LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 2/1 pp. 28-31
  • Int Tistaʼ Tkampa maʼ l-Inċertezza

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Tistaʼ Tkampa maʼ l-Inċertezza
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Raġuni għall-​Inċertezza
  • ‘Ikollna l-​Assiguranza Sħiħa tat-​Tama’
  • Barkiet Issa Minħabba Sigurtà Spiritwali
  • Afda f’Ġeħova Hekk Kif Joqrob it-Tmiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Sigurtà Vera—Issa u Għal Dejjem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Insibu t-Tama f’Dinja Mimlija Inkwiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Jehovah, ‘il-Kenn Tagħna fi Żmien l-Għawġ’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 2/1 pp. 28-31

Int Tistaʼ Tkampa maʼ l-​Inċertezza

“ĊERTAMENT!” “Dażgur!” “Bil-​garanzija!” Int bla dubju smajt espressjonijiet bħal dawn bosta drabi. Madankollu, fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum ma tantx hemm affarijiet li nistgħu nkunu żguri minnhom. Il-​ħajja tant hi imprevedibbli li spiss nitħassbu jekk hemmx xi ħaġa li nistgħu nkunu assolutament ċerti minnha. Id-​dubju u l-​inċertezza donnhom saru parti mill-​ħajja.

Nistgħu nifhmu għala l-​maġġuranza tan-​nies jixxennqu għas-​sigurtà u l-​ferħ għalihom infushom u għall-​familji tagħhom. Huma jaħdmu verament iebes biex jakkwistaw l-​affarijiet li jemmnu li se jġibulhom il-​ferħ u s-​sigurtà—ġeneralment il-​flus u l-​affarijiet materjali. Madankollu, xi terremoti, uragani, aċċidenti, jew xi atti kriminali vjolenti jistgħu jeqirdu dawn l-​affarijiet f’daqqa waħda. Mard serju, divorzju, jew nuqqas taʼ xogħol jistaʼ jbiddel il-​ħajjiet mil-​lejl għan-​nhar. Veru, dawn l-​affarijiet forsi ma jiġrux lilek. Madankollu, il-​fatt li tkun taf li xi ħaġa terribbli tistaʼ tiġri ħabta u sabta jistaʼ jġagħlek tħossok inkwetat u mnikket. Imma dan mhux kollox.

Il-kelma inċertezza hija sinonima mal-​kelma dubju, u dizzjunarju wieħed jispjega l-​kelma “dubju” bħala li hi “inċertezza fit-​twemmin jew opinjoni li spiss ifixkel lil dak li jkun milli jieħu deċiżjoni.” Iktar minn hekk, skond il-​ktieb Managing Your Mind, “l-​inċertezza minn xi ħaġa importanti hija kaġun ewlieni għall-​ansjetà u l-​inkwiet.” Dubji li ma jiġux solvuti jistgħu jwasslu għall-​ansjetà, il-​frustrazzjoni, u r-​rabja. Iva, li tinkwieta dwar dak li forsi jiġri jew ma jiġrix jistaʼ jagħmel ħsara lis-​saħħa mentali u fiżika tagħna.

Bħala riżultat, xi nies imorru fl-​estrem l-​ieħor. Dawn jaħsbuha kif jaħsibha żagħżugħ Brażiljan li qal: “Għala toqgħod tinkwieta dwar dak li se jiġri? Illum huwa llum, u għada huwa għada.” Attitudni taʼ rassenjazzjoni bħalma hi dik taʼ “[ejja] nieklu u nixorbu” tistaʼ twassal biss għal diżappunt, niket, u fl-​aħħar għall-​mewt. (1 Korintin 15:32) Ikun ħafna aħjar għalina jekk nersqu lejn il-​Ħallieq, Alla Jehovah, li miegħu “ma hemm ebda tibdil u anqas dell taʼ tidwir,” tgħid il-​Bibbja. (Ġakbu 1:17) Jekk neżaminaw il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, aħna se nsibu parir u gwida taʼ min joqgħod fuqhom dwar kif inkampaw maʼ l-​inċertezzi tal-​ħajja. Jistaʼ jgħinna wkoll nifhmu għala hawn tant inċertezzi.

Raġuni għall-​Inċertezza

L-​Iskrittura tipprovdi ħarsa realistika tal-​ħajja u tgħinna nikkultivaw l-​attitudni xierqa lejn l-​inċertezza u l-​bidla. Għalkemm ir-​relazzjonijiet tal-​familja, il-​pożizzjoni soċjali, l-​intelliġenza, is-​saħħa tajba, u affarijiet bħal dawn jistgħu jipprovdu ammont taʼ sigurtà, il-​Bibbja turina li ma nistgħux nassumu li dawn l-​affarijiet mhux se jinbidlu jew nistennew li ngħixu ħajja “protetta.” Is-​Sultan għaref Salamun qal: “Ma tintrebaħx mill-​ħfief it-​tiġrija, lanqas mill-​felħana t-​taqbida. M’huwiex taʼ l-​għorrief il-​ħobż jew taʼ min jifhem il-​ġid; lanqas taʼ min jinqalaʼ s-​suċċess.” Għala le? Għax “f’kollox jidħol iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi.” B’hekk, Salamun wissa: “Bħall-​ħut li jidħol f’xibka qarrieqa, bħat-​tajr li jinqabad fix-​xbiek, hekk jinqabdu l-​bnedmin minn siegħa ħażina xħin tiġi fuqhom għal għarrieda.”—Koħèlet 9:11, 12.

Ġesù Kristu tkellem ukoll dwar żmien t’ansjetà u inċertezza estrema li kienet se tiġi fuq ġenerazzjoni sħiħa taʼ nies. B’mod ċar, hu qal: “U jkun hemm sinjali fix-​xemx u l-​qamar u l-​kwiekeb. Il-​ġnus fuq l-​art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-​ħsejjes tal-​baħar u taʼ l-​imwieġ; in-​nies ruħhom ħierġa bil-​biżaʼ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-​dinja, għax il-​qawwiet tas-​smewwiet jitqallbu.” Madankollu, Ġesù pponta lejn xi ħaġa pożittiva għan-​nies taʼ qalb onesta llum: “Meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-​Saltna taʼ Alla hi fil-​qrib.” (Luqa 21:25, 26, 31) B’mod simili, minflok ma nibżgħu minn futur inċert, aħna għandna fidi f’Alla li tgħinna biex ma niffokawx fuq l-​inċertezza imma naraw il-​futur taʼ l-​għaġeb mimli sigurtà.

‘Ikollna l-​Assiguranza Sħiħa tat-​Tama’

Għalkemm ma nistgħux inkunu ċerti minn dak kollu li nisimgħu, naqraw, jew naraw, għandna raġuni soda għalxiex nafdaw fil-​Ħallieq. Hu mhux biss hu l-​Wieħed Suprem imma wkoll Missier kollu mħabba li jieħu ħsieb it-​tfal tiegħu fuq l-​art. Dwar il-​kelma tiegħu stess, Alla qal: “Ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11.

Ġesù Kristu għallem il-​verità mingħand Alla, u ħafna li semgħuh aċċettawha b’konvinzjoni u ċertezza. Per eżempju, grupp taʼ Samaritani taʼ qalb onesta qalu lill-​mara li kienet semgħet lil Ġesù qabilhom: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew [jew ċertament] hu s-​salvatur tad-​dinja.” (Ġwanni 4:42) L-​istess illum, minkejja li ngħixu fi żminijiet taʼ nuqqas taʼ sigurtà, aħna m’għandniex għalfejn inkunu inċerti minn dak li nemmnu.

Rigward it-​twemmin reliġjuż, ħafna jaħsbu li minflok ma noqogħdu nipprovaw nifhmu, għandna sempliċement nemmnu. Madankollu, il-​kittieb Bibliku Luqa ma kienx taʼ l-​istess opinjoni. Hu għamel ir-​riċerka u pprovda informazzjoni eżatta sabiex oħrajn ikunu jistgħu jagħrfu “sewwa l-​verità [“iċ-​ċertezza,” NW] sħiħa dwar kull ma” kiteb. (Luqa 1:4) Ladarba tal-​familja u l-​ħbieb li m’għandhomx l-​istess twemmin bħalna jistgħu forsi jibżgħu li aħna se nispiċċaw delużi u diżappuntati, huwa importanti li nkunu kapaċi niddefendu l-​fidi tagħna. (1 Pietru 3:15, 16b [3:15, NW]) Huwa biss billi nkunu nafu b’eżattezza r-​raġuni għal dak li nemmnu li nistgħu ngħinu lil oħrajn jafdaw f’Alla. Il-​Bibbja tiddeskrivi lil Jehovah b’dan il-​kliem: “Il-​Blata tagħna; perfett għemilu; u lkoll ġusti t-​triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.”—Dewteronomju 32:4.

Ikkunsidra l-​aħħar stqarrija: “Kollu ħaqq u kollu sewwa.” Liema evidenza għandna biex inkunu ċerti minn dan? L-​appostlu Pietru kien konvint mija fil-​mija dwar dan il-​fatt. Hu qal lil wieħed uffiċjal Ruman u lil dawk kollha f’daru: “Issa tassew [“ċertament,” NW] qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35) Pietru qal dan il-​kliem għaliex kien għadu kif ra kif l-​id stess t’Alla dderiġiet l-​affarijiet sabiex il-​membri taʼ familja mill-​Ġentili, li qabel kienu kunsidrati bħala mhux nodfa u mhux aċċettabbli, saru aċċettabbli Għalih. Bħal Pietru, aħna wkoll nistgħu nkunu konvinti dwar l-​imparzjalità u l-​ġustizzja t’Alla meta naraw b’għajnejna stess “kotra kbira” taʼ nies—iktar minn sitt miljuni—minn iktar minn 230 pajjiż madwar id-​dinja li abbandunaw il-​mod taʼ ħajja li kellhom qabel u qed jimxu fil-​mogħdija tas-​sewwa.—Apokalissi 7:9; Isaija 2:2-4.

Bħala Kristjani veri, aħna ma rridux inkunu fanatiċi jew dommatiċi, imma umlin u raġunevoli. Madankollu, m’aħniex inċerti minn dak li nemmnu u dak li nistennew fil-​futur. Lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu, l-​appostlu Pawlu kitbilhom: “Imma aħna nixtiequ li kull wieħed minnkom juri l-​istess bżulija sabiex ikollu fiduċja sħiħa fit-​tama sat-​tmiem.” (Lhud 6:11, NW) Bl-​istess mod, l-​aħbar tajba mill-​Bibbja tatna “fiduċja sħiħa fit-​tama.” Dik it-​tama, ibbażata fis-​sod fuq il-​Kelma t’Alla, kif kompla jispjega tajjeb Pawlu, “ma tqarraqx bina.”—Rumani 5:5.

Iktar minn hekk, aħna konvinti bis-​sħiħ li t-​tagħlim li ngħallmu lill-​oħrajn dwar l-​aħbar tajba mill-​Bibbja jistaʼ jġibilhom sigurtà u ċertezza spiritwali, u saħansitra emozzjonali, u fiżika. Aħna nistgħu ningħaqdu maʼ Pawlu u ngħidu: “L-​Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-​kliem, imma wkoll bil-​qawwa, bl-​Ispirtu s-​Santu u b’persważjoni sħiħa.”—1 Tessalonikin 1:5.

Barkiet Issa Minħabba Sigurtà Spiritwali

Għalkemm ma nistgħux nistennew sigurtà kompleta fil-​ħajja taʼ llum, hemm affarijiet li nistgħu nagħmlu u li se jgħinuna ngħixu ħajja relattivament stabbli u sigura. Per eżempju, sħubija regulari mal-​kongregazzjoni Kristjana fil-​laqgħat tikkontribwixxi għall-​istabbilità għaliex hemmhekk niġu mgħallmin prinċipji u valuri tajbin u f’lokhom. Pawlu kiteb: “Lil dawk li huma għonja bil-​ġid taʼ din l-​art widdibhom biex ma jitkabbrux u ma jqegħdux it-​tama tagħhom f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma li għandhom jittamaw f’Alla li jagħtina kollox bix-​xabaʼ biex ingawdu bih.” (1 Timotju 6:17) Peress li tgħallmu jitfgħu l-​fiduċja tagħhom f’Jehovah u mhux f’affarijiet jew pjaċiri materjali li jgħaddu malajr, ħafna wħud kienu kapaċi jeħilsu mill-​ansjetajiet u l-​frustrazzjonijiet li kellhom iġarrbu qabel.—Mattew 6:19-21.

Fil-kongregazzjoni, ingawdu wkoll fratellanza magħquda, li tipprovdi għajnuna u appoġġ b’diversi modi. Darba minnhom, fil-​ministeru tiegħu l-​appostlu Pawlu u dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu ħassewhom “magħfusin iżżejjed” u kienu ‘qatgħu jieshom minn ħajjithom.’ Pawlu fejn sab appoġġ u serħan? M’għandniex xi ngħidu, il-​fiduċja tiegħu f’Alla qatt ma naqset. Minkejja dan, hu ġie inkuraġġit u mfarraġ minn Kristjani sħabu li għenuh. (2 Korintin 1:8, 9; 7: 5-7) Illum, meta jseħħu xi diżastri naturali u diżgrazzji oħra, darba wara l-​oħra ħutna l-​Kristjani jkunu minn taʼ l-​ewwel li jaslu biex jagħtu l-​għajnuna meħtieġa, sew materjali u sew spiritwali, lill-​Kristjani sħabhom kif ukoll lil oħrajn fil-​bżonn.

Aspett ieħor li jistaʼ jkun t’għajnuna biex tkampa maʼ l-​inċertezzi tal-​ħajja huwa t-​talb. Aħna dejjem nistgħu nersqu lejn Missierna tas-​sema kollu mħabba meta nkunu taħt pressjoni mhux mistennija. “Ikun il-​Mulej kenn għal min hu mgħakkes, kenn għalih fi żmien id-​dwejjaq.” (Salm 9:10 [9:9, NW]) Ġenituri umani forsi jonqsu li jipproteġu lil uliedhom. Madankollu, Alla hu lest biex jgħinna nkampaw mal-​biżaʼ u s-​sentimenti taʼ inċertezza. Jekk nitfgħu l-​ansjetà tagħna fuq Jehovah bit-​talb, aħna nistgħu nkunu żguri li hu jistaʼ “jagħmel kollox bil-​wisq iżjed milli aħna nistgħu nitolbu jew naħsbu.”—Efesin 3:20.

Tersaq int regolarment lejn Alla bit-​talb? Konvint int li t-​talb tiegħek qed jinstemaʼ minn Alla? “Ommi qaltli li għandi nitlob lil Alla,” qalet waħda tifla żgħira f’São Paulo. “Imma jien staqsejt lili nnifsi: ‘Għala nitlob lil xi ħadd li ma nafux?’ Madankollu, Proverbji 18:10 għenni nifhem li għandna bżonn l-​għajnuna t’Alla u għandna nitkellmu miegħu bit-​talb.” Din l-​iskrittura tgħid: “Isem il-​Mulej hu torri qawwi; fih jistkenn il-​ġust b’moħħu mistrieħ.” Fil-​fatt, kif nistgħu niżviluppaw il-​fiduċja f’Jehovah jekk ma niħduhiex drawwa li nitkellmu miegħu? Sabiex ingawdu l-​barkiet taʼ sigurtà spiritwali, aħna rridu nagħmlu t-​talb mill-​qalb drawwa taʼ kuljum. Ġesù qal: “Ishru, mela, u itolbu l-​ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-​bniedem.”—Luqa 21:36.

Xi ħaġa oħra li nistgħu nkunu ċerti minnha hija t-​tama tagħna fis-​Saltna t’Alla. Innota l-​kliem f’Danjel 2:44: “Alla tas-​sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-​ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Dik it-​tama hija solida u hi xi ħaġa li nistgħu nkunu ċerti minnha. Il-​wegħdi tal-​bnedmin spiss jispiċċaw fix-​xejn, imma aħna dejjem nistgħu nafdaw fil-​Kelma taʼ Jehovah. Alla m’huwiex xi ħadd li ma tistax tafda fih, anzi hu bħal blata li nistgħu nafdaw. Aħna nistgħu nħossuna bħal David, li qal: “Alla tiegħi, sur [“blata,” Saydon] tal-​kenn tiegħi u tarka tiegħi; qawwa tas-​salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi! Ħellies tiegħi, mill-​vjolenza jeħlisni.”—2 Samwel 22:3.

Il-ktieb li semmejna qabel Managing Your Mind ikompli jgħid: “Iktar ma individwu jaħseb dwar l-​affarijiet ħżiena li jistgħu jiġru, iktar jidhru reali għalih, u iktar ikun diffiċli biex jara kif jistaʼ jkampa magħhom.” Mela, allura, għala nħallu lilna nfusna niġu mtaqqlin mill-​ansjetajiet u d-​dubji tad-​dinja? Minflok, afda fiċ-​ċertezzi li Alla jipprovdi u mhux fl-​inċertezzi taʼ din id-​dinja. Jekk ikollna fidi soda fil-​wegħdi ċerti taʼ Jehovah, għandna din l-​assiguranza: “Kulmin ipoġġi l-​fidi tiegħu fih ma jkunx diżappuntat.”—Rumani 10:11, NW.

[Kumment f’paġna 29]

Il-​Kelma t’Alla tiggarantixxi barkiet futuri għall-​umanità

[Kumment f’paġna 30]

“Kulmin ipoġġi l-​fidi tiegħu fih ma jkunx diżappuntat”

[Stampa f’paġna 31]

L-​aħbar tajba tas-​Saltna ġġib sigurtà lin-​nies

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja