LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 11/1 pp. 14-19
  • Benefiċċji li Jiġu Milli Nħobbu l-Kelma t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Benefiċċji li Jiġu Milli Nħobbu l-Kelma t’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Protezzjoni minn Ħsara Dejjiema
  • Agħti Prova li Int “Art Tajba”
  • ‘Agħmlu l-​Frott f’kull Għemil Tajjeb’
  • Benefiċċji Futuri Glorjużi
  • Hu “Alla li Jkabbar”!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • ‘Żommu fil-Kelma Tiegħi’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • ‘Agħmlu Ħafna Frott’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ġeħova jħobb lil dawk li “jagħtu l-frott bis-sabar”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 11/1 pp. 14-19

Benefiċċji li Jiġu Milli Nħobbu l-​Kelma t’Alla

“Ħobbu [l-għerf], u hu jieqaf miegħek [“jipproteġik,” “KŻ”]. . . . Tgħannaq miegħu, u jkunlek taʼ ġieħ.”—PROVERBJI 4:6, 8.

1. X’hemm involut f’li verament tkun tħobb il-​Kelma t’Alla?

IL-​QARI tal-​Bibbja hu essenzjali għal Kristjan. Madankollu, li sempliċement taqra l-​Kelma t’Alla ma jfissirx li tkun tħobbha. Xi ngħidu jekk xi ħadd jaqra l-​Bibbja imma mbagħad jipprattika affarijiet li l-​Bibbja tikkundannahom? Ovvjament, dan ma jkunx qed iħobb il-​Kelma t’Alla bil-​mod li kien iħobbha l-​kittieb taʼ Salm 119. Li jħobb il-​Kelma t’Alla kien ifisser li jgħix fi qbil maʼ dak li tirrikjedi.—Salm 119:97, 101, 105.

2. Liema benefiċċji jiġu mill-​għerf ibbażat fuq il-​Kelma t’Alla?

2 Li tgħix fi qbil mal-​Kelma t’Alla jirrikjedi li taġġusta kontinwament il-​mod kif taħsibha u kif tgħix. Korsa bħal din tirrifletti għerf divin, li jfisser li tapplika b’mod prattiku l-​għarfien u l-​fehma li tikseb meta tistudja l-​Bibbja. “Ħobbu [l-għerf], u hu jieqaf miegħek [“jipproteġik,” KŻ]. Għożżu, u hu jżommok fl-​għoli [“jeżaltak,” NW], tgħannaq miegħu, u jkunlek taʼ ġieħ. Iqegħedlek fuq rasek kuruna sabiħa, jitfaʼ fuqek tiżjin kollu ġmiel.” (Proverbji 4:6, 8, 9) X’inkuraġġiment mill-​aħjar biex niżviluppaw imħabba għall-​Kelma t’Alla! Min ma jridx li jkun protett, eżaltat, u mogħti ġieħ?

Protezzjoni minn Ħsara Dejjiema

3. Il-​Kristjani għala għandhom bżonn iktar minn qatt qabel li jiġu protetti, u minn min?

3 B’liema mod jistaʼ xi ħadd jiġi protett permezz taʼ l-​għerf miksub milli jistudja u japplika l-​Kelma t’Alla? L-​ewwelnett, jiġi protett minn Satana x-​Xitan. Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu jitolbu biex jinħelsu minn Satana, dak il-​wieħed mill-​agħar. (Mattew 6:13, NW) Illum, huwa verament urġenti li ninkludu dan fit-​talb tagħna. Satana u d-​demonji tiegħu ġew mitfugħin ’il barra mis-​sema wara l-​1914, u minħabba dan Satana għandu “korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.” (Apokalissi 12:9, 10, 12) Issa li ż-​żmien daħal sewwa, il-​korla tiegħu bilfors li tikwi hekk kif hu jiggwerra bla suċċess kontra dawk “li josservaw il-​kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-​xogħol taʼ li jagħtu xiehda dwar Ġesù.”—Apokalissi 12:17, NW.

4. Il-​Kristjani kif jiġu protetti mill-​pressjonijiet u n-​nases taʼ Satana?

4 Satana bil-​korla li għandu qed ikompli jaqlaʼ l-​inkwiet għal dawn il-​ministri Kristjani u jqanqal persekuzzjoni vjolenti jew jivvinta ostakli oħrajn biex ifixkel l-​attività tagħhom. Hu jrid ukoll iħajjar lill-​proklamaturi tas-​Saltna biex jibdew jiffokaw fuq affarijiet bħal li jkunu prominenti fid-​dinja, li jgħixu ħajja komda u mingħajr xkiel, li jakkwistaw ġid materjali, u li moħħhom ikun fil-​pjaċiri, minflok fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna. X’inhu li jipproteġi lill-​qaddejja leali t’Alla milli jċedu għall-​pressjoni taʼ Satana jew milli jinqabdu fin-​nases tiegħu? M’għandniex xi ngħidu, it-​talb, relazzjoni persunali u intima maʼ Jehovah, u fidi fiċ-​ċertezza tal-​wegħdi tiegħu huma vitali. Imma dawn kollha huma konnessi maʼ li jkollna għarfien tat-​tfakkiriet li jinsabu fil-​Kelma t’Alla u determinazzjoni li nobduhom. Dawn it-​tfakkiriet jiġu billi naqraw il-​Bibbja u pubblikazzjonijiet li jgħinuna fl-​istudju tal-​Bibbja, nattendu l-​laqgħat Kristjani, nagħtu kas il-​pariri Skritturali mingħand xi wieħed mill-​adoraturi sħabna, jew sempliċement billi nimmeditaw bit-​talb fuq prinċipji Bibliċi li l-​ispirtu t’Alla jfakkarna fihom.—Isaija 30:21; Ġwann 14:26; 1 Ġwann 2:15-17.

5. L-​għerf ibbażat fuq il-​Kelma t’Alla b’liema modi se jipproteġina?

5 Dawk li jħobbu l-​Kelma t’Alla jiġu protetti b’modi oħrajn. Per eżempju, huma jevitaw in-​niket emozzjonali u l-​mard fiżiku li jiġu mill-​abbuż tad-​drogi, l-​użu tat-​tabakk, u l-​immoralità sesswali. (1 Korintin 5:11; 2 Korintin 7:1) Jevitaw it-​tqassis jew il-​kliem iebes, li jikkontribwixxi għal relazzjonijiet taʼ tensjoni bejn l-​aħwa. (Efesin 4:31) Lanqas ma jisfaw vittmi taʼ dubji minħabba li jkunu indagaw fuq filosofiji qarrieqa taʼ l-​għerf taʼ din id-​dinja. (1 Korintin 3:19) Billi jħobbu l-​Kelma t’Alla, huma jiġu protetti minn affarijiet li jistgħu jisirqulhom ir-​relazzjoni tagħhom m’Alla u t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem. Huma jibqgħu medhijin f’li jgħinu lill-​proxxmu tagħhom ħalli dawn in-​nies ipoġġu fidi fil-​wegħdi taʼ l-​għaġeb li jinsabu fil-​Bibbja, billi jafu li b’hekk se ‘jsalvaw lilhom infushom u lil dawk li jisimgħuhom.’—1 Timotju 4:16.

6. L-​għerf ibbażat fuq il-​Kelma t’Alla kif jistaʼ jipproteġina saħansitra f’ċirkustanzi diffiċli?

6 Veru li kulħadd—anki dawk li jħobbu l-​Kelma t’Alla—huwa suġġett għaż-​“żmien u ċ-​ċirkustanzi.” (Koħèlet 9:11) Huwa inevitabbli li xi wħud fostna jġarrbu diżastri naturali, mard serju, inċidenti, jew mewt qabel il-​waqt. Xorta waħda, aħna ninsabu protetti. L-​ebda gwaj ma jistaʼ jġib ħsara permanenti lil xi ħadd li verament iħobb il-​Kelma t’Alla. Għaldaqstant, m’għandniex ninkwetaw iżżejjed dwar dak li jistaʼ jiġri fil-​futur. Wara li nieħdu l-​prekawzjonijiet raġunevoli kollha, ikun aħjar li nħallu kollox f’idejn Jehovah u ma nħallux in-​nuqqas taʼ sigurtà tal-​ħajja tal-​lum jisirqilna l-​paċi. (Mattew 6:33, 34; Filippin 4:6, 7) Żomm f’moħħok iċ-​ċertezza tat-​tama taʼ l-​irxoxt u taʼ ħajja aħjar meta Alla se ‘jġedded kollox.’—Apokalissi 21:5; Ġwann 11:25.

Agħti Prova li Int “Art Tajba”

7. Ġesù liema tixbieha qalilhom lill-​folol li marru jisimgħuh?

7 L-​importanza taʼ li jkollna ħarsa xierqa dwar il-​Kelma t’Alla ġiet enfasizzata f’waħda mill-​parabboli taʼ Ġesù. Hekk kif Ġesù pproklama l-​aħbar tajba fil-​Palestina kollha, il-​folol kienu jinġabru biex jisimgħuh. (Luqa 8:1, 4) Madankollu, mhux kulħadd kien verament iħobbha l-​Kelma t’Alla. Bla dubju, kienu ħafna li ġew jisimgħuh għax riedu jaraw il-​mirakli jew għaliex kien jogħġobhom il-​mod meraviljuż kif kien jgħallem. Għalhekk, Ġesù qal din it-​tixbieha lill-​folol: “Wieħed bidwi ħareġ jiżraʼ ż-​żerriegħa li kellu. Huwa u jiżraʼ, xi żerrigħat waqgħulu mal-​mogħdija u ntrifsu, u l-​għasafar taʼ l-​ajru naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu fuq il-​blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx. Oħrajn waqgħu qalb ix-​xewk, u x-​xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Oħrajn waqgħu f’art tajba, u nibtu u għamlu l-​frott kull waħda mija.”—Luqa 8:5-8.

8. Fit-​tixbieha taʼ Ġesù, x’inhi ż-​żerriegħa?

8 Il-​parabbola taʼ Ġesù wriet li kien se jkun hemm reazzjonijiet differenti għall-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba, imma dan kien se jiddependi fuq il-​kundizzjoni tal-​qalb taʼ dak li jismagħha. Iż-​żerriegħa miżrugħa hija “l-​kelma taʼ Alla.” (Luqa 8:11) Jew, kif jgħid rakkont ieħor tal-​parabbola, iż-​żerriegħa hi “l-​kelma tas-​Saltna.” (Mattew 13:19) Ġesù setaʼ juża ż-​żewġ espressjonijiet, ladarba t-​tema tal-​Kelma t’Alla hi s-​Saltna tas-​sema taħt Ġesù Kristu bħala Sultan li permezz tagħha Jehovah se jivvindika s-​sovranità tiegħu u jqaddes ismu. (Mattew 6:9, 10) Mela fil-​fatt, iż-​żerriegħa hi l-​messaġġ taʼ l-​aħbar tajba li jinsab fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jiġbdu l-​attenzjoni lejn dan il-​messaġġ tas-​Saltna waqt li jiżirgħu ż-​żerriegħa bħalma għamel Ġesù Kristu, il-​bidwi li żaraʼ oriġinalment. Liema rispons isibu?

9. Taʼ liema ħaġa tagħti stampa ż-​żerriegħa li taqaʼ (a) mal-mogħdija? (b) fuq il-​blat? (ċ) qalb ix-​xewk?

9 Ġesù qal li xi żerriegħa taqaʼ mal-​mogħdija u tinsaħaq. Dan jirreferi għan-​nies li tant huma preokkupati li s-​Saltna ma tkunx tistaʼ trabbi l-​għeruq f’ħajjithom. Qabel ma jkunu jistgħu jiżviluppaw imħabba għall-​Kelma t’Alla, “jiġi x-​xitan u jaħtfilhom il-​kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw.” (Luqa 8:12) Xi żerriegħa taqaʼ fuq il-​blat. Dan jirreferi għan-​nies li jogħġobhom il-​messaġġ tal-​Bibbja imma ma jħalluhx jeffettwalhom lil qalbhom. Meta tiġi l-​oppożizzjoni, jew meta jsibuha diffiċli li japplikaw il-​pariri tal-​Bibbja, “jitilqu” għaliex ma jkollhomx għeruq. (Luqa 8:13) Imbagħad hemm dawk li jisimgħu l-​kelma imma jintrebħu mill-​“inkwiet żejjed u l-​għana u l-​pjaċiri tal-​ħajja.” Eventwalment, bħal pjanti mdawrin bix-​xewk, dawn ‘jinħonqu [“kompletament,” NW].’—Luqa 8:14.

10, 11. (a) L-​art tajba taʼ min tagħti stampa? (b) X’irridu nagħmlu biex ‘inżommu’ l-​Kelma t’Alla fi qlubna?

10 Fl-​aħħarnett, hemm iż-​żerriegħa li taqaʼ fuq art tajba. Din tirrappreżenta n-​nies li jirċievu l-​messaġġ “b’qalb tajba u sinċiera.” Naturalment, kull wieħed minna jixtieq li jaqaʼ taħt din il-​kategorija. Iżda fl-​analisi finali, hija l-​ħarsa t’Alla li tgħodd. (Proverbji 17:3; 1 Korintin 4:4, 5) Il-​Kelma tiegħu tgħid li “qalb tajba u sinċiera” hija xi ħaġa li nagħtu prova tagħha bl-​għemejjel tagħna minn issa sa ma mmutu jew sakemm Alla jġib fi tmiem lil din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar. Jekk fil-​bidu r-​rispons tagħna għall-​messaġġ tas-​Saltna jkun pożittiv, dan huwa tajjeb. Madankollu, dawk li għandhom qalb tajba u sinċiera jaċċettaw il-​Kelma t’Alla u “jżommuha, u jagħmlu l-​frott bis-​sabar.”—Luqa 8:15, KŻ.

11 L-​uniku mod biex nagħmlu ċert li nżommu l-​Kelma t’Alla f’qalbna hu billi naqrawha u nistudjawha kemm fil-​privat u kemm meta nassoċjaw maʼ sħabna fit-​twemmin. Dan jinkludi li nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​ikel spiritwali provdut permezz tal-​mezz taʼ komunikazzjoni maħtur biex jieħu ħsieb l-​interessi spiritwali tas-​segwaċi veri taʼ Ġesù. (Mattew 24:45-47) Billi jagħmlu dan, dawk li jżommu l-​Kelma t’Alla f’qalbhom jiġu mqanqlin mill-​imħabba biex “jagħmlu l-​frott bis-​sabar.”

12. X’inhu l-​frott li rridu nipproduċu bis-​sabar?

12 L-​art tajba liema frott tipproduċi? Fid-​dinja tan-​natura, iż-​żerriegħa ssir pjanta li tipproduċi frott li jkun fih l-​istess tip taʼ żerriegħa, li mbagħad tistaʼ tiġi mxerrda biex tipproduċi iktar frott. B’mod simili, fil-​każ taʼ dawk li għandhom qalb tajba u sinċiera, iż-​żerriegħa tal-​kelma tikber ġo fihom, u ġġagħalhom jagħmlu progress spiritwali sakemm huma, min-​naħa tagħhom, ikunu jistgħu jiżirgħu ż-​żerriegħa f’qalb ħaddieħor. (Mattew 28:19, 20) U x-​xogħol taż-​żrigħ li jagħmlu huwa karatterizzat mis-​sabar. Ġesù wera l-​importanza tas-​sabar fix-​xogħol taż-​żrigħ meta qal: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ [“jkun issaporta,” NW] sa l-​aħħar, dan isalva. Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:13, 14.

‘Agħmlu l-​Frott f’kull Għemil Tajjeb’

13. Pawlu liema talba lissen li fiha għamel konnessjoni bejn il-​frott u l-​għarfien tal-​Kelma t’Alla?

13 Anki l-​appostlu Pawlu tkellem dwar il-​bżonn li wieħed jipproduċi l-​frott, u hu għamel konnessjoni bejn li nipproduċu l-​frott u l-​Kelma t’Alla. Hu talab biex sħabu fit-​twemmin ‘jimtlew bil-​għarfa tar-​rieda tiegħu fil-​għerf kollu u dehen spiritwali; biex jimxu kif jixraq lill-​Mulej u li jogħġbuh f’kollox, billi jagħmlu l-​frott f’kull għemil tajjeb, u jikbru fil-​għarfa t’Alla.’—Kolossin 1:9, 10, KŻ; Filippin 1:9-11.

14-16. Fi qbil mat-​talba taʼ Pawlu, liema frott jipproduċu dawk li jħobbu l-​Kelma t’Alla?

14 B’hekk, Pawlu juri li l-​għan tagħna m’huwiex li niksbu għarfien mill-​Bibbja u nieqfu hemm. Pjuttost, l-​imħabba għall-​Kelma t’Alla tqanqalna biex ‘nimxu kif jixraq lill-​Mulej’ billi nkomplu ‘nagħmlu l-​frott f’kull għemil tajjeb.’ Liema għemil tajjeb? L-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna hu l-​iktar inkarigu importanti tal-​Kristjani f’dawn l-​aħħar jiem. (Mark 13:10) Barra minn hekk, dawk li jħobbu l-​Kelma t’Alla jagħmlu l-​almu tagħhom biex b’mod regulari jagħtu appoġġ finanzjarju għal dan ix-​xogħol. L-​għaxqa tagħhom hija f’dan il-​privileġġ, billi jafu li “Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.” (2 Korintin 9:7) Il-​kontribuzzjonijiet tagħhom jintużaw biex jagħmlu tajjeb għall-​ispejjeż involuti biex jitmexxew il-​faċilitajiet taʼ Betel li jgħoddu ’l fuq minn mija u li minnhom tiġi diretta l-​attività taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u li fi ftit minnhom jiġu prodotti Bibbji u letteratura dwar il-​Bibbja. Il-​kontribuzzjonijiet tagħhom jgħinu wkoll biex jagħmlu tajjeb għall-​ispejjeż tal-​konvenzjonijiet kbar Kristjani u l-​ispejjeż biex jintbagħtu indokraturi li jivvjaġġaw, missjunarji, u evanġelizzaturi full-time oħrajn.

15 Għemejjel tajbin oħrajn jinvolvu li nibnu u nieħdu ħsieb il-​postijiet fejn niltaqgħu għall-​qima vera. Imħabba għall-​Kelma t’Alla tqanqal lill-​adoraturi tiegħu biex jaċċertaw ruħhom li s-​Swali taʼ l-​Assembleat u s-​Swali tas-​Saltna ma jiġux traskurati. (Qabbel Neħemija 10:40 [Neħemija 10:39, NW].) Ladarba isem Jehovah jidher fuq il-​faċċata taʼ dan il-​bini, huwa vitali li l-​bini jinżamm nadif u attraenti kemm minn ġewwa u kemm minn barra, u li l-​kondotta taʼ dawk li jqimu f’dawn is-​swali ħadd ma jsib xejn ħażin x’jgħid fuqha. (2 Korintin 6:3) Xi Kristjani jistgħu jagħmlu iktar. L-​imħabba għall-​Kelma t’Alla tqanqalhom biex jivvjaġġaw distanzi twal sabiex jieħdu sehem fil-​bini taʼ postijiet ġodda għall-​qima f’partijiet tad-​dinja fejn ikun hemm il-​bżonn minħabba l-​faqar jew in-​nuqqas taʼ snajjaʼ li jkun hemm.—2 Korintin 8:14.

16 Li ‘tagħmel il-​frott f’kull għemil tajjeb’ jinkludi wkoll li tieħu ħsieb l-​obbligi tal-​familja u li turi tħassib għal Kristjani sħabek. L-​imħabba għall-​Kelma t’Alla tqanqalna biex inkunu sensittivi għall-​ħtiġijiet taʼ “qrabatna fil-​fidi” u biex ‘nipprattikaw id-​devozzjoni lejn Alla f’darna stess.’ (Galatin 6:10; 1 Timotju 5:4, 8, NW) F’dan ir-​rigward, hu għemil tajjeb li nżuru lill-​morda u nfarrġu lill-​imnikktin. U kemm jitwettaq xogħol mill-​aħjar mill-​anzjani tal-​kongregazzjoni u l-​Kumitati taʼ Koordinazzjoni maʼ l-​Isptarijiet f’li jassistu individwi li jiffaċċjaw sitwazzjonijiet mediċi li huma taʼ sfida għalihom! (Atti 15:29) Imbagħad hemm numru li dejjem jiżdied taʼ diżastri—xi wħud minnhom naturali waqt li oħrajn huma kaġunati min-​nuqqas taʼ ħsieb tal-​bniedem. Bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu t’Alla, f’ħafna partijiet tal-​globu x-​Xhieda taʼ Jehovah bnew rekord mill-​aħjar taʼ kemm ikunu pronti biex jipprovdu għajnuna lil adoraturi sħabhom u vittmi oħrajn taʼ diżastri u inċidenti. Dan kollu huwa l-​frott tajjeb li juru dawk li jħobbu l-​Kelma t’Alla.

Benefiċċji Futuri Glorjużi

17, 18. (a) X’qed jitwettaq permezz taż-​żrigħ taż-​żerriegħa tas-​Saltna? (b) Liema ġrajjiet li jheżżu lid-​dinja dalwaqt se jaraw b’għajnejhom dawk li jħobbu l-​Kelma t’Alla?

17 Iż-​żrigħ taż-​żerriegħa tas-​Saltna jkompli jġib benefiċċji kbar lill-​umanità. Fi snin reċenti iktar minn 300,000 ruħ kull sena ħallew il-​messaġġ tal-​Bibbja jrabbi l-​għeruq ġo qalbhom sal-​punt li ddedikaw ħajjithom lil Jehovah u ssimbolizzaw dan permezz tal-​magħmudija fl-​ilma. X’futur glorjuż hemm jistenniehom!

18 Dawk li jħobbu l-​Kelma t’Alla jafu li dalwaqt Alla Jehovah se jaġixxi biex ifaħħar lil ismu bil-​kbir. “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, se tiġi meqruda. (Apokalissi 18:2, 8) Imbagħad, dawk li jirrifjutaw li jgħixu fi qbil mal-​Kelma t’Alla se jingħataw il-​mewt mis-​Sultan, Ġesù Kristu. (Salm 2:9-11; Danjel 2:44) Wara dan, is-​Saltna t’Alla se ġġib serħan permanenti mill-​kriminalità, mill-​gwerer, u minn diżastri oħrajn. Mhux se jkun hemm bżonn iktar li nfarrġu lin-​nies minħabba l-​uġigħ, il-​mard, u l-​mewt.—Apokalissi 21:3, 4. 

19, 20. Liema futur glorjuż hemm maħżun għal dawk li verament iħobbu l-​Kelma t’Alla?

19 X’għemejjel tajbin u glorjużi se jitwettqu dakinhar minn dawk li jħobbu l-​Kelma t’Alla! Dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon se jibdew bl-​inkarigu taʼ ferħ li jittrasformaw din l-​art f’ġenna. Huma se jkollhom il-​privileġġ eċċitanti li jippreparaw għal dak li se jkollhom bżonn dawk l-​uħud mejtin li bħalissa qegħdin jistrieħu fl-​oqbra u jinsabu fil-​memorja t’Alla bil-​prospett li jkollhom sehem mill-​irxoxt tal-​mejtin. (Ġwann 5:28, 29) Matul dak iż-​żmien, l-​abitanti taʼ l-​art se jkollhom direzzjoni perfetta li se tgelgel fuqhom mingħand il-​Mulej Sovran, Jehovah, permezz taʼ l-​Iben eżaltat tiegħu, Ġesù Kristu. ‘Se jinfetħu kotba’ li jirrivelaw l-​istruzzjonijiet taʼ Jehovah għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida.—Apokalissi 20:12.

20 Fil-​waqt taʼ Jehovah, il-​ġemgħa kompleta taʼ Kristjani midlukin leali se tiġi mqajma mill-​mewt sabiex tieħu l-​premju tas-​sema bħala “werrieta maʼ Kristu.” (Rumani 8:17) Matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, il-​bnedmin kollha li jinsabu fuq l-​art u li jħobbu l-​Kelma t’Alla se jitgħollew għall-​perfezzjoni tal-​moħħ u tal-​ġisem. Wara li jagħtu prova tal-​fedeltà tagħhom taħt prova finali, huma se jiġu premjati bil-​ħajja taʼ dejjem u jibdew igawdu “l-​ħelsien tal-​glorja taʼ wlied Alla.” (Rumani 8:21; Apokalissi 20:1-3, 7-10) Xi żmien sabiħ se jkun dan! Verament, kemm jekk it-​tama li jagħtina Jehovah hi għas-​sema u kemm jekk hi għall-​art, li jkollna mħabba li ma titħarrikx għall-​Kelma tiegħu u determinazzjoni li ngħixu skond l-​għerf divin se jipproteġina. U fil-​futur dan se ‘jkunilna taʼ ġieħ jekk ngħannquh.’—Proverbji 4:6, 8.

Tistaʼ Tispjega?

◻ L-​imħabba għall-​Kelma t’Alla kif se tipproteġina?

◻ X’inhi ż-​żerriegħa tat-​tixbieha taʼ Ġesù, u kif tiġi miżrugħa?

◻ Kif nistgħu nagħtu prova li aħna “art tajba”?

◻ Liema benefiċċji jistgħu jantiċipaw dawk li jħobbu l-​Kelma t’Alla?

[Stampa f’paġna 16]

Iż-​żerriegħa tat-​tixbieha taʼ Ġesù tagħti stampa tal-​messaġġ taʼ l-​aħbar tajba li jinsab fil-​Kelma t’Alla

[Sors]

Garo Nalbandian

[Stampa f’paġna 17]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jimitaw lill-​Bidwi l-​Kbir li jiżraʼ

[Stampi f’paġna 18]

Dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon se jgawdu l-​frott taʼ l-​art

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja