Iġru Wara d-Devozzjoni Lejn Alla Bħala Kristjani Mgħammdin
“Madankollu, int, O raġel t’Alla, . . . iġri wara t-tjieba, d-devozzjoni lejn Alla.”—1 TIMOTEW 6:11.
1. Kif twieġeb il-mistoqsija, Liema hi l-iktar ġurnata mportanti taʼ ħajtek? Għala twieġeb hekk?
LIEMA hi l-iktar ġurnata mportanti taʼ ħajtek? Jekk int Xhud imgħammed taʼ Jehovah, bla dubju int se twieġeb, ‘X’taħseb, dak in-nhar li tgħammidt!’ Ċertament, il-magħmudija hija pass importanti f’ħajtek. Hija simbolu fuq barra li int għamilt dedikazzjoni sħiħa u bla riżerva lil Jehovah biex tagħmel ir-rieda tiegħu. Il-magħmudija tiegħek timmarka d-data tal-ħatra tiegħek bħala ministru taʼ Dak Alla l-Iktar Għoli, Jehovah.
2. (a) Kif jistaʼ jintwera b’tixbieha li l-magħmudija mhix l-aħħar pass li int tieħu fil-korsa Kristjana tiegħek? (b) Liema passi preliminarji mportanti ħadt qabel tgħammidt?
2 Hija l-magħmudija, iżda, l-aħħar pass li int tieħu fil-korsa Kristjana tiegħek? ’Il bogħod minn dan! Biex nagħtu tixbieha: F’ħafna artijiet ċeremonja taż-żwieg timmarka t-tmiem taʼ perijodu taʼ pjanar u preparazzjoni (u ġeneralment taʼ għarusija). Fl-istess ħin, timmarka l-bidu taʼ ħajja flimkien bħala koppja miżżewġa. Bl-istess mod, il-magħmudija tiegħek hija l-quċċata taʼ perijodu taʼ preparazzjoni li matulu int ħadt għadd taʼ passi preliminarji mportanti. Int ksibt għarfien dwar Alla u Kristu. (Ġwann 17:3) Int bdejt teżerċita fidi f’Jehovah bħala l-veru Alla, fi Kristu bħala s-Salvatur tiegħek, u fil-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla. (Atti 4:12; 1 Tessalonkin 2:13; Ebrej 11:6) Inti wrejt dik il-fidi billi ndimt mill-korsa taʼ azzjoni taʼ qabel tiegħek u kkonvertejt għal korsa taʼ tjieba. (Atti 3:19) Int imbagħad għamilt deċiżjoni biex tiddedika lilek innifsek lil Jehovah biex tagħmel ir-rieda tiegħu. (Mattew 16:24) Fl-aħħar, int tgħammidt.—Mattew 28:19, 20.
3. (a) Kif nistgħu nuru li l-magħmudija tagħna timmarka l-bidu taʼ ħajja taʼ servizz iddedikat lil Alla? (b) X’mistoqsijiet iqumu, u t-tweġibiet għala għandhom ikunu taʼ nteress għalina?
3 Il-maglimudija tiegħek, iżda, mhix it-tmiem iżda l-bidu taʼ ħajja taʼ servizz sagru ddedikat lil Alla. Kif innota wieħed studjuż Bibliku, il-ħajja Kristjana ma tridx tkun ‘qabża inizjali segwita minn inattività kronika.’ Kif, mela, tistaʼ turi li, fil-każ tiegħek, il-magħmudija ma tirrappreżentax sempliċement ‘qabża inizjali’? Huwa billi ssegwi korsa taʼ devozzjoni lejn Alla matul ħajtek kollha. X’inhi din id-devozzjoni lejn Alla? Għala huwa neċessarju li ssegwiha? Kif tistaʼ tikkultivaha iżjed bis-sħiħ f’ħajtek? It-tweġibiet għandhom ikunu taʼ nteress kbir għalina, għax aħna rridu nkunu persuni identifikati minn “egħmejjel taʼdevozzjoni lejn Alla” jekk irridu nibqgħu ħajjin fil-jum li riesaq taʼ ġudizzju taʼ Jehovah.—2 Pietru 3:11, 12.
It-Tifsir Taʼ Devozzjoni Lejn Alla
4. X’wissa Pawlu lil Timotew biex jagħmel, u x’kien Timotew f’dak iż-żmien?
4 F’xi żmien bejn is-sena 61 u 64 E.K., l-appostlu Pawlu kiteb l-ewwel ittra spirata tiegħu lid-dixxiplu Kristjan Timotew. Wara li ddeskriva l-perikli li tistaʼ twassal għalihom l-imħabba tal-flus, Pawlu kiteb: “Madankollu, int, O raġel t’Alla, aħrab minn dawn l-affarijiet. Iżda iġri wara . . . d-devozzjoni lejn Alla.” (1 Timotew 6:9-11) Taʼ nteress, f’dan iż-żmien Timotew kien forsi għadu kif għalaq it-30. Kien diġà vjaġġa ħafna mal-appostlu Pawlu u kien ingħata l-awtorità biex jaħtar indokraturi u qaddejja ministerjali fil-kongregazzjonijiet. (Atti 16:3; 1 Timotew 5:22) Madankollu, Pawlu wissa lil dan ir-raġel Kristjan iddedikat u mgħammed u matur biex jiġri wara d-devozzjoni lejn Alla.
5. X’inhu t-tifsir tal-espressjoni “devozzjoni lejn Alla”?
5 X’ried ifisser Pawlu bl-espressjoni “devozzjoni lejn Alla”? Il-kelma oriġinali Griega (eu·se’bei·a) tistaʼ tiġi tradotta litteralment bħala “tqim b’mod tajjeb.” Rigward it-tifsir tagħha, naqraw: “Eusebeia tidher kultant f’sens li jissuġġerixxi devozzjoni reliġjuża persunali fl-iskrizzjonijiet kontemporanji . . . iżda t-tifsir iktar ġenerali tagħha fil-Grieg popolari tal-perijodu Ruman kien ‘lejalta.’ . . . Għall-Kristjani eusebeia hija l-ogħla tip taʼ devozzjoni lejn Alla.” (Christian Words, minn Nigel Turner) Għalhekk kif użata fl-Iskrittura, l-espressjoni “devozzjoni lejn Alla” tirreferi għal reverenza jew devozzjoni bil-lejaltà lejn Alla Jehovah personalment.
6. Kristjan kif jagħti evidenza tad-devozzjoni tiegħu lejn Alla?
6 Din id-devozzjoni lejn Alla, iżda, mhix sempliċement sentiment taʼ qima. L-istess bħalma ”fidi mingħajr xogħlijiet hi mejta,” hekk, ukoll, devozzjoni lejn Alla trid issib espressjoni fil-ħajja taʼ dak li jkun. (Ġakbu 2:26) Fi New Testament Words William Barclay kiteb: “Mhix biss [eu·se’bei·a u kliem ieħor marbut magħha] jesprimu dak is-sentiment taʼ biżaʼ u reverenza, iżda huma jimplikaw ukoll qima li tixraq lil dak il-biżaʼ, u ħajja taʼ ubbidjenza attiva li tixraq lil dik ir-reverenza.” Eu·se’bei·a tiġi wkoll definita bħala “li tkun b’mod prattiku konxju dwar Alla f’kull aspett tal-ħajja.” (The Second Epistle General of Peter and the General Epistle of Jude, minn Michael Green) Il-Kristjan, mela, jrid jagħti evidenza tar-rabta persunali tiegħu maʼ Jehovah bil-mod li hu jgħix ħajtu.—1 Timotew 2:2; 2 Pietru 3:11.
Sforz Qawwi Meħtieġ
7. X’ried ifisser Pawlu meta ħeġġeġ lil Timotew, għalkemm kien imgħammed, biex “jiġri wara” d-devozzjoni lejn Alla?
7 Iżda, x’inhu nvolut f’li tiżviluppa u turi devozzjoni lejn Alla? Hija sempliċement kwistjoni taʼ li titgħammed? Ftakar li Timotew, għalkemm imgħammed, ġie mheġġeġ biex ‘jiġri warajha’ [litteralment,‘kun int tiġri warajha’].a (1 Timotew 6:11, Kingdom Interlinear) Ovvjament, Pawlu ma kienx qed jissuġġerixxi li d-dixxiplu Timotew kien nieqes mid-devozzjoni lejn Alla. Minflok, hu kien qed jimpressjona fuqu l-bżonn li jibqaʼ jiġri warajha b’ħeġġa u żelu. (Qabbel Filippin 3:14.) B’mod ċar, dan kellu jkun segwit tul ħajtu kollha. Timotew, bħall-Kristjani mgħammdin kollha, setaʼ jkompli jagħmel progress f’li juri devozzjoni lejn Alla.
8. Pietru kif wera li sforz qawwi hu meħtieġ biex Kristjan iddedikat u mgħammed jiġri wara d-devozzjoni lejn Alla?
8 Sforz qawwi hu meħtieġ għal Kristjan iddedikat u mgħammed biex jiġri wara d-devozzjoni lejn Alla. Meta kiteb lill-Kristjani mgħammdin li kellhom il-prospett li ‘jsiru mseħbin f’natura divina,’ l-appostlu Pietru qal: “Iva, għal dir-raġuni stess, billi tikkontribwixxu bi tweġiba l-isforz ħerqan kollu tagħkom, ipprovdu lill-fidi tagħkom il-virtù, lill-virtù tagħkom il-għarfien, lill-għarfien tagħkom ir-rażna, lir-rażna tagħkom is-sabar, lis-sabar tagħkom devozzjoni lejn Alla.” (2 Pietru 1:4-6) Ovvjament, ammont taʼ fidi hu meħtieġ sabiex nippreżentaw lilna nfusna għall-magħmudija. Madankollu, wara l-magħmudija ma nistgħux immajnaw, billi nikkuntentaw lilna nfusna b’sempliċi Kristjanità tal-isem. Minflok, hekk kif nagħmlu progress fil-għixien Kristjan, hemm bżonn li nibqgħu niżviluppaw kwalitajiet oħra mill-aħjar, inkluża d-devozzjoni lejn Alla, li tistaʼ tiġi provduta lill-fidi tagħna. Dan, igħid Pietru, jitlob sforz ħerqan min-naħa tagħna.
9. (a) Il-kelma Griega għal “ipprovdu” kif turi l-ammont taʼ sforz meħtieġ biex niżviluppaw devozzjoni lejn Alla? (b) Pietru x’qed iħeġġiġna biex nagħmlu?
9 Il-kelma Griega li juża Pietru għal “ipprovdu” (e·pi·kho·re·ge’o) għandha sfond interessanti u turi l-ammont taʼ sforz meħtieġ. Hija ġejja minn nom (kho·re·gos’) li litteralment ifisser “il-mexxej taʼ kor.” Tirreferi għal xi ħadd li kien iħallas l-ispejjeż kollha biex iħarreġ u jżomm kor biex itellaʼ reċta fuq palk. Dawn l-irġiel daħlu għal din ir-responsabbiltà minn jeddhom sforz l-imħabba għall-belt tagħhom u ħallsu l-ispejjeż minn bwiethom stess. Dawn l-irġiel kienu kburin li jonfqu bil-ħala biex jipprovdu kulma kien meħtieġ għal wirja nobbli. Il-kelma żviluppat biex tfisser “li tipprovdi, tforni bl-abbundanza.” (Qabbel 2 Pietru 1:11.) Għalhekk Pietru jħeġġiġna biex nipprovdu lilna nfusna, mhux biss b’ammont taʼ devozzjoni lejn Alla, iżda bl-iktar espressjoni possibbli taʼ din il-kwalità prezzjuża.
10, 11. (a) Għala huwa meħtieġ l-isforz biex nikkultivaw u nuru devozzjoni lejn Alla? (b) Kif nistgħu nirbħu t-taqtigħa?
10 Għala, iżda, huwa meħtieġ daqstant sforz biex tikkultiva u turi devozzjoni lejn Alla? L-ewwelnett, hemm it-taqtigħa kontra l-laħam imwaqqaʼ. Ladarba “il-ġibda taʼ qalb il-bniedem hi ħażina minn żogħżitu ’l fuq,” mhux faċli li ssegwi ħajja taʼ ubbidjenza attiva lejn Alla. (Ġenesi 8:21; Rumani 7:2l-23) “Dawk kollha li jixtiequ jgħixu bid-devozzjoni lejn Alla f’għaqda maʼ Kristu Ġesù se jkunu wkoll ippersegwitati,” jgħid l-appostlu Pawlu. (2 Timotew 3:12) Iva, l-Kristjan li jipprova jgħix b’mod li jogħġob lil Alla jrid ikun differenti mid-dinja. Hu għandu sett differenti taʼ livelli u miri differenti. Bħalma wissa Ġesù, dan iqajjem il-mibgħeda tad-dinja ħażina.—Ġwann 15:19; 1 Pietru 4:4.
11 Madankollu, nistgħu nirbħu t-taqtigħa, għax “Jehovah jaf kif jeħles lil nies taʼ devozzjoni lejn Alla ’l barra mit-tiġrib.” (2 Pietru 2:9) Aħna, iżda, irridu nagħmlu l-parti tagħna billi nkomplu niġru wara d-devozzjoni lejn Alla.
Nikkultivaw id-Devozzjoni Lejn Alla
12. Pietru kif jindika x’inhu meħtieġ biex niżviluppaw devozzjoni lejn Alla f’ammont iktar bis-sħiħ?
12 Kif, mela, tistaʼ int tikkultiva din id-devozzjoni lejn Alla f’ammont iktar bis-sħiħ? L-appostlu Pietru jipprovdi ideja. Fit-2 Pietru 1:5, 6, meta jagħti lista tal-kwalitajiet li jridu jiġu provduti lill-fidi tagħna, hu jpoġġi l-għarfien qabel id-devozzjoni lejn Alla. Iżjed kmieni fl-istess kapitlu, hu kiteb: “Is-setgħa divina tiegħu tatna b’xejn l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja u d-devozzjoni lejn Alla, permezz tal-għarfien eżatt taʼ dak li sejħilna.” (2 Pietru 1:3) Pietru b’hekk jassoċja d-devozzjoni lejn Alla mal-għarfien eżatt dwar Jehovah.
13. Għarfien eżatt għala huwa essenzjali f’li niżviluppaw devozzjoni lejn Alla?
13 Fil-fatt, mingħajr għarfien eżatt huwa mpossibbli li tikkultiva devozzjoni lejn Alla. Għala? Sewwa, ftakar li devozzjoni lejn Alla hi lejn Jehovah personalment u tiġi murija bil-mod li aħna ngħixu l-ħajjiet tagħna. Għarfien eżatt dwar Jehovah hu b’hekk essenzjali, ladarba jinvolvi li ssir tafu personalment, b’mod intimu, billi ssir familjari għalkollox mal-kwalitajiet u l-mogħdijiet tiegħu. Iktar minn hekk, jinvolvi li nħabirku biex nimitawh. (Efesin 5:1) Iktar ma nipprogressaw f’li nitgħallmu dwar Jehovah u f’li nirriflettu l-mogħdijiet u l-kwalitajiet tiegħu fil-ħajjiet tagħna, iktar se nsiru nafuh aħjar. (2 Korintin 3:18; qabbel 1 Ġwann 2:3-6.) Dan, b’hekk, iwassal għal apprezzament akbar għall-kwalitajiet prezzjużi taʼ Jehovah, ammont iktar bis-sħiħ taʼ devozzjoni lejn Alla.
14. Biex niksbu għarfien eżatt, x’għandu jinkludi l-programm tagħna taʼ studju persunali, u għala?
14 Kif tikseb dan il-għarfien eżatt? M’hemmx xi mod eħfef. Biex niksbu għarfien eżatt, irridu nħabirku f’li nistudjaw il-Kelma t’Alla u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja. Studju persunali bħal dan għandu jinkludi programm regulari taʼ qari tal-Bibbja, bħalma jiġi nkluż f’konnessjoni mal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. (Salm 1:2) Ladarba l-Bibbja hija rigal mingħand Jehovah, dak li nagħmlu f’għamla taʼ studju persunali tal-Bibbja jirrifletti kemm napprezzaw dak ir-rigal. Id-drawwiet taʼ studju persunali tiegħek x’jirriflettu dwar il-kobor tal-apprezzament tiegħek għall-provvedimenti spiritwali taʼ Jehovah?—Salm 119:97.
15, 16. (a) X’jistaʼ jgħinna biex niżviluppaw aptit spiritwali għal studju persunali tal-Bibbja? (b) Biex studju persunali tal-Bibbja jwassal f’li niżviluppaw devozzjoni lejn Alla, x’għandu jsir meta naqraw porzjon mill-Kelma t’Alla?
15 Huwa veru li l-qari u l-istudju m’humiex faċli għal xi wħud. Iżda biż-żmien u l-isforz, int tistaʼ tiżviluppa aptit spiritwali għal studju persunali tal-Bibbja. (1 Pietru 2:2) Meta tirrifletti b’apprezzament fuq dak kollu li Alla Jehovah għamel, qed jagħmel, u għad irid jagħmel għalik, qalbek se tqanqlek biex titgħallem kulma tistaʼ dwaru.—Salm 25:4.
16 Iżda biex dan l-istudju persunali tal-Bibbja jwassal f’li int tiżviluppa devozzjoni lejn Alla, l-oġġettiv tiegħek m’għandux ikun sempliċement li tgħaddi paġni taʼ materjal jew li timla moħħok bl-informazzjoni. Minflok, meta taqra porzjon mill-Kelma t’Alla, trid tieħu l-ħin biex tirrifletti fuq il-materjal, billi tistaqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħalma huma: ‘X’igħallmuni dwar il-kwalitajiet teneri u l-mogħdijiet taʼ Jehovah? Kif nistaʼ nkun iktar bħal Jehovah f’dawn l-aspetti?’
17. (a) X’nitgħallmu dwar il-ħniena taʼ Jehovah mill-ktieb taʼ Ħosegħa? (b) Li nirriflettu fuq il-ħniena taʼ Jehovah kif għandu jeffettwana?
17 Ikkunsidra eżempji. Xi ftit żmien ilu l-qari tal-Bibbja li kien imissna fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku ħadna fil-ktieb taʼ Ħosegħa. Wara li tlesti taqra dan il-ktieb Bibliku, tistaʼ tistaqsi lilek innifsek: ‘X’nitgħallem dwar Jehovah bħala Persuna—il-kwalitajiet tiegħu u l-mogħdijiet tiegħu— minn dan il-ktieb?’ Il-mod li jiġi wżat minn kittieba Bibliċi iktar tard jindika li nitgħallmu ħafna dwar il-ħniena tenera taʼ Jehovah mill-ktieb taʼ Ħosegħa. (Qabbel Mattew 9:13 maʼ Ħosegħa 6:6; Rumani 9:22-26 maʼ Ħosegħa 1:10 u 2:2l-23.) Il-ħeġġa taʼ Jehovah li juri ħniena maʼ Iżrael ġiet murija bil-mod li Ħosegħa tratta maʼ martu, Gomer. (Ħosegħa 1:2; 3:l-5) Għalkemm it-tixrid tad-demm, is-serq, iż-żina, u l-idolatrija kienu kotrana f’Iżrael, Jehovah ‘kellem lil qalb Iżrael.’ (Ħosegħa 2:13, 14; 4:2) Jehovah ma kienx obligat li juri ħniena bħal din, iżda kien se jagħmel dan ‘minn jeddu,’ dment li l-Iżraeliti wrew indiema mill-qalb u daru mill-korsa midinba tagħhom. (Ħosegħa 14:4; qabbel Ħosegħa 3:3.) Hekk kif tirrifletti b’dan il-mod fuq il-ħniena straordinarja taʼ Jehovah, qalbek se titqanqal, u b’hekk issaħħaħ ir-rabta persunali tiegħek miegħu.
18. Wara li tirrifletti fuq il-ħniena taʼ Jehovah kif enfasizzata f’Ħosegħa, x’tistaʼ tistaqsi lilek innifsek?
18 Iżjed, però, huwa meħtieġ. “Henjin huma dawk li mimlijin ħniena, ladarba jintwerew il-ħniena,” qal Ġesù. (Mattew 5:7) Għalhekk, wara li tirrifletti fuq il-ħniena taʼ Jehovah kif enfasizzata fil-ktieb taʼ Ħosegħa, staqsi lilek innifsek: ‘Kif nistaʼ b’mod aħjar nimita l-ħniena taʼ Jehovah fil-mod kif nitratta maʼ oħrajn? Jekk ħu jew oħt li dinbu kontrija jew offendewni jitlobni maħfra, naħfer jien “bil-ferħ”?’ (Rumani 12:8; Efesin 4:32) Jekk taqdi fil-kongregazzjoni bħala anzjan maħtur, tistaʼ tistaqsi lilek innifsek: ‘Meta nitratta każi ġudizzjarji, kif nistaʼ nimita aħjar lil Jehovah, li dejjem “lest li jaħfer,” b’mod partikulari meta wieħed li jkun għamel il-ħażen jagħti evidenza ġenwina taʼ ndiema mill-qalb?’ (Salm 86:5; Proverbji 28:13)‘X’għandi nfittex bħala bażi biex nestendi l-ħniena?’—Qabbel Ħosegħa 5:4 u 7:14.
19, 20. (a) X’jirriżulta meta l-istudju tal-Bibbja jsir bir-reqqa? (b) Liema hi għajnuna oħra f’li nikkultivaw devozzjoni lejn Alla, u x’se jiddiskuti l-artiklu li jmiss?
19 Kemm isir premjanti l-istudju persunali tiegħek tal-Bibbja meta jsir b’manjiera daqstant bir-reqqa! Qalbek tfur b’apprezzament għall-kwalitajiet prezzjużi taʼ Jehovah. U billi kontinwament tħabrek biex timita dawn il-kwalitajiet f’ħajtek, int se ssaħħaħ ir-rabta persunali tiegħek miegħu. Int b’hekk tkun qed tiġri wara d-devozzjoni lejn Alla bħala qaddej iddedikat u mgħammed taʼ Jehovah.—1 Timotew 6:11.
20 Għajnuna oħra f’li nikkultivaw din il-kwalità prezzjuża tistaʼ tinsab f’Ġesù Kristu—l-eżempju perfett taʼ devozzjoni lejn Alla. Billi ssegwi l-eżempju taʼ Ġesù kif se jgħinek f’li tikkultiva kif ukoll f’li turi devozzjoni lejn Alla? L-artiklu li jmiss se jiddiskuti dan u mistoqsijiet marbutin miegħu.
[Nota taʼ taħt]
a Rigward il-kelma Griega di·o’ko (“tiġri wara”), The New International Dictionary of New Testament Theology jispjega li f’kitbiet klassiċi il-kelma “tfisser litteralment tnaffar, issegwi, tiġri wara, . . . u b’mod figurattiv li ssegwi xi ħaġa b’mod żeluż, tipprova takkwista xi ħaġa, tipprova tikseb.”
Kif Se Twieġeb?
◻ Il-magħmudija għala mhix l-aħħar pass li tieħu fil-korsa Kristjana tiegħek?
◻ X’inhu t-tifsir taʼ “devozzjoni lejn Alla,” u kif tagħti evidenza tagħha?
◻ Għala hu meħieġ sforz qawwi biex tiżviluppa devozzjoni lejn Alla?
◻ Kif tistaʼ tikkultiva d-devozzjoni lejn Alla f’ammont iktar bis-sħiħ?