Ankrati bit-Tama, Imqanqlin mill-Imħabba
“Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.”—1 KORINTIN 13:13.
1. Liema twissija jagħtina l-appostlu Pawlu?
L-APPOSTLU Pawlu jwissina li, bħal bastiment, il-fidi tagħna tistaʼ titfarrak. Hu jitkellem dwar li ‘nżommu fidi u kuxjenza tajba,’ u li “xi wħud, għax warrbu l-kuxjenza, tfarrku fil-fidi.” (1 Timotju 1:19) Fl-ewwel seklu E.K., il-bastimenti kienu jinbnew bl-injam. Kemm kienu kapaċi jifilħu għall-baħar kien jiddependi fuq il-kwalità taʼ l-injam u s-sengħa taʼ dak li jibnihom.
2. Il-bastiment tal-fidi tagħna għala jrid ikun mibni tajjeb, u dan x’jirrikjedi minna?
2 Dak li jistaʼ jissejjaħ il-bastiment tal-fidi tagħna jrid jibqaʼ jbaħħar fost l-ibħra mqallba taʼ l-umanità. (Isaija 57:20; Apokalissi 17:15) Għalhekk, irid ikun mibni sod, u dan jiddependi minna. Meta l-“ibħra” tad-dinja Lhudija u dik Rumana kienu qed isiru mqallba b’mod partikulari għall-Kristjani bikrin, Ġuda kiteb: “Għeżież, ibnu lilkom infuskom fuq il-fidi l-aktar qaddisa tagħkom; itolbu fl-Ispirtu s-Santu; żommu rwieħkom fl-imħabba taʼ Alla, stennew il-ħniena taʼ Sidna Ġesù Kristu għall-ħajja taʼ dejjem.” (Ġuda 20, 21) Peress li Ġuda tkellem ukoll dwar li niġġieldu għall-‘fidi li ngħatat lill-qaddisin,’ l-espressjoni l-“fidi l-aktar qaddisa” għandu mnejn tirreferi għall-għadd sħiħ taʼ tagħlim Kristjan, inkluż l-aħbar tajba taʼ salvazzjoni. (Ġuda 3) Kristu hu l-pedament taʼ din il-fidi. Fidi qawwija hija meħtieġa biex inkunu kapaċi niggranfaw mal-fidi Kristjana vera.
Negħlbu l-Maltempata tal-“Biżaʼ mis-Setet”
3. Xi wħud kif qed jużaw il-“biżaʼ mis-setet”?
3 Fi snin reċenti, kien hemm ħafna każi orribbli taʼ suwiċidji tal-massa, qtil, u attakki terroristiċi li kienu jinvolvu setet sigrieti. Bir-raġun, ħafna individwi, inkluż xi mexxejja politiċi sinċieri, urew tħassib dwar il-protezzjoni taʼ nies innoċenti, partikolarment dawk taħt l-età, minn setet perikolużi bħal dawn. “L-alla taʼ din id-dinja,” li bla dubju huwa wara dawn l-atti kriminali kiefra, b’hekk ħoloq dak li xi wħud isejħulu biżaʼ mis-setet, u dan qed jużah kontra l-poplu taʼ Jehovah. (2 Korintin 4:4; Apokalissi 12:12) Xi wħud sfruttaw din is-sitwazzjoni biex iqajmu oppożizzjoni għax-xogħol tagħna. F’xi pajjiżi, dawn organizzaw kampanja immirata biex għat-taparsi tipproteġi lin-nies minn “setet perikolużi” imma b’mod żbaljat semmew lix-Xhieda taʼ Jehovah, u b’hekk qed jakkużawna indirettament. Dan għamel diffiċli l-għoti taʼ xiehda minn dar għal dar f’xi pajjiżi Ewropej, u lil xi nies li kienu qed jistudjaw il-Bibbja magħna ġagħalhom iwaqqfu l-istudju tagħhom. B’riżultat t’hekk, dan kellu effett negattiv fuq xi wħud minn ħutna.
4. L-oppożizzjoni għala m’għandhiex tiskuraġġina?
4 Madankollu, l-oppożizzjoni mhux talli m’għandhiex tiskuraġġina, imma talli għandha ssaħħaħ il-konvinzjoni tagħna li aħna qed nipprattikaw il-Kristjanità vera. (Mattew 5:11, 12) Il-Kristjani bikrin kienu akkużati bħala li kienu setta sedizzjuża, u li kullimkien kienu ‘jiħduha kontriha.’ (Atti 24:5; 28:22) Iżda l-appostlu Pietru żgurahom lill-kredenti sħabu, billi kiteb: “Ħuti għeżież, tistagħġbux għax tinsabu fil-forġa qalila tan-nar, li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom, bħallikieku ġratilkom xi ħaġa mhux tas-soltu. Imma ifirħu, għax b’hekk intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet taʼ Kristu, biex aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu.” (1 Pietru 4:12, 13) Bl-istess mod, membru tal-ġemgħa li tiggverna taʼ l-ewwel seklu kiteb: “Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom maʼ kull xorta taʼ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar. Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn.” (Ġakbu 1:2-4) Bħalma l-irjieħ b’forza taʼ riefnu jittestjaw kemm bastiment ikun kapaċi jiflaħ għall-baħar qawwi, maltempati taʼ oppożizzjoni se jirrivelaw xi dgħjufijiet li jistaʼ jkollu l-bastiment tal-fidi tagħna.
It-Tribulazzjoni Tipproduċi s-Sabar
5. Kif nistgħu nkunu ċerti li l-fidi tagħna hija stabbli meta tiġi taħt tribulazzjoni?
5 Il-Kristjani jistgħu jkunu ċerti mis-sabar tagħhom u minn kemm hija stabbli l-fidi tagħhom biss wara li jkunu għelbu l-maltempati taʼ tribulazzjoni. Is-sabar tagħna se ‘jkollu l-milja tiegħu fina’ qalb ibħra mqallba biss jekk aħna nkunu ‘perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqosna xejn,’ inkluż fidi qawwija. Pawlu kiteb: “F’kollox inqisu ruħna bħala ministri taʼ Alla, bis-sabar kollu fit-tiġrib, fit-tbatija, fid-djieqa.”—2 Korintin 6:4.
6. Għala għandna ‘nithennew bis-sofferenzi,’ u dan kif isaħħaħ it-tama tagħna?
6 L-irjieħ b’forza taʼ riefnu taʼ xi tribulazzjoni li kultant għandna mnejn nesperjenzaw għandhom jitqiesu bħala opportunitajiet biex nagħtu prova li l-bastiment tal-fidi tagħna huwa sod u stabbli. Lill-Kristjani f’Ruma, Pawlu kitbilhom: “Niftaħru [“nithennew,” NW] wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama. U din it-tama ma tqarraqx bina.” (Rumani 5:3-5) Is-sodizza meta nkunu għaddejjin mill-provi ġġibilna l-approvazzjoni taʼ Jehovah. Din, mill-banda l-oħra, issaħħaħ it-tama tagħna.
Għala xi Wħud Iġarrbu Nawfraġju
7. (a) Bħalma juri l-kliem taʼ Pawlu, xi wħud kif esperjenzaw nawfraġju spiritwali? (b) Xi wħud illum kif tbegħdu mill-verità?
7 Meta Pawlu wissa dwar li wieħed jesperjenza “nawfraġju,” kellu f’moħħu lil xi wħud li kienu “warrbu” l-kuxjenza tajba tagħhom u kienu tilfu l-fidi tagħhom. (1 Timotju 1:19) Fosthom kien hemm Imeni u Alessandru li waqgħu fl-apostasija, billi tbegħdu mill-verità u tkellmu b’mod abbużiv. (1 Timotju 1:20; 2 Timotju 2:17, 18) Illum, l-apostati, li jitbegħdu mill-verità, isawtu bil-kliem lill-“ilsir leali u diskret” (NW) billi fil-fatt jigdmu l-id li kienet titmagħhom spiritwalment. Xi wħud jixbhu lill-“qaddej ħażin,” billi jgħidu ċar u tond, “Sidi jiddawwar ma jiġi.” (Mattew 24:44-49; 2 Timotju 4:14, 15) Huma jiċħdu li t-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet mill-agħar huwa qrib u jikkritikaw lill-klassi taʼ l-ilsir, li hija attenta spiritwalment, talli żammet sens t’urġenza fost il-poplu taʼ Jehovah. (Isaija 1:3) Dawn l-apostati jirnexxilhom “iħawwdu l-fidi f’xi wħud,” billi jikkaġunawlhom nawfraġju spiritwali.—2 Timotju 2:18.
8. X’kien li ġiegħel lil xi wħud ifarrku jew jgħarrqu l-bastiment tal-fidi tagħhom?
8 Kristjani dedikati oħrajn farrku l-bastiment tal-fidi tagħhom billi warrbu fil-ġenb il-kuxjenza tagħhom u ntelqu għall-ġiri bla rażan wara l-pjaċiri taʼ din id-dinja u l-immoralità sesswali tagħha. (2 Pietru 2:20-22) Jerġaʼ oħrajn jgħarrqu l-bastiment tal-fidi tagħhom għaliex fil-ħarsa tagħhom il-menqa tas-sistema ġdida t’affarijiet għadha ma tidhirx li qed tfeġġ fuq ix-xefaq. Billi ma jistgħux jagħmlu kalkoli taż-żmien rigward it-twettiq taʼ ċerti profeziji, u billi f’moħħhom jipposponu “jum il-Mulej,” huma jabbandunaw il-qima vera. (2 Pietru 3:10-13; 1 Pietru 1:9) Huma malajr jerġgħu jsibu ruħhom lura fl-ilmijiet imqallba u mdardra tas-sistema preżenti t’affarijiet. (Isaija 17:12, 13; 57:20) Xi wħud li ma baqgħux jassoċjaw mal-kongregazzjoni Kristjana għadhom jemmnu li din tipprattika l-vera reliġjon. Madankollu, milli jidher dawn m’għandhomx il-paċenzja u s-sabar meħtiġin biex jistennew id-dinja l-ġdida li wiegħed Alla Jehovah. Il-ħajja fil-Ġenna taʼ l-art ma ġietx malajr biżżejjed għalihom.
9. Xi ftit Kristjani dedikati x’inhuma jagħmlu, u dawn il-fatti x’għandhom iwassluna biex nikkunsidraw?
9 Xi ftit Kristjani dedikati f’xi nħawi tad-dinja donnhom li ċekknu l-qlugħ tal-bastiment tal-fidi tagħhom. Il-bastiment għadu jbaħħar, imma minflok m’huma għaddejjin b’saħħa ’l quddiem b’fidi sħiħa, dawn qed jiħduha bil-lajma u b’pass komdu għalihom. Imħajrin bit-tama taʼ “Ġenna taʼ l-art dalwaqt,” xi wħud kienu lesti li jagħmlu kull sforz biex jiksbuha—żelużi fix-xogħol taʼ l-ippridkar u regulari fl-attendenza għal-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet kollha. Billi issa qed jaħsbu li r-realizzazzjoni tat-tamiet tagħhom hija fil-bogħod iżjed milli kienu antiċipaw, m’għadhomx lesti li jagħmlu daqs kemm kienu jagħmlu qabel. Dan huwa evidenti mill-attività mnaqqsa fl-ippridkar, l-irregolarità għal-laqgħat, u mill-mod kif ikunu lesti li jitilfu partijiet mill-programm fl-assembleat u l-konvenzjonijiet. Oħrajn qed jiddedikaw iżjed ħin għar-rikreazzjoni u biex jiksbu l-kumditajiet materjali. Dawn il-fatti jwassluna biex nikkunsidraw x’għandha tkun il-motivazzjoni f’ħajjitna fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna lil Jehovah. Għandu ż-żelu tagħna fis-servizz tiegħu jiddependi fuq it-tama taʼ “Ġenna taʼ l-art dalwaqt”?
It-Tama Mqabbla maʼ Ankra
10, 11. Pawlu maʼ xiex xebbah it-tama tagħna, u dan il-paragun għala kien addattat?
10 Pawlu indika li Jehovah kien għamel wegħda taʼ barkiet li kellhom jiġu permezz taʼ Abraham. Imbagħad l-appostlu spjega: “Alla . . . rabat lilu nnifsu b’ġurament, biex bis-saħħa taʼ żewġ atti li ma jitreġġgħux lura [kelmtu u l-ħalfa tiegħu], u li jagħtu xhieda li Alla ma jigdibx, aħna, li sibna l-kenn, ikollna qalbna qawwija sewwa li niksbu t-tama li hemm lesta għalina. Din it-tama hija għalina bħal ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija.” (Lhud 6:17-19; Ġenesi 22:16-18) It-tama mqegħda quddiem il-Kristjani midlukin hija dik taʼ ħajja immortali fis-sema. Illum, il-maġġuranza vasta tal-qaddejja taʼ Jehovah għandhom it-tama brillanti taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art magħmula ġenna. (Luqa 23:43) Mingħajr din it-tama, wieħed ma jistax ikollu fidi.
11 Ankra hija apparat qawwi taʼ sigurtà, indispensabbli biex iżżomm bastiment f’postu u ma tħallihx jitkaxkar mal-kurrent. L-ebda baħri ma jażżarda joħroġ ’il barra mill-port mingħajr ankra. Peress li Pawlu kien ġie nawfragat kemm-il darba, kien jaf mill-esperjenza li l-ħajja taʼ dawk li jivvjaġġaw bil-baħar kienet taʼ spiss tiddependi fuq l-ankra tal-bastiment tagħhom. (Atti 27:29, 39, 40; 2 Korintin 11:25) Fl-ewwel seklu, bastiment ma kellux magna biex tgħin lill-kaptan jimmanuvrah kif kien jixtieq hu. Ħlief għall-bastimenti tal-gwerra li kienu misjuqin bl-imqadef, il-bċejjeċ tal-baħar kienu jiddependu primarjament mir-riħ biex jimxu. Jekk il-bastiment tiegħu kien fil-periklu li jinġarr għal fuq il-blat, l-unika soluzzjoni tal-kaptan kienet li jitfaʼ l-ankra u jistenna sakemm tbatti l-maltempata, bit-tama li l-ankra ma tinqalax minn maʼ qiegħ il-baħar. Pawlu għalhekk qabbel it-tama taʼ Kristjan maʼ “ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija.” (Lhud 6:19) Meta nintlaqtu minn maltempati taʼ oppożizzjoni jew nesperjenzaw xi provi oħrajn, it-tama tagħna taʼ l-għaġeb hi bħal ankra li tissodana bħala erwieħ ħajjin, sabiex il-bastiment tal-fidi tagħna ma jitkaxkarx mal-kurrent għal fuq is-sikek perikolużi tad-dubju jew il-blat diżastruż taʼ l-apostasija.—Lhud 2:1; Ġuda 8-13.
12. Kif nistgħu nevitaw li nitbegħdu minn Jehovah?
12 Pawlu wissa lill-Kristjani Lhud: “Ħuti, araw li f’ebda wieħed minnkom ma jkun hemm qalb imħassra bin-nuqqas taʼ twemmin li jwassal għall-firda minn Alla l-ħaj.” (Lhud 3:12) Fit-test Grieg, ‘iwassal għall-firda’ letteralment ifisser “tieqaf ’il bogħod,” jiġifieri, tagħmel apostasija. Iżda aħna nistgħu nevitaw nawfraġju totali bħal dan. Il-fidi u t-tama se jgħinuna nintrabtu maʼ Jehovah saħansitra matul l-agħar maltempati taʼ prova. (Dewteronomju 4:4; 30:19, 20) Il-fidi tagħna ma tkunx bħal bastiment imkaxkar ’l hawn u ’l hemm mill-irjieħ taʼ tagħlim apostat. (Efesin 4:13, 14) U bit-tama bħala l-ankra tagħna, se nkunu kapaċi negħlbu l-maltempati tal-ħajja bħala qaddejja taʼ Jehovah.
Imqanqlin mill-Imħabba u l-Ispirtu Qaddis
13, 14. (a) L-ankra tat-tama tagħna għala m’hijiex suffiċjenti fiha nfisha? (b) X’għandha tkun il-forza li timmotivana biex nagħtu servizz sagru lil Jehovah, u għala?
13 Kristjan ma jipprogressax lejn is-sistema l-ġdida jekk l-uniku motiv tiegħu biex jaqdi lil Jehovah hu t-tama li jgħix għal dejjem fuq l-art magħmula ġenna. Filwaqt li jżomm l-ankra tiegħu taʼ tama bħala fattur li jissodah fil-ħajja, hu jeħtieġ li jżid magħha u mal-fidi tiegħu l-forza li tqanqal taʼ l-imħabba. Pawlu enfasizza dan il-fatt meta kiteb: “Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.”—1 Korintin 13:13.
14 Il-forza li timmotivana biex nagħtu servizz sagru għandha tkun imħabba mill-qalb għal Jehovah, b’apprezzament għall-imħabba bla qjies li għandu għalina. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. B’dan dehret l-imħabba taʼ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel.” (1 Ġwann 4:8, 9, 19) Bi gratitudni lejn Jehovah, it-tħassib ewlieni tagħna għandu jkun, mhux li niksbu s-salvazzjoni persunali, imma li nkunu xhieda tat-taqdis taʼ l-isem qaddis tiegħu u taʼ l-ivvindikar tas-sovranità tiegħu taʼ tjieba.
15. Imħabbitna għal Jehovah kif inhi relatata mal-kwistjoni tas-sovranità tiegħu?
15 Jehovah jridna naqduh għaliex inħobbu lilu, u mhux biss il-Ġenna taʼ l-art. L-enċiklopedija tal-Bibbja Insight on the Scripturesa tgħid: “Jehovah jigglorifika mill-fatt li s-sovranità tiegħu u l-appoġġ għaliha mill-ħlejjaq tiegħu huma bbażati primarjament fuq l-imħabba. Hu jixtieq biss lil dawk li jħobbu s-sovranità tiegħu minħabba l-kwalitajiet sbieħ tiegħu u minħabba li hija taʼ tjieba, li jippreferu s-sovranità tiegħu minn kwalunkwe oħra. (1 Kor. 2:9) Huma jippreferu jaqdu taħt is-sovranità tiegħu minflok ma jipprovaw ikunu indipendenti—dan minħabba l-għarfien tagħhom dwaru u dwar l-imħabba, il-ġustizzja, u l-għerf tiegħu, li bħalma jirrealizzaw jisboq ferm lil tagħhom. (Salm 84:11, 12 [Salm 84:10, 11, NW])”—It-Tieni Volum, paġna 275.
16. L-imħabba għal Ġesù kif inhi forza li tqanqalna f’ħajjitna?
16 Bħala Kristjani, aħna nuru wkoll imħabba għal Ġesù b’apprezzament għal imħabbtu għalina. Pawlu rraġuna: “L-imħabba taʼ Kristu ġġegħelna naħsbu dan; li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.” (2 Korintin 5:14, 15) Kristu hu dak l-istess pedament li fuqu huma mibnijin il-ħajjiet spiritwali, il-fidi, u t-tama tagħna. L-imħabba tagħna għal Kristu Ġesù tirrinforza t-tama tagħna u tissoda l-fidi tagħna, speċjalment fi żminijiet taʼ maltempati taʼ provi.—1 Korintin 3:11; Kolossin 1:23; 2:6, 7.
17. Jehovah liema forza dinamika jipprovdilna, u l-importanza tagħha kif inhi murija f’Atti 1:8 u Efesin 3:16?
17 Filwaqt li mħabbitna għal Alla u għal Ibnu hija l-forza ewlenija li tqanqalna fil-ħajja tagħna bħala Kristjani, Jehovah jipprovdi xi ħaġa oħra li tqanqalna, tagħtina l-enerġija u s-saħħa biex nimxu ’l quddiem fis-servizz tiegħu. Din hija l-forza attiva, jew spirtu qaddis, tiegħu. Il-kelmiet bl-Ebrajk u bil-Grieg li jiġu tradotti “spirtu” bażikament jirreferu għall-moviment dinamiku taʼ l-arja, bħalma hu r-riħ. Bastimenti tal-qlugħ bħal dawk li kien jimbarka fuqhom Pawlu kienu jiddependu mill-forza inviżibbli tar-riħ biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Bl-istess mod, aħna għandna bżonn l-imħabba u l-azzjoni tal-forza inviżibbli u attiva t’Alla biex il-bastiment tal-fidi tagħna jmexxina ’l quddiem fis-servizz taʼ Jehovah.—Atti 1:8; Efesin 3:16.
Nibqgħu Mexjin lejn id-Destinazzjoni Tagħna!
18. X’inhu li se jgħinna nissaportu kwalunkwe provi futuri tal-fidi tagħna?
18 Il-fidi u l-imħabba tagħna għandhom mnejn jiġu mġarrbin bl-aħrax qabel ma naslu fis-sistema ġdida t’affarijiet. Imma Jehovah pprovdielna ankra “sħiħa u qawwija”—it-tama tagħna taʼ l-għaġeb. (Lhud 6:19; Rumani 15:4, 13) Meta nkunu bbombardjati mill-oppożizzjoni jew xi provi oħrajn, aħna kapaċi nissaportu jekk inkunu ankrati fis-sod permezz tat-tama tagħna. Wara li tbatti maltempata waħda imma qabel ma tfaqqaʼ xi oħra, ejja nkunu determinati li niffortifikaw it-tama tagħna u nsaħħu l-fidi tagħna.
19. Kif nistgħu nżommu l-bastiment tal-fidi tagħna fuq ir-rotta tiegħu u naslu fil-menqa tad-dinja l-ġdida t’Alla?
19 Qabel ma semma l-“ankra tar-ruħ,” Pawlu qal: “Jiena nixtieq li kull wieħed minnkom juri l-istess ħerqa [“bżulija,” NW], biex it-tama tagħkom tilħaq il-milja tagħha sa l-aħħar. Ma nixtiqukomx li taqgħu fl-għażż, imma li tgħixu fuq l-eżempju taʼ dawk li bil-fidi u s-sabar jiksbu l-wegħdiet.” (Lhud 6:11, 12) Imqanqlin mill-imħabba għal Jehovah u għal Ibnu u msaħħin mill-ispirtu qaddis, ejja nżommu l-bastiment tal-fidi tagħna fuq ir-rotta tiegħu sakemm naslu fil-menqa tad-dinja l-ġdida mwegħda minn Alla.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikata mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Bħala Reviżjoni
◻ Rigward il-fidi tagħna, Pawlu liema twissija tana?
◻ Xi wħud kif esperjenzaw nawfraġju spiritwali, u oħrajn kif qed imajnaw?
◻ Liema kwalità divina jeħtieġ takkumpanja l-fidi tagħna?
◻ X’se jgħinna naslu fil-menqa tad-dinja l-ġdida mwegħda minn Alla?
[Stampa f’paġna 16]
Il-bastiment tal-fidi tagħna jrid ikun mibni tajjeb sabiex ikun kapaċi jiflaħ għall-maltempati tal-ħajja
[Stampa f’paġna 17]
Il-fidi tagħna tistaʼ ġġarrab nawfraġju
[Stampa f’paġna 18]
It-tama hija ankra għal ħajjitna bħala Kristjani