LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 7/15 pp. 10-14
  • Żid id-Devozzjoni Lejn Alla mas-Sabar Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żid id-Devozzjoni Lejn Alla mas-Sabar Tiegħek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Bżonn li Nuru s-​Sabar
  • Xi Tfisser id-​Devozzjoni Lejn Alla
  • Ibni Relazzjoni m’Alla
  • Ibqaʼ b’Saħħtek Spiritwalment
  • Oqgħod Attent mill-​Affarijiet li Jheddu d-​Devozzjoni Lejn Alla
  • Segwi l-​Eżempju taʼ Ġesù
  • Iġru Wara d-Devozzjoni Lejn Alla Bħala Kristjani Mgħammdin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Segwi l-Eżempju taʼ Ġesù taʼ Devozzjoni Lejn Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Nitgħallmu s-Sigriet Sagru tad-Devozzjoni Lejn Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Kwalitajiet li Għandna Niġru Warajhom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 7/15 pp. 10-14

Żid id-​Devozzjoni Lejn Alla mas-​Sabar Tiegħek

“[Żidu] mal-​fidi . . . s-​sabar; mas-​sabar it-​tjieba [“id-​devozzjoni lejn Alla,” “NW”].” —2 Pietru 1:​5, 6.

1, 2. (a) Fil-każ taʼ tifel, liema żvilupp huwa mistenni? (b) Kemm hu importanti l-​iżvilupp spiritwali?

HUWA importanti li tifel jikber, imma mhux l-​iżvilupp fiżiku biss huwa mixtieq. Wieħed jistenna wkoll li dan jikber mentalment u emozzjonalment. Maż-​żmien, it-​tifel se jħalli warajh l-​immaturità u jiffjorixxi f’raġel li jkun żviluppa għalkollox. L-​appostlu Pawlu rrefera għal dan meta kiteb: “Meta kont tarbija, kont nitkellem taʼ tarbija, nħoss taʼ tarbija, naħseb taʼ tarbija. Meta sirt raġel warrabt dak li hu taʼ tarbija.”—1 Korintin 13:11.

2 Kliem Pawlu joħroġ punt importanti dwar l-​iżvilupp spiritwali. Il-​Kristjani jeħtieġ li jagħmlu progress minn trabi spiritwali għal ‘irġiel magħmula fi ħsibijiethom.’ (1 Korintin 14:20) Għandhom jistinkaw u jirsistu biex jiksbu “l-​qjies tal-​kobor tal-​milja taʼ Kristu.” (KŻ) Imbagħad mhux se jkunu “trabi mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ taʼ tagħlim.”—Efesin 4:​13, 14.

3, 4. (a) X’għandna nagħmlu biex nikbru għalkollox spiritwalment? (b) Liema kwalitajiet li jogħġbu lil Alla għandna nuru, u kemm huma importanti?

3 Spiritwalment, kif nistgħu nsiru rġiel magħmula, jiġifieri li nkunu kbirna għalkollox? Filwaqt li f’ċirkustanzi normali l-​iżvilupp fiżiku jseħħ kważi awtomatikament, l-​iżvilupp spiritwali jirrikjedi sforz li jsir bil-​ħsieb. Dan jibda billi nieħdu għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla u naġixxu fi qbil maʼ dak li nitgħallmu. (Lhud 5:14; 2 Pietru 1:3a) Imbagħad, permezz t’hekk inkunu nistgħu nuru kwalitajiet li jogħġbu lil Alla. Bħalma l-​ġisem fiżiku u l-​aspetti konnessi miegħu jiżviluppaw kollha fl-​istess ħin, hekk ukoll id-​diversi kwalitajiet li jogħġbu lil Alla ġeneralment jiżviluppaw b’dan il-​mod. L-​appostlu Pietru kiteb: “Kunu ħerqana biex iżżidu mal-​fidi l-​virtù, mal-​virtù l-​għerf; maʼ l-​għerf ir-​rażna; mar-​rażna s-​sabar; mas-​sabar it-​tjieba [“id-​devozzjoni lejn Alla,” NW]; mat-​tjieba l-​ħbiberija taʼ l-​aħwa; mal-​ħbiberija taʼ l-​aħwa l-​imħabba.”—2 Pietru 1:​5-7.

4 Kull kwalità li jsemmi Pietru hija vitali, u l-​ebda waħda ma tistaʼ titħalla barra. Hu jżid: “Jekk ikollkom dawn il-​kwalitajiet u tkattruhom fikom, ma jħallukomx rieqda u bla frott fl-​għarfien tagħkom taʼ Sidna Ġesù Kristu.” (2 Pietru 1:8) Ejja niffokaw fuq il-​bżonn li nżidu d-​devozzjoni lejn Alla mas-​sabar tagħna.

Il-​Bżonn li Nuru s-​Sabar

5. Għala neħtieġu s-​sabar?

5 Kemm Pietru u kemm Pawlu jorbtu d-​devozzjoni lejn Alla mas-​sabar. (1 Timotju 6:11) Li jkollok is-​sabar ifisser iktar milli tiflaħ it-​tbatija u tibqaʼ determinat. Jinvolvi l-​paċenzja, il-​kuraġġ, u s-​sodizza, li wieħed ma jitlifx it-​tama meta jkun qed jiffaċċja l-​provi, l-​ostakli, it-​tentazzjonijiet, jew il-​persekuzzjoni. Bħala wħud li ngħixu “ħajja tajba [“bid-​devozzjoni lejn Alla,” NW] fi Kristu Ġesù,” aħna nistennew li niġu persegwitati. (2 Timotju 3:12) Jeħtieġ li nissaportu jekk irridu nagħtu prova taʼ l-​imħabba tagħna lejn Jehovah u niżviluppaw il-​kwalitajiet meħtieġa biex insalvaw. (Rumani 5:​3-5; 2 Timotju 4:​7, 8; Ġakbu 1:​3, 4, 12) Mingħajr is-​sabar, ma nistgħux niksbu l-​ħajja taʼ dejjem.—Rumani 2:​6, 7; Lhud 10:36.

6. X’jiġifieri li nżommu sħiħ sa l-​aħħar?

6 Għalkemm nistgħu nibdew tajjeb, dak li jgħodd finalment hu li nissaportu. Ġesù qal: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:13) Iva, irridu nżommu sħiħ sa l-​aħħar, sew jekk ikun l-​aħħar tal-​ħajja preżenti tagħna jew l-​aħħar taʼ din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar. Fiż-​żewġ każi, irridu nżommu l-​integrità tagħna lejn Alla. Madankollu, jekk ma nżidux id-​devozzjoni lejn Alla mas-​sabar tagħna, ma nistgħux nogħġbu lil Jehovah, u m’aħniex se niksbu l-​ħajja taʼ dejjem. Imma d-​devozzjoni lejn Alla x’inhi?

Xi Tfisser id-​Devozzjoni Lejn Alla

7. X’inhi d-​devozzjoni lejn Alla, u xi tqanqalna nagħmlu?

7 Id-​devozzjoni lejn Alla hija r-​rispett profond, il-​qima, u s-​servizz li nagħtu lil Alla Jehovah b’mod persunali bħala riżultat tal-​lealtà lejn is-​sovranità universali tiegħu. Sabiex nipprattikaw id-​devozzjoni lejn Alla Jehovah, għandna bżonn nieħdu għarfien eżatt dwaru u dwar triqatu. Għandu jkollna x-​xewqa li nsiru nafu lil Alla personalment, b’mod intimu. Dan se jqanqalna niżviluppaw rabta mill-​qalb miegħu, waħda li tintwera bl-​azzjonijiet tagħna u bil-​mod kif ngħixu ħajjitna. Għandu jkollna x-​xewqa li kemm jistaʼ jkun inkunu bħal Jehovah—nimitaw triqatu u nirriflettu l-​kwalitajiet u l-​personalità tiegħu. (Efesin 5:1) Tabilħaqq, id-​devozzjoni lejn Alla timmotivana biex inkunu rridu nogħġbu lil Alla f’kulma nagħmlu.—1 Korintin 10:31.

8. Id-​devozzjoni lejn Alla u d-​devozzjoni esklużiva kif jaħdmu id f’id?

8 Sabiex nipprattikaw id-​devozzjoni vera lejn Alla, irridu nqimu lil Jehovah biss, u ma nħallu xejn jiħodlu postu f’qalbna. Bħala l-​Ħallieq tagħna, hu għandu d-​dritt għad-​devozzjoni esklużiva tagħna. (Dewteronomju 4:24;b Isaija 42:8) Madankollu, Jehovah ma jisforzaniex biex inqimuh. Hu jixtieq id-​devozzjoni tagħna mill-​qalb. L-​imħabba tagħna għal Alla, ibbażata fuq għarfien eżatt dwaru, tqanqalna nnaddfu ħajjitna u nagħmlu dedikazzjoni lejh b’mod assolut u mbagħad ngħixu fi qbil magħha.

