KAPITLU 5
Indokraturi biex jirgħu l-merħla
MATUL il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù ta prova li hu kien “ir-ragħaj mill-aħjar.” (Ġw. 10:11) Malli ra l-folol li kienu qed isegwuh bil-ħerqa, hu “tħassarhom, għax kienu maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mt. 9:36) Pietru u l-appostli l-oħrajn innotaw l-interess bi mħabba li wera. Kemm kien differenti Ġesù mir-ragħajja foloz tal-Iżrael, li tant kienu ttraskuraw lill-merħla li n-nagħaġ xterdu u sfaw imġewħin spiritwalment! (Eżek. 34:7, 8) L-eżempju mill-aħjar taʼ Ġesù fit-tagħlim u f’kif ħa ħsieb lin-nagħaġ, saħansitra sal-punt li ta ħajtu għalihom, għallem lill-appostli kif jgħinu lil dawk taʼ fidi biex jirritornaw lejn Ġeħova, ‘ir-ragħaj u l-indokratur taʼ ruħhom.’—1 Pt. 2:25.
2 Meta darba kien qed jitkellem maʼ Pietru, Ġesù enfasizza l-importanza taʼ li wieħed jitmaʼ u jirgħa lin-nagħaġ. (Ġw. 21:15-17) Bla dubju, Pietru tqanqal ħafna b’dan u iktar tard wissa lill-anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana bikrija: “Irgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħkom, mhux bilfors, imma minn jeddkom; mhux għall-imħabba tal-qligħ diżonest, imma bil-ħerqa; u mhux billi tiddominaw fuq dawk li huma l-wirt t’Alla, imma billi ssiru eżempji għall-merħla.” (1 Pt. 5:1-3) Il-kliem taʼ Pietru japplika wkoll għall-indokraturi fil-kongregazzjoni llum. L-anzjani jimitaw lil Ġesù u jaqdu minn jeddhom u bil-ħerqa bħala eżempji għall-merħla, u jieħdu t-tmexxija fis-servizz taʼ Ġeħova.—Ebr. 13:7.
L-anzjani jimitaw lil Ġesù u jaqdu minn jeddhom u bil-ħerqa bħala eżempji għall-merħla, u jieħdu t-tmexxija fis-servizz taʼ Ġeħova
3 Għandna għal xiex inkunu grati għall-indokraturi maħturin bl-ispirtu fil-kongregazzjoni. Il-benefiċċji li nirċievu milli jieħdu ħsiebna huma ħafna. Pereżempju, l-indokraturi jagħtu inkuraġġiment u attenzjoni persunali lil kull individwu tal-kongregazzjoni. Kull ġimgħa huma jippresiedu bir-reqqa fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, fejn dawk kollha fil-fidi jiġu mitmugħin. (Rum. 12:8) L-isforzi tagħhom biex jipproteġu lill-merħla mill-ħsara, bħalma huma rġiel mill-agħar, jikkontribwixxu għas-sigurtà tagħna. (Is. 32:2; Titu 1:9-11) It-tmexxija tagħhom fil-ministeru tal-għalqa tinkuraġġina nibqgħu attivi fl-ippritkar tal-aħbar tajba regolarment kull xahar. (Ebr. 13:15-17) Permezz taʼ dawn l-“irġiel bħala għotjiet,” Ġeħova pprovda mezz biex tinbena l-kongregazzjoni.—Efes. 4:8, 11, 12.
KWALIFIKI GĦALL-INDOKRATURI
4 Sabiex il-kongregazzjoni żgur ikollha min jieħu ħsiebha kif jixraq, irġiel maħturin biex jaqdu bħala indokraturi jridu jissodisfaw il-ħtiġijiet imniżżlin fil-Kelma t’Alla. Huwa biss jekk jikkwalifikaw f’dawn il-ħtiġijiet li jistaʼ jingħad li dawn jinħatru bl-ispirtu qaddis. (Atti 20:28) Ngħiduha kif inhi, il-livelli Skritturali għall-indokraturi Kristjani huma għoljin, ladarba li wieħed ikun indokratur hi responsabbiltà serja. Imma l-livelli mhumiex daqshekk għoljin li ma jistgħux jintlaħqu minn irġiel Kristjani li għandhom imħabba vera għal Ġeħova u li jixtiequ jintużaw minnu. Għandu jkun ovvju għal kulħadd li l-indokraturi huma individwi li japplikaw il-pariri tal-Bibbja fil-ħajja taʼ kuljum.
