STUDJU 15
Dehra Persunali Tajba
ID-DEHRA persunali tiegħek tikxef ħafna dwarek. Waqt li Ġeħova jara l-qalb, il-bniedem ġeneralment jasal għal konklużjonijiet minn “dak li jidher f’għajnejh.” (1 Sam. 16:7) Meta tkun nadif u jkollok dehra pulita, oħrajn x’aktarx se jaslu għall-konklużjoni li int għandek rispett lejk innifsek, u se jkunu iktar lesti li jagħtuk widen. Il-fatt li tkun liebes b’mod adattat se jirrifletti tajjeb ukoll fuq l-organizzazzjoni li qed tirrappreżenta u fuq il-ħarsa tas-semmiegħa lejn l-Alla li tqim.
Gwida li Għandek Tapplika. Il-Bibbja ma tpoġġix ħafna regoli dwar id-dehra persunali. Iżda din tipprovdi prinċipji bilanċjati li jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Ir-raġuni prinċipali għala għandna napplikawhom hi li aħna ‘nagħmlu kollox għall-glorja t’Alla.’ (1 Kor. 10:31) Liema prinċipji huma involuti fejn tidħol id-dehra persunali tagħna?
L-ewwel, il-Bibbja tħeġġiġna nkunu nodfa, kemm f’ġisimna u kemm fl-ilbies tagħna. Fil-Liġi tiegħu lil Israel tal-qedem, Ġeħova poġġa l-ħtiġijiet rigward l-indafa. Pereżempju, meta l-qassisin kienu jaqdu dmirhom, kellhom jinħaslu u jaħslu lbieshom f’ħinijiet speċifiċi. (Lev. 16:4, 24, 26, 28) Il-Kristjani mhumiex taħt il-Liġi Mosajka, iżda l-prinċipji li fiha għadhom japplikaw sal-lum. (Ġw. 13:10; Riv. 19:8) Speċjalment meta nkunu sejrin f’post taʼ qima jew meta nkunu se nieħdu sehem fil-ministeru tal-għalqa, il-persuna, in-nifs, u l-ilbies tagħna għandhom ikunu nodfa sabiex ma ndejqux lil oħrajn. Dawk li jagħtu taħditiet jew jagħmlu turijiet quddiem il-kongregazzjoni għandhom ikunu taʼ eżempju mill-aqwa f’dan ir-rigward. L-attenzjoni lejn id-dehra persunali tagħna turi rispett għal Ġeħova u għall-organizzazzjoni tiegħu.
It-tieni, il-Bibbja tħeġġiġna nikkultivaw il-modestja u moħħ f’loku. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lin-nisa Kristjani biex “jiżżejnu . . . bil-modestja u b’moħħ f’loku, mhux bi stili taʼ xagħar immaljat u deheb jew perli jew ħwejjeġ li jiswew ħafna flus, imma bil-mod li jixraq lil nisa li jgħidu li jqimu lil Alla.” (1 Tim. 2:9, 10) Il-modestja u moħħ f’loku huma importanti wkoll fl-ilbies u fid-dehra tal-irġiel.
Persuna li hi modesta tkun konċernata dwar li ma ddejjaqx lil oħrajn bla bżonn u ma tiġbidx attenzjoni żejda lejha. Moħħ f’loku jwassal biex wieħed ikun diskret, jew jagħmel ġudizzju tajjeb. Il-persuna li turi dawn il-kwalitajiet għandha bilanċ li jiġi mir-rispett għal-livelli taʼ Alla. Li nuru dawn il-kwalitajiet ma jfissirx li ma nilbsux ilbies attraenti iżda jgħinna nkunu sensibbli fid-dehra tagħna u nevitaw stili stravaganti taʼ lbies u taʼ xagħar. (1 Ġw. 2:16) Irridu napplikaw dawn il-prinċipji kemm jekk qegħdin f’post taʼ qima, kemm jekk qed nieħdu sehem fil-ministeru tal-għalqa, u kemm jekk qed nieħdu sehem f’attivitajiet oħrajn. Anki l-ilbies każwali tagħna għandu jirrifletti l-modestja u moħħ f’loku. Fl-iskola jew fix-xogħol sekulari tagħna, se jkun hemm opportunitajiet biex nagħtu xhieda informali. Filwaqt li għandna mnejn ma nkunux lebsin bl-istess mod li nkunu lebsin fil-laqgħat, fil-konvenzjonijiet, u fl-assembleat, ilbiesna xorta għandu jkun pulit, nadif, u modest.
M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd jilbes l-istess. M’aħniex mistennijin li nagħmlu dan. In-nies għandhom gosti differenti, u m’hemm xejn ħażin b’daqshekk. Iżda l-gwida li nsibu fil-Bibbja dejjem għandha tiġi applikata.
L-appostlu Pietru wera li saħansitra iktar importanti mill-istili tax-xagħar u l-ilbies taʼ barra huwa t-tiżjin assoċjat mal-“persuna minn ġewwa, fil-qalb.” (1 Pt. 3:3, 4) Meta qalbna tkun mimlija bl-imħabba, il-ferħ, il-paċi, il-qalb tajba, u l-fidi soda, dawn se jsiru għalina bħal ilbies spiritwali li tassew iġib unur lil Alla.
It-tielet, il-Bibbja tħeġġiġna biex nikkunsidraw jekk id-dehra tagħna hijiex adattata. Fl-1 Timotju 2:9 jissemma l-“ilbies adattat.” Filwaqt li l-appostlu Pawlu kien qed jirreferi għall-ilbies tan-nisa, l-istess prinċipju japplika għall-irġiel. Xi ħaġa li tkun adattata tkun pulita u rranġata sew. Sew jekk għandna ħafna flus u sew jekk le, jistaʼ jkollna dehra pulita.
Wieħed mill-ewwel aspetti tad-dehra persunali tagħna li jiġi notat minn oħrajn hu xagħarna. Dan għandu jkun pulit, jew mimxut sew. Kemm id-drawwa tal-lokal u kemm il-fatturi ereditarji jiddeterminaw kif in-nies jagħmlu xagħarhom. Fl-1 Korintin 11:14, 15 insibu parir mill-appostlu Pawlu dwar il-maxta tax-xagħar, li b’mod evidenti jinvolvi dawn iż-żewġ fatturi. Madankollu, meta l-maxta tax-xagħar taʼ persuna tagħti l-impressjoni li hu jew hi qed tipprova tidher bħal persuna tas-sess oppost, dan ikun f’konflitt mal-prinċipji tal-Bibbja.—Dt. 22:5.
Għall-irġiel, dehra persunali pulita tistaʼ tinkludi leħja mqaxxra. Fi nħawi fejn il-mustaċċi huma ġeneralment meqjusin bħala dinjitużi, kull min iħallihom għandu jżommhom maqtugħin puliti.
Ir-rabaʼ, id-dehra tagħna m’għandhiex tirrifletti l-imħabba għad-dinja u l-modi tagħha. L-appostlu Ġwanni wissa: “Tħobbux id-dinja u lanqas dak li hemm fid-dinja.” (1 Ġw. 2:15-17) Ħafna xewqat midinba jikkaratterizzaw din id-dinja. Fosthom, Ġwanni jsemmi x-xewqa tal-laħam midneb u l-iffanfrar b’dak li wieħed jippossiedi. L-Iskrittura tiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ispirtu taʼ ribelljoni, jew id-diżubbidjenza lejn l-awtorità. (Prov. 17:11; Efes. 2:2) Dawn ix-xewqat u l-attitudnijiet spiss jintwerew fil-mod kif in-nies jilbsu u jidhru. B’hekk, id-dehra tagħhom tistaʼ tkun senswali, tlellex, kif ġie ġie, traskurata, żmattata, jew ma tkunx modesta. Bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova, aħna nevitaw l-istili li jirriflettu modi mhux Kristjani bħal dawn.
Minflok ma timita lil din id-dinja, kemm ikun aħjar li tħalli l-eżempju mill-aqwa taʼ rġiel u nisa maturi spiritwalment fil-kongregazzjoni Kristjana jinfluwenza l-ilbies u d-dehra tiegħek! Irġiel żgħażagħ li jittamaw li xi darba jkunu kelliema pubbliċi jistgħu josservaw l-ilbies taʼ dawk li diġà jikkwalifikaw biex jagħtu taħditiet pubbliċi. Kulħadd jistaʼ jitgħallem mill-eżempju li jagħtu individwi li ilhom jieħdu sehem lealment għal ħafna snin fil-ministeru pubbliku.—1 Tim. 4:12; 1 Pt. 5:2, 3.
Il-ħames, meta niddeċiedu x’inhu xieraq għandna nżommu f’moħħna li “lanqas il-Kristu ma fittex li jogħġob lilu nnifsu.” (Rum. 15:3) It-tħassib ewlieni taʼ Ġesù kien li jagħmel ir-rieda taʼ Alla. Ġesù poġġa wkoll il-bżonnijiet taʼ oħrajn qabel tiegħu. Meta niġu għal ċerti stili taʼ lbies u taʼ kif nidhru, x’għandna nagħmlu jekk xi ħaġa ttellaʼ ħajt bejnna u bejn in-nies fejn qed naqdu issa? Li nimitaw l-ispirtu umli muri minn Kristu jistaʼ jgħinna niddeċiedu b’mod għaqli. L-appostlu Pawlu ta l-prinċipju: “Bl-ebda mod m’aħna noħolqu xi raġuni għal tfixkil.” (2 Kor. 6:3) Għal din ir-raġuni nistgħu nagħżlu li noqogħdu mingħajr ċerti stili taʼ xagħar jew oġġetti taʼ tiżjin li għandhom it-tendenza jagħlqu l-imħuħ tan-nies li lilhom irridu nagħtu xhieda.
Il-Qagħda. Dehra persunali tajba tinvolvi wkoll qagħda xierqa. M’għandniex xi ngħidu, mhux ilkoll għandna l-istess qagħda, u ma nipprovawx inżommu maʼ ċertu mudell. Madankollu, taʼ min jinnota li skont l-użu tal-Bibbja, li noqogħdu bilwieqfa dritti juri sens taʼ dinjità persunali u ottimiżmu. (Lev. 26:13; Lq. 21:28) Xorta waħda, minħabba li xi aħwa ħadmu għal diversi snin f’pożizzjoni mgħawġa jew minħabba l-età avanzata jew dgħufija fiżika, huma forsi ma jkunux jistgħu joqogħdu bilwieqfa dritti jew iridu jserrħu maʼ xi ħaġa. Iżda għal dawk li jistgħu jagħmlu dan, huwa suġġerit li joqogħdu bilwieqfa dritti kemm jistaʼ jkun meta jitkellmu maʼ oħrajn sabiex ma tintweriex attitudni taʼ indifferenza jew taʼ xi dispjaċir. Bl-istess mod, waqt li mhux ħażin li kelliemi kultant iserraħ idejh fuq l-istand tal-kelliemi, ġeneralment titħalla impressjoni iktar pożittiva lill-udjenza jekk ma jintelaqx fuq l-istand.
Tagħmir Pulit. Mhux biss id-dehra persunali tagħna għandha tkun nadifa u rranġata tajjeb iżda t-tagħmir tagħna li nużaw fil-ministeru għandu wkoll ikun nadif u pulit.
Ikkunsidra l-Bibbja tiegħek. Mhux possibbli għal kulħadd li jikseb Bibbja ġdida meta din teqdiem. Madankollu, ilha kemm ilha għandna l-Bibbja, din għandha tagħti evidenza li ġiet miżmuma tajjeb.
M’għandniex xi ngħidu, hemm diversi modi kif tippakkja basket tal-ministeru, iżda dan għandu jkun pulit. Qatt rajt karti jaqgħu minn xi Bibbja meta pubblikatur ikun qed jipprepara biex jaqra skrittura lill-inkwilin jew forsi meta ħu jkun qed jagħti taħdita lill-kongregazzjoni? Dan itellfek, hux tassew? Jekk il-karti li jinżammu fil-Bibbja jtellfuk, jistaʼ jkun aħjar li żżommhom f’xi post ieħor biex it-tagħmir tiegħek ikun irranġat pulit. Kun af ukoll li hu meqjus bħala nuqqas taʼ rispett kbir f’ħafna kulturi li tpoġġi l-Bibbja jew pubblikazzjonijiet reliġjużi oħrajn mal-art.
Dehra persunali tajba għandha tkun importanti għalina. Din tinfluwenza wkoll il-mod kif oħrajn iħarsu lejna. Iżda fuq kollox, nagħtuha attenzjoni bir-reqqa għax nixtiequ ‘nsebbħu f’kollox it-tagħlim t’Alla, is-Salvatur tagħna.’—Titu 2:10.