Ibni Relazzjoni m’Alla

9, 10. Kif nistgħu nibnu u nżommu relazzjoni mill-​qrib m’Alla?

9 Wara li nissimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħna lil Alla bil-​magħmudija, xorta rridu nibnu relazzjoni persunali miegħu mill-​qrib iktar minn qatt qabel. Għalhekk, ix-​xewqa tagħna li nagħmlu dan u li naqdu lil Jehovah fedelment tqanqalna biex inkomplu nistudjaw il-​Kelma tiegħu u nimmeditaw fuqha. Hekk kif inħallu l-​ispirtu t’Alla jaħdem fuq moħħna u qalbna, l-​imħabba tagħna għal Jehovah se ssir iktar profonda. Ir-​relazzjoni tagħna miegħu se tkompli tkun l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Lil Jehovah, se nqisuh bħala l-​aqwa Ħabib tagħna u nkunu nixtiequ nogħġbuh il-​ħin kollu. (1 Ġwann 5:3) Se nitgħaxxqu iktar bir-​relazzjoni pjaċevoli tagħna m’Alla, u se nkunu grati li b’imħabba jgħallimna u jikkoreġina fejn ikollna bżonn.—Dewteronomju 8:​5, KŻ.

10 Jekk ma niħdux passi kontinwament biex insaħħu r-​relazzjoni prezzjuża tagħna maʼ Jehovah, din tistaʼ tiddgħajjef. Li kieku jiġri hekk, ma jkunx it-​tort t’Alla, għax “hu m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:27) Kemm aħna ferħanin li Jehovah ma jagħmilhiex diffiċli għalina biex nersqu lejh! (1 Ġwann 5:​14, 15) M’għandniex xi ngħidu, irridu naħdmu biex inżommu relazzjoni persunali mill-​qrib maʼ Jehovah. Madankollu, hu jgħinna nersqu qrib tiegħu billi jagħtina l-​provvedimenti kollha li neħtieġu biex niżviluppaw u nżommu d-​devozzjoni lejh. (Ġakbu 4:8) Kif nistgħu nużaw bis-​sħiħ dawn il-​provvedimenti kollha li ngħataw b’imħabba?

Ibqaʼ b’Saħħtek Spiritwalment

11. X’inhuma xi modi li bihom nesprimu d-​devozzjoni tagħna lejn Alla?

11 L-​imħabba tagħna lejn Alla, b’għeruqha tant fil-​fond, se tqanqalna nuru safejn tasal id-​devozzjoni tagħna lejn Alla, fi qbil mal-​parir taʼ Pawlu: “Agħmel mill-​aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-​prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-​reqqa l-​kelma tal-​verità.” (2 Timotju 2:15) Sabiex nagħmlu dan jeħtieġ li nżommu rutina tajba f’li nistudjaw il-​Bibbja, nattendu l-​laqgħat, u nieħdu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa regolarment. Nistgħu wkoll inżommu qrib Jehovah billi ‘nitolbu bla heda.’ (1 Tessalonikin 5:17) Dawn huma modi importanti kif nesprimu d-​devozzjoni tagħna lejn Alla. Jekk nittraskuraw xi wieħed minnhom hemm iċ-​ċans li nimirdu spiritwalment, u b’hekk ikun faċli li nċedu għat-​tnassis taʼ Satana.—1 Pietru 5:8.

12. Kif nistgħu nkampaw b’suċċess mal-​provi li jiġu?

12 Il-​fatt li nżommu b’saħħitna u attivi spiritwalment jgħinna wkoll niffaċċjaw il-​ħafna provi li jiġu fuqna. Dawn forsi jiġu minn sorsi li jistgħu jittestjawna bil-​kbir. L-​indifferenza, l-​oppożizzjoni, u l-​persekuzzjoni jistgħu jkunu iktar diffiċli biex tissaportihom meta jiġu minn membri intimi tal-​familja, qraba, jew ġirien. Fuq ix-​xogħol jew fl-​iskola jistgħu jqumu pressjonijiet perikolużi b’mod sottili li jkunu intenzjonati biex nikkompromettu l-​prinċipji Kristjani tagħna. L-​iskuraġġiment, il-​mard, u d-​dipressjoni jistgħu jdgħajfuna fiżikament u jagħmluhielna iktar diffiċli biex inkampaw mal-​provi tal-​fidi. Imma nistgħu nkampaw b’suċċess mal-​provi kollha jekk nipperseveraw ‘f’ħajja qaddisa u tajba [“taʼ devozzjoni lejn Alla,” NW] waqt li nistennew b’ħerqa kbira l-​miġja tal-​Jum taʼ Alla.’ (2 Pietru 3:​11, 12) U waqt li nagħmlu dan nistgħu nibqgħu ferħanin, għax aħna żguri li Alla se jberikna.—Proverbji 10:22.

13. X’għandna nagħmlu jekk irridu nkomplu nipprattikaw id-​devozzjoni lejn Alla?

13 Għalkemm Satana jimmira lejn dawk li jipprattikaw id-​devozzjoni lejn Alla, m’għandniex għalxiex nibżgħu. Għala? Għax Jehovah “jaf . . . jeħles it-​tajbin [“lil nies taʼ devozzjoni lejn Alla,” NW] mit-​tiġrib.” (2 Pietru 2:9) Biex nissaportu l-​provi u nesperjenzaw ħelsien bħal dan, irridu “nwarrbu l-​ħażen u l-​ġibdiet tad-​dinja, [u] ngħixu bir-​rażna u l-​ġustizzja u t-​tjieba [“id-​devozzjoni lejn Alla,” NW] f’dan iż-​żmien.” (Titu 2:12) Bħala Kristjani, irridu noqogħdu għassa sabiex kwalunkwe dgħjufija li tinvolvi x-​xewqat u l-​attivitajiet tal-​ġisem ma tinvadix id-​devozzjoni tagħna lejn Alla u teqridha. Issa ejja nikkunsidraw xi wħud minn dawn l-​affarijiet li jheddu d-​devozzjoni tagħna lejn Alla.

Oqgħod Attent mill-​Affarijiet li Jheddu d-​Devozzjoni Lejn Alla

14. X’għandna niftakru jekk in-​nassa tal-​materjaliżmu tħajjarna?

14 Il-​materjaliżmu huwa nassa għal ħafna. Nistgħu saħansitra nqarrqu bina nfusna, billi jkun ‘mingħalina li t-​tjieba [“id-​devozzjoni lejn Alla,” NW] qiegħda għal qligħ il-​flus.’ B’hekk, għandna mnejn nagħmlu wiċċna biex nieħdu vantaġġ mhux xieraq mill-​fiduċja li juru fina sħabna fit-​twemmin. (1 Timotju 6:5) Saħansitra għandna mnejn nikkonkludu b’mod żbaljat li ma fiha xejn ħażin li nagħmlu pressjoni lil xi Kristjan li jkun sejjer tajjeb biex isellfilna somma flus li x’aktarx m’aħniex se nkunu kapaċi nħallsuha lura. (Salm 37:21) Imma hija d-​devozzjoni lejn Alla, mhux il-​fatt li niksbu affarijiet materjali, li “fiha . . . l-​wegħda tal-​ħajja taʼ issa u taʼ dik li għad trid tiġi.” (1 Timotju 4:8) Ladarba “aħna ma ġibna xejn fid-​dinja,” u ma nistgħu nieħdu xejn magħna, ejja nkunu iżjed determinati li nfittxu ‘d-​devozzjoni lejn Alla flimkien maʼ l-​abbiltà li nipprovdu għall-​bżonnijiet tagħna,’ u nkunu lesti nikkuntentaw bl-​ikel u bl-​għata.—1 Timotju 6:​6-11, NW.

15. X’nistgħu nagħmlu jekk il-​ġiri wara l-​pjaċiri jhedded li jħallilna ftit li xejn post għad-​devozzjoni tagħna lejn Alla?

15 Il-​ġiri wara l-​pjaċiri jistaʼ jħalli ftit li xejn post għad-​devozzjoni lejn Alla. Jistaʼ jkun li għandna bżonn nagħmlu xi aġġustamenti minnufih f’dan ir-​rigward? Veru, it-​taħriġ tal-​ġisem u r-​rikreazzjoni huma taʼ ġid f’ċerti modi. Madankollu, dawn il-​benefiċċji huma żgħar meta tqabbilhom mal-​ħajja taʼ dejjem. (1 Ġwann 2:25) Illum, ħafna “jħobbu aktar il-​pjaċir milli ’l Alla; [huma] nies li jiċħdu l-​qawwa tat-​tjieba [“devozzjoni lejn Alla,” NW], minkejja li minn barra jagħmluha taʼ tajbin,” u nies bħal dawn għandna naħarbuhom. (2 Timotju 3:​4, 5) Dawk li jpoġġu l-​enfasi fuq id-​devozzjoni lejn Alla qed “jaħżnu għalihom infushom teżor sabiħ għal li ġej, biex bih jiksbu l-​ħajja, il-​ħajja vera.”—1 Timotju 6:19.

16. Liema ġibdiet midinba ma jħallux lil xi wħud jgħixu f’livell mal-​ħtiġijiet tajbin t’Alla, u kif nistgħu negħlbu dawn ix-​xewqat?

16 L-​abbuż taʼ l-​alkoħol u d-​drogi, l-​immoralità, u l-​ġibdiet midinba jistgħu jeqirdu d-​devozzjoni tagħna lejn Alla. Jekk inċedu għalihom nistgħu ma nibqgħux ngħixu f’livell mal-​ħtiġijiet tajbin t’Alla. (1 Korintin 6:​9, 10; 2 Korintin 7:1) Anki Pawlu kellu jissaporti konflitt kontinwu mal-​ġisem midneb tiegħu. (Rumani 7:​21-25) Hemm bżonn li nieħdu miżuri qawwijin biex inqaċċtu ’l barra xewqat ħżiena. L-​ewwelnett, irridu nkunu determinati li nibqgħu nodfa moralment. Pawlu jgħidilna: “Mewwtu ġo fikom dak kollu li hu taʼ l-​art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-​regħba, li hi idolatrija.” (Kolossin 3:5) Biex immewtu dawn l-​affarijiet midinbin taʼ ġisimna għandna bżonn inkunu determinati li neħilsu minnhom, li neliminawhom. Talb bil-​ħerqa għall-​għajnuna t’Alla se jgħinna nwarrbu xewqat ħżiena, kif ukoll infittxu s-​sewwa u d-​devozzjoni lejn Alla f’din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar.

17. Kif għandna nqisuha d-​dixxiplina?

17 L-​iskuraġġiment jistaʼ jdgħajfilna s-​sabar u jagħmel il-​ħsara lid-​devozzjoni tagħna lejn Alla. Ħafna mill-​qaddejja taʼ Jehovah ġarrbu l-​iskuraġġiment. (Numri 11:​11-​15; Esdra 4:4; Ġona 4:3) L-​iskuraġġiment jistaʼ b’mod speċjali jkissirna jekk flimkien maʼ dan inżommu f’qalbna għax nieħdu għalina jew għax inkunu ġejna mwiddbin jew dixxiplinati bl-​iebes. Madankollu, it-​twiddib u d-​dixxiplina huma evidenza li Alla b’imħabba jinteressah u jimpurtah minna. (Lhud 12:​5-7, 10, 11) Id-​dixxiplina m’għandhiex titqies biss bħala kastig, imma bħala mezz li jħarriġna fit-​triq tas-​sewwa. Jekk inkunu umlin, se napprezzaw il-​parir u naċċettawh, waqt li nirrealizzaw li “t-​twiddib tat-​tagħlim hu t-​triq tal-​ħajja.” (Proverbji 6:23) Dan jistaʼ jgħinna nagħmlu progress spiritwali tajjeb f’li nfittxu d-​devozzjoni lejn Alla.

18. X’responsabbiltà għandna fejn jidħlu l-​offiżi persunali?

18 Il-​fatt li wieħed jifhem ħażin lil ieħor u l-​offiżi persunali jistgħu jpoġġu sfida għad-​devozzjoni tagħna lejn Alla. Jistgħu jikkaġunaw ansjetà jew iġagħlu lil xi wħud jieħdu pass li m’hu għaqli xejn, dak taʼ li jinqatgħu minn ħuthom spiritwali. (Proverbji 18:1) Imma tajjeb li niftakru li l-​fatt li noqogħdu nżommu f’qalbna jew li kontinwament ma naħmlux lil xi ħadd jistaʼ jkun taʼ ħsara għar-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah. (Levitiku 19:18) Fil-​fatt, “min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jistaʼ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1 Ġwann 4:20) Fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù enfasizza l-​bżonn li jittieħdu passi mill-​ewwel biex jitranġaw id-​diffikultajiet persunali. Hu qal lis-​semmiegħa tiegħu: “Mela jekk tkun qiegħed ittallaʼ l-​offerta tiegħek fuq l-​artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-​offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-​artal u mur l-​ewwel irranġa maʼ ħuk, u mbagħad ejja tallaʼ l-​offerta tiegħek.” (Mattew 5:​23, 24) Apoloġija tistaʼ tgħin biex titfejjaq ferita kaġunata minn kliem iebes jew azzjonijiet ħżiena. Relazzjoni miksura tistaʼ titranġa u l-​paċi terġaʼ tiġi jekk nitolbu maħfra u nammettu li m’aġixxejniex kif jixraq. Ġesù wkoll ta pariri oħrajn dwar kif nittrattaw id-​diffikultajiet. (Mattew 18:​15-17) Kemm inħossuna ferħanin meta l-​isforzi li nagħmlu biex insolvu l-​problemi jirnexxu!—Rumani 12:18; Efesin 4:​26, 27.

Segwi l-​Eżempju taʼ Ġesù

19. Għala huwa daqshekk importanti li nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù?

19 Il-​provi żgur li se jiġu, imma m’għandhomx għalfejn ifixkluna mit-​tiġrija għall-​ħajja taʼ dejjem. Ftakar li Jehovah jistaʼ jeħlisna mill-​provi. Hekk kif “inwarrbu minna kull xkiel” u “nibqgħu niġru t-​triq tal-​prova li għandna quddiemna,” ejja “nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-​fidi tagħna.” (Lhud 12:​1-3) Jekk niflu bir-​reqqa l-​eżempju taʼ Ġesù u nagħmlu kull sforz biex nimitawh fil-​kliem u fl-​aġir se nkunu nistgħu nikkultivaw id-​devozzjoni lejn Alla u nuruha b’mod iktar sħiħ.

20. Liema premjijiet se jirriżultaw jekk infittxu s-​sabar u d-​devozzjoni lejn Alla?

20 Is-​sabar u d-​devozzjoni lejn Alla jaħdmu id f’id biex jgħinu f’li jagħmlu s-​salvazzjoni tagħna ċerta. Billi nuru dawn il-​kwalitajiet prezzjużi, nistgħu nkomplu mexjin b’fedeltà fis-​servizz sagru tagħna lil Alla. Anki meta nkunu għaddejjin minn xi prova, se nkunu ferħanin hekk kif nesperjenzaw l-​affezzjoni tenera taʼ Jehovah u l-​barka tiegħu għax inkunu ssaportejna u pprattikajna d-​devozzjoni lejn Alla. (Ġakbu 5:11) Iktar minn hekk, Ġesù nnifsu jiżgurana: “Jekk tibqgħu sħaħ sa l-​aħħar issalvaw ħajjitkom!”—Luqa 21:19.

[Noti taʼ taħt]

a Il-Bibbji Maltin jużaw il-​kelma “tjieba,” u forom oħrajn tagħha, għall-​kelma li hawnhekk ġiet tradotta “devozzjoni lejn Alla.”

b F’Dewteronomju 4:​24, il-​Bibbji Maltin jittraduċu “jesiġi devozzjoni esklużiva” bħala “għajjur.” Din hija traduzzjoni oħra korretta skond il-​kliem oriġinali bl-​Ebrajk u l-​Grieg.

Int Kif Twieġeb?

• Is-sabar għala huwa importanti?

• X’inhi d-​devozzjoni lejn Alla, u din kif tintwera?

• Kif nistgħu nibnu u nżommu relazzjoni mill-​qrib m’Alla?

• X’inhuma xi affarijiet li jheddu d-​devozzjoni tagħna lejn Alla, u kif nistgħu nevitawhom?

[Stampi f’paġna 12]

Id-​devozzjoni lejn Alla tintwera b’ħafna modi

[Stampi f’paġna 14]

Oqgħod attent mill-​affarijiet li jheddu d-​devozzjoni tiegħek lejn Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja