LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 4/1 pp. 30-32
  • “Iċħad l-Istejjer Foloz”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Iċħad l-Istejjer Foloz”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nittestjaw Kliem Taʼ Verità
  • Ħrejjef Dwar Is-​Soprannaturali
  • Nirrifjutaw It-​Testimonjanza Tad-​Demonji
  • Idea Biex Tistudja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Kompli Agħmel Dak li Tgħallimt
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Se Tagħti Kashom Int it-Twissijiet Ċari taʼ Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Irreżisti lix-Xitan
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 4/1 pp. 30-32

“Iċħad l-Istejjer Foloz”

IL-​BIBBJA hija mimlija b’esperjenzi u stejjer dwar in-​nies. Mhux biss nieħdu gost naqrawhom imma nibbenefikaw minnhom. L-​appostlu Pawlu kiteb lill-​kongregazzjoni Kristjana f’Ruma: “L-​affarijiet kollha li nkitbu qabel inkitbu għall-​istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-​sabar tagħna u permezz tal-​faraġ mill-​Iskrittura nistgħu jkollna t-​tama.”—Rumani 15:4.

Pawlu nnifsu ħa sehem f’li jirrakkonta esperjenzi. Il-​Bibbja tgħid dwar Pawlu u Barnabas fit-​tmiem taʼ l-​ewwel mawra missjunarja tagħhom: “Meta kienu waslu [f’Antijokija tas-​Sirja] u kienu ġabru lill-​kongregazzjoni flimkien, issoktaw jirrakkontaw il-​bosta affarijiet li Alla kien għamel permezz tagħhom.” (Atti 14:27) Bla dubju l-​aħwa ġew inkuraġġiti ferm b’dawn l-​esperjenzi.

Mhux l-​esperjenzi kollha, madankollu, huma li jibnu. Taħt ispirazzjoni, Pawlu wissa lil Timotew: “Iċħad l-​istejjer foloz li jiddisprezzaw dak li hu qaddis u li n-​nisa xjuħ jirrakkontaw.” (1 Timotew 4:7) U lil Titus hu kiteb li Kristjani leali m’għandhom “jagħtu ebda kas taʼ ħrejjef Lhud u kmandamenti taʼ bnedmin li jdawru lilhom infushom lil hinn mill-​verità.”—Titus 1:14.

X’kienu dawn l-​istejjer foloz, jew ħrejjef? Iż-​żewġ kelmiet ġew mill-​Grieg myʹthos (“ħrafa”). The International Standard Bible Encyclopaedia tistqarr li din il-​kelma tiddeskrivi “storja (reliġjuża) li m’għandha ebda konnessjoni mar-​realtà.”

Id-dinja taʼ żmien Pawlu kienet mimlija bi stejjer bħal dawn. Eżempju wieħed huwa l-​ktieb apokrifu taʼ Tobit, probabbilment miktub iktar minn mitejn sena qabel żmien Pawlu. Din l-​istorja tirrakkonta dwar Tobit, Lhudi qaddis, li jagħma meta l-​ħmieġ taʼ għasfur jidħollu f’għajnejh. Iktar tard, hu jibgħat lil ibnu, Tobija, biex jiġbor xi dejn. Fi triqtu, fuq direzzjoni taʼ anġlu, Tobija jikseb il-​qalb, il-​fwied, u l-​marrara taʼ ħuta. Imbagħad jiltaqaʼ maʼ armla li, għalkemm kienet iżżewġet sebaʼ darbiet, baqgħet verġni minħabba li kull wieħed mill-​irġiel tagħha ġie maqtul minn spirtu ħażin fil-​lejl tat-​tieġ. Għas-​suġġeriment taʼ l-​anġlu, Tobija jiżżewwiġha u jkeċċi d-​demonju billi jaħraq il-​qalb u l-​fwied tal-​ħuta. Bil-​marrara tal-​ħuta, Tobija iktar tard jirrestawra l-​vista taʼ missieru.

Jidher ċar li din il-​ħrafa m’hijiex vera. Barra min-​natura kollha fantasija tagħha u l-​appell tagħha għas-​superstizzjoni, fiha żball. Per eżempju, ir-​rakkont jgħid li Tobit kien xhud kemm tar-​rivoluzzjoni tat-​tribujiet tat-​Tramuntana u kemm tad-​deportazzjoni taʼ l-​Iżraeliti lejn Nineve, ġrajjiet fl-​istorja taʼ Iżrael li kienu 257 sena ’l bogħod minn xulxin. Madankollu, l-​istorja tgħid li Tobit kellu 112-il sena meta miet.—Tobit 1:4, 11; 14:1, The Jerusalem Bible.

Ħrejjef bħal dawn m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-​verità tal-​“mudell taʼ kliem mimli saħħa” pproklamat minn qaddejja leali t’Alla. (2 Timotew 1:13) Huma prodotti taʼ l-​immaġinazzjoni, kuntrarju għall-​fatt storiku, it-​tip taʼ ħaġa rrakkontata minn nisa xjuħ mhux qaddisin. Dawn kienu l-​istejjer li kellhom jiġu miċħudin mill-​Kristjani.

