Stabar fit-Tul Maʼ Kulħadd
“Inħeġġukom, I-aħwa, widdbu lil dawk li ma jimxux bl-ordni, lissnu kliem taʼ faraġ lill-erwieħ imnikitin, agħtu appoġġ lid-dgħajfin, stabru fit-tul maʼ kulħadd.”—1 TESSALONKIN 5:14.
1. Ix-Xhieda taʼ Jehovah fejn u taħt liema ċirkustanzi wrew sabar fit-tul?
X’EŻEMPJU taw ix-Xhieda taʼ Jehovah tal-lum f’li jistabru fit-tul! Huma ssaportew ħafna tbatija u persekuzzjoni f’artijiet li qabel kienu Nażisti u Faxxisti u f’pajjiżi bħalma hu l-Malawi sal-ġurnata tal-lum. Jistabru fit-tul, ukoll, huma dawk li jgħixu fi djar maqsumin reliġjożament.
2. In-nies taʼ Jehovah minħabba liema żewġ fatturi jgawdu l-ġenna tal-art spiritwali?
2 Minkejja l-persekuzzjoni u t-tbatijiet li jġarrbu, in-nies iddedikati taʼ Jehovah kienu u għadhom qed igawdu l-barkiet taʼ ġenna tal-art spiritwali. Tabilħaqq, il-fatti juru li Kristjani midlukin bdew igawduha fis-sena 1919. Minħabba liema affarijiet titgawda din il-ġenna tal-art spiritwali? L-ewwelnett, dawn il-kundizzjonijiet taʼ ġenna tal-art jeżistu fost in-nies taʼ Jehovah għaliex Alla rrestawra lill-qaddejja midlukin tiegħu lejn l-“art” tagħhom, jew kundizzjoni, taʼ qima pura. (Isaija 66:7, 8) Il-ġenna tal-art spiritwali tiffjorixxi wkoll għaliex kulmin qiegħed fiha juri l-frottiet tal-ispirtu t’Alla. Is-sabar fit-tul huwa waħda minn dawn. (Galatin 5:22, 23) L-importanza taʼ din il-kwalità safejn hija kkonċernata l-ġenna tal-art spiritwali tagħna tistaʼ tidher minn din l-istqarrija mill-istudjuż William Barclay: “Ma jistaʼ jkun hemm ebda ħaġa bħal sħubija Kristjana mingħajr makrothumia [sabar fit-tul]. . . . U r-raġuni għal dak hi sewwa sew din—li makrothumia hi l-karatteristika kbira t’Alla (Rum. 2.4; 9.22).” (A New Testament Wordbook, paġna 84) Iva, is-sabar fit-tul huwa daqshekk importanti!
Nistabru fit-Tul maʼ Ħutna
3. Ġesù liema lezzjoni dwar is-sabar fit-tul ta lil Pietru?
3 L-appostlu Pietru mid-dehra kellu xi diffikultà biex juri s-sabar fit-tul, għax darba minnhom staqsa lil Ġesù: “Mulej, kemm-il darba għandu ħija jidneb kontra tiegħi u jien għandi naħfirlu? Sa sebaʼ darbiet?” Ġesù qallu: “Ingħidlek, mhux, Sa sebaʼ darbiet, imma, Sa sebgħa u sebgħin darba.” (Mattew 18:21, 22) Fi kliem ieħor, ma hemm ebda limitu għal kemm-il darba rridu nissaportu lil xulxin u naħfru lil xi ħadd li jidneb kontra tagħna. Wara kollox, ma nistgħux nimmaġinaw li xi ħadd se jżomm il-kont sa 77 darba! Iżda, li naħfru daqshekk żgur li jirrikjedi sabar fit-tul.
4. L-anzjani b’mod speċjali għala għandhom bżonn jistabru fit-tul?
4 Meta niġu għat-turija taʼ sabar fit-tul minn aħwa spiritwali, ma hemm l-ebda dubju li l-anzjani tal-kongregazzjoni għandhom bżonn li jkunu taʼ eżempju. Il-paċenzja tagħhom tistaʼ tiġi ttestjata għaliex uħud minn sħabhom fit-twemmin jistgħu jkunu traskurati jew indifferenti. Oħrajn jistgħu joqogħdu jitnikkru meta jkollhom jikkorreġu drawwiet ħżiena. L-anzjani jridu joqogħdu attenti li ma jiġux imdejqin jew offiżi malajr mid-djufijiet taʼ ħuthom Kristjani rġiel u nisa. Minflok, dawn ir-ragħajja spiritwali għandhom bżonn jiftakru l-parir: “Aħna, iżda, li aħna b’saħħitna jmissna nerfgħu d-djufijiet taʼ dawk li m’humiex b’saħħithom, u mhux ingħoġbu lilna nfusna.”—Rumani 15:1.
5. Liema ħaġa jkollna l-ħila nissaportu jekk nistabru fit-tul?
5 Imbagħad jerġaʼ, konflitti fil-personalità jistgħu jqumu minħabba djufijiet u difetti umani. Minħabba nuqqasijiet jew tendenzi, aħna ndejqu lil ħutna, biex ingħidu hekk, u huma jistgħu jagħmlu hekk lilna. Għalhekk, kemm hu xieraq il-parir: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin b’xejn jekk xi ħadd għandu x’jilmenta kontra ieħor. Saħansitra bħalma Jehovah ħafer lilkom mill-qalb, hekk agħmlu intom ukoll.” (Kolossin 3:13) Li ‘nissaportu lil xulxin’ ifisser li nistabru fit-tul, għalkemm jistaʼ jkun li għandna raġunijiet validi biex ingergru kontra xi ħadd. Ma rridux nirritaljaw jew nikkastigaw lil ħuna, u lanqas saħansitra ma nlissnu xi tgergir kontra tiegħu.—Ġakbu 5:9.
6. Li wieħed jistabar fit-tul għala hi l-korsa taʼ għerf?
6 Bl-istess effett huwa l-parir li nsibu f’Rumani 12:19: “Tivvendikawx irwieħkom, maħbubin, imma ċedu għall-korla; għax hu miktub: ‘Tiegħi hi l-vendetta; jien se nħallas lura, igħid Jehovah.’” Li ‘nċedu għall-korla’ jfisser li ma ngħaġġlux biex nirrabjaw, jew li nistabru fit-tul. Li nuru din il-kwalità huwa l-korsa taʼ għerf, għax jibbenefika lilna u lil oħrajn. Jekk qamet xi problema, aħna nfusna nħossuna aħjar għaliex billi nistabru fit-tul, m’aħniex qed ingħarrqu l-affarijiet. U dak li lejh aħna neżerċitaw is-sabar fit-tul ukoll iħossu aħjar għaliex m’aħniex nikkastigawh jew nirritaljaw kontra tiegħu b’xi mod. Mhux taʼ b’xejn li Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu biex ‘ilissnu kliem taʼ faraġ lill-erwieħ imnikktin, jagħtu appoġġ lid-dgħajfin, jistabru fit-tul maʼ kulħadd’!—1 Tessalonkin 5:14.
Ġewwa l-Familja
7. Il-miżżewġin għala għandhom bżonn jistabru fit-tul?
7 Intqal sewwa li żwieġ hieni huwa l-għaqda taʼ tnejn li dejjem lesti li jaħfru. X’ifisser dak? Li nies li b’mod hieni huma miżżewġin jistabru fit-tul f’li jittrattaw maʼ xulxin. Individwi spiss jinġibdu lejn xulxin minħabba t-temperamenti opposti tagħhom. Dawn id-differenzi jistgħu jqajmu interess, u madankollu jistgħu jkunu wkoll sors taʼ nuqqas taʼ qbil li jżid mal-istress u mal-anzjetajiet li diġà minħabba fihom Kristjani miżżewġin għandhom “tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Korintin 7:28) Per eżempju, suppost li raġel miżżewweġ huwa indifferenti fejn jidħlu d-dettalji jew għandu t-tendenza li jkun kemmxejn traskurat jew ma jżommhiex. Din tistaʼ tkun taʼ prova mhux ħażin għal martu. Imma jekk suġġerimenti bi kliem ħelu huma għalxejn, hi tistaʼ sempliċement ikollha tissaporti d-djufijiet tiegħu billi tistabar fit-tul.
8. Irġiel miżżewġin għala jistgħu jkollhom bżonn jistabru fit-tul?
8 Mill-banda l-oħra, mara miżżewġa tistaʼ tkun fitta wisq fuq id-dettalji u jkollha t-tendenza li tgerger maʼ żewġha. Dan jistaʼ sewwa jfakkarna fl-iskrittura: “Aħjar tgħix fuq il-bejt milli taqsam id-dar maʼ mara li tgerger il-ħin kollu.” (Proverbji 25:24, Today’s English Version) F’każ bħal dan, is-sabar fit-tul huwa meħtieġ biex taġixxi fi qbil mal-parir taʼ Pawlu: “Intom irġiel miżżewġin, ibqgħu ħobbu lin-nisa tagħkom u la tirrabjawx bl-aħrax magħhom.” (Kolossin 3:19) Is-sabar fit-tul huwa meħtieġ ukoll biex l-irġiel miżżewġin jagħtu kas il-parir tal-appostlu Pietru: “Intom l-irġiel miżżewġin, komplu għammru bl-istess manjiera ma[n-nisa tagħkom] skond il-għarfien, billi tagħtuhom unur bħal li kieku lil reċipjent iktar dgħajjef, il-femminili, ladarba intom ukoll werrieta magħhom tal-favur mhux mistħoqq tal-ħajja, sabiex it-talb tagħkom ma jkunx imtellef.” (1 Pietru 3:7) Id-djufijiet taʼ martu jistgħu kultant ikunu taʼ prova għal raġel miżżewweġ, imma s-sabar fit-tul se jgħinu biex jissaportihom.
9. Is-sabar fit-tul għala huwa meħtieġ min-naħa tal-ġenituri?
9 Il-ġenituri għandhom bżonn jistabru fit-tul jekk iridu li jkollhom suċċess f’li jrabbu lil uliedhom. Iż-żgħażagħ jistgħu jagħmlu l-istess żballji darba wara l-oħra. Jistgħu jidhru li huma rashom iebsa jew bil-mod biex jitgħallmu u jistgħu kontinwament iġarrbu lill-ġenituri tagħhom. Taħt ċirkustanzi bħal dawn, ġenituri Kristjani ma jridux igħaġġlu biex jirrabjaw, ma jridux jitilfu t-tempra jew l-imġieba tagħhom imma jibqgħu kalmi waqt li jkunu sodi favur prinċipji taʼ tjieba. Il-missirijiet għandhom jiftakru li huma wkoll kienu żgħażagħ darba u wkoll għamlu xi żballji. Huma għandhom bżonn japplikaw il-parir taʼ Pawlu: “Intom il-missirijiet, toqogħdux taqtgħu nifs it-tfal tagħkom, biex ma jsirux qalbhom sewda.”—Kolossin 3:21.
Maʼ Dawk taʼ Barra
10. Kif għandna naġixxu fuq il-post tax-xogħol tagħna, bħalma jidher minn liema esperjenza?
10 Minħabba l-imperfezzjoni u l-egoiżmu tal-bniedem, sitwazzjonijiet mhux pjaċevoli jistgħu jqumu fuq il-post tax-xogħol taʼ Kristjan. Hija l-korsa taʼ għerf li tuża t-tattika u li tissaporti n-nuqqasijiet minħabba fil-paċi. Turi kemm dan hu għaqli hija l-esperjenza taʼ Kristjan li kien il-vittma taʼ ħafna nuqqas taʼ qbil ikkaġunat minn impjegat sieħbu li kien igħir. Minħabba li l-hu m’għamilx kapital minn din il-ħaġa imma stabar fit-tul, maż-żmien kellu l-ħila jibda studju tal-Bibbja mal-impjegat li kien jaqlaʼ l-inkwiet.
11. Meta jkollna bżonn b’mod speċjali li nistabru fit-tul, u għala?
11 In-nies taʼ Jehovah għandhom bżonn b’mod speċjali li jistabru fit-tul meta jagħtu xiehda lil dawk barra l-kongregazzjoni Kristjana. Darba wara l-oħra, Kristjani jiltaqgħu maʼ rispons pastaż jew aħrax. Ikun xieraq jew għaqli li tirrispondi bl-istess manjiera? Le, għax jekk tagħmel hekk ma tkunx qed turi sabar fit-tul. Il-korsa taʼ għerf hi li tiftakar u li ssegwi l-proverbju għaqli: “Tweġiba, meta hi ħelwa, iddawwar lil hinn id-dagħdigħa, imma kelma li twaġġaʼ ġġiegħel ir-rabja titlaʼ.”−Proverbji 15:1.
Il-Fidi u t-Tama Jgħinu f’li Wieħed Juri Sabar fit-Tul
12, 13. Liema kwalitajiet se jgħinuna biex nistabru fit-tul?
12 X’jistaʼ jgħinna biex nuru sabar fit-tul, biex nissaportu kundizzjonijiet koroh ħafna? Ħaġa waħda hi fidi fil-wegħdi t’Alla. Irridu noqogħdu fuq il-kelma t’Alla. L-Iskrittura tgħid: “Ebda tentazzjoni ma ġiet fuqkom ħlief dik li hi komuni għall-bnedmin. Imma Alla hu leali, u mhux se jħallikom tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma flimkien mat-tentazzjoni se jagħmel ukoll it-triq tal-ħruġ sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” (1 Korintin 10:13) Fi kliem ieħor, bħalma poġġieha wieħed anzjan fl-età: “Jekk Alla jippermettih, jien nissaportih.” Iva, aħna nistgħu nissaportuh billi jkollna sabar fit-tul.
13 Relatata mill-qrib mal-fidi hija t-tama fis-Saltna t’Alla. Meta ssaltan għal fuq l-art, il-kundizzjonijiet ħżiena kollha li jikkaġunawlna niket se jiġu mneħħijin. F’dan ir-rigward, is-salmista David qal: “Ħalli r-rabja waħedha u itlaq id-dagħdigħa; turix ruħek sħun biss biex tagħmel il-ħażen. Għax dawk li jagħmlu l-ħażen infushom se jinqatgħu, imma dawk li qed jittamaw f’Jehovah huma dawk li se jkollhom pussess tal-art.” (Salm 37:8, 9) It-tama ċerta li Alla dalwaqt se jneħħi dawn iċ-ċirkustanzi kollha taʼ prova tgħinna biex nistabru fit-tul.
14. Liema esperjenza turi għala għandna nistabru fit-tul maʼ sieħeb jew sieħba li ma temminx?
14 Kif għandna nirreaġixxu jekk sieħeb (jew sieħba) li ma jemminx jikkaġunalna niket? Ibqaʼ fittex lil Alla għal għajnuna, u ibqaʼ ttama li dak li jopponi se jsir adoratur taʼ Jehovah. Il-mara taʼ wieħed Kristjan xi minn daqqiet ma ridetx tippreparalu l-ikel u taħsillu Ibiesu. Hi wżat diskors maħmuġ, ma kinetx tkellmu għal ġranet sħaħ, u saħansitra ppruvat titfaʼ magħmul fuqu permezz tas-seħer. “Imma,” qal hu, “jien dort kull darba lejn Jehovah fit-talb, u fdajt fiH biex igħinni niżżviluppa l-kwalità tajba tas-sabar fit-tul biex ma nitlifx il-bilanċ Kristjan tiegħi. Jien ittamajt ukoll li xi darba l-attitudni taʼ qalb tagħha tinbidel.” Wara 20 sena taʼ trattament bħal dan, martu bdiet tinbidel, u hu qal: “Kemm jien grat lejn Jehovah li għenni nikkultiva l-frotta tal-ispirtu, is-sabar fit-tul, għaliex issa nistaʼ nara r-riżultat: Marti bdiet timxi fil-passaġġ tal-ħajja!”
It-Talb, l-Umiltà, u l-Imħabba se Jgħinu
15. It-talb għala jistaʼ jgħinna biex nistabru fit-tul?
15 It-talb huwa għajnuna kbira oħra f’li nuru sabar fit-tul. Pawlu ħeġġeġ: “Tkunu anzjużi fuq xejn, imma f’kollox bit-talb u bit-tħannin flimkien maʼ radd il-ħajr ħa jkunu l-petizzjonijiet tagħkom imgħarrfin lil Alla; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb se tgħasses lil qlubkom u l-qawwiet mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Ftakar ukoll f’li tagħti kas it-twissija: “Itfaʼ t-tagħbija tiegħek fuq Jehovah innifsu, u hu nnifsu se jsostnik. Hu qatt ma se jħalli lil wieħed twajjeb jixxengel.”—Salm 55:22.
16. F’li nistabru fit-tul, l-umiltà kif tistaʼ tgħinna?
16 L-umiltà hija jerġaʼ għajnuna kbira oħra f’li nikkultivaw il-frotta tal-ispirtu taʼ sabar fit-tul. Wieħed kburi m’għandux paċenzja. Hu jieħu għalih mix-xejn, malajr jirrabja, u mhux se jissaporti xi trattament mhux favorevoli. Dan kollu huwa l-oppost taʼ li tistabar fit-tul. Imma wieħed umli mhux se jieħu lilu nnifsu bis-serjetà żżejjed. Hu se jistenna fuq Jehovah, bħalma għamel David meta kien ikkaċċjat mis-Sultan Sawl u nsolentat mill-Benjamit Ximej. (1 Samwel 24:4-6; 2 Samwel 16:5-13) B’hekk, aħna għandna nixtiequ li nimxu ‘b’umiltà sħiħa tal-moħħ u kalma, bis-sabar fit-tul, billi nissaportu lil xulxin bl-imħabba.’ (Efesin 4:2) Barra minn hekk, għandna ‘numiljaw irwieħna f’għajnejn Jehovah.’—Ġakbu 4:10.
17. L-imħabba għala se tgħinna biex nistabru fit-tul?
17 L-imħabba mhix egoista tgħinna b’mod speċjali biex nistabru fit-tul. Tabilħaqq, “l-imħabba tistabar fit-tul,” għax iġġiegħel li jkollna f’qalbna l-aħjar interessi taʼ oħrajn. (1 Korintin 13:4) L-imħabba tgħinna biex ikollna l-empatija, li npoġġu lilna nfusna fiż-żarbun taʼ oħrajn, bħal li kieku. Barra minn hekk, l-imħabba tgħinna biex nistabru fit-tul għaliex “tiflaħ kollox, temmen kollox, tittama kollox, tissaporti kollox. L-imħabba qatt ma tonqos.” (1 Korintin 13:7, 8) Iva, bħalma tpoġġiha l-għanja tas-Saltna numru 200 fil-ktieb Sing Praises to Jehovah:
“L-imħabba tfittex is-sew.
Tara li l-aħwa jinbnew.
Jekk int tħobb se tkun ħanin,
’L ħutek tqishom li tajbin.”
Tistabar fit-Tul bil-Ferħ?
18. Kif inhu possibbli li tistabar fit-tul bil-ferħ?
18 Pawlu talab biex sħabu fit-twemmin f’Kolosse jiġu mimlijin bil-għarfien eżatt tar-rieda t’Alla sabiex jimxu kif jixraq lil Jehovah, jogħġbuh, u jagħtu frott f’kull xogħol tajjeb. Huma kellhom b’hekk jiġu ‘magħmulin qawwijin bil-qawwa kollha safejn tasal is-setgħa glorjuża tiegħu sabiex jissaportu bis-sħiħ u jistabru fit-tul bil-ferħ.’ (Kolossin 1:9-11) Xorta waħda, kif jistaʼ xi ħadd ‘jistabar fit-tul bil-ferħ’? Dak mhux kontradittorju, għax li jkollok il-ferħ imsemmi fl-Iskrittura mhix sempliċement kwistjoni taʼ li tkun moħħok frisk jew ferrieħi. Il-frotta tal-ispirtu tal-ferħ tinkludi sentiment taʼ sodisfazzjon profond minħabba li qed tagħmel il-ħaġa sewwa quddiem Alla. Hija wkoll espressjoni tat-tama taʼ li tirċievi premju mwiegħed bħala riżultat taʼ li teżerċita s-sabar fit-tul. Dak hu għala Ġesù qal: “Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-gideb igħidu kull xorta taʼ ħaġa mill-agħar kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, ladarba l-premju tagħkom hu kbir fis-smewwiet; għax b’dak il-mod ippersegwitaw lill-profeti qabilkom.”−Mattew 5:11, 12.
19. Liema eżempji juru li huwa possibbli li kemm tistabar fit-tul u kemm tkun ferħan?
19 Ġesù kellu ferħ bħal dan. Tabilħaqq, “għall-ferħ li tqiegħed quddiemu hu ssaporta zokk tat-tortura, billi stmerr il-għajb.” (Ebrej 12:2) Permezz taʼ dak il-ferħ Ġesù setaʼ jistabar fit-tul. Bl-istess mod, ikkunsidra x’ġara meta l-appostli ġew imsawtin bil-frosta u ordnati biex “ma jitkellmux iżjed fuq il-bażi taʼ isem Ġesù.” Huma “telqu għal triqithom minn quddiem is-Sinedriju, jifirħu għaliex kienu ġew magħdudin li jistħoqqilhom ikunu mżebilħin minħabba f’ismu. U kuljum fit-tempju u minn dar għal dar komplew bla heda jgħallmu u jiddikjaraw l-aħbar tajba dwar il-Kristu, Ġesù.” (Atti 5:40-42) X’eżempju mill-aħjar li jagħti prova li s-segwaċi taʼ Kristu jistgħu jistabru fit-tul bil-ferħ!
20. Jekk nuru s-sabar fit-tul, kif jistaʼ dan jeffettwa r-relazzjoni tagħna maʼ oħrajn?
20 Il-Kelma t’Alla żgur li tagħti parir għaqli meta tħeġġiġna biex ma nirritaljawx, biex ma ngħaġġlux biex nirrabjaw waqt li nittamaw għall-aħjar—iva, biex nistabru fit-tul! Għandna bżonn talb regulari u din il-frotta tal-ispirtu t’Alla biex immorru tajjeb maʼ ħutna rġiel u nisa fil-kongregazzjoni, maʼ dawk fil-familja tagħna, maʼ nies fuq il-post tax-xogħol tagħna, u maʼ individwi li niltaqgħu magħhom fil-ministeru Kristjan. U x’jistaʼ jgħinna biex nuru s-sabar fit-tul? Il-fidi, it-tama, l-umiltà, il-ferħ, u l-imħabba. Verament, bi kwalitajiet bħal dawn nistgħu nistabru fit-tul lejn kulħadd.
Tiftakar?
◻ Is-sabar fit-tul għala huwa essenzjali għal li nieħdu sehem f’ġenna tal-art spiritwali?
◻ L-anzjani għala b’mod speċjali għandhom bżonn li jistabru fit-tul?
◻ Is-sabar fit-tul għala għandu jiġi kkultivat minn irġiel u nisa miżżewġin?
◻ Liema kwalitajiet oħra se jgħinuna biex nistabru fit-tul?
[Stampa f’paġna 13]
Liema parir mingħand Ġesù għen lil Pietru biex jistabar fit-tul?