Sabiex il-kongregazzjoni żgur ikollha min jieħu ħsiebha kif jixraq, irġiel maħturin biex jaqdu bħala indokraturi jridu jissodisfaw il-ħtiġijiet imniżżlin fil-Kelma t’Alla
5 L-appostlu Pawlu niżżel il-ħtiġijiet bażiċi għall-indokraturi fl-ewwel ittra tiegħu lil Timotju u fl-ittra tiegħu lil Titu. Fl-1 Timotju 3:1-7 naqraw: “Jekk raġel qed jirsisti għal kariga taʼ indokratur, ikun jixtieq xogħol tajjeb. Għalhekk, l-indokratur għandu jkun bniedem li ma ssibx xi tgħid fih, raġel taʼ mara waħda, moderat fi drawwietu, għandu moħħu f’loku, jimxi bl-ordni, juri l-ospitalità, ikun kwalifikat biex jgħallem, ma jiskirx u jaqlaʼ l-inkwiet, ma jsawwatx, imma jkun raġunevoli, mhux ġellied, mhux wieħed li jħobb il-flus, raġel li jippresiedi fuq dawk taʼ daru bl-aħjar mod u li għandu wliedu sottomessi bis-serjetà kollha; (għax jekk raġel ma jafx jippresiedi fuq dawk taʼ daru stess, kif se jieħu ħsieb il-kongregazzjoni t’Alla?) mhux raġel li għadu kif ikkonverta, li ma jmurx jitkabbar u jaqaʼ fl-istess ġudizzju li ngħata lix-Xitan. Iktar minn hekk, għandu jkollu wkoll xiehda tajba min-nies taʼ barra, sabiex ma jaqax fl-għajb u fin-nassa tax-Xitan.”
6 Pawlu kiteb lil Titu: “Għal din ir-raġuni ħallejtek fi Kreta, biex tkun tistaʼ tikkoreġi l-affarijiet difettużi u tkun tistaʼ taħtar anzjani f’belt wara l-oħra, bħalma ordnajtlek. Min jinħatar m’għandux ikollu fuqiex jiġi akkużat, ikun raġel taʼ mara waħda, li għandu tfal jemmnu u m’humiex akkużati li huma sfrattati jew ribellużi. Għax indokratur m’għandux ikollu fuqiex jiġi akkużat bħala l-prokuratur t’Alla, m’għandux ikun taʼ rasu, ma jitilgħulux malajr, ma jiskirx u jaqlaʼ l-inkwiet, ma jsawwatx, mhux rgħib għal qligħ diżonest, imma għandu juri l-ospitalità, iħobb it-tjubija, ikun moħħu f’loku, ġust, leali, irażżan lilu nnifsu; u fil-mod kif jgħallem iżomm sod mal-kelma li tistaʼ tafdaha, biex ikun jistaʼ jħeġġeġ bit-tagħlim mimli saħħa u jwiddeb lil dawk li jikkontradixxu.”—Titu 1:5-9.
7 Għalkemm il-ħtiġijiet Skritturali għall-indokraturi jistgħu għall-ewwel jidhru diffiċli ħafna, irġiel Kristjani m’għandhomx joqogħdu lura milli jirsistu. Meta juru kwalitajiet Kristjani mill-aħjar meħtieġa minn indokraturi, huma jinkuraġġixxu lil oħrajn fil-kongregazzjoni biex jagħmlu l-istess. Pawlu kiteb li “rġiel bħala għotjiet” bħal dawn huma provduti “bil-ħsieb li jerġgħu jiġu aġġustati l-qaddisin, għal xogħol ministerjali, biex jinbena l-ġisem tal-Kristu, sakemm ilkoll naslu għall-unità fil-fidi u fl-għarfien eżatt dwar l-Iben t’Alla, għal-livell taʼ raġel li kiber għalkollox, għall-qjies taʼ statura li jiġi mill-milja tal-Kristu.”—Efes. 4:8, 12, 13.
8 L-indokraturi mhumiex sempliċement tfal jew irġiel li għadhom kif ikkonvertew. Pjuttost, huma individwi b’esperjenza fil-ħajja Kristjana, għandhom għarfien tajjeb dwar il-Bibbja, fehma profonda tal-Iskrittura, u mħabba ġenwina għall-kongregazzjoni. Għandhom il-kuraġġ li jitkellmu u jikkoreġu lil dawk li jkunu għamlu l-ħażen, u b’hekk jipproteġu lill-merħla minn min b’egoiżmu jistaʼ jieħu vantaġġ minnhom. (Is. 32:2) L-indokraturi faċilment jintgħarfu minn kulħadd fil-kongregazzjoni bħala rġiel maturi spiritwalment li jinteressahom ġenwinament mill-merħla t’Alla.
9 Dawk li jikkwalifikaw għall-ħatra bħala indokraturi juru għerf prattiku f’ħajjithom. Jekk ikun miżżewweġ, indokratur għandu jkun qed iżomm mal-livell Kristjan għaż-żwieġ, jiġifieri, ikun raġel taʼ mara waħda u jippresiedi fuq dawk taʼ daru bl-aħjar mod. Jekk l-indokratur ikollu tfal jemmnu u jkunu sottomessi bis-serjetà kollha u ma jkunux akkużati li huma sfrattati jew ribellużi, il-kongregazzjoni tkun tistaʼ tavviċinah bil-fiduċja kollha għal pariri dwar il-ħajja tal-familja u dik Kristjana. L-indokratur hu wkoll bniedem li ma ssibx xi tgħid fih u li ma jkollux fuqiex jiġi akkużat, u li jkollu wkoll xhieda tajba anki min-nies taʼ barra. L-ebda akkuża valida taʼ kondotta mhix xierqa ma tkun tistaʼ tinġieb kontrih biex ittebbaʼ r-reputazzjoni tal-kongregazzjoni. Ma jridx ikun għadu kif ġie mwiddeb għal għemil ħażin serju. Oħrajn fil-kongregazzjoni jitqanqlu biex jimitaw l-eżempju mill-aħjar tiegħu u jkunu ferħanin li jafdaw il-ħajja spiritwali tagħhom f’idejh.—1 Kor. 11:1; 16:15, 16.
10 Irġiel kwalifikati bħal dawn huma kapaċi jaqdu l-kongregazzjoni Kristjana fi rwol simili għal dak tal-anzjani fl-Iżrael li ġew deskritti bħala “għorrief u għaqlin u bl-esperjenza.” (Dt. 1:13) L-anzjani Kristjani mhumiex bla dnub, imma huma magħrufin fil-kongregazzjoni u fil-komunità bħala rġiel retti u li jibżgħu minn Alla, u li għal tul taʼ żmien urew li jgħixu ħajjithom f’armonija mal-prinċipji t’Alla. Il-fatt li huma bla ħtija jagħtihom il-libertà tal-kelma quddiem il-kongregazzjoni.—Rum. 3:23.
11 Irġiel li jikkwalifikaw għall-ħatra taʼ indokraturi juru moderazzjoni fid-drawwiet personali tagħhom u f’kif iġibu ruħhom maʼ ħaddieħor. Mhumiex fanatiċi. Pjuttost, il-ħajja tagħhom hi karatterizzata minn bilanċ u rażan. Il-moderazzjoni tagħhom tintwera f’affarijiet bħall-ikel, ix-xorb, ir-rikreazzjoni, il-passatempi, u d-divertiment. Huma moderati fl-użu tax-xorb alkoħoliku ħalli ħadd ma jkun jistaʼ jakkużahom li jiskru jew li huma sakranazzi. Wieħed li s-sensi tiegħu jkunu ddgħajfu b’xorb li jsakkar faċilment jitlef ir-rażan u ma jkunx f’pożizzjoni li jieħu ħsieb l-interessi spiritwali tal-kongregazzjoni.
12 Sabiex jieħu ħsieb il-kongregazzjoni, jirrikjedi li raġel juri ċertu ammont taʼ ordni. Id-drawwiet tajbin tiegħu huma riflessi fid-dehra personali tiegħu, f’daru, u fl-attivitajiet tiegħu taʼ kuljum. Raġel bħal dan jevita t-tnikkir; hu kapaċi jara xi jkun meħtieġ u jippjana skont il-bżonn. Hu jżomm maʼ prinċipji divini.
13 Indokratur għandu jkun raġunevoli. Irid ikun kapaċi jaħdem f’unità maʼ oħrajn fil-ġemgħa tal-anzjani u jikkoopera magħhom. Għandu jkollu ħarsa xierqa tiegħu nnifsu u ma jitlobx iżżejjed minn ħaddieħor. Bħala persuna raġunevoli, l-indokratur mhux taʼ rasu, billi jaħseb li l-opinjonijiet tiegħu huma superjuri għal dawk tal-anzjani sħabu. Oħrajn jistgħu jispikkaw fi kwalitajiet jew abbiltajiet li hu forsi ma jkollux. Anzjan juri r-raġunevolezza billi jibbaża l-konklużjonijiet tiegħu fis-sod fuq l-Iskrittura u billi jagħmel ħiltu biex jimita l-eżempju taʼ Ġesù Kristu. (Flp. 2:2-8) Anzjan mhux ġellied jew xi ħadd li jsawwat, imma juri rispett xieraq lejn oħrajn, jikkunsidrahom bħala superjuri għalih. Mhuwiex taʼ rasu, dejjem jinsisti li tgħaddi tiegħu jew li l-opinjoni tiegħu tiġi aċċettata. Hu wieħed li ma jitilgħulux malajr, imma jżomm il-paċi meta jittratta maʼ oħrajn.
14 B’mod simili, wieħed li jikkwalifika biex jaqdi bħala indokratur fil-kongregazzjoni hu moħħu f’loku. Dan ifisser li jkun kalm u sensibbli, ma jgħaġġilx biex jieħu deċiżjonijiet. Hu jifhem sewwa l-prinċipji taʼ Ġeħova u kif jiġu applikati. Xi ħadd li hu moħħu f’loku jaċċetta l-pariri u d-direzzjoni. Mhuwiex ipokrita.
15 Pawlu fakkar lil Titu li indokratur hu wieħed li jħobb it-tjubija. Għandu jkun ġust u leali. Dawn il-kwalitajiet jidhru f’kif jittratta maʼ oħrajn u fil-waqfa soda tiegħu għal dak li hu sewwa u tajjeb. Hu riżolut fid-devozzjoni tiegħu lejn Ġeħova u hu konsistenti f’li jżomm prinċipji ġusti. Hu kapaċi jżomm il-kunfidenzjalità. Hu wkoll ġenwinament ospitabbli, jagħti minnu nnifsu u minn dak li għandu liberament għall-benefiċċju taʼ oħrajn.—Atti 20:33-35.
16 Sabiex ikun jistaʼ jwettaq l-inkarigu tiegħu effettivament, indokratur jeħtieġ li jkun kwalifikat biex jgħallem. Skont il-kliem taʼ Pawlu lil Titu, l-indokratur għandu “jżomm sod mal-kelma li tistaʼ tafdaha, biex ikun jistaʼ jħeġġeġ bit-tagħlim mimli saħħa u jwiddeb lil dawk li jikkontradixxu.” (Titu 1:9) Hu kapaċi jirraġuna, jipproduċi evidenza, jegħleb oġġezzjonijiet, u japplika l-Iskrittura b’tali mod li ħaddieħor jikkonvinċi ruħu u jsaħħaħ il-fidi tiegħu. L-indokratur jeżerċita l-abbiltà tat-tagħlim bħal din f’ċirkustanzi favorevoli kif ukoll fi żmien taʼ inkwiet. (2 Tim. 4:2) Hu għandu l-paċenzja li hemm bżonn biex iwiddeb bil-ħlewwa lil xi ħadd li jkun fl-iżball jew biex jikkonvinċi lil xi ħadd li għandu dubju u jqanqlu biex jagħmel xogħlijiet tajbin fuq il-bażi tal-fidi. Li jkun kwalifikat biex jgħallem quddiem udjenza jew lil xi ħadd ras imb ras jagħti prova li l-indokratur jissodisfa din il-ħtieġa importanti.
17 Hu importanti li l-anzjani jieħdu sehem żeluż fil-ministeru. Għandu jkun evidenti li anke b’dan il-mod huma qed jistinkaw biex jimitaw lil Ġesù, li qies l-ippritkar tal-aħbar tajba bħala prijorità. Ġesù ħa interess fid-dixxipli tiegħu u għenhom ikunu evanġelizzaturi effettivi. (Mk. 1:38; Lq. 8:1) Id-determinazzjoni li l-anzjani għandhom biex iqattgħu l-ħin fil-ministeru minkejja l-iskeda mimlija tagħhom, tħeġġeġ lill-kongregazzjoni kollha biex ikollha żelu simili. U meta l-anzjani jippritkaw mal-membri tal-familja tagħhom stess kif ukoll maʼ oħrajn fil-kongregazzjoni, huma ‘jinkuraġġixxu lil xulxin.’—Rum. 1:11, 12.
18 Dan kollu jistaʼ jidher li hu ħafna x’tistenna minn xi ħadd li jaqdi bħala indokratur. Bla dubju, l-ebda indokratur ma jistaʼ jissodisfa perfettament il-livell għoli mniżżel fil-Bibbja, imma l-ebda wieħed mill-indokraturi maħturin fil-kongregazzjoni m’għandu jkun daqstant nieqes minn xi waħda minn dawn il-kwalitajiet li dan in-nuqqas ikun jistaʼ jitqies bħala dgħufija serja. Xi anzjani jistaʼ jkollhom ċerti kwalitajiet li jispikkaw, filwaqt li oħrajn jistgħu jispikkaw f’affarijiet oħra. Ir-riżultat hu li l-ġemgħa bħala grupp ikollha l-kwalitajiet tajbin kollha li huma meħtieġa biex jiġi eżerċitat indokrar xieraq tal-kongregazzjoni t’Alla.
19 Meta l-anzjani bħala ġemgħa jirrakkomandaw irġiel bħala indokraturi, iridu jżommu f’moħħhom kliem l-appostlu Pawlu: “Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq; imma jaħseb b’tali mod li jkollu moħħ f’loku, kull wieħed skond il-qjies taʼ fidi li tah Alla.” (Rum. 12:3) Kull anzjan għandu jqis lilu nnifsu bħala wieħed mill-iżgħar. Ħadd m’għandu jkun “ġust iżżejjed” meta jikkunsidra l-kwalifiki taʼ oħrajn. (Ekk. 7:16) Billi jkollhom ċar f’moħħhom il-ħtiġijiet Skritturali għall-indokraturi, l-anzjani bħala ġemgħa għandhom jiddeterminaw jekk ħu li jkun qed jiġi kunsidrat jissodisfax dawn il-livelli raġunevolment. Billi jqisu l-imperfezzjonijiet umani kif ukoll billi ma jkunux parzjali u ipokriti, l-anzjani jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom b’tali mod li juri rispett xieraq lejn il-livelli ġusti taʼ Ġeħova u li hu għall-ġid tal-kongregazzjoni. Huma jikkunsidraw bit-talb kull rakkomandazzjoni u jsegwu d-direzzjoni tal-ispirtu qaddis t’Alla. Din hija waħda mir-responsabbiltajiet serji li jġorru, u għandhom jagħmlu dan fi qbil mat-twissija taʼ Pawlu: “Qatt tgħaġġel biex tqiegħed idejk fuq xi raġel biex taħtru.”—1 Tim. 5:21, 22.
IL-FROTT TAL-ISPIRTU
20 Irġiel kwalifikati spiritwalment jagħtu evidenza li huma mmexxijin bl-ispirtu qaddis u juru l-frott tiegħu f’ħajjithom. Pawlu jniżżel id-disaʼ aspetti tal-frott tal-ispirtu bħala li huma “l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna.” (Gal. 5:22, 23) Indokraturi bħal dawn huma taʼ serħan għall-aħwa u jgħinu biex il-kongregazzjoni tkun magħquda f’li tagħti servizz sagru. Il-mod kif iġibu ruħhom u l-frott taʼ xogħolhom juru li huma maħturin bl-ispirtu qaddis.—Atti 20:28.
IRĠIEL LI JIPPROMWOVU L-UNITÀ
21 Hu vitali li l-anzjani jaħdmu flimkien biex jippromwovu l-unità fil-kongregazzjoni. Jistaʼ jkun li jkollhom personalitajiet differenti ħafna, imma jżommu l-unità tal-ġemgħa billi jisimgħu lil xulxin bir-rispett, għalkemm forsi ma jaqblux fuq kull ħaġa li jiddiskutu. Sakemm ma jkun qed jinkiser ebda prinċipju Bibliku, kull wieħed irid ikun lest li jċedi u jappoġġa d-deċiżjoni finali tal-ġemgħa tal-anzjani. Wieħed li jkun lest li jċedi jkun qed juri li hu gwidat bl-“għerf li ġej minn fuq,” li ‘jġib il-paċi u hu raġunevoli.’ (Ġak. 3:17, 18) L-ebda anzjan m’għandu jaħseb li hu fuq l-oħrajn, u l-ebda anzjan m’għandu jipprova jiddomina lill-oħrajn. L-anzjani tassew ikunu qed jikkooperaw maʼ Ġeħova meta jikkooperaw bħala ġemgħa għall-ġid tal-kongregazzjoni.—1 Kor., kap. 12; Kol. 2:19.
JIRSISTU GĦALL-KARIGA
22 Irġiel Kristjani maturi għandhom ikollhom ix-xewqa li jsiru indokraturi. (1 Tim. 3:1) Madankollu, li taqdi bħala anzjan jinvolvi xogħol u sagrifiċċji persunali. Ifisser li wieħed jagħmel lilu nnifsu disponibbli biex jaqdi l-bżonnijiet tal-aħwa, li jieħu ħsieb l-interessi spiritwali tagħhom. Li wieħed jirsisti biex isir indokratur ifisser li jagħmel l-aħjar li jistaʼ biex jissodisfa l-kwalifiki mniżżlin fl-Iskrittura.
ĊIRKUSTANZI PERSUNALI JISTGĦU JINBIDLU
23 Ħu li jkun qeda fedelment għal żmien twil jistaʼ jimrad fiżikament jew isir inkapaċi b’xi mod ieħor. Forsi minħabba età avanzata, hu forsi ma jkunx jistaʼ jibqaʼ jieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet taʼ indokratur. Minkejja dan, hu xorta għandu jiġi rispettat u jitqies bħala anzjan dment li jibqaʼ maħtur. M’għandux għalfejn jirriżenja mill-kariga minħabba l-limitazzjonijiet tiegħu. Xorta jkun għadu denju tal-unur doppju li jingħata lill-anzjani kollha li jaħdmu iebes u li jaqdu bl-aħjar mod skont l-abbiltajiet li għandhom f’li jirgħu l-merħla.
24 Imma jekk ħu jħoss li jkun aħjar għalih li jirriżenja mill-kariga tiegħu minħabba ċirkustanzi personali li jkunu nbidlu u li jillimitawlu l-abbiltà biex jaqdi, jistaʼ jagħżel li jagħmel hekk. (1 Pt. 5:2) Hu xorta għandu jintwera rispett. Xorta jistaʼ jagħmel ħafna ġid fil-kongregazzjoni, avolja ma jibqax ikollu inkarigi u responsabbiltajiet li jingħataw lill-anzjani.
POŻIZZJONIJIET TAʼ RESPONSABBILTÀ FIL-KONGREGAZZJONI
25 L-anzjani jieħdu ħsieb diversi responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. Hemm koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani, segretarju, indokratur tas-servizz, ħu li jikkonduċi l-Istudju tat-Torri tal-Għassa, u indokratur tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna. Ħafna mill-anzjani jaqdu bħala indokraturi tal-grupp. L-anzjani jaqdu f’dawn il-pożizzjonijiet għal żmien indefinit. Ovvjament, jintgħażel anzjan ieħor biex jieħu ħsieb l-inkarigu jekk ħu jmur f’kongregazzjoni oħra, ma jkunx għadu jistaʼ jieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet tiegħu minħabba raġunijiet taʼ saħħa, jew inkella ma jibqax jikkwalifika minħabba li jonqos li jissodisfa l-ħtiġijiet Skritturali. F’kongregazzjonijiet fejn in-numru taʼ indokraturi hu limitat, jistaʼ jkun hemm bżonn li anzjan jieħu ħsieb iktar minn inkarigu wieħed sakemm aħwa oħrajn jikkwalifikaw biex jinħatru bħala anzjani.
26 Il-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani jaqdi bħala chairman fil-laqgħat tal-ġemgħa tal-anzjani. Bl-umiltà jaħdem mal-anzjani l-oħra f’li jieħu ħsieb il-merħla t’Alla. (Rum. 12:10; 1 Pt. 5:2, 3) Għandu jkun jaf jorganizza tajjeb u kapaċi jippresiedi b’diliġenza.—Rum. 12:8.
27 Is-segretarju jieħu ħsieb ir-rekords tal-kongregazzjoni u jżomm lill-anzjani informati dwar komunikazzjonijiet importanti. Jekk ikun hemm bżonn, anzjan ieħor jew qaddej ministerjali kapaċi jistaʼ jiġi inkarigat biex jgħinu.
28 L-arranġamenti għall-attivitajiet tas-servizz tal-għalqa u affarijiet oħrajn li għandhom x’jaqsmu mas-servizz jaqgħu taħt id-direzzjoni tal-indokratur tas-servizz. Hu jagħmel skeda għal żjajjar regulari lill-gruppi tas-servizz tal-għalqa kollha ħalli jżur grupp differenti għal tmiem il-ġimgħa wieħed kull xahar. F’kongregazzjonijiet żgħar, fejn hemm ftit gruppi tas-servizz, jistaʼ jżur kull grupp darbtejn fis-sena. Waqt iż-żjara tiegħu, hu jikkonduċi l-laqgħat tas-servizz tal-għalqa, jaħdem mal-grupp fil-ministeru, u jgħin lill-pubblikaturi fiż-żjajjar lura u fl-istudji tal-Bibbja.
L-INDOKRATURI TAL-GRUPP
29 Wieħed mill-privileġġi importanti fil-kongregazzjoni hu li anzjan jaqdi bħala indokratur tal-grupp. Ir-responsabbiltajiet tiegħu jinkludu li (1) jieħu interess attiv fl-ispiritwalità taʼ kull persuna fil-grupp tas-servizz tal-għalqa; (2) jgħin lil kull wieħed fil-grupp ikollu sehem regulari, sinifikanti, u ferrieħi fil-ministeru; u (3) jgħin u jħarreġ lill-qaddejja ministerjali fil-grupp biex jirsistu u biex jikkwalifikaw għal responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. Il-ġemgħa tal-anzjani tiddetermina liema aħwa rġiel huma l-iktar kwalifikati biex iwettqu dawn l-aspetti kollha tal-inkarigu.
30 Minħabba n-natura tal-inkarigu, jekk jistaʼ jkun, