, irraġuna mill-Iskrittura. Ir-rabaʼ, wera li kien lest li jagħmel sagrifiċċji persunali, billi ta xhieda “minn filgħodu sa filgħaxija.” X’eżempju mill-aħjar għalina! X’kien ir-riżultat? “Kien hemm min emmen,” filwaqt li oħrajn le. Dan wassal għal nuqqas taʼ qbil, u n-nies “bdew jitilqu,” jirrapporta Luqa.—Atti 28:24, 25a.

16-18. Ir-respons negattiv tal-Lhud taʼ Ruma għala ma kienx taʼ sorpriża għal Pawlu, u kif għandna nħossuna meta l-messaġġ tagħna jiġi miċħud?

16 Pawlu ma kienx sorpriż bir-reazzjoni tal-Lhud; kien diġà ra din ir-reazzjoni qabel u kienet imbassra fil-profezija tal-Bibbja. (Atti 13:42-47; 18:5, 6; 19:8, 9) Għalhekk, lill-mistidnin tiegħu li qalbhom ma tqanqlitx u li kienu sejrin, Pawlu qalilhom: “L-ispirtu qaddis sewwa qal lill-antenati tagħkom permezz tal-profeta Isaija. Dan qal, ‘Mur għand dan il-poplu u għidilhom: “Għalkemm tisimgħu m’intomx se tifhmu, u għalkemm tħarsu m’intomx se taraw. Għax dan il-poplu rasu iebsa.”’” (Atti 28:25b-27) It-terminu tradott “rasu iebsa” fil-lingwa oriġinali jindika qalb li “bbieset,” jew “ħxienet,” u b’hekk il-messaġġ tas-Saltna ma tħalliex jippenetraha. X’sitwazzjoni traġika!

17 Kuntrarju għas-semmiegħa Lhud tiegħu, ‘il-popli żgur se jisimgħu,’ ikkonkluda Pawlu. (Atti 28:28; Salm 67:2; Is. 11:10) Tabilħaqq, l-appostlu kien ċert li dan hu minnu, għax personalment kien ra ħafna Ġentili jwieġbu b’mod favorevoli għall-messaġġ tas-Saltna!—Atti 13:48; 14:27.   

18 Bħal Pawlu, ejja ma niħdux għalina meta n-nies jiċħdu l-aħbar tajba. Wara kollox, aħna nafu li l-maġġuranza tan-nies jistgħu ma jsibux it-triq tal-ħajja. (Mt. 7:13, 14) Iktar minn hekk, meta wħud li għandhom attitudni xierqa jieħdu waqfa favur il-qima vera, ejja nifirħu u nilqgħuhom mill-qalb.—Lq. 15:7.

“Jippritkalhom Dwar is-Saltna t’Alla” (Atti 28:30, 31)

19. Pawlu kif għamel użu tajjeb miċ-ċirkustanzi tiegħu?

19 Luqa jikkonkludi r-rakkont tiegħu fuq nota verament pożittiva u taʼ mħabba billi qal: “[Pawlu] baqaʼ fid-dar li kera sentejn sħaħ, u kien jilqaʼ mill-qalb lil dawk kollha li kienu jmorru għandu. Hu kien jippritkalhom dwar is-Saltna t’Alla u jgħallem dwar il-Mulej Ġesù Kristu bl-akbar libertà tal-kelma u bla tfixkil.” (Atti 28:30, 31) X’eżempju mill-aqwa t’ospitalità, fidi, u żelu!

20, 21. Semmi xi eżempji taʼ dawk li bbenefikaw mill-ministeru taʼ Pawlu f’Ruma.

20 Wieħed minn dawk li Pawlu laqaʼ b’qalb tajba kien raġel jismu Oneżimu, ilsir li kien ħarab minn Kolossi. Pawlu għen lil Oneżimu jsir Kristjan, u Oneżimu, min-naħa tiegħu, sar ‘ħu maħbub u leali’ għal Pawlu. Fil-fatt, Pawlu ddeskrivieh bil-kliem “ibni, li sirt missieru.” (Kol. 4:9; Flm. 10-12) Min jaf kemm Oneżimu inkuraġġixxa lil Pawlu!a

21 Oħrajn ukoll ibbenefikaw mill-eżempju tajjeb taʼ Pawlu. Lill-​Filippin, hu kitbilhom: “Dak li ġrali rriżulta fl-avanz taʼ l-aħbar tajba minflok il-kontra, għax l-irbit tiegħi fi sħubija maʼ Kristu sar jaf bih kulħadd fost il-Gwardja Pretorjana u l-oħrajn kollha; u l-biċċa l-kbira mill-aħwa fil-Mulej, billi jħossuhom fiduċjużi minħabba l-irbit tiegħi fil-ħabs, qed juru iktar u iktar kuraġġ biex jitkellmu l-kelma t’Alla bla biżaʼ.”—Flp. 1:12-14.

22. Pawlu kif ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni tiegħu?

22 Pawlu ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni tiegħu billi kiteb ittri importanti li issa huma parti mill-Iskrittura Griega Kristjana.b Hu kitibhom għall-Kristjani tal-ewwel seklu, u dawn l-ittri għenuhom ħafna. L-ittri taʼ Pawlu jgħinu lilna wkoll, għax dak li kiteb għadu jgħodd għal-lum il-ġurnata.—2 Tim. 3:16, 17.

IL-ĦAMES ITTRI LI KITEB PAWLU META KIEN IL-ĦABS F’RUMA

Ħamsa mill-ittri tal-appostlu Pawlu nkitbu madwar is-sena 60-61 WK, meta kien il-ħabs f’Ruma. Fl-ittra lil Filemon, sieħbu fit-twemmin, Pawlu jispjega li Oneżimu, l-ilsir maħrub taʼ Filemon, kien sar Kristjan. Pawlu kien il-missier spiritwali t’Oneżimu u kien qed jibgħat lill-ilsir “li qabel ma kienx utli” lura għand sidu bħala ħu Kristjan.—Flm. 10-12, 16.

Fl-ittra tiegħu lill-​Kolossin, Pawlu jindika li Oneżimu kien ‘wieħed minnhom.’ (Kol. 4:9) Oneżimu u Tikiku, li wkoll kien Kristjan, kellhom il-privileġġ li jwasslu ż-żewġ ittri li semmejna qabel kif ukoll dik li Pawlu kiteb lill-​Efesin.—Efes. 6:21.

Meta jikteb lill-​Filippin, Pawlu jsemmi ‘l-irbit tiegħu fil-ħabs’ u għal darb’oħra jitkellem dwar is-sitwazzjoni taʼ dak li kien qed iġorr l-ittra—din id-darba, Epafroditu. Il-​Filippin kienu bagħtu lil Epafroditu biex jgħin lil Pawlu. Imma Epafroditu kien marad u kien se jmut. Hu kien sar imdejjaq ukoll minħabba li l-​Filippin ‘semgħu li kien marad.’ Għalhekk, Pawlu qalilhom biex jgħożżu lil “nies bħalu.”—Flp. 1:7; 2:25-30.

L-ittra lill-​Ebrej kienet indirizzata lill-Kristjani Ebrej fil-Lhudija. Għalkemm l-ittra ma tidentifikax speċifikament lill-kittieb, l-evidenza tissuġġerixxi li kien Pawlu. Il-kitba hi fl-istil tiegħu. Pawlu jibgħat tislijiet mill-Italja, u jsemmi lil Timotju, li kien miegħu Ruma.—Flp. 1:1; Kol. 1:1; Flm. 1; Ebr. 13:23, 24.

23, 24. Bħal Pawlu, ħafna Kristjani taʼ żmienna kif urew attitudni pożittiva minkejja li ġew mitfugħin il-ħabs b’mod inġust?

23 Sa żmien il-ħelsien tiegħu, li ma jissemmiex fl-​Atti, Pawlu kien ilu arrestat erbaʼ snin—sentejn f’Ċesarija u sentejn f’Ruma.c (Atti 23:35; 24:27) Imma hu żamm attitudni pożittiva, u għamel kulma setaʼ fis-servizz t’Alla. Bl-istess mod, ħafna mill-qaddejja taʼ Ġeħova llum, għalkemm ġew mitfugħin il-ħabs b’mod inġust minħabba l-fidi tagħhom, baqgħu ferħanin u komplew jippritkaw. Ikkunsidra l-eżempju t’Adolfo, li ġie mitfugħ il-ħabs fi Spanja minħabba n-newtralità Kristjana tiegħu. “Tiskantana int,” qal uffiċjal. “Għamilnielek ħajtek miżerja, u iktar m’għamilnihielek diffiċli, int iktar tbissimt u tkellimt bil-ħlewwa.”

24 Maż-żmien, Adolfo ġie fdat sal-punt li l-bieb taċ-ċella tiegħu kien jitħalla miftuħ. Xi suldati kienu jmorru jżuruh biex jistaqsuh dwar il-Bibbja. Wieħed mill-gwardji saħansitra kien imur fiċ-ċella t’Adolfo biex jaqra l-Bibbja, waqt li Adolfo kien joqgħod għassa. B’hekk, il-priġunier “għasses” lill-gwardja! Jalla l-eżempju mill-aħjar taʼ Xhieda leali bħal dan iqanqalna nuru ‘iktar u iktar kuraġġ biex nitkellmu l-kelma t’Alla bla biża’,’ saħansitra f’ċirkustanzi diffiċli.

25, 26. Fi ftit inqas minn 30 sena, Pawlu liema profezija tal-għaġeb raha titwettaq, u dan kif jitqabbel maʼ żmienna?

25 Appostlu taʼ Kristu arrestat f’daru ‘jipprietka dwar is-Saltna t’Alla’ lil kull min kien iżuru—x’konklużjoni li tqawwi l-qalb għall-ktieb dinamiku tal-​Atti! Fl-ewwel kapitlu qrajna l-inkarigu li Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu meta qal: “Intom se tirċievu l-qawwa meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom u se tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha, fis-Samarija, u fl-art kollha.” (Atti 1:8) Issa, inqas minn 30 sena wara, il-messaġġ tas-Saltna kien ġie pritkat “fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.”d (Kol. 1:23) X’testimonjanza għall-qawwa tal-ispirtu t’Alla!—Żak. 4:6.

26 Illum, l-istess spirtu ta l-qawwa lill-fdal taʼ ħut Kristu, flimkien maʼ sħabhom in-“nagħaġ oħra,” biex ikomplu jagħtu “xhieda fid-dettall dwar is-Saltna t’Alla” f’240 pajjiż! (Ġw. 10:16; Atti 28:23) Qiegħed int ikollok sehem sħiħ f’dan ix-xogħol?

IL-ĦAJJA TAʼ PAWLU WARA S-SENA 61WK

X’aktarx li madwar is-sena 61WK, Pawlu deher quddiem l-Imperatur Neruni, li milli jidher iddikjarah innoċenti. Ma tantx nafu dwar l-attivitajiet tal-appostlu wara dan. Jekk hu għamel il-vjaġġ ppjanat tiegħu lejn Spanja, kien ikun matul dan iż-żmien. (Rum. 15:28) Pawlu vvjaġġa “sal-limitu estrem tal-Punent,” kiteb Klement taʼ Ruma madwar is-sena 95 WK.

Mit-tliet ittri taʼ Pawlu li nkitbu wara li nħeles—l-1 u t-2 Timotju u Titu—insiru nafu li Pawlu żar Kreta, il-Maċedonja, Nikopoli, u Troas. (1 Tim. 1:3; 2 Tim. 4:13; Titu 1:5; 3:12) Forsi kien f’Nikopoli, il-Greċja, li reġaʼ ġie arrestat. Kien x’kien il-każ, madwar is-sena 65 WK, hu kien lura l-ħabs f’Ruma. Madankollu, din id-darba Neruni ma kien se juri ebda ħniena. Infatti, meta l-belt inħarqet fis-sena 64 WK, Neruni—skont l-istorjografu Ruman Taċitu—b’mod falz waħħal fil-Kristjani u beda kampanja vjolenti taʼ persekuzzjoni.

Fit-tieni ittra tiegħu lil Timotju, Pawlu, għax kien qed jistenna li se jmut dalwaqt, talab lilu u lil Marku biex imorru ħdejh malajr. Huwa taʼ min jinnotah il-kuraġġ taʼ Luqa u Onesiforu, li rriskjaw ħajjithom biex ifarrġu lil Pawlu. (2 Tim. 1:16, 17; 4:6-9, 11) Tabilħaqq, li kieku wieħed kellu jistqarr fil-pubbliku li hu Kristjan, dan kien ikun qed jissogra li jiġi arrestat u torturat sal-mewt. Pawlu x’aktarx li miet martri ftit wara li kiteb l-aħħar ittra tiegħu lil Timotju madwar is-sena 65 WK. Jingħad li Neruni nnifsu miet mewta vjolenti madwar tliet snin wara li Pawlu miet martri.

L-AĦBAR TAJBA “PRIDKATA FIL-ĦOLQIEN KOLLU”

Madwar is-sena 61 WK, waqt li l-appostlu Pawlu kien priġunier f’Ruma, hu kiteb li “l-aħbar tajba” kienet ġiet “pridkata fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.” (Kol. 1:23) Kif għandna nifhmu din l-istqarrija?

Milli jidher, Pawlu kien qed jiddeskrivi b’mod ġenerali kemm “l-aħbar tajba” kienet infirxet. Pereżempju, Alessandru l-Kbir kien baqaʼ dieħel fl-Asja sal-fruntieri tal-Indja fir-rabaʼ seklu QK. Ġulju Ċesari kien invada lill-Brittanja fis-sena 55 QK, u Klawdju kien rebaħ u ħa taħt idejh in-naħa tan-Nofsinhar taʼ din il-gżira u għamilha parti mill-Imperu Ruman fis-sena 43 WK. Il-Lvant Imbiegħed kien magħruf ukoll, għax kien is-sors taʼ ħarir fin.

Kienet l-aħbar tajba ġiet pritkata fil-Brittanja, fiċ-Ċina, u fil-Lvant Imbiegħed? X’aktarx li le. Fil-fatt, meta Pawlu kiteb lill-​Kolossin, hu kien għadu lanqas laħaq il-mira tiegħu, li kien stqarr madwar is-sena 56 WK, li jipprietka fi Spanja li dak iż-żmien kienet “territorju mhux mimsus.” (Rum. 15:20, 23, 24) Xorta waħda, sa madwar is-sena 61 WK, il-messaġġ tas-Saltna kien magħruf sew. Minn tal-inqas, kien infirex sal-pajjiżi li kienu joqogħdu fihom il-Lhud u oħrajn li jimxu mat-tagħlim tal-Lhud li kienu tgħammdu f’Pentekoste tas-sena 33 WK kif ukoll sal-pajjiżi li żaru l-appostli taʼ Ġesù.—Atti 2:1, 8-11, 41, 42.

a Pawlu ried iżomm lil Oneżimu hemmhekk miegħu, imma b’hekk kien jikser il-liġi Rumana u jmur kontra d-drittijiet taʼ sid Oneżimu, il-Kristjan Filemon. Għalhekk, Oneżimu mar lura għand Filemon, u miegħu ħa ittra mingħand Pawlu li inkuraġġiet lil Filemon biex jilqaʼ lill-ilsir tiegħu b’qalb tajba, bħala ħu spiritwali.—Flm. 13-19.

b Ara l-kaxxa “Il-Ħames Ittri li Kiteb Pawlu Meta Kien il-Ħabs f’Ruma.”

c Ara l-kaxxa “Il-Ħajja taʼ Pawlu Wara s-Sena 61 WK”

d Ara l-kaxxa “L-Aħbar Tajba ‘Pridkata fil-Ħolqien Kollu.’”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja