Lil Liema Alla Għandek Tadura?
L-EWWEL, min hu dak Alla wieħed li waħdu għandu jiġi meqjum? Il-Bibbja twieġeb b’mod dirett ħafna. Il-ktieb taʼ Rivelazzjoni jiddikjara: “Int jistħoqqlok, Jehovah, saħansitra Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u l-qawwa, għaliex inti ħloqt l-affarijiet kollha, u minħabba fir-rieda tiegħek eżistew u nħolqu.” (Rivelazzjoni 4:11) Iva, Jehovah, il-Ħallieq, huwa l-uniku Alla li jixraqlu l-qima tagħna. Għala? Issa niġu għal dik il-mistoqsija minn hawn u ftit ieħor. Imma l-ewwel, ejjew nitkellmu dwar l-allat l-oħra li jiġu meqjumin mill-bnedmin.
Wara l-Allat Foloz Kollha
Għalkemm il-bniedem jaqdi ħafna allat, il-verità hi li l-qima kollha mogħtija lill-allat fil-ġnus kollha—apparti mill-qima mogħtija lil Jehovah, il-Ħallieq—tilħaq l-iskop taʼ alla wieħed biss. B’liema mod? Aqra l-kliem tal-appostlu Pawlu lill-Kristjani f’Korintu. F’dik il-belt ħafna allat kienu jiġu meqjumin, mid-diskla Afrodite sa Aesculapius, l-alla tal-fejqan. Pawlu wera, madankollu, li verament kien hemm qawwa waħda li thedded wara dawk l-allat kollha. Hu kiteb: “L-affarijiet li l-ġnus jissagrifikaw huma jissagrifikawhom lid-demonji, u mhux lil Alla.” (1 Korintin 10:20) Iva, il-Korintin pagani qiemu lid-demonji.
Id-demonji kellhom il-bidu tagħhom fi rvell. L-ewwel u l-akbar minnhom kien dak il-ħlejqa anġeliku li sseduċa lil Eva f’li tikser il-liġi t’Alla lura fil-ġnien taʼ Għeden. (Ġenesi 3:1-6; Ġwann 8:44) Billi għamel hekk, dan il-ħlejqa rribella kontra s-sovranità tal-Ħallieq. Wara, hu beda jissejjaħ Satana, li tfisser “Wieħed li Jirreżisti.” Iktar tard, ħlejjaq spirti oħra ngħaqdu miegħu fl-irvell. Huma wkoll saru demonji, u Satana huwa identifikat bħala “l-ħakkiem tad-demonji.” (Mattew 12:24, 26) Fil-ktieb taʼ Rivelazzjoni, dawn id-demonji huma msejħin l-“anġli” taʼ Satana. (Rivelazzjoni 12:7) Mela l-qima tad-demonji hija l-istess bħall-qima taʼ Satana.
Satana għandu influwenza enormi. L-appostlu Ġwanni qal li “d-dinja kollha” qiegħda fis-setgħa tiegħu, u Pawlu sejjaħlu “l-alla taʼ din is-sistema taʼ affarijiet.” (1 Ġwann 5:19; 2 Korintin 4:4) B’hekk, il-qima taʼ kwalunkwe alla apparti minn Jehovah hija verament il-qima taʼ Satana. Tal-inqas, tilħaq l-iskopijiet taʼ Satana minħabba li l-mira tiegħu hi li jisseduċi t-tfal taʼ Adam u Eva biex jirvellaw kontra Jehovah. Ladarba Satana qed “jiżżvija lill-art abitata kollha,” biċ-ċar hu qed ikollu suċċess fil-maġġoranza vasta taʼ każi. (Rivelazzjoni 12:9) Imma mhux f’kollha. Għad hemm miljuni li qed jippruvaw iqimu lil Jehovah. Għala?
Il-Frott taʼ Qima Ħażina
L-ewwel ħaġa, huma jafu li l-qima taʼ allat oħra barra minn Jehovah tiswa iktar milli lesti li jħallsu. Tħaffir arkeoloġiku taʼ Kartaġni tal-qedem fit-Tramuntana tal-Afrika skopra ċimiterju taʼ tfal. Fih instabu skeletri taż-żgħar li kienu ġew issagrifikati lill-alla Baal tal- Feniċi. Is-Sagrifiċċju tat-tfal kien il-prezz terribbli li dawk il-Kartaġiniżi ħallsu għall-qima taʼ Baal. Il-Kattoliċiżmu Medjovali wkoll kien jesiġi prezz meta kkaġuna sofferenzi bla qies fi Kruċjati mdemmija u Inkwiżizzjonijiet krudili. Il-qima tal-allat Inka tal-Amerka pre-Kolumbjana involviet il-qtil ritwali taʼ eluf.
Fi żminijiet iktar moderni, forom differenti taʼ qima kienu involuti fi qtil tal-massa fl-Indja, u huma kkontribwew għal problemi politiċi gravi fil-Lvant Nofsani u fl-Irlanda taʼ Fuq. L-injoranza, is-superstizzjoni, u l-biżaʼ għandhom ukoll jiġu mniżżlin bħala parti mill-prezz li l-bniedem iħallas għall-qima tal-ħafna allat tiegħu.
Għala Għandek Taqdi Lil Alla Jehovah?
Mill-banda l-oħra, il-qima taʼ Jehovah iġġib benefiċċji biss. L-ewwel ħaġa, hu “Dak li jgħix għal dejjem taʼ dejjem, li ħalaq is-sema u l-affarijiet fih u l-art u l-affarijiet fiha u l-baħar u l-affarijiet fih.” (Rivelazzjoni 10:6) B’hekk, għandna nqimuh minħabba li hu l-Hallieq tagħna.
Imbagħad, għandna nqimu lil Alla Jehovah minħabba li l-kwalitajiet tiegħu jistiednu lilna biex inqimuh. L-appostlu Ġwanni qal li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Ir-raġel leali Ġob qal li “[Alla] hu għaref fil-qalb u b’saħħtu fil-qawwa.” (Ġob 9:4) Mosè għanna dwaru: “Il-Blata, perfetta hi l-attività tiegħu, għax mogħdijietu kollha huma ġustizzja. Alla tal-fedeltà, li miegħu m’hemm ebda inġustizzja; twajjeb u dritt hu.” (Dewteronomju 32:4) Min se jaħsibha darbtejn biex jaqdi lil Alla bħal dan?
Barra minn dan, il-Bibbja tgħid: “[I]d-devozzjoni lejn Alla hi taʼ ġid għall-affarijiet kollha, billi toffri l-wegħda tal-ħajja issa u dik li għandha tiġi.” (1 Timotew 4:8) Kemm hu veru dan! Jehovah irid dak li hu tajjeb għall-umanità. Hu pprovda l-art bħala dar sabiħa għall-ħolqien tiegħu, u għamel provvediment abbundanti sabiex il-ħajja tkun taʼ gost. Minkejja l-irvell tal-bniedem, Alla kompla jmantni l-ħajja fuq din l-art, billi jipprovdi l-ħtiġijiet materjali kollha tal-bniedem hekk kif “jagħmel ix-xemx tiegħu titlaʼ fuq nies mill-agħar u tajbin u jagħmel ix-xita tinżel fuq nies twajbin u mhux twajbin.”—Mattew 5:45.
Imma l-“wegħda tal-ħajja issa” tmur ’il bogħod iktar. Li taqdi lil Alla hija ħaġa sodisfaċenti u li thennik. Kienet dak li konna ddisinnjati li nagħmlu. U Alla jgħin lil dawk li fedelment jaqduh biex jagħmlu suċċess mill-ħajja. Permezz tal-Bibbja, hu jagħti gwida lil dawk li m’humiex miżżewġin, lill-koppji miżżewġin, lit-tfal—nies minn kull sfond tal-ħajja. Hu jagħti għerf taʼ min joqgħod fuqu u prattiku biex igħin fis-sitwazzjonijiet kollha sabiex nistgħu nsolvu l-problemi taʼ li ngħixu bħala bnedmin imperfetti f’dinja taħt l-influwenza taʼ Satana. Jekk inqimu lil Alla bil-mod li jogħgob lilu, aħna se ngawdu “l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.”—Filippin 4:7.
Taʼ min jinnotaha, ukoll, hija l-“wegħda tal-ħajja . . . li għandha tiġi.” Ġesù qal lill-Fariżew Nikodemu: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, sabiex kulmin jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Ħajja taʼ dejjem! Liema alla ħlief Jehovah jistaʼ jwiegħed ħaġa bħal din u mbagħad iwettaq il-wegħda tiegħu? Il-kundizzjoni finali taʼ dawk li jirċievu dak ir-rigal grandjuż hija deskritta f’Rivelazzjoni: “U se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-mewt ma tkunx iżjed, u la l-għali u la l-biki u lanqas l-uġigħ ma jkunu iżjed. L-affarijiet taʼ qabel għaddew.” (Rivelazzjoni 21:4, 5) Verament, il-prospetti tal-ħajja li għandha tiġi għandhom jagħmluna nkunu rridu naqdu lil Jehovah!
Liema Alla, mela, għandna nqimu? Biss lil Jehovah, il-Ħallieq. Mill-allat kollha, lilu biss japplikaw il-kelmiet: “Kbar u tal-għaġeb huma x-xogħlijiet tiegħek, Alla Jehovah, li Tistaʼ Kollox. Taʼ tjieba u veri huma mogħdijietek, Sultan tal-eternità. Min mhux tassew se jibżaʼ minnek, Jehovah, u jigglorifika lil ismek, għaliex int waħdek leali? Għax il-ġnus kollha se jiġu u jqimu quddiemek, għaliex id-digrieti taʼ tjieba tiegħek saru jidhru.” (Rivelazzjoni 15:3, 4) Kemm huma għaqlin dawk li jwieġbu għat-tħeġġiġ tas-salmista: “O idħlu, ejjew inqimu u mmilu; ejjew ninżlu għarrkobbtejna quddiem Jehovah Dak li Għamilna”!—Salm 95:6.
[Stampa f’paġna 5]
Xi wħud mill-allat li Satana qanqal lill-bniedem biex iqim