Nittestjaw Kliem Taʼ Verità

Stejjer simili hawn bl-​abbundanza llum. Pawlu kiteb: “Se jkun hemm perijodu taʼ żmien meta [n-nies] mhux se jifilħu t-​tagħlim mimli saħħa, imma . . . se jdawru widnejhom lil hinn mill-​verità, waqt li se jiġu mwarrbin fil-​ġenb lejn stejjer foloz.” (2 Timotew 4:3, 4) F’ċerti partijiet taʼ l-​art, ħrejjef dwar is-​soprannaturali huma mifruxin u popolari. Il-​Kristjani, għalhekk, b’mod għaqli ‘jittestjaw il-​kliem’ taʼ stejjer reliġjużi biex jaraw jekk humiex f’armonija mal-​Bibbja.—Ġob 12:11.

Jidher ċar li ħafna m’humiex. F’ħafna partijiet tad-​dinja, per eżempju, huwa komuni li tismaʼ stejjer li jappoġġjaw l-​idea li r-​ruħ umana hija immortali. Dawn l-​istejjer jiddeskrivu kif bniedem imut, biex jerġaʼ jidher jew fil-​ġisem taʼ tarbija ġdida, bħala spirtu, bħala annimal, jew bħala persuna f’post differenti.

Il-Kelma t’Alla, madankollu, turi li l-​erwieħ umani m’humiex immortali; l-​erwieħ imutu. (Eżekjel 18:4) Barra minn hekk, il-​Bibbja tgħid li l-​mejtin huma bla ħajja fil-​qabar, m’humiex kapaċi jaħsbu, jitkellmu, jew jagħmlu xi ħaġa. (Ekkleżjasti 9:5, 10; Rumani 6:23) B’hekk, dawk li huma mħajrin minn stejjer foloz li jġibu ’l quddiem l-​idea li r-​ruħ hija immortali huma, kif qal Pawlu, “[i]mwarrbin fil-​ġenb” mit-​“tagħlim mimli saħħa” tal-​Bibbja.

Ħrejjef Dwar Is-​Soprannaturali

Xi stejjer oħrajn jiffokaw fuq l-​għemejjel taʼ sħaħar u dawk li jagħmlu l-​maġija. F’partijiet taʼ l-​Afrika, per eżempju, dawn l-​aġenti tal-​ħażen jintqal li huma mgħammrin b’ċerti poteri terribbli, kapaċi li jbiddlu lilhom infushom jew lil oħrajn f’rettili, f’xadini, u f’għasafar; kapaċi jtiru fl-​arja biex iwettqu l-​missjonijiet tagħhom; kapaċi jidhru u jisparixxu; kapaċi jgħaddu mill-​ħitan; u kapaċi jaraw oġġetti li jkunu midfunin taħt l-​art.

Is-sempliċi raġuni li dawn l-​istejjer huma tant abbundanti, flimkien mal-​fatt li ħafna jemmnu fihom, jistgħu jkollhom it-​tendenza li jinfluwenzaw lil xi wħud fil-​kongregazzjoni Kristjana biex huma wkoll jemmnu li huma veri. Jistgħu jirraġunaw li waqt li bnedmin normali ma jistgħux jagħmlu affarijiet bħal dawn, dawk li jirċievu poteri sovrumani mingħand ħlejjaq spirti, mid-​demonji, jistgħu jagħmluhom. Waħda mill-​bażijiet għal din il-​konklużjoni tidher li hi t-​2 Tessalonkin 2:9, 10, li jgħid: “[Il-preżenza tal-​wieħed taʼ bla liġi hi skond l-​operazzjoni taʼ Satana b’kull xogħol taʼ qawwa u sinjali giddibin u għeliem u b’kull qerq taʼ nuqqas taʼ tjieba għal dawk li qegħdin jgħibu, bħala tpattija talli ma laqgħux l-​imħabba tal-​verità biex jistgħu jsalvaw.”

Waqt li huwa veru li din l-​iskrittura turi li Satana kapaċi jagħmel xogħlijiet taʼ qawwa, issemmi wkoll li Satana huwa wkoll l-​awtur taʼ “sinjali giddibin u għeliem,” kif ukoll “qerq taʼ nuqqas taʼ tjieba.” B’mod konsistenti, il-​Bibbja turi li Satana huwa l-​arċiqarrieq li qiegħed “jiżżvija lill-​art abitata kollha.” (Rivelazzjoni 12:9) Huwa l-​iktar wieħed kapaċi f’li jġiegħel lin-​nies jemmnu affarijiet li m’humiex veri.

Minħabba dan, saħansitra t-​testimonjanza u l-​istqarrijiet taʼ dawk li kienu involuti fl-​ispiritiżmu jew fis-​seħer huma taʼ spiss ’il bogħod milli jkunu taʼ min joqgħod fuqhom. Nies bħal dawn jistgħu sinċerament jemmnu li kienu raw, semgħu, jew esperjenzaw ċerti affarijiet; madankollu, fil-​fatt, ma jkunux. Per eżempju, hemm dawk li jaħsbu li jkunu kkomunikaw maʼ l-​ispirti taʼ nies mejtin. Imma huma żbaljati, imqarrqin, vittmi taʼ ċajta goffa satanika. Il-​Bibbja tgħid li l-​mejtin “neżlin fis-​skiet.”—Salm 115:17.

Meta nqisu l-​istorja twila taʼ qerq tax-​Xitan, il-​verità taʼ ħrejjef soprannaturali hija suspettuża għall-​aħħar. Il-​biċċa l-​kbira huma l-​invenzjonijiet taʼ immaġinazzjonijiet superstizzjużi, li jiġu esaġerati kull darba li jiġu rrakkontati.

Li wieħed jiċċirkola ħrejjef bħal dawn iġib ’il quddiem l-​interessi taʼ missier il-​gidba, Satana x-​Xitan. (Ġwann 8:44) Dawn iqanqlu interess fi prattiċi taʼ l-​okkult li huma moqżieża għal Jehovah. (Dewteronomju 18:10-12) Idaħħlu lin-​nies f’xibka taʼ biżaʼ u superstizzjoni. Mhux taʼ b’xejn li Pawlu ta parir lill-​Kristjani ‘biex . . . ma jagħtux attenzjoni lil stejjer foloz.’—1 Timotew 1:3, 4.

Nirrifjutaw It-​Testimonjanza Tad-​Demonji

Xi ngħidu, iżda, jekk l-​istejjer jidhru li huma veri? Xi kultant jiġu rrakkontati esperjenzi dwar spirti jew spiritisti li qegħdin jirrikonoxxu s-​supremazija taʼ Jehovah u l-​verità tax-​Xhieda tiegħu. Għandhom il-​Kristjani jirrepetu stejjer bħal dawn?

Le, m’għandhomx. Il-​Bibbja tgħid li meta spirti m’humiex nodfa bdew jgħajtu li Ġesù kien l-​Iben t’Alla, hu “ordnalhom bl-​aħrax biex ma jurux min kien.” (Mark 3:12) Bl-​istess mod, meta demonju taʼ divinazzjoni qanqal lil waħda tifla biex tidentifika lil Pawlu u lil Barnabas bħala “rsiera taʼ dak Alla l-​Iktar Għoli” u bħala wħud li jippubblikaw il-​“mogħdija tas-​salvazzjoni,” Pawlu keċċa l-​ispirtu minn ġo fiha. (Atti 16:16-18) La Ġesù, la Pawlu, u lanqas ebda wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja ma ħallew lid-​demonji jagħtu testimonjanza dwar l-​għan t’Alla jew il-​qaddejja magħżulin tiegħu.

Taʼ min jinnota, ukoll, li Ġesù Kristu kien għex fil-​qasam taʼ l-​ispirti qabel ma ġie fuq l-​art. Hu kien jafu personalment lil Satana. Madankollu, Ġesù ma qagħadx jgħaddi ż-​żmien jirrakkonta lill-​appostli tiegħu stejjer dwar l-​attivitajiet taʼ Satana, lanqas ma pprovda dettalji dwar dak li x-​Xitan setaʼ u ma setax jagħmel. Satana u d-​demonji tiegħu ma kinux ħbieb taʼ Ġesù. Kienu l-​imkeċċijin, ribelli, dawk li jobogħdu dak li hu qaddis, u għedewwa t’Alla.

Il-Bibbja tgħidilna dak li għandna bżonn inkunu nafu. Tispjega min huma d-​demonji, kif jiżżvijaw lin-​nies, u kif nistgħu nevitawhom. Turi li Jehovah u Ġesù għandhom iktar qawwa mid-​demonji. U tagħtina istruzzjoni li jekk aħna naqdu b’mod leali lil Jehovah, l-​ispirti mill-​agħar ma jistgħu jagħmlulna ebda ħsara permanenti.—Ġakbu 4:7.

Għandhom raġun, allura, il-​Kristjani li jiċħdu stejjer foloz, stejjer li ma jagħmlu xejn ħlief iġibu ’l quddiem l-​interessi taʼ dawk li jopponu lil Alla. Bħalma Ġesù ‘ta xiehda għall-​verità,’ hekk ukoll jagħmlu s-​segwaċi tiegħu llum. (Ġwann 18:37) Bil-​għaqal huma jagħtu kas it-​twissija tal-​Bibbja: “L-​affarijiet kollha li huma veri . . . ibqgħu ikkunsidraw dawn l-​affarijiet.”—Filippin 4:8. (w94 4/1)

[Stampa f’paġna 31]

Kull manifestazzjoni taʼ l-​okkult trid b’mod strett tiġi evitata mill-​veri Kristjani

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja