Dawl Mingħand Alla Jġib id-Dlam fix-Xejn!
“Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi.”—2 SAMWEL 22:29.
1. Id-dawl kif inhu marbut mal-ħajja?
“QAL Alla: ‘Ħa jkun id-dawl.’ U d-dawl sar.” (Ġenesi 1:3) B’dan il-kliem importanti, ir-rakkont tal-ħolqien f’Ġenesi jidentifika lil Jehovah bħala s-sors tad-dawl, li mingħajru l-ħajja fuq l-art kienet tkun impossibbli. Jehovah hu wkoll is-sors tad-dawl spiritwali, li huwa vitali biex jiggwidana fil-mogħdija tal-ħajja. (Salm 43:3) Is-Sultan David wera r-relazzjoni mill-qrib li teżisti bejn id-dawl spiritwali u l-ħajja meta kiteb: “Għandek hemm l-għajn tal-ħajja, fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.”—Salm 36:10 (36:9, NW).
2. Bħalma wera Pawlu, id-dawl maʼ xiex inhu assoċjat mill-qrib?
2 Madwar 1,000 sena wara żmien David, l-appostlu Pawlu rrefera għar-rakkont tal-ħolqien. Meta kiteb lill-kongregazzjoni Kristjana f’Korintu, hu qal: “Dan Alla li qal: ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam.’” Pawlu mbagħad wera li d-dawl spiritwali huwa assoċjat mill-qrib maʼ l-għarfien mingħand Jehovah meta żied: “Hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl taʼ l-għarfien tal-glorja taʼ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu.” (2 Korintin 4:6) Dan id-dawl kif jaslilna?
Il-Bibbja Twasslilna d-Dawl
3. Jehovah liema dawl jipprovdi permezz tal-Bibbja?
3 Jehovah jagħti d-dawl spiritwali primarjament permezz tal-Kelma mnebbħa tiegħu, il-Bibbja. Mela hekk kif nistudjaw il-Bibbja u nieħdu għarfien mingħand Alla, inkunu qed inħallu d-dawl tiegħu jiddi fuqna. Permezz tal-Bibbja, Jehovah jitfaʼ d-dawl fuq l-iskopijiet tiegħu u jgħidilna kif nistgħu nagħmlu r-rieda tiegħu. Dan jagħti skop lil ħajjitna u jgħinna nissodisfaw il-ħtiġijiet spiritwali tagħna. (Koħèlet 12:1; Mattew 5:3) Ġesù enfasizza li rridu nieħdu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali tagħna meta, waqt li kkwota mil-Liġi Mosajka, qal: “Hemm miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’”—Mattew 4:4; Dewteronomju 8:3.
4. Ġesù b’liema mod hu “d-dawl tad-dinja”?
4 Ġesù hu assoċjat mill-qrib mad-dawl spiritwali. Tabilħaqq, hu tkellem dwaru nnifsu bħala “d-dawl tad-dinja” u qal: “Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.” (Ġwann 8:12) Din l-espressjoni tgħinna nifhmu l-irwol ċentrali li Ġesù għandu f’li jwassal il-verità taʼ Jehovah lill-bnedmin. Jekk irridu nevitaw id-dlam u nimxu fid-dawl t’Alla, irridu nisimgħu dak kollu li jgħid Ġesù u nimxu mill-qrib wara l-eżempju u t-tagħlim tiegħu kif insibuhom fil-Bibbja.
5. X’responsabbiltà kellhom is-segwaċi taʼ Ġesù wara mewtu?
5 Ftit ġranet qabel ma miet, waqt li għal darb’oħra rrefera għalih innifsu bħala d-dawl, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ftit ieħor baqagħlu magħkom id-dawl. Mela ibqgħu miexja sakemm għandkom id-dawl, biex id-dlam ma jilħaqkomx. Min jimxi fid-dlam ma jafx fejn hu sejjer. Sakemm għandkom id-dawl, emmnu fid-dawl, biex tkunu wlied id-dawl.” (Ġwann 12:35, 36) Dawk li saru wlied id-dawl tgħallmu l-mudell taʼ “tagħlim sħiħ” mill-Bibbja. (2 Timotju 1:13, 14) Imbagħad huma użaw dan it-tagħlim sħiħ biex joħorġu lil individwi taʼ qalb onesta mid-dlam għal ġod-dawl t’Alla.
6. Liema verità bażika dwar id-dawl u d-dlam insibu fl-1 Ġwann 1:5?
6 L-appostlu Ġwanni kiteb: “Alla hu dawl u ebda dlam ma hemm fih.” (1 Ġwann 1:5) Innota f’dan il-vers il-kuntrast bejn id-dawl u d-dlam. Id-dawl spiritwali jiġi mingħand Jehovah, u d-dlam spiritwali ma jistax jiġi assoċjat miegħu. Allura, mingħand min jiġi d-dlam?
Is-Sors tad-Dlam Spiritwali
7. Min hemm wara d-dlam spiritwali tad-dinja, u liema qawwa għandu?
7 L-appostlu Pawlu tkellem dwar “l-alla taʼ din id-dinja.” B’din l-espressjoni, hu kien qed jirreferi għal Satana x-Xitan. Hu ssokta jgħid li dan ‘dallam il-moħħ tan-nies neqsin mill-fidi, biex ma jarawx jiddi d-dawl taʼ l-Evanġelju glorjuż taʼ Kristu, li hu xbieha taʼ Alla.’ (2 Korintin 4:4) Ħafna nies jgħidu li jemmnu b’Alla; iżda, għadd minnhom li dejjem jiżdied ma jemmnux li jeżisti x-Xitan. Għala? M’humiex lesti jaċċettaw li huwa possibbli li teżisti qawwa ħażina soprannaturali li tinfluwenza l-mentalità tagħhom. Minkejja dan, bħalma juri Pawlu, ix-Xitan jeżisti tassew, u verament jinfluwenza lin-nies biex ma jkunux jistgħu jaraw id-dawl tal-verità. Il-qawwa li għandu x-Xitan biex jinfluwenza l-mentalità tan-nies tidher mid-deskrizzjoni profetika tiegħu bħala “l-qarrieq tad-dinja kollha.” (Apokalissi 12:9) Minħabba l-ħidma taʼ Satana, il-kundizzjoni mbassra mill-profeta Isaija issa tapplika għall-bnedmin kollha ħlief għal dawk li qed jaqdu lil Jehovah: “Id-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli.”—Isaija 60:2.
8. Dawk li qegħdin fid-dlam spiritwali b’liema modi juru li ma jafux fejn huma?
8 Fid-dlam ċappa jkun impossibbli tara madwarek. Faċli tintilef jew titfixkel. Bl-istess mod, dawk li qegħdin fid-dlam spiritwali jonqoshom id-dehen u malajr jitfixklu f’sens spiritwali. Jistgħu ma jibqgħux jiddistingwu l-verità mill-qerq, it-tajjeb mill-ħażin. Il-profeta Isaija tkellem dwar dawk li jinsabu f’dan it-tip taʼ dlam meta kiteb: “Gwaj għal dawk li jsejjħu tajjeb il-ħażin, u ħażin it-tajjeb; u jibdlu d-dlam mad-dawl, li jibdlu l-morr mal-ħelu, u l-ħelu mal-morr.” (Isaija 5:20) Dawk li jgħixu fid-dlam spiritwali qed jiġu influwenzati mill-alla tad-dlam, Satana x-Xitan, u minħabba f’hekk huma mbegħdin mis-sors tad-dawl u l-ħajja.—Efesin 4:17-19.
L-Isfida biex mid-Dlam Jiġu għad-Dawl
9. Spjega kif lill-ħżiena jogħġobhom id-dlam kemm f’sens letterali u kemm f’sens spiritwali.
9 Il-leali Ġob wera kemm lill-ħżiena kien jogħġobhom id-dlam letterali meta qal: “Iż-żieni wkoll jistenna d-dlam, jgħid lilu nnifsu: ‘Ħadd ma jarani,’ u jqiegħed maskra maʼ wiċċu.” (Ġob 24:15) Il-ħżiena qegħdin ukoll fid-dlam spiritwali, u dan id-dlam jistaʼ jaħkimhom. L-appostlu Pawlu qal li l-immoralità sesswali, is-serq, ir-regħba, is-sokor, it-tbahrid, u l-ingann huma komuni fost dawk li huma maqbudin f’dan id-dlam. Imma kulmin jersaq lejn id-dawl tal-Kelma t’Alla jistaʼ jinbidel. Fl-ittra tiegħu lill-Korintin, Pawlu jagħmilha ċara li din il-bidla hija possibbli. Ħafna Kristjani Korintin qabel kienu jipprattikaw għemejjel tad-dlam, u madankollu Pawlu qalilhom: “Imma issa tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-isem taʼ Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu taʼ Alla tagħna.”—1 Korintin 6:9-11.
10, 11. Ġesù kif wera konsiderazzjoni lejn raġel agħma meta tah lura d-dawl? (b) Għala ħafna ma jagħżlux id-dawl?
10 Meta xi ħadd joħroġ minn dlam ċappa għal ġod-dawl, għajnejh x’aktarx li jkollhom bżonn ftit tal-ħin biex jidraw id-dawl. F’Betsajda, Ġesù fejjaq raġel agħma imma b’qalb tajba d-dawl tahulu ftit ftit. “Qabad l-agħma minn idu u ħadu barra mir-raħal, beżaqlu f’għajnejh, qiegħed idejh fuqu u staqsieh: ‘Qiegħed tara xi ħaġa?’ Dak ħares ’il fuq u qal: ‘Qiegħed nara n-nies, imma qiegħed narahom donnhom siġar mexjin.’ Mbagħad raġaʼ qegħedlu jdejh fuq għajnejh, u beda jara ċar: u kien imfejjaq, hekk li sar jara kollox tajjeb mill-bogħod ukoll.” (Mark 8:23-25) Milli jidher Ġesù ġab lir-raġel jara bil-mod il-mod biex ikun jistaʼ jaddatta ruħu għad-dawl qawwi tax-xemx. Nistgħu nimmaġinaw kemm feraħ dak ir-raġel issa li setaʼ jara.
11 Madankollu, il-ferħ li ħass dak ir-raġel ma jissuperax il-ferħ li jħossu dawk li jiġu megħjunin biex joħorġu pass pass mid-dlam spiritwali għal ġod-dawl tal-verità. Meta naraw il-ferħ tagħhom, niskantaw kif ma jiġux iktar nies miġbudin lejn id-dawl. Ġesù jagħti r-raġuni: “Il-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx.” (Ġwann 3:19, 20) Iva, ħafna jħobbu jipprattikaw “il-ħażen”—bħall-immoralità, il-moħqrija, il-gideb, il-frodi, u s-serq—u d-dlam spiritwali taʼ Satana huwa ambjent perfett għalihom biex jagħmlu li jridu.
Nagħmlu Progress fid-Dawl
12. B’liema modi diġà bbenefikajna għax ġejna fid-dawl?
12 Minn mindu ħadna l-għarfien dwar id-dawl, liema bidliet rajna fina nfusna? Kultant tkun ħaġa tajba li nħarsu lura u nosservaw il-progress spiritwali li għamilna. Liema vizzji ħżiena qtajna? Liema problemi f’ħajjitna konna kapaċi nsolvu? Kif inbidlu l-pjanijiet tagħna għall-futur? Bis-saħħa taʼ Jehovah u bl-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu, nistgħu nkomplu nagħmlu bidliet fil-personalità u l-mentalità tagħna li juru li aħna qed naċċettaw id-dawl. (Efesin 4:23, 24) Pawlu jpoġġiha b’dan il-mod: “Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu taʼ wlied id-dawl li intom; frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu verità.” (Efesin 5:8, 9) Meta nħallu lilna nfusna niġu gwidati mid-dawl taʼ Jehovah ningħataw tama u skop kif ukoll inkunu taʼ benefiċċju għal dawk taʼ madwarna. U x’ferħ inġibu f’qalb Jehovah meta nagħmlu dawn il-bidliet!—Proverbji 27:11.
13. Kif nistgħu nuru l-gratitudni tagħna għad-dawl taʼ Jehovah, u x’inhu meħtieġ biex nagħmlu dan?
13 Aħna nuru l-gratitudni tagħna għall-ħajja iktar kuntenta li qed ingawdu billi nirriflettu d-dawl taʼ Jehovah—u naqsmu dak li tgħallimna mill-Bibbja mal-membri tal-familja, ħbieb, u qraba. (Mattew 5:12-16; 24:14) Għal dawk li ma jridux jisimgħu, l-ippridkar tagħna flimkien maʼ l-imġiba eżemplari tagħna bħala Kristjani jservu taʼ ċanfira għalihom. Pawlu jispjega: “Fittxu li tagħrfu dak li jogħġob lill-Mulej, u tisseħbux fl-għemejjel tad-dlam bla frott, imma ikxfuhom fil-beraħ.” (Efesin 5:10, 11) Li ngħinu lil oħrajn ħalli jabbandunaw id-dlam u jagħżlu d-dawl jitlob kuraġġ min-naħa tagħna. Iktar importanti, jitlob għal mogħdrija u interess ġenwin f’oħrajn, u xewqa ħerqana li naqsmu d-dawl tal-verità magħhom għall-benefiċċju etern tagħhom.—Mattew 28:19, 20.
Attent minn Dwal Foloz
14. Liema twissija għandna nagħtu kas rigward id-dawl?
14 Għal min ikun fuq il-baħar fi dlam ċappa, kull dawl ikun dehra pjaċevoli. Fl-antik kienu jinxtegħlu ħġejjeġ fuq l-irdumijiet taʼ l-Ingilterra biex jindikaw fejn il-vapuri setgħu jidħlu għall-kenn mill-maltemp. L-ekwipaġġi tal-vapuri kienu jkunu grati talli kienu jiġu gwidati minn dawn id-dwal għal ġo portijiet bla periklu. Iżda xi ħġejjeġ kienu jinxtegħlu bħala nasba. Minflok ma jsibu xi port, ħafna bastimenti kienu jitqarrqu u jinkaljaw mal-blat, u mbagħad kienu jinsterqulhom it-tagħbijiet tagħhom. F’din id-dinja qarrieqa rridu noqogħdu attenti biex ma ninġibdux lejn dwal foloz li jistgħu jwassluna għal nawfraġju spiritwali. Jintqalilna li “Satana stess jitbiddel f’anġlu tad-dawl.” Bl-istess mod, il-qaddejja tiegħu, inkluż l-apostati, huma “ħaddiema qarrieqa” li wkoll ‘jitbiddlu bħallikieku kienu qaddejja tal-ġustizzja.’ Jekk naċċettaw ir-raġunar falz taʼ nies bħal dawn, il-fiduċja tagħna fil-Kelma tal-verità taʼ Jehovah, il-Bibbja, tistaʼ tiddgħajjef u l-fidi tagħna tmut.—2 Korintin 11:13-15; 1 Timotju 1:19.
15. X’se jgħinna nibqgħu fit-triq li tieħu għall-ħajja?
15 Is-salmista kiteb: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi.” (Salm 119:105) Iva, ‘it-triq id-dejqa li tieħu għall-ħajja’ hija mdawla b’mod ċar minn Alla tagħna kollu mħabba, Jehovah, “li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (Mattew 7:14; 1 Timotju 2:4) Li napplikaw il-kmandi tal-Bibbja se jħarisna milli nitbiegħdu minn din it-triq id-dejqa għal ġol-mogħdijiet tad-dlam. Pawlu kiteb: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa.” (2 Timotju 3:16) Hekk kif nikbru spiritwalment, aħna niġu mgħallmin mill-Kelma t’Alla. Fid-dawl tal-Kelma t’Alla aħna nistgħu nwiddbu lilna nfusna jew, jekk ikun hemm bżonn, niġu mwiddbin minn rgħajja fil-kongregazzjoni li jħobbuna. Bl-istess mod nistgħu niddrittaw l-affarijiet u bl-umiltà naċċettaw id-dixxiplina fit-tjieba biex nibqgħu mexjin fit-triq li tagħti għall-ħajja.
Imxi b’Apprezzament fid-Dawl
16. Kif nistgħu nuru apprezzament lejn id-dawl, il-provvediment taʼ l-għaġeb mingħand Jehovah?
16 Kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna lejn id-dawl, il-provvediment taʼ l-għaġeb mingħand Jehovah? Ġwanni kapitlu 9 jgħidilna li meta Ġesù fejjaq raġel imwieled agħma, dan ħassu mqanqal biex jesprimi l-apprezzament tiegħu. Kif? Hu poġġa fidi f’Ġesù bħala l-Iben t’Alla u stqarru pubblikament bħala “profeta.” Iktar minn hekk, bi qlubija kbira hu ta tweġiba lil dawk li pprovaw jiddisprezzaw il-miraklu taʼ Ġesù. (Ġwann 9:17, 30-34) L-appostlu Pietru jsejjaħ lill-membri midlukin tal-kongregazzjoni Kristjana “poplu li Alla kiseb għalih.” Għala? Għax għandhom l-istess spirtu taʼ gratitudni bħal dak ir-raġel li twieled agħma u tfejjaq. Huma juru apprezzament għal Jehovah, il-Benefattur tagħhom, billi jxandru maʼ kullimkien ‘it-tifħir taʼ dak li sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.’ (1 Pietru 2:9; Kolossin 1:13) Dawk bit-tama li jgħixu fuq l-art għandhom l-istess spirtu rikonoxxenti, u huma jappoġġaw lil ħuthom il-midlukin billi jxandru pubblikament “it-tifħir” taʼ Jehovah. Xi privileġġ imprezzabbli jagħti Alla lill-bnedmin imperfetti!
17, 18. (a) X’inhi r-responsabbiltà taʼ kull individwu? (b) Sabiex ikun bħal Timotju, kull Kristjan x’inhu inkuraġġit li jevita?
17 Li jkollna apprezzament mill-qalb lejn id-dawl tal-verità huwa vitali. Ftakar li ħadd minna ma jitwieled jaf il-verità. Xi wħud jitgħallmuha meta jikbru, u malajr jindunaw kemm id-dawl huwa superjuri għad-dlam. Oħrajn għandhom il-privileġġ speċjali li jkunu mrobbijin minn ġenituri li għandhom il-biżaʼ t’Alla. Għal dawn taʼ l-aħħar jistaʼ jkun faċli li ma japprezzawx id-dawl biżżejjed. Waħda Xhud li l-ġenituri tagħha kienu ilhom jaqdu lil Jehovah minn qabel ma twieldet hi tammetti li kien meħtieġ ħafna ħin u sforz min-naħa tagħha biex tifhem is-sinifikat sħiħ u l-importanza tal-veritajiet li kienet ġiet mgħallma minn ċkunitha. (2 Timotju 3:15) Kbar jew żgħar, ilkoll kemm aħna għandna bżonn nikkultivaw apprezzament profond lejn il-verità li rrivelalna Jehovah.
18 Iż-żagħżugħ Timotju kien ġie mgħallem “il-Kotba Mqaddsa” minn mindu kien żgħir, imma kien biss billi stinka fil-ministeru li hu kiseb il-maturità bħala Kristjan. (2 Timotju 3:15) B’riżultat taʼ dan, hu setaʼ jassisti lill-appostlu Pawlu, li ħeġġu: “Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità.” Jalla lkoll kemm aħna, bħal Timotju, nevitaw li nagħmlu xi ħaġa li tħammrilna wiċċna—jew inġagħlu lil Jehovah iħossu jistħi minħabba fina!—2 Timotju 2:15.
19. (a) Bħal David, x’għandna ngħidu lkoll kemm aħna? (b) X’se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss?
19 Għandna kull raġuni li nfaħħru lil Jehovah, li tana d-dawl tal-verità. Aħna ngħidu bħas-Sultan David: “Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi; Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi.” (2 Samwel 22:29) Xorta waħda, ma nissograwx insiru indifferenti, għax dan jistaʼ jwassalna biex naqgħu lura fid-dlam li ġejna merfugħin minnu. Għalhekk, l-artiklu li jmiss se jgħinna niżnu l-importanza li nagħtu lill-verità divina f’ħajjitna.
X’Tgħallimt?
• Jehovah kif jipprovdi tidwil spiritwali?
• Xi sfida jippreżenta d-dlam spiritwali taʼ madwarna?
• Liema perikli għandna nevitaw?
• Kif nistgħu nuru l-gratitudni tagħna għad-dawl tal-verità?
[Stampa f’paġna 8]
Jehovah hu s-sors tad-dawl fiżiku u spiritwali
[Stampa f’paġna 10]
Bħalma Ġesù fejjaq raġel agħma pass, pass, bl-istess mod hu jgħin lilna noħorġu mid-dlam spiritwali
[Stampa f’paġna 11]
Jekk nitqarrqu mid-dwal foloz taʼ Satana nispiċċaw f’nawfraġju spiritwali