Titu—“Ħaddiem Miegħi Għalikom”
XI KULTANT kienu jqumu l-problemi fil-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu. Dawn riedu jiġu solvuti, u dan kien jirrikjedi kuraġġ u ubbidjenza. Raġel li ffaċċja b’suċċess iktar minn sfida waħda taʼ din ix-xorta kien Titu. Bħala wieħed li kien jieħu sehem fix-xogħol maʼ l-appostlu Pawlu, hu għamel sforzi sinċieri biex jgħin lil oħrajn jagħmlu l-affarijiet bil-mod li ried Jehovah. Pawlu għalhekk qal lill-Kristjani f’Korintu li Titu kien “ħaddiem miegħi għalikom.”—2 Korintin 8:23.
Min kien Titu? Liema sehem kellu f’li jiġu solvuti l-problemi? U kif nistgħu nibbenefikaw billi nikkunsidraw il-kondotta tiegħu?
Il-Kwistjoni taċ-Ċirkonċiżjoni
Titu kien Grieg mhux ċirkonċiż. (Galatin 2:3)a Ladarba Pawlu jsejjaħlu “ibni veru fil-fidi tagħna lkoll,” Titu għandu mnejn kien wieħed mill-ulied spiritwali taʼ l-appostlu. (Titu 1:4; qabbel l-1 Timotju 1:2.) Titu kien maʼ Pawlu, Barnaba, u oħrajn minn Antjokja tas-Sirja meta dawn marru Ġerusalemm madwar is-sena 49 E.K. biex jiddiskutu l-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni.—Atti 15:1, 2; Galatin 2:1.
Hemm min jissuġġerixxi li, peress li f’Ġerusalemm kienet qed tiġi diskussa l-konverżjoni taʼ Ġentili li ma kinux ċirkonċiżi, Pawlu ħa lil Titu miegħu biex tingħata prova li l-Lhud u dawk li ma kinux Lhud setgħu jaqilgħu l-favur t’Alla sew jekk kienu ċirkonċiżi u sew jekk le. Xi membri tal-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm li qabel m’aċċettaw il-Kristjanità kienu Fariżej, argumentaw li l-Ġentili kkonvertiti kienu obbligati jiġu ċirkonċiżi u josservaw il-Liġi, imma dan l-argument ġie oppost. Li jġiegħlu lil Titu u lil Ġentili oħrajn jiġu ċirkonċiżi kien ikun ifisser li jiċħdu li s-salvazzjoni tiddependi fuq il-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah u fuq il-fidi f’Ġesù Kristu, u mhux fuq xogħlijiet tal-Liġi. Kienu jkunu wkoll qed iwarrbu l-evidenza li l-Ġentili, jew in-nies tal-ġnus, kienu rċevew l-ispirtu qaddis t’Alla.—Atti 15:5-12.
Mibgħut lejn Korintu
Meta l-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni ġiet solvuta, Pawlu u Barnaba ngħataw awtorità sħiħa biex jippridkaw lill-ġnus. Fl-istess ħin, huma għamlu ħilithom biex jiftakru fil-fqar. (Galatin 2:9, 10) Tabilħaqq, meta Titu jerġaʼ jissemma fil-kitba ispirata madwar sitt snin wara, hu jkun f’Korintu bħala l-mibgħut taʼ Pawlu biex jorganizza ġabra għall-qaddisin. Hekk kif Titu kien qed iwettaq din il-biċċa xogħol, iżda, hu sab ruħu f’sitwazzjoni oħra mimlija tensjoni.
Il-korrispondenza taʼ Pawlu lill-Korintin tirrivela li hu l-ewwel kitbilhom biex ma ‘jagħmluhiex maż-żienja.’ Kellu jgħidilhom biex ineħħu minn ġo nofshom lil wieħed raġel żieni li ma nidimx. Iva, Pawlu kitbilhom ittra qawwija, u għamel dan “bid-dmugħ.” (1 Korintin 5:9-13; 2 Korintin 2:4) Sadattant, Titu ntbagħat lejn Korintu biex jassisti fil-ġabra li kienet qed issir hemmhekk għal Kristjani Ġudeani li kienu fil-bżonn. Jistaʼ jkun li kien intbagħat ukoll biex josserva kif kienu qed iwieġbu l-Korintin għall-ittra taʼ Pawlu.—2 Korintin 8:1-6.
Il-Korintin kif kienu se jirreaġixxu għall-parir taʼ Pawlu? Billi kien ansjuż biex isir jaf, Pawlu għandu mnejn bagħat lil Titu minn Efesu san-naħa l-oħra tal-baħar Eġew lejn Korintu, b’istruzzjonijiet biex jirrapporta lura malajr kemm jistaʼ jkun. Jekk missjoni bħal din tlestiet qabel ma t-tbaħħir waqaf għax-xitwa (bejn wieħed u ieħor f’nofs Novembru), Titu setaʼ jmur Troas bil-vapur jew jieħu r-rotta itwal billi jivvjaġġa fuq l-art u jgħaddi mill-Ellespont. X’aktarx li Pawlu wasal fil-post miftiehem kmieni, għax minħabba l-irvell li qajmu l-arġentiera kellu jitlaq minn Efesu qabel il-waqt. Wara li qagħad jistenna mħasseb fi Troas, Pawlu rrealizza li Titu ma kienx se jiġi bil-baħar. Għalhekk, Pawlu rħielha jterraq bit-tama li jiltaqaʼ miegħu tul it-triq. Hekk kif rifes fuq art Ewropea, Pawlu probabbilment qabad il-Via Egnatia, u fl-aħħar iltaqaʼ maʼ Titu fil-Maċedonja. L-aħbar li dan tah minn Korintu kienet tajba, u Pawlu serraħ moħħu u feraħ bil-kbir. Il-kongregazzjoni kienet wieġbet b’mod favorevoli għall-parir taʼ l-appostlu.—2 Korintin 2:12, 13; 7:5-7.
Għalkemm Pawlu kien inkwieta dwar ix-xorta taʼ merħba li l-mibgħut tiegħu kien se jingħata, Alla għen lil Titu biex iwettaq l-inkarigu tiegħu. Titu kien intlaqaʼ “bil-biżaʼ u t-tregħid.” (2 Korintin 7:8-15) Biex nużaw il-kliem tal-kummentatur W. D. Thomas: “Nistgħu nassumu li mingħajr ma dgħajjef is-saħħa taċ-ċanfir taʼ Pawlu, [Titu] b’sengħa u b’tattika talab bil-ħniena lill-Korintin; u assigurahom li Pawlu kellimhom b’dak il-mod għax kellu l-benesseri spiritwali tagħhom f’moħħu.” Sadattant, Titu sar iħobb lill-Kristjani Korintin minħabba l-ispirtu ubbidjenti li kellhom u l-bidliet pożittivi li għamlu. L-attitudni taʼ min ifaħħarha tagħhom uriet li kienet sors taʼ inkuraġġiment għalih.
Xi ngħidu għall-aspett l-ieħor tal-missjoni taʼ Titu f’Korintu—li jorganizza l-ġabra għall-qaddisin fil-Ġudea? Titu kien qed jaħdem fuq din ukoll, bħalma nistgħu nikkonkludu mit-tagħrif li nsibu fit-2 Korintin. Din l-ittra probabbilment inkitbet fil-Maċedonja matul il-ħarifa tas-sena 55 E.K., ftit wara li ltaqgħu Titu u Pawlu. Pawlu kiteb li Titu, li kien beda l-ġabra, issa kien qed jintbagħat lura flimkien maʼ żewġ ajjutanti oħrajn, li isimhom ma jissemmiex, biex din titlesta. Billi kien interessat bis-serjetà fil-Korintin, Titu aċċetta li jmur lura bil-qalb kollha. Meta Titu kien fi triqtu lura lejn Korintu, x’aktarx li kien qed iġorr it-tieni ittra ispirata taʼ Pawlu lill-Korintin.—2 Korintin 8:6, 17, 18, 22.
Titu mhux biss kien organizzatur tajjeb imma kien ukoll ix-xorta taʼ raġel li setaʼ jiġi fdat b’inkarigi delikati f’sitwazzjonijiet diffiċli. Kien kuraġġuż, matur, u sod. Evidentement, Pawlu kien iqis lil Titu bħala wieħed li kien kapaċi jilqaʼ l-isfidi eżistenti, li kienu tqanqlu mill-“appostli l-kbar [“fini żżejjed,” NW]” taʼ Korintu. (2 Korintin 11:5) Din l-impressjoni taʼ Titu hija kkonfermata mid-dehra li jmiss tiegħu fl-Iskrittura, f’inkarigu ieħor li kien se jitlob ħafna minnu.
Fil-Gżira taʼ Kreta
Huwa probabbli li, f’xi żmien bejn is-sena 61 u 64 E.K., Pawlu kiteb lil Titu, li dik il-ħabta kien qed jaqdi fil-gżira Mediterranja taʼ Kreta. Pawlu kien ħallieh hemmhekk biex ‘iqassam kollox bl-ordni [‘iqiegħed f’lokhom il-ħwejjeġ li jonqsu,’ KŻ],’ u ‘jaħtar presbiteri f’kull belt.’ Fil-biċċa l-kbira, il-Kretin kellhom ir-reputazzjoni li kienu “giddibin, bhejjem qliel, żaqqiqin u għażżenin.” Għalhekk, fi Kreta, Titu għal darb’oħra kien se jeħtieġlu jaġixxi b’kuraġġ u b’sodizza. (Titu 1:5, 10-12) Din kienet biċċa xogħol taʼ ħafna responsabbiltà, għaliex x’aktarx li kienet se tiddetermina l-futur tal-Kristjanità f’din il-gżira. Pawlu, taħt ispirazzjoni, għen lil Titu billi speċifika x’kellu jfittex f’indokraturi potenzjali. Dawn il-kwalifiki għadhom jiġu kkunsidrati meta jiġu maħturin l-anzjani Kristjani.
L-Iskrittura ma tindikax meta Titu telaq minn Kreta. Dam biżżejjed hemmhekk biex Pawlu talbu jieħu ħsieb il-bżonnijiet taʼ Zena u Apollo, li kienu waqfu hemmhekk fi żmien li m’huwiex speċifikat waqt li kienu qed jivvjaġġaw. Imma Titu ma kienx se jdum wisq fil-gżira. Pawlu kien qed jippjana li jibgħat lil Artema jew lil Tikiku hemmhekk, u mbagħad Titu kellu jiltaqaʼ maʼ l-appostlu f’Nikopoli, li x’aktarx kienet il-belt prominenti b’dan l-isem li kienet tinsab fil-Majjistral tal-Greċja.—Titu 3:12, 13.
Mill-aħħar referenza qasira tal-Bibbja għal Titu, nitgħallmu li, probabbilment madwar is-sena 65 E.K., Pawlu bagħtu f’jerġaʼ inkarigu ieħor. Dan ħadu sad-Dalmazja, reġjun fil-Lvant tal-Baħar Adrijatiku fil-Kroazja tal-lum. (2 Timotju 4:10) Ma jintqalilniex x’kellu jagħmel Titu hemmhekk, imma ġie ssuġġerit li hu ntbagħat biex jirranġa l-affarijiet fil-kongregazzjoni u jieħu sehem f’attività missjunarja. Jekk inhu hekk, Titu kien ikun qed jaqdi fi rwol simili għal dak li kellu meta kien jaqdi fi Kreta.
Kemm aħna grati għal indokraturi Kristjani maturi bħal Titu! Il-fehma ċara tagħhom taʼ prinċipji Skritturali u l-applikar kuraġġuż taʼ dawn min-naħa tagħhom jgħinu biex jissalvagwardjaw l-ispiritwalità tal-kongregazzjoni. Ejjew nimitaw il-fidi tagħhom u nuru li aħna bħal Titu billi nippromwovu l-interessi spiritwali taʼ sħabna fit-twemmin.—Lhud 13:7.
[Nota taʼ taħt]
a Galatin 2:3 jiddeskrivi lil Titu bħala Grieg (Helʹlen). Dan għandu mnejn ifisser li kien taʼ dixxendenza Griega. Madankollu, xi wħud isostnu li xi kittieba Griegi wżaw il-forma plurali (Helʹle·nes) biex jirreferu għal uħud li ma kinux Griegi imma li kienu jitkellmu bil-Grieg u l-kultura tagħhom kienet Griega. Jistaʼ jkun li Titu kien Grieg f’dan is-sens.
[Stampa f’paġna 31]
Titu kien ħaddiem sieħeb kuraġġuż għall-interessi tal-Kristjani f’Korintu u postijiet oħrajn