Kwalitajiet li Għandna Niġru Warajhom
“Iġri wara s-sewwa, id-devozzjoni lejn Alla, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, [u] it-temperament ġwejjed.”—1 TIM. 6:11.
1. Spjega xi tfisser il-frażi “iġri wara.”
X’JIĠIK f’moħħok meta tismaʼ l-frażi “iġri wara”? Forsi taħseb fi żmien Mosè meta l-armata Eġizzjana ‘marret wara’ l-Iżraelin, biex spiċċat sofriet diżastru fil-Baħar l-Aħmar. (Eżo. 14:23) Jew għandek mnejn tiftakar fil-periklu li ffaċċja wieħed li jkun qatel lil xi ħadd aċċidentalment f’Iżrael tal-qedem. Hu kellu jmur malajr f’waħda mis-sitt ibliet tal-kenn li kienu ntgħażlu apposta. Inkella setaʼ “jitlaq għal wara l-qattiel qarib il-mejjet bil-jedd tal-vendetta f’saħna taʼ demm, u jilħqu minħabba t-tul tat-triq, u joqtlu.”—Dt. 19:6.
2. (a) Alla stieden lil xi Kristjani biex jiġru wara liema premju? (b) Liema prospett joffri Ġeħova lill-biċċa l-kbira mill-Kristjani llum?
2 B’kuntrast maʼ l-eżempji Bibliċi li ssemmew qabel, ikkunsidra l-attitudni pożittiva li kellu l-appostlu Pawlu: “Qed niġri lejn il-mira għall-premju tas-sejħa t’Alla għal hemm fuq permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Flp. 3:14) Il-Bibbja turi li total taʼ 144,000 Kristjan midluk, inkluż Pawlu, irċivew dan il-premju taʼ ħajja fis-sema. Huma se jaħkmu maʼ Ġesù Kristu fil-Ħakma Millennjali tiegħu għal fuq l-art. X’mira meraviljuża Alla stidinhom biex jiġru warajha lil dawn l-uħud! Madankollu, il-biċċa l-kbira mill-Kristjani veri llum għandhom prospett, jew mira, differenti. Ġeħova bi mħabba joffrilhom dak li tilfu Adam u Eva, jiġifieri, il-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem f’saħħa perfetta f’ġenna fuq l-art.—Riv. 7:4, 9; 21:1-4.
3. Kif nistgħu nuru apprezzament għall-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla?
3 Il-bnedmin midinbin ma jistgħux jiksbu l-ħajja taʼ dejjem bl-isforzi imperfetti tagħhom biex jagħmlu dak li hu tajjeb. (Is. 64:5 [64:6, NW]) L-uniku mod kif nistgħu niksbu l-ħajja taʼ dejjem hu billi npoġġu fidi fil-provvediment tas-salvazzjoni li Alla bi mħabba pprovda permezz taʼ Ġesù Kristu. X’nistgħu nagħmlu biex nuru apprezzament għall-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla? Ħaġa waħda li nistgħu nagħmlu hi li nobdu dan il-kmand: “Iġri wara s-sewwa, id-devozzjoni lejn Alla, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, [u] it-temperament ġwejjed.” (1 Tim. 6:11) Jekk nikkunsidraw dawn il-kwalitajiet, ilkoll kemm aħna nistgħu niġu megħjunin biex inkunu iktar determinati ħalli nibqgħu niġru warajhom “iktar bis-sħiħ.”—1 Tess. 4:1.
“Iġri Wara s-Sewwa”
4. Għala nistgħu nibqgħu ċerti li l-ġiri tagħna wara “s-sewwa” huwa importanti, u individwu liema passi għandu jibda jieħu?
4 Fiż-żewġ ittri tiegħu lil Timotju, l-appostlu Pawlu għamel lista taʼ kwalitajiet li għandna niġru warajhom, u fiż-żewġ ittri, l-ewwel li semma kien “is-sewwa.” (1 Tim. 6:11; 2 Tim. 2:22) Iktar minn hekk, f’siltiet oħrajn il-Bibbja għal darba wara l-oħra tinkuraġġina biex niġru wara s-sewwa, jew il-ġustizzja. (Prov. 15:9; 21:21; Is. 51:1) Mod wieħed kif tibda tagħmel dan huwa billi ‘tieħu għarfien dwar l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li hu bagħat.’ (Ġw. 17:3) Jekk jiġri wara s-sewwa, individwu se jiġi mqanqal biex jieħu azzjoni—jindem mid-dnubiet tal-passat u ‘jdur lura’ sabiex ikun jistaʼ jagħmel ir-rieda t’Alla.—Atti 3:19.
5. X’għandna nagħmlu sabiex niksbu u nżommu qagħda ġusta m’Alla?
5 Miljuni taʼ nies li ġenwinament qed jiġru wara s-sewwa ddedikaw ħajjithom lil Ġeħova u ssimbolizzaw din id-dedikazzjoni bil-magħmudija fl-ilma. Jekk int issa Kristjan mgħammed, ħsibt xejn dwar il-fatt li ħajtek għandha turi li għadek qed tiġri wara s-sewwa, kif x’aktarx diġà qed turi dan? Mod wieħed kif tagħmel dan huwa billi permezz tal-Bibbja tiddistingwi x’inhu ‘tajjeb u ħażin’ meta tiffaċċja deċiżjonijiet f’ħajtek. (Aqra Ebrej 5:14.) Per eżempju, jekk int Kristjan fl-età li tistaʼ tiżżewweġ, determinat int b’mod assolut li ma tiżviluppax xi rabta romantika maʼ xi ħadd li m’huwiex Kristjan mgħammed? Jekk qiegħed tiġri wara s-sewwa int se tkun determinat.—1 Kor. 7:39.
6. X’jinvolvi jekk aħna tassew inkunu qed niġru wara s-sewwa?
6 Hemm differenza bejn li tkun ġust għal li tkun ġust f’għajnejk stess jew “ġust iżżejjed.” (Koħ. 7:16) Ġesù wissa kontra li nuru li aħna ġusti żżejjed biex nidhru aħjar minn oħrajn. (Mt. 6:1) Biex tassew inkunu qed niġru wara s-sewwa qalbna trid tkun involuta, billi nikkoreġu l-ħsibijiet, l-attitudnijiet, il-motivi, u x-xewqat ħżiena. Jekk nibqgħu naħdmu biex nagħmlu dan, wisq probabbli m’aħniex se nikkommettu dnubiet serji. (Aqra Proverbji 4:23; qabbel Ġakbu 1:14, 15.) Iktar minn hekk, Ġeħova se jberikna u jgħinna fil-ġiri tagħna wara kwalitajiet Kristjani importanti oħrajn.
“Iġri Wara . . . id-Devozzjoni Lejn Alla”
7. X’inhi d-“devozzjoni lejn Alla”?
7 Id-devozzjoni tinvolvi li nkunu dedikati b’mod ħerqan u leali. Dizzjunarju tal-Bibbja jgħid li l-kelma Griega tradotta “devozzjoni lejn Alla” tiddeskrivi l-mod kif “tgħożż sew u bir-reqqa l-biżaʼ t’Alla.” L-Iżraelin spiss naqsu milli juru devozzjoni bħal din, bħalma naraw mill-atti diżubbidjenti tagħhom saħansitra wara li Alla salvahom mill-Eġittu.
8. (a) Liema mistoqsija qamet minħabba d-dnub taʼ Adam? (b) It-tweġiba għal dan is-“sigriet sagru” kif ġiet rivelata?
8 Għal eluf taʼ snin wara li dineb ir-raġel perfett Adam, setgħet titqajjem il-mistoqsija: “Jistaʼ xi bniedem juri devozzjoni perfetta lejn Alla?” Matul is-sekli, l-ebda bniedem midneb ma setaʼ jgħix ħajja taʼ devozzjoni perfetta lejn Alla. Imma fiż-żmien imwaqqat tiegħu, Ġeħova rrivela t-tweġiba għal dan is-“sigriet sagru.” Hu ttrasferixxa l-ħajja taʼ l-Iben uniġenitu tiegħu li kien fis-sema għal ġol-ġuf taʼ Marija sabiex jitwieled bħala bniedem perfett. Matul ħajtu fuq l-art u wkoll waqt il-mewta umiljanti tiegħu, Ġesù wera xi jfisser li tkun dedikat b’mod ħerqan u kompletament leali lejn l-Alla l-veru. It-talb tiegħu wera r-rispett profond li kellu għal Missieru tas-sema kollu mħabba. (Mt. 11:25; Ġw. 12:27, 28) Għalhekk, Ġeħova nebbaħ lil Pawlu biex jitkellem dwar “id-devozzjoni lejn Alla” meta kien qed jiddeskrivi l-ħajja eżemplari taʼ Ġesù.—Aqra l-1 Timotju 3:16.
9. Kif nistgħu niġru wara d-devozzjoni lejn Alla?
9 Fl-istat midneb tagħna, ma nistgħux nuru devozzjoni perfetta lejn Alla. Imma nistgħu nfittxu li nuruha. Dan jirrikjedi minna li nsegwu l-mudell li ħallielna Kristu mill-iktar qrib possibbli. (1 Pt. 2:21) B’hekk, m’aħniex se nkunu bħal dawk l-ipokriti li “jkollhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-fatti l-qawwa tagħha.” (2 Tim. 3:5) Dan ma jfissirx li d-devozzjoni vera lejn Alla ma tkunx tidher minn barra. Pjuttost tkun tidher. Per eżempju, kemm jekk inkunu qed nagħżlu xi libsa tat-tieġ u kemm jekk qed niddeċiedu x’ħa nilbsu biex immorru nixtru, id-dehra tagħna għandha tkun dejjem fi qbil mal-fatt li ngħidu li ‘nqimu lil Alla.’ (1 Tim. 2:9, 10) Iva, il-ġiri tagħna wara d-devozzjoni lejn Alla jirrikjedi li nqisu l-livelli ġusti t’Alla fil-ħajjiet tagħna taʼ kuljum.
“Iġri Wara . . . il-Fidi”
10. X’nistgħu nagħmlu biex inżommu l-fidi tagħna b’saħħitha?
10 Aqra Rumani 10:17. Sabiex jikseb u jżomm fidi b’saħħitha, Kristjan għandu jibqaʼ jimmedita fuq il-veritajiet prezzjużi li hemm fil-Kelma t’Alla. “L-ilsir leali u għaqli” pprovdielna ħafna pubblikazzjonijiet mill-aħjar. Tliet kotba mill-aqwa huma L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex, Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir, u “Come Be My Follower” (“Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”), kotba li huma disinjati biex jgħinuna nsiru nafu aħjar lil Kristu, u b’hekk inkunu nistgħu nimitawh. (Mt. 24:45-47) Il-klassi taʼ l-ilsir tagħmel ukoll arranġamenti għal laqgħat, assembleat, u konvenzjonijiet, li ħafna minnhom jenfasizzaw il-“kelma dwar Kristu.” Qiegħed int tara kif tistaʼ tieħu vantaġġ akbar minn dawn hekk kif tagħti ‘attenzjoni iktar mis-soltu’ għal dak li Alla jipprovdi?—Ebr. 2:1.
11. It-talb u l-ubbidjenza kif jgħinuna fil-ġiri tagħna wara l-fidi?
11 It-talb huwa għajnuna oħra biex nibnu fidi b’saħħitha. Is-segwaċi taʼ Ġesù darba talbuh: “Agħtina iktar fidi.” Aħna nistgħu nittallbu lil Alla bl-umiltà biex jagħmel l-istess ħaġa. (Lq. 17:5) Sabiex ikollna iktar fidi, għandna nitolbu għall-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla; il-fidi hija aspett wieħed mill-“frott taʼ l-ispirtu.” (Gal. 5:22) Iżjed minn hekk, l-ubbidjenza lejn il-kmandi t’Alla ssaħħaħ il-fidi tagħna. Per eżempju, għandna mnejn inħabirku biex nagħmlu iktar fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Dan wisq probabbli se jipproduċi fina hena kbir. U hekk kif nirriflettu fuq il-barkiet li jiġu meta ‘nfittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa’ t’Alla, il-fidi tagħna tikber.—Mt. 6:33.
“Iġri Wara . . . l-Imħabba”
12, 13. (a) X’inhu l-kmand ġdid taʼ Ġesù? (b) B’liema modi importanti għandna niġru wara l-imħabba bħal taʼ Kristu?
12 Aqra l-1 Timotju 5:1, 2. Pawlu ta parir prattiku dwar kif il-Kristjani jistgħu juru mħabba lejn xulxin. Id-devozzjoni tagħna lejn Alla għandha tinkludi l-ubbidjenza lejn il-kmand ġdid taʼ Ġesù sabiex ‘inħobbu lil xulxin’ bħalma ħabbna hu. (Ġw. 13:34) L-appostlu Ġwanni qal: “Kulmin għandu biex jgħix f’din id-dinja u jara lil ħuh fil-bżonn u ma jkunx irid juri ħniena miegħu, kif tistaʼ tibqaʼ fih l-imħabba t’Alla?” (1 Ġw. 3:17) Tistaʼ taħseb f’okkażjonijiet meta int urejt l-imħabba b’mod prattiku?
13 Mod ieħor kif nistgħu niġru wara l-imħabba hu billi naħfru, jiġifieri, ma nibqgħux inżommu f’qalbna għal ħutna. (Aqra l-1 Ġwanni 4:20.) Minflok, irridu nsegwu dan il-parir ispirat: “Komplu issaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll.” (Kol. 3:13) Tistaʼ tapplika dan il-parir maʼ xi ħadd fil-kongregazzjoni? Se taħfirlu?
“Iġri Wara . . . is-Sabar”
14. X’nistgħu nitgħallmu mill-kongregazzjoni taʼ Filadelfja?
14 M’huwiex diffiċli li nistinkaw biex nilħqu mira li malajr tintlaħaq, imma huwa iktar diffiċli tilħaq mira li m’hijiex daqstant faċli biex tintlaħaq jew li ddum iktar biex tintlaħaq milli nkunu ħsibna. Jidher ċar li l-ġiri wara l-mira tal-ħajja taʼ dejjem jirrikjedi s-sabar. “Talli żammejt il-kelma dwar is-sabar tiegħi, jien ukoll inżommok mis-siegħa tal-prova,” qal il-Mulej Ġesù lill-kongregazzjoni taʼ Filadelfja. (Riv. 3:10) Tabilħaqq, Ġesù għallem dwar il-bżonn li jkollna s-sabar—kwalità li tgħinna ma naqtgħux qalbna meta nkunu qed niffaċċjaw provi u tentazzjonijiet. L-aħwa fil-kongregazzjoni taʼ Filadelfja fl-ewwel seklu żgur li wrew sabar li jispikka meta ffaċċjaw ħafna provi tal-fidi. Għalhekk, Ġesù assigurahom li hu kien se jibqaʼ jgħinhom matul prova akbar li kienet riesqa.—Lq. 16:10.
15. Ġesù x’għallem dwar is-sabar?
15 Ġesù kien jaf li s-segwaċi tiegħu kienu se jiffaċċjaw mibegħda mill-qraba li ma kinux taʼ l-istess twemmin u mid-dinja in ġenerali, u għalhekk f’minn taʼ l-inqas żewġ okkażjonijiet, hu inkuraġġiehom b’dan il-mod: “Min jissaporti sat-tmiem jiġi salvat.” (Mt. 10:22; 24:13) Ġesù wera wkoll li f’dak iż-żmien id-dixxipli tiegħu kienu se jkunu jistgħu jiksbu s-saħħa meħtieġa biex jissaportu. F’tixbiha minnhom, hu qabbel il-ħamrija bil-blat maʼ individwi li ‘jilqgħu l-kelma [t’Alla] bil-ferħ’ imma jaqgħu meta jiffaċċjaw provi tal-fidi. Madankollu, hu qabbel is-segwaċi leali tiegħu maʼ ħamrija tajba għax huma ‘jżommu’ l-kelma t’Alla u “jagħtu l-frott bis-sabar.”—Lq. 8:13, 15.
16. Liema provvediment kollu mħabba għen lil miljuni taʼ nies jissaportu?
16 Innotajt x’inhu s-sigriet tas-sabar? Għandna ‘nżommu’ l-kelma t’Alla, billi nżommuha ħajja f’qalbna u f’moħħna. Minħabba li għandna n-New World Translation of the Holy Scriptures—traduzzjoni tal-Bibbja li hija eżatta u faċli biex tinqara—disponibbli b’iktar u iktar lingwi sar iktar faċli u possibbli li nagħmlu dan. Jekk nimmeditaw fuq xi silta mill-Kelma t’Alla kuljum se niġu megħjunin biex insibu s-saħħa li jkollna bżonn sabiex nibqgħu nagħmlu l-frott “bis-sabar.”—Salm 1:1, 2.
“Iġri Wara . . . it-Temperament Ġwejjed” u l-Paċi
17. (a) “It-temperament ġwejjed” għala huwa tant importanti? (b) Ġesù kif wera li kien ġwejjed?
17 Ħadd ma jieħu pjaċir jiġi akkużat b’xi ħaġa li ma qalx jew li m’għamilx. Ġeneralment in-nies jirreaġixxu b’rabja meta jiġu kritikati b’mod inġust. Kemm hu aħjar li jkollok “temperament ġwejjed”! (Aqra Proverbji 15:1.) Jeħtieġ saħħa kbira biex tkun ġwejjed meta tiġi kritikat b’mod inġust. Ġesù Kristu ta eżempju perfett f’dan l-aspett. “Meta kien mgħajjar, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx, imma baqaʼ jafda ruħu f’idejn dak li jiġġudika bil-ġustizzja.” (1 Pt. 2:23) Ma nistgħux nistennew li nkunu ġwejdin daqs Ġesù, imma nistgħu aħna naħdmu biex nitjiebu ħalli nuruha iktar din il-kwalità?
18. (a) It-temperament ġwejjed liema ġid iwettaq? (b) Liema kwalità oħra aħna mħeġġin niġru warajha?
18 Sabiex nimitaw lil Ġesù, jalla ‘nkunu dejjem lesti li niddefendu’ t-twemmin tagħna, u ‘dan nagħmluh bil-ħlewwa u b’rispett profond.’ (1 Pt. 3:15) Iva, jekk ikollna temperament ġwejjed nistgħu nżommu lura milli nħallu differenzi fl-opinjoni jsiru argumenti sħan, kemm maʼ dawk li niltaqgħu magħhom fil-ministeru tagħna u kemm maʼ sħabna fit-twemmin. (2 Tim. 2:24, 25) Jekk inkunu ġwejdin se ngawdu l-paċi. Forsi kien għalhekk li, fit-tieni ittra tiegħu lil Timotju, Pawlu semma l-“paċi” fost il-kwalitajiet li għandna niġru warajhom. (2 Tim. 2:22; qabbel l-1 Timotju 6:11.) Iva, il-“paċi” hija kwalità oħra li l-Iskrittura tħeġġiġna biex niġru warajha.—Salm 34:15 (34:14, NW); Ebr. 12:14.
19. Wara li kkunsidrajna sebaʼ kwalitajiet Kristjani, int wara xiex determinat li tiġri, u għala?
19 Ikkunsidrajna fil-qosor sebaʼ kwalitajiet Kristjani li aħna inkuraġġiti niġru warajhom—is-sewwa, id-devozzjoni lejn Alla, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, it-temperament ġwejjed, u l-paċi. X’barka tkun meta f’kull kongregazzjoni l-aħwa jagħmlu sforz biex juru dawn il-kwalitajiet prezzjużi saħansitra iktar bis-sħiħ! Dan se jonora lil Ġeħova u se jippermettilu jsawwar lil kull wieħed minna għat-tifħir tiegħu.
Punti għall-Meditazzjoni
• X’inhu involut fil-ġiri wara s-sewwa u d-devozzjoni lejn Alla?
• X’se jgħinna niġru wara l-fidi u s-sabar?
• L-imħabba kif għandha teffettwa l-mod kif nittrattaw lil xulxin?
• Għala għandna bżonn niġru wara t-temperament ġwejjed u l-paċi?
[Stampa f’paġna 12]
Ġesù wissa kontra li nuru li aħna ġusti biex nimpressjonaw lill-bnedmin
[Stampa f’paġna 13]
Nistgħu niġru wara l-fidi billi nimmeditaw fuq il-veritajiet tal-Kelma t’Alla
[Stampa f’paġna 15]
Nistgħu niġru wara l-imħabba u t-temperament ġwejjed