“Sa Minn Żgħoritek Sirt Midħla”
SKOND studji xjentifiċi reċenti, li titkellem maʼ tfal żgħar jinfluwenza b’mod profond l-iżvilupp taʼ moħħhom, billi jistabbilixxi l-abbiltà tagħhom biex jaħsbu, jirraġunaw, u jsolvu l-problemi. Dan b’mod partikulari jkun il-każ matul l-ewwel sena taʼ ħajja taʼ tarbija. L-International Herald Tribune tirrapporta li xi riċerkaturi llum jemmnu li “l-għadd taʼ kliem li t-tfal żgħar jisimgħu kuljum huwa l-bassâr eċċezzjonali u l-iktar importanti taʼ l-intelliġenza, is-suċċess fl-iskola u l-kompetenza soċjali li jiġu iktar tard.”
Il-kliem mitkellem, madankollu, irid jiġi mingħand xi ħadd. Milli jidher, dan ma jistax jiġi sostitwit minn xi televixin jew xi radju.
Nevroxjentista fl-Università taʼ Washington f’Seattle ġewwa l-Istati Uniti stqarret: “Issa nafu li konnessjonijiet nevrali jiġu fformati kmieni ferm fil-ħajja u li l-moħħ tat-tifel jew tat-tifla jkun qed jistenna litteralment esperjenzi biex jiddetermina kif iseħħu l-konnessjonijiet. Ma rrealizzajniex ħlief dan l-aħħar kemm dan il-proċess jibda kmieni. Per eżempju, trabi tgħallmu l-ħsejjes tal-lingwa t’art twelidhom sa minn meta kellhom sitt xhur.”
Ir-riċerka tisfida l-opinjoni popolari li t-trabi jissaħħu intellettwalment jekk jiġu sempliċement mogħtijin ħafna mħabba. Din tenfasizza wkoll l-importanza tal-ġenituri fl-iżvilupp tat-tifel jew tat-tifla.
Dan ifakkarna fil-kliem taʼ l-ittra ispirata taʼ l-appostlu Pawlu lil Timotju: “Sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni.” (Korsiv tagħna.) X’aktarx li l-kotba mqaddsa, mitkellma liċ-ċkejken Timotju minn ommu u nanntu li kienu jemmnu, kellhom irwol fundamentali fl-iżvilupp tiegħu bħala qaddej li jispikka t’Alla.—2 Timotju 1:5; 3:15.