LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 10/1 pp. 21-25
  • Infittxu l-Iskop t’Alla Llum

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Infittxu l-Iskop t’Alla Llum
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nieħdu Passi Progressivi u Prattiċi
  • Tgħallem Kun Bilanċjat
  • Infittxu l-​Iskop t’Alla Bħala Karriera
  • Ħajja Tassew Siewja
  • Infittxu Skop Siewi fil-Ħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom?
    Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom?
  • Żomm f’moħħok lil dawk fis-servizz fultajm
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sib il-ferħ fl-inkarigu l-ġdid
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 10/1 pp. 21-25

Infittxu l-​Iskop t’Alla Llum

“[Kristu] miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom.”​—2 KORINTIN 5:​15.

1. Irrakkonta esperjenza taʼ wieħed missjunarju fl-​inkarigu tiegħu.

“IL-​KAROZZA tagħna kienet l-​ewwel waħda mhux militari li daħlet fil-​villaġġ Afrikan imwarrab wara li spiċċat il-​gwerra ċivili,” ftakar wieħed missjunarju jismu Aaron.a “Il-​komunikazzjoni mal-​kongregazzjoni żgħira li kien hemm f’dan ir-​raħal kienet inqatgħet, u kellna nieħdu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ l-​aħwa. Minbarra l-​ikel, l-​ilbies, u l-​letteratura Biblika, ħadna magħna kopja tal-​vidjo Jehovah’s Witnesses​—The Organization Behind the Name (Ix-Xhieda taʼ Ġeħova—L-​Organizzazzjoni wara l-​Isem).b Tant ġew nies interessati biex jarawh fit-​‘teatru’ tal-​villaġġ​—għarix kbir magħmul mill-​ħaxix b’vidjo plejer u televixin—li kellna nuruh darbtejn. Irriżultaw ħafna studji tal-​Bibbja wara kull turija. B’mod ċar, l-​isforzi kollha tagħna kienu siewja.”

2. (a) Il-Kristjani għala jiddeċiedu li jużaw ħajjithom fis-​servizz t’Alla? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw issa?

2 Aaron u sħabu għala marru fuq missjoni daqshekk diffiċli? Għax bi gratitudni għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu bħala fidwa, huma ddedikaw ħajjithom lil Alla u jridu jużawha fi qbil maʼ l-​iskop t’Alla. Bħalhom, il-​Kristjani dedikati kollha ddeċidew li “ma jgħixux iktar għalihom infushom” imma biex jagħmlu dak kollu li jistgħu “minħabba l-​aħbar tajba.” (2 Korintin 5:​15; 1 Korintin 9:​23) Huma jafu li meta din is-​sistema dinjija se tintemm, il-​flus u l-​prestiġju kollha fid-​dinja ma se jkollhom l-​ebda valur. Għalhekk, il-​fatt li għandhom il-​ħajja u ammont taʼ saħħa, huma jridu jużawhom fi qbil maʼ l-​iskop t’Alla. (Koħèlet 12:1) Kif nistgħu nagħmlu dan? Fejn nistgħu nsibu l-​kuraġġ u s-​saħħa meħtiġin biex nagħmlu dan? U liema opportunitajiet taʼ servizz hemm disponibbli għalina?

Nieħdu Passi Progressivi u Prattiċi

3. Liema passi bażiċi hemm bżonn biex nagħmlu r-​rieda t’Alla?

3 Għall-​Kristjani veri, li jagħmlu r-​rieda t’Alla huwa proġett għal għomorhom. Dan normalment jibda b’passi bażiċi bħal li ninkitbu fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, naqraw il-​Bibbja kuljum, nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, u nimxu lejn il-​magħmudija. Hekk kif nagħmlu progress, aħna niftakru fil-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu: “Immedita fuq dawn l-​affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.” (1 Timotju 4:​15) B’dan l-​avanz ma nkunux qed niftaħru bina nfusna imma dan ikun riflessjoni tad-​determinazzjoni tagħna biex nagħmlu r-​rieda t’Alla bla egoiżmu. Meta ngħixu b’dan il-​mod, inkunu qed nuru li qed inħallu lil Alla jiggwida l-​passi tagħna f’kull kwistjoni tal-​ħajja, u hu jagħmel dan ferm aħjar milli qatt nistgħu nagħmluh aħna.​—Salm 32:8.

4. Kif nistgħu nwarrbu l-​biżaʼ bla bżonn?

4 Madankollu, il-​fatt li nżommu lura milli niddeċiedu jew inkunu konċernati żżejjed dwarna nfusna jistaʼ jfixkilna milli nagħmlu progress fis-​servizz tagħna lil Alla. (Koħèlet 11:4) B’hekk, qabel ma nsibu ferħ veru f’li naqdu lil Alla u lil oħrajn, għandu mnejn li l-​ewwel irridu negħlbu l-​biżaʼ tagħna stess. Per eżempju, Erik kien qed jaħsibha biex imur jaqdi f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija. Imma beda jinkwieta: ‘Se ningwalaha mal-​kongregazzjoni? Se jogħġbuni l-​aħwa? Se nogħġobhom jien?’ Hu jirrakkonta: “Fl-​aħħar irrealizzajt li kelli nkun iktar konċernat dwar l-​aħwa milli dwari nnifsi. Iddeċidejt li ma nibqax ninkwieta dwar dan u li sempliċement niffoka fuq dak li stajt naqsam m’oħrajn bla egoiżmu. Tlabt għall-​għajnuna u komplejt bil-​pjanijiet tiegħi. Issa qed ingawdi bil-​kbir is-​servizz tiegħi hemmhekk.” (Rumani 4:​20) Iva, iktar ma naqdu lil Alla u lil oħrajn bla egoiżmu, iktar se nkunu ferħanin u kuntenti.

5. Għala hemm bżonn li nippjanaw bir-​reqqa biex infittxu l-​iskop t’Alla? Agħti eżempju.

5 Jeħtieġ ukoll li nippjanaw bir-​reqqa l-​affarijiet tagħna sabiex infittxu l-​iskop t’Alla b’suċċess. Aħna b’għaqal nevitaw li nakkumulaw ħafna djun li jistgħu jagħmluna skjavi taʼ din is-​sistema u jillimitaw il-​libertà tagħna biex nagħmlu x-​xogħol t’Alla. Il-​Bibbja tfakkarna: “Min jissellef jaqaʼ f’idejn min silfu.” (Proverbji 22:7) Jekk nafdaw f’Ġeħova u npoġġu l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel se niġu megħjunin nibqgħu ffokati fuq dak li hu importanti. Per eżempju, Guoming u ż-​żewġ ħutu bniet jgħixu m’ommhom f’post fejn id-​djar jiswew ħafna flus u fejn hu diffiċli li ssib xogħol stabbli. Billi joqogħdu attenti dwar kif jużaw il-​flus u billi jaqsmu l-​ispejjeż, huma jirnexxilhom ikampaw saħansitra meta mhux kollha jkunu qed jaħdmu. “Xi drabi, ilkoll kemm aħna ma nkunux qed indaħħlu l-​paga,” jgħid Guoming. “Xorta waħda, nistgħu nkomplu fil-​ministeru taʼ pijunier u nieħdu ħsieb ukoll sew lil ommna. Aħna grati li ommna ma tridniex nissagrifikaw il-​ministeru taʼ pijunier tagħna u xogħol ieħor fil-​kongregazzjoni sabiex nipprovdulha ħajja lussuża.”​—2 Korintin 12:14; Ebrej 13:5.

6. Liema eżempju juri kif nistgħu nġibu ħajjitna fi qbil maʼ l-​iskop t’Alla?

6 Jekk int involut sew f’affarijiet sekulari​—finanzjarji jew oħrajn—għandu mnejn hu meħtieġ li tagħmel bidliet kbar biex tpoġġi l-​iskop t’Alla l-​ewwel. Bidliet bħal dawn normalment ma jistgħux isiru f’ħakka t’għajn, u ma jfissirx li tkun fallejt jekk għall-​ewwel tagħmel xi żbalji. Ikkunsidra lil Koichi, li kellu l-​problema li jqattaʼ ħin eċċessiv fir-​rikreazzjoni. Koichi kien studja l-​Bibbja meta kien adoloxxenti, imma għal ħafna snin ħajtu kienet ġiet dominata mil-​logħob tal-​kompjuter. Darba waħda, Koichi qal lilu nnifsu: ‘X’qed nagħmel? Għandi iktar minn 30 sena, u m’għandi l-​ebda skop f’ħajti!’ Koichi reġaʼ beda jistudja l-​Bibbja u aċċetta għajnuna mill-​kongregazzjoni. Għalkemm il-​bidla seħħet bil-​mod, hu ma qatax qalbu. Permezz taʼ ħafna talb u appoġġ bl-​imħabba minn oħrajn, hu fl-​aħħar irnexxielu jegħleb l-​ossessjoni tiegħu. (Luqa 11:9) Koichi issa qed jaqdi ferħan bħala qaddej ministerjali.

Tgħallem Kun Bilanċjat

7. Għala għandna nkunu bilanċjati f’li nagħmlu x-​xogħol t’Alla?

7 Il-​fatt li nfittxu l-​iskop t’Alla jistħoqqlu li nagħmlu dak kollu li nistgħu bi sforz sinċier. Qatt m’għandna nkunu bla ħeġġa jew għażżenin f’li nagħmlu dan. (Ebrej 6:​11, 12) Xorta waħda, Ġeħova ma jridniex insiru eżawriti kompletament​—fiżikament, mentalment, jew emozzjonalment. Jekk inkunu modesti u nagħrfu li ma nistgħux inwettqu x-​xogħol t’Alla bis-​saħħa tagħna stess inkunu qed nigglorifikawh u nuru wkoll li aħna bilanċjati. (1 Pietru 4:​11) Ġeħova jwegħedna li jagħtina s-​saħħa meħtieġa biex nagħmlu r-​rieda tiegħu, imma m’għandniex inġiegħlu lilna nfusna naqbżu l-​limiti tagħna, billi nipprovaw nagħmlu dak li hu ma jistenniex minna. (2 Korintin 4:7) Sabiex nibqgħu naqdu lil Alla mingħajr ma nsiru eżawriti, għandna bżonn nużaw b’mod għaqli l-​enerġiji tagħna.

8. X’ġara meta waħda żagħżugħa pprovat tagħti l-​aħjar tagħha kemm lix-​xogħol kif ukoll lil Ġeħova, u liema bidla għamlet?

8 Per eżempju, Ji Hye, li tgħix fl-​Asja tal-​Lvant, damet sentejn taħdem taħt pressjoni kbira waqt li kienet pijuniera. “Ipprovajt nagħti l-​aħjar tiegħi kemm lil Ġeħova kif ukoll lix-​xogħol,” tirrakkonta hi, “imma kont qed norqod ħames sigħat biss matul il-​lejl. Maż-​żmien, ma kien baqagħli l-​ebda enerġija mentali għall-​verità, u ftit li xejn beda jkolli ferħ fis-​servizz taʼ Ġeħova.” Sabiex taqdi lil Ġeħova ‘b’qalbha, b’ruħha, b’moħħha, u bil-​qawwa kollha tagħha,’ Ji Hye bdiet tfittex xogħol b’inqas pressjoni. (Marku 12:30) “Minkejja li l-​familja tiegħi riedet iġġegħelni nakkwista ħafna flus, jien stinkajt biex inpoġġi l-​iskop t’Alla l-​ewwel,” tgħid hi. “Xorta għadni naqlaʼ flus biżżejjed għall-​affarijiet bażiċi, bħal ħwejjeġ preżentabbli. U qed inħossni iktar f’saħħti għax qed norqod iktar! Qed nieħu ħafna gost fil-​ministeru tiegħi, u issa nħossni iktar b’saħħti spiritwalment. Dan minħabba l-​fatt li ma baqagħlix ħafna ħin għall-​ġibdiet u t-​tfixkil tad-​dinja.”​—Koħèlet 4:6; Mattew 6:​24, 28-​30.

9. L-​isforzi tagħna kif jistgħu jeffettwaw lin-​nies fil-​ministeru taʼ l-​għalqa?

9 Mhux kulħadd jistaʼ jaqdi lil Alla bħala evanġelizzatur full-time. Jekk int trid tissielet m’età avanzata, nuqqas taʼ saħħa, jew limitazzjonijiet oħrajn, ftakar li Ġeħova japprezza ferm il-​lealtà tiegħek u kwalunkwe servizz li tistaʼ toffri b’qalbek kollha. (Luqa 21:​2, 3) Għalhekk, ħadd minna m’għandu jnaqqas l-​effett li l-​isforzi tagħna fis-​servizz t’Alla, anki jekk limitati, jistaʼ jkollhom fuq oħrajn. Per eżempju, nassumu li morna nżuru ftit djar u ma sibna lil ħadd li jidher interessat fil-​messaġġ tagħna. Wara li nitilqu, l-​inkwilini għandhom mnejn jitkellmu dwar iż-​żjara tagħna għal sigħat jew ġranet sħaħ, anki jekk ħadd ma jkun fetħilna l-​bieb! Aħna ma nistennewx li kulmin jismaʼ l-​aħbar tajba se jwieġeb b’mod favorevoli, imma xi wħud għandhom mnejn jagħmlu dan. (Mattew 13:​19-​23) Oħrajn forsi jwieġbu iktar ‘il quddiem meta l-​kundizzjonijiet fid-​dinja jew fil-​ħajja jinbidlu. Hu x’inhu l-​każ, inkunu qed nagħmlu x-​xogħol t’Alla jekk nagħmlu dak kollu li nistgħu fil-​ministeru pubbliku. Aħna “ħaddiema sħab m’Alla.”​—1 Korintin 3:9.

10. Liema opportunitajiet hemm disponibbli għal kulħadd fil-​kongregazzjoni?

10 Iżjed minn hekk, ilkoll kemm aħna nistgħu ngħinu lill-​membri tal-​familja tagħna u lil ħutna rġiel u nisa spiritwali. (Galatin 6:​10) L-​influwenza tajba tagħna fuq oħrajn tistaʼ tkun profonda u dejjiema. (Koħèlet 11:​1, 6) Meta l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali jħabirku biex iwettqu d-​dmirijiet tagħhom, huma jkunu qed jikkontribwixxu għas-​saħħa spiritwali u l-​istabbilità tal-​kongregazzjoni, u l-​attività Kristjana tiżdied. Aħna assigurati li meta jkollna ‘ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej,’ it-​taħbit tagħna “m’huwiex għalxejn.”—1 Korintin 15:58.

Infittxu l-​Iskop t’Alla Bħala Karriera

11. Minbarra l-​ħidma mal-​kongregazzjoni lokali, liema opportunitajiet oħrajn jistaʼ jkollna?

11 Bħala Kristjani, aħna nħobbuha l-​ħajja, u nixtiequ nigglorifikaw lil Alla f’kull ħaġa li nagħmlu. (1 Korintin 10:31) Meta nippridkaw lealment l-​aħbar tajba tas-​Saltna u ngħallmu lil oħrajn biex josservaw dak kollu li kkmanda Ġesù, aħna nsibu ħafna modi kif naqdu lil Alla b’ferħ kbir. (Mattew 24:14; 28:​19, 20) Minbarra li naħdmu mal-​kongregazzjoni lokali, jistaʼ jkollna opportunitajiet biex naqdu fejn hemm iktar bżonn, kemm jekk f’territorju, lingwa, jew pajjiż ieħor. Anzjani u qaddejja ministerjali kwalifikati li għadhom ma żżewġux jistgħu jiġu mistidnin biex jattendu l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali, u wara jkunu jistgħu jaqdu f’kongregazzjonijiet fejn hemm bżonn l-​għajnuna taʼ Kristjani maturi, kemm f’pajjiżhom kif ukoll barra l-​pajjiż. Il-​koppji miżżewġin li qed jaqdu fil-​ministeru full-time għandhom mnejn jikkwalifikaw biex jirċievu t-​taħriġ bħala missjunarji taʼ Gilgħad u jaqdu f’inkarigu barra l-​pajjiż. U dejjem jibqaʼ jkun hemm il-​bżonn għal volontieri biex iwettqu diversi xogħlijiet f’Betel u fil-​bini u l-​manutenzjoni tal-​postijiet għal-​laqgħat u l-​uffiċċji tal-​fergħa.

12, 13. (a) Kif tistaʼ tiddeċiedi liema opportunitajiet taʼ servizz tfittex? (b) Agħti eżempju dwar kif l-​esperjenza li wieħed jikseb minn inkarigu tistaʼ tkun t’għajnuna f’inkarigi oħrajn.

12 Liema opportunitajiet taʼ servizz għandek tfittex? Bħala qaddej dedikat taʼ Ġeħova, dejjem dur lejh u lejn l-​organizzazzjoni tiegħu għad-​direzzjoni. “L-​ispirtu tajjeb” tiegħu se jgħinek tieħu d-​deċiżjoni t-​tajba. (Neħemija 9:​20) Taʼ spiss, inkarigu jistaʼ jħarriġna għal inkarigu ieħor, u l-​esperjenza u l-​kapaċità li niksbu f’servizz wieħed jistgħu jkunu utli f’inkarigu ieħor iktar tard.

13 Per eżempju, Dennis u martu Jenny jaħdmu regolarment fil-​proġetti tal-​bini tas-​Swali tas-​Saltna. Wara li l-​Uragan Katrina laqat fin-​naħa tan-​nofsinhar taʼ l-​Istati Uniti, huma offrew lilhom infushom biex jgħinu lil dawk fil-​bżonn. Dennis jirrapporta: “Ġabilna ferħ kbir li stajna nużaw il-​kapaċità li żviluppajna meta bnejna s-​Swali tas-​Saltna biex ngħinu lil ħutna. Il-​gratitudni li wrew dawk li tajniehom l-​għajnuna hi tassew inkuraġġanti. Il-​biċċa l-​kbira mill-​gruppi l-​oħrajn li jgħinu, ftit li xejn kellhom suċċess f’li jerġgħu jibnu. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova diġà rranġaw jew reġgħu bnew iktar minn 5,300 dar u diversi Swali tas-​Saltna. In-​nies josservawh dan u issa qed juru iktar interess fil-​messaġġ tas-​Saltna.”

14. X’tistaʼ tagħmel jekk tixtieq tidħol fil-​ministeru full-time?

14 Tistaʼ tfittex l-​iskop t’Alla billi tagħżel il-​ministeru full-time bħala l-​karriera tiegħek? Jekk iva, ibqaʼ ċert li se tirċievi ħafna barkiet. Jekk iċ-​ċirkustanzi li għandek bħalissa ma jippermettux dan, forsi tistaʼ tagħmel xi bidliet. Itlob bħalma għamel Neħemija meta xtaq inkarigu importanti: “Nitolbok, Mulej, . . . ibgħat ir-​riżq fuq il-​qaddej tiegħek.” (Neħemija 1:​11) Imbagħad, hekk kif tafda fil-​Wieħed li ‘jismaʼ talbna,’ aħdem fi qbil mat-​talb tiegħek. (Salm 65:3 [65:​2, NW]) L-​ewwel trid tagħmel dawn l-​isforzi sabiex Ġeħova jbierek l-​isforzi tiegħek biex taqdih iktar bis-​sħiħ. Ladarba tiddeċiedi li tibda taqdi fil-​ministeru full-time, żomm mad-​deċiżjoni tiegħek. Hekk kif jgħaddi ż-​żmien, l-​esperjenza tiegħek se tiżdied, u anki l-​ferħ tiegħek se jiżdiedlek.

Ħajja Tassew Siewja

15. (a) Kif nibbenefikaw meta nitkellmu maʼ dawk li ilhom qaddejja t’Alla għal żmien twil u naqraw dwarhom? (b) Semmi xi bijografija li sibtha partikolarment inkuraġġanti.

15 Liema riżultati tistaʼ tistenna meta tfittex l-​iskop t’Alla? Tkellem maʼ dawk li ilhom qaddejja taʼ Ġeħova għal żmien twil, speċjalment maʼ dawk li qattgħu snin twal fil-​ministeru full-time. X’ħajja kollha skop u sodisfaċenti qed jgħixu! (Proverbji 10:22) Huma se jgħidulek kif Ġeħova qatt ma naqas milli jgħinhom sabiex jiksbu saħansitra f’ċirkustanzi diffiċli dak li tassew kienu jeħtieġu u ħafna iktar. (Filippin 4:​11-​13) Mill-​1955 sa l-​1961, The Watchtower ippubblika serje taʼ bijografiji taʼ wħud leali taħt it-​titlu “Pursuing My Purpose in Life” (Infittex l-​Iskop Tiegħi fil-​Ħajja). Minn dakinhar ’l hawn, ġew pubblikati mijiet taʼ bijografiji oħrajn. Kull rakkont jirrifletti spirtu taʼ żelu u ferħ li jfakkarna f’dak misjub fil-​ktieb taʼ l-​Atti. Waqt li taqra rakkonti eċċitanti bħal dawn se tiġi mqanqal biex tgħid, ‘Din hi l-​ħajja li nixtieq ngħix!’

16. X’inhu dak li jagħmel il-​ħajja taʼ Kristjan ferħana u mimlija skop?

16 Aaron, li ssemma fil-​bidu, jiftakar: “Fl-​Afrika, taʼ spiss kont niltaqaʼ maʼ żgħażagħ li kienu qed iduru mal-​pajjiż fit-​tfittxija għal skop fil-​ħajja. Il-​biċċa l-​kbira minnhom ma sabux wieħed. Imma aħna konna hemm, infittxu l-​iskop t’Alla billi nippromwovu l-​aħbar tajba tas-​Saltna, u gawdejna ħajja kollha sfidi u siewja. Aħna esperjenzajna personalment li hemm iktar hena f’li tagħti milli f’li tirċievi.”​—Atti 20:35.

17. Għala għandna nfittxu l-​iskop t’Alla issa?

17 Xi ngħidu għalik? Liema skop qed tfittex? Jekk m’għandekx xi mira spiritwali ċara, malajr se jkun hemm affarijiet oħrajn li se jokkupaw il-​ħin u l-​enerġija tiegħek. Għala taħli l-​ħajja prezzjuża tiegħek fl-​affarijiet li s-​sistema taʼ Satana tagħmilhom jidhru tassew importanti? Fil-​futur qarib meta tfaqqaʼ t-​“tribulazzjoni l-​kbira,” ir-​rikkezzi materjali u l-​pożizzjonijiet dinjin mhux se jkollhom iktar valur. Dak li tassew se jiswa hu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Kemm se nkunu grati li qdejna lil Alla u lil oħrajn u li nkunu fittixna bis-​sħiħ l-​iskop t’Alla f’ħajjitna!​—Mattew 24:21; Rivelazzjoni 7:​14, 15.

[Noti taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Tistaʼ Tispjega?

• Ġeħova kif iħossu dwar is-​servizz tagħna lejh?

• Il-​fatt li nkunu prattiċi u bilanċjati kif jgħinna naqdu lil Alla u lil oħrajn?

• Liema opportunitajiet biex naqdu hemm disponibbli għalina?

• Kif nistgħu ngħixu ħajja tassew mimlija skop minn issa?

[Stampi f’paġna 23]

Għandna bżonn il-​bilanċ biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova b’ruħna kollha

[Stampi f’paġna 24]

Hemm ħafna modi kif nistgħu naqdu lil Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja