Ibqgħu Aqdu Spalla maʼ Spalla
“Se nagħti lill-popli l-bidla għal lingwa pura, sabiex ilkoll isejħu isem Jehovah, sabiex jaqduh spalla maʼ spalla.”—Sofonija 3:9, NW.
1. X’qed jiġri bi twettiq taʼ Sofonija 3:9, NW?
ILLUM hawn madwar 6,000 lingwa mitkellma fid-dinja kollha. Minbarra dawn jeżistu diversi djaletti, jew forom diversi taʼ lingwi lokali. Madankollu, minkejja li n-nies jitkellmu b’ilsna li huma differenti minn xulxin daqskemm huma l-Aramajk u ż-Żulu, Alla għamel xi ħaġa li hija verament taʼ l-għaġeb. Hu għamilha possibbli li l-bnedmin, jgħixu fejn jgħixu, jitgħallmu l-unika lingwa pura u jitkellmuha. Dan qed iseħħ bi twettiq tal-wegħda li ngħatat permezz tal-profeta Sofonija: “[Jien, Alla Jehovah] se nagħti lill-popli l-bidla għal lingwa pura [letteralment, “xofftejn safja,” Saydon], sabiex ilkoll isejħu isem Jehovah, sabiex jaqduh spalla maʼ spalla.”—Sofonija 3:9, NW.
2. X’inhi l-“lingwa pura,” u din x’għamlet possibbli?
2 Il-“lingwa pura” hija l-verità t’Alla kif misjuba fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. B’mod speċjali, din hi l-verità dwar is-Saltna t’Alla, li se tqaddes l-isem taʼ Jehovah, tivvindika s-sovranità tiegħu, u ġġib barkiet lill-umanità. (Mattew 6:9, 10) Bħala l-unika lingwa nadifa spiritwalment fid-dinja, il-lingwa pura hi mitkellma min-nies taʼ kull ġens u razza. Permezz tagħha huma jistgħu jaqdu lil Jehovah “spalla maʼ spalla.” B’hekk, huma jaqduh magħqudin flimkien, jew “għalenija.”—Saydon.
M’Hemmx Lok għall-Parzjalità
3. X’inhu li jagħmilhielna possibbli biex naqdu lil Jehovah magħqudin?
3 Bħala Kristjani, aħna grati għall-kooperazzjoni li teżisti bejnietna minkejja li nitkellmu b’lingwi differenti. Għalkemm nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna b’ħafna lingwi, qed naqdu lil Alla magħqudin. (Salm 133:1) Dan hu possibbli għaliex, ngħixu fejn ngħixu fid-dinja, nitkellmu l-unika lingwa pura biex infaħħru lil Jehovah.
4. Għala m’għandu jkun hemm l-ebda parzjalità fost in-nies t’Alla?
4 M’għandu jkun hemm l-ebda parzjalità fost in-nies t’Alla. L-appostlu Pietru għamel dan ċar meta kien qed jippriedka fid-dar taʼ wieħed mill-Ġentili jismu Kornelju, li kien uffiċjal taʼ l-armata, fis-sena 36 E.K. Pietru tqanqal biex jgħid: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35) Ladarba dan huwa minnu, fil-kongregazzjoni Kristjana m’hemmx lok għal parzjalità, klikek, jew favoritiżmu.
5. Għala huwa ħażin li tinkuraġġixxi l-klikek fil-kongregazzjoni?
5 Waħda studenta taʼ l-Università qalet hekk dwar iż-żjara li għamlet fis-Sala tas-Saltna: “Is-soltu, il-knejjes jiġbdu lejhom il-membri taʼ ċertu razza jew grupp etniku. . . . Ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu lkoll bil-qiegħda flimkien u mhux fi klikek.” Madankollu, xi membri tal-kongregazzjoni f’Korintu tal-qedem kienu qed joħolqu l-firdiet. Bit-tilwim li kienu qed jaqilgħu, huma kienu qed jiħduha kontra l-ħidma taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla, għax dan l-ispirtu jinkuraġġixxi l-għaqda u l-paċi. (Galatin 5:22) Li kieku kellna ninkuraġġixxu l-klikek fil-kongregazzjoni, inkunu qed naħdmu kontra d-direzzjoni taʼ l-ispirtu. Għalhekk, ejja nżommu f’moħħna l-kliem li l-appostlu Pawlu qal lill-Korintin: “Nitlobkom, ħuti f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda.” (1 Korintin 1:10) Pawlu reġaʼ enfasizza l-għaqda fl-ittra tiegħu lill-Efesin.—Efesin 4:1-6, 16.
6, 7. Ġakbu liema parir ta dwar il-favoritiżmu, u kliemu kif japplika?
6 L-imparzjalità minn dejjem kienet ħtieġa għall-Kristjani. (Rumani 2:11) Minħabba li fil-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu kien hemm xi wħud li kienu qed juru l-favoritiżmu maʼ individwi għonja, id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ħuti, tħalltux il-fidi f’Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna tal-glorja, mal-ħarsien lejn l-uċuħ. Għax jekk fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċrieket tad-deheb f’subgħajh u bi lbies ilellex, mbagħad jidħol xi ħaddieħor fqir liebes imċerċer, u intom idduru maʼ dak bl-ilbies ilellex u tgħidulu: ‘Int oqgħod komdu bilqiegħda’ waqt li lill-fqir tgħidulu: ‘Int oqgħod bil-wieqfa’, jew ‘Oqgħod bilqiegħda fuq il-mirfes taʼ riġlejja’, ma jidhrilkomx li tkunu qegħdin tagħmlu għażla bejniethom, u hekk issiru mħallfin qarrieqa?”—Ġakbu 2:1-4.
7 Jekk għal-laqgħat Kristjani kien jidħol xi ħadd ġdid li jkun sinjur, biċ-ċrieket tad-deheb u bi lbies mill-isbaħ, u xi ħadd ġdid bi lbies maħmuġ, l-individwu sinjur kien jiġi trattat b’mod speċjali. Dan kien jingħata post “komdu,” waqt li l-fqir kien jintqallu biex jibqaʼ bil-wieqfa jew joqgħod bil-qiegħda maʼ l-art ħdejn saqajn xi ħadd. Imma Alla pprovda s-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù kemm għas-sinjur kif ukoll għall-fqir mingħajr ebda distinzjoni. (Ġob 34:19; 2 Korintin 5:14) Għalhekk, jekk irridu nogħġbu lil Jehovah u naqduh spalla maʼ spalla, m’għandniex nuru favoritiżmu jew ‘inżiegħlu bin-nies f’wiċċhom ħalli niksbu xi ħaġa minnhom.’—Ġuda 4, 16.
Tgergirx
8. Xi ġralhom l-Iżraelin talli qagħdu jgergru?
8 Sabiex inżommu l-unità tagħna u nkomplu ngawdu l-favur t’Alla, irridu nagħtu kas il-parir taʼ Pawlu: “Agħmlu kollox mingħajr tgemgim.” (Filippin 2:14, 15) L-Iżraelin bla fidi li nħelsu mill-jasar Eġizzjan gergru kontra Mosè u Aron, u għalhekk anki kontra Alla Jehovah. Minħabba f’dan, l-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq, minbarra Ġożwè u Kaleb u l-Leviti, ma daħlux fl-Art Imwiegħda imma mietu matul l-40 sena li għamlu jterrqu fid-deżert. (Numri 14:2, 3, 26-30; 1 Korintin 10:10) Xi prezz kellhom iħallsu għat-tgergir tagħhom!
9. Xi ġralha Mirjam talli gergret?
9 Dan juri x’jistaʼ jiġrilu ġens sħiħ minħabba t-tgergir. Xi ngħidu dwar individwi li jgergru? Sewwa, Mirjam, oħt Mosè, flimkien maʼ ħuha Aron, gergru: “Jaqaw il-Mulej lil Mosè biss kellem? Ma kellimx lilna wkoll?” Ir-rakkont ikompli: “U l-Mulej semagħhom.” (Numri 12:1, 2) X’kien ir-riżultat? Mirjam, li milli jidher kienet l-ewwel waħda li gergret, ġiet umiljata minn Alla. Kif? Billi ntlaqtet bil-ġdiem u ġiet imġagħla tibqaʼ barra mill-kamp għal sebat ijiem sakemm indafet.—Numri 12:9-15.
10, 11. X’jistaʼ jiġri jekk ma nikkontrollawx it-tgergir? Agħti eżempju.
10 It-tgergir m’huwiex biss ilment fuq xi ħaġa ħażina li tkun saret. Dawk li jgergru għal kull ħaġa taʼ xejn jagħtu ħafna importanza lis-sentimenti jew il-pożizzjoni tagħhom, u b’hekk jiġbdu l-attenzjoni lejhom infushom minflok lejn Alla. Jekk it-tgergir ma jiġix kontrollat, dan jistaʼ jġib firda fost l-aħwa spiritwali u jfixkel l-isforzi tagħhom biex jaqdu lil Jehovah spalla maʼ spalla. Dan jiġri għax dawk li jħobbu jgergru qatt ma jżommu l-ilmenti tagħhom għalihom imma jgħiduhom lil oħrajn, bla dubju bit-tama li jsibu lil min jaqbel magħhom.
11 Per eżempju, xi ħadd jistaʼ jikkritika l-mod kif ċertu anzjan jagħmel it-taħditiet fil-laqgħat jew kif dan iwettaq dmirijietu. Jekk noqogħdu nisimgħu lil min qed jilmenta, nistgħu nibdew naħsbuha bħalu. Dment li ħadd ma jkun qalilna xejn, l-attivitajiet taʼ dak l-anzjan qatt ma jkunu tawna fastidju. Imma hekk kif xi ħadd ifesfsilna erbaʼ kelmiet, nibdew naraw id-difetti kollha. Maż-żmien, xejn minn dak li jagħmel l-anzjan ma jibda jidher tajjeb f’għajnejna, u aħna wkoll nistgħu nibdew nilmentaw dwaru. Imġiba bħal din m’hijiex xierqa fil-kongregazzjoni tan-nies taʼ Jehovah.
12. X’effett jistaʼ jkollu t-tgergir fuq ir-relazzjoni tagħna m’Alla?
12 It-tgergir kontra l-irġiel li għandhom id-dmir li jirgħu l-merħla t’Alla jistaʼ jwassal għat-tgħajjir. Il-fatt li ngergru b’dan il-mod kontrihom jew nimmalafamawhom jistaʼ jeffettwa ħażin ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah. (Eżodu 22:27 [22:28, NW]) Persuni insolenti li ma juru l-ebda ndiema mhux se jirtu s-Saltna t’Alla. (1 Korintin 5:11; 6:10) Id-dixxiplu Ġuda kiteb dwar xi wħud li kienu qed igergru u “jiċħdu l-awtorità taʼ Alla, iżebilħu l-ħlejjaq glorjużi,” jew l-irġiel taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni. (Ġuda 8) Dawk l-uħud li gergru ma kellhomx l-approvazzjoni t’Alla, u aħna b’mod għaqli nevitaw li nimitawhom.
13. Għala mhux kull ilment hu ħażin?
13 Huwa minnu li hemm xi lmenti li huma aċċettabbli għal Alla. Hu ma injorax “l-għajta qawwija” dwar Sodoma u Gomorra imma qered lil dawk il-bliet mill-agħar. (Ġenesi 18:20, 21; 19:24, 25) F’Ġerusalemm, ftit żmien wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., “sar xi tgergir mil-Lhud Griegi kontra l-Lhud, għax dehrilhom li ma kienx hemm min jieħu ħsieb ir-romol tagħhom fil-ministeru taʼ kuljum.” Għalhekk, “it-Tnax” ħadu passi biex jirranġaw is-sitwazzjoni billi ħatru “sebat irġiel li [kellhom] isem tajjeb” biex jieħdu ħsieb “il-ħidma” taʼ li jqassmu l-ikel. (Atti 6:1-6) L-anzjani fi żmienna ma jridux ‘jagħlqu widnejhom’ għal ilmenti raġunevoli. (Proverbji 21:13) U minflok ma jikkritikaw lill-aduraturi sħabhom, l-anzjani għandhom jinkuraġġuhom u jsaħħuhom.—1 Korintin 8:1.
14. Liema kwalità hija meħtieġa b’mod speċjali sabiex ma ngergrux?
14 Ilkoll kemm aħna għandna nevitaw li ngergru, għax it-tgergir ma jagħmilx ġid spiritwalment. Attitudni bħal din tfixkel l-għaqda taʼ bejnietna. Minflok, ejja dejjem inħallu l-ispirtu qaddis jipproduċi l-imħabba fina. (Galatin 5:22) Il-fatt li nobdu “l-aqwa liġi” taʼ l-imħabba se jgħinna nkomplu naqdu lil Jehovah spalla maʼ spalla.—Ġakbu 2:8; 1 Korintin 13:4-8; 1 Pietru 4:8.
Għasses Kontra l-Malafama
15. X’inhi d-differenza bejn it-tqassis u l-malafama?
15 Ladarba t-tgergir jistaʼ jwassal għal tqassis taʼ ħsara, irridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn għal dak li ngħidu. It-tqassis huwa kliem fil-vojt dwar in-nies u l-ħajja tagħhom. Iżda l-malafama hija rapport falz li jsir bl-intenzjoni li jħassar ir-reputazzjoni taʼ ħaddieħor. Kliem bħal dan huwa mimli malizzja u jmur kontra r-rieda t’Alla. Għalhekk, Alla qal lill-Iżraelin: “Tmurx ixxerred qlajjaʼ fuq niesek.”—Levitiku 19:16.
16. X’qal Pawlu dwar ċerti wħud li kienu jqassu, u x’effett għandu jkollu fuqna l-parir tiegħu?
16 Ladarba l-kliem fil-vojt jistaʼ jwassal għall-malafama, Pawlu ċanfar lil ċerti wħud li kienu jħobbu jqassu. Wara li semma xi nisa romol li kienu jikkwalifikaw biex jirċievu l-għajnuna fil-kongregazzjoni, hu rrefera għal xi nisa romol li kienu ‘draw fl-għażż u kienu joqogħdu jiġġerrew minn dar għal oħra; u jsiru mhux biss għażżiena, imma wkoll paċpaċa u fiergħa [“jindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor,” NW], u jħollu lsienhom fuq dak li ma għandhomx jgħidu.’ (1 Timotju 5:11-15) Jekk mara Kristjana tara li għandha d-difett li tgħid kliem li jistaʼ jwassal għall-malafama, hi tagħmel tajjeb jekk tagħti kas il-parir taʼ Pawlu biex tkun ‘serja, ma tqassasx fuq l-oħrajn.’ (1 Timotju 3:11) M’għandniex xi ngħidu, l-irġiel Kristjani wkoll iridu jgħassu kontra t-tqassis taʼ ħsara.—Proverbji 10:19.
Tiġġudikax!
17, 18. (a) X’qal Ġesù dwar li niġġudikaw lil ħutna? (b) Kif nistgħu napplikaw il-kliem taʼ Ġesù dwar l-iġġudikar?
17 Anki jekk ma nimmalafamaw lil ħadd, forsi jkollna nagħmlu sforz kbir biex nevitaw li niġġudikaw lil oħrajn. Ġesù kkundanna attitudni bħal din meta qal: “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl-istess kejl li tkejjlu intom, jitkejjel lilkom. Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Jew kif tmur tgħid lil ħuk, ‘Ħa nneħħilek it-tibna minn għajnek,’ meta inti stess f’għajnek għandek travu? Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk!”—Mattew 7:1-5.
18 M’għandniex nippreżentaw ruħna u noffru li nneħħu sempliċi “tibna” minn għajnejn xi ħu meta l-abbiltà tagħna stess biex nagħtu ġudizzju xieraq hija mfixkla minn “travu” figurattiv. Fil-fatt, jekk tassew napprezzaw kemm Alla hu ħanin, m’aħniex se nkunu inklinati li niġġudikaw lil ħutna spiritwali. Kif nistgħu qatt naslu biex nifhmuhom tajjeb daqs Missierna tas-sema? Mhux taʼ b’xejn li Ġesù wissiena biex ma ‘niġġudikawx, biex ma nkunux iġġudikati’! Eżami onest taʼ l-imperfezzjonijiet tagħna stess għandu jżommna milli niġġudikaw b’mod li huwa inġust f’għajnejn Alla.
Fraġli imma taʼ Ġieħ
19. Kif għandna nħarsu lejn sħabna fit-twemmin?
19 Jekk aħna determinati li naqdu lil Alla spalla maʼ spalla maʼ sħabna fit-twemmin, m’aħniex se nevitaw biss li niġġudikawhom. Se nkunu minn taʼ quddiem biex nuruhom ġieħ. (Rumani 12:10) Fil-fatt, se nfittxu dak li jaqbel lilhom u mhux dak li jaqbel lilna, u bil-ferħ se nagħmlu affarijiet sempliċi għalihom. (Ġwann 13:12-17; 1 Korintin 10:24) Kif nistgħu nżommu attitudni mill-aħjar bħal din? Billi nżommu f’moħħna li kull wieħed li jaqdi lil Jehovah huwa prezzjuż f’għajnejh u li aħna għandna bżonn xulxin, sewwa sew bħalma kull membru tal-ġisem uman jiddependi mill-membri l-oħra.—1 Korintin 12:14-27.
20, 21. Xi jfisser għalina l-kliem tat-2 Timotju 2:20, 21?
20 Irridu nammettu li l-Kristjani huma reċipjenti fraġli tal-fuħħar li għandhom it-teżor glorjuż tal-ministeru fdat f’idejhom. (2 Korintin 4:7) Jekk irridu li nwettqu din l-attività sagra taʼ tifħir lil Jehovah, irridu nżommu isem onorabbli miegħu u maʼ Ibnu. Huwa biss jekk nibqgħu moralment u spiritwalment puri li nistgħu nibqgħu niġu użati minn Alla bħala reċipjenti taʼ ġieħ. Rigward dan, l-appostlu Pawlu kiteb: “F’dar kbira ma hemmx biss tagħmir [“reċipjenti,” NW] tad-deheb u l-fidda, imma wkoll taʼ l-għuda u tal-fuħħar; u xi wħud minnhom ninqdew bihom għal għan taʼ ġieħ, oħrajn għal għan bla ġieħ. Jekk wieħed jissaffa minn dawn il-ħwejjeġ, huwa jsir biċċa tagħmir [“reċipjent,” NW] għal għan taʼ ġieħ, tagħmir [“reċipjent,” NW] imqaddes, taʼ siwi għal sidu, mħejji għal kull għemil tajjeb.”—2 Timotju 2:20, 21.
21 L-individwi li ma jġibux ruħhom fi qbil mal-ħtiġijiet divini huma ‘reċipjenti bla ġieħ.’ Madankollu, jekk nippersistu fil-mogħdijiet t’Alla se nkunu ‘reċipjenti għal għan taʼ ġieħ, imqaddsin, jew magħżulin, għas-servizz taʼ Alla u mħejjijin għal kull għemil tajjeb.’ Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Jien “reċipjent taʼ ġieħ”? Għandi effett pożittiv fuq sħabi fit-twemmin? Bħala membru fil-kongregazzjoni, qed naqdi spalla maʼ spalla maʼ sħabi fit-twemmin?’
Ibqaʼ Aqdi Spalla maʼ Spalla
22. Maʼ xiex tistaʼ tiġi mxebbha l-kongregazzjoni Kristjana?
22 Il-kongregazzjoni Kristjana hija arranġament bħal dak taʼ familja. Meta l-membri kollha tal-familja jkunu jqimu lil Jehovah, fil-familja jkun hemm atmosfera pjaċevoli, mimlija mħabba, u kulħadd jgħin wieħed lill-ieħor. Il-familja tistaʼ tikkonsisti minn numru taʼ individwi b’personalitajiet differenti, imma kulħadd ikollu post onorabbli. Is-sitwazzjoni fil-kongregazzjoni hija simili. Minkejja li aħna lkoll differenti—u imperfetti—Alla ġibidna lejh permezz taʼ Kristu. (Ġwann 6:44; 14:6) Jehovah u Ġesù jħobbuna, u bħal familja magħquda, aħna żgur li rridu nuru mħabba lejn xulxin.—1 Ġwann 4:7-11.
23. X’għandna niftakru u nkunu determinati li nagħmlu?
23 Il-kongregazzjoni Kristjana, bħal familja, hija wkoll post fejn bix-xieraq nistennew li nsibu l-lealtà. L-appostlu Pawlu kiteb: “Nixtieq li l-irġiel jitolbu kullimkien, jerfgħu ’l fuq idejn safja [“leali,” NW] bla għadab u bla ġlied.” (1 Timotju 2:8) B’hekk, Pawlu għaqqad il-lealtà mat-talb pubbliku “kullimkien,” f’kull post fejn il-Kristjani jiltaqgħu flimkien. Il-kongregazzjoni għandha tiġi rappreżentata fit-talb pubbliku minn irġiel leali biss. M’għandniex xi ngħidu, Alla jistenna li lkoll kemm aħna nkunu leali lejh u lejn xulxin. (Koħèlet 12:13, 14) Għalhekk, ejja nkunu determinati li naħdmu flimkien magħqudin, bħall-membri tal-ġisem uman. Jalla wkoll naqdu magħqudin bħala parti mill-familja t’aduraturi taʼ Jehovah. Fuq kollox, ejja niftakru li għandna bżonn xulxin u jekk inkomplu naqdu lil Jehovah spalla maʼ spalla se ngawdu l-approvazzjoni u l-barkiet divini.
Int Kif Twieġeb?
•X’jagħmilha possibbli biex in-nies taʼ Jehovah jaqduh spalla maʼ spalla?
• Il-Kristjani għala jevitaw li jkunu parzjali?
• Int x’tgħid li hemm ħażin fit-tgergir?
• Għala għandna nagħtu ġieħ lil sħabna fit-twemmin?
[Stampa f’paġna 15]
Pietru fehem li “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd”
[Stampa f’paġna 16]
Taf għala Alla umiljaha lil Mirjam?
[Stampa f’paġna 18]
Il-Kristjani leali jaqdu lil Jehovah bil-ferħ u spalla maʼ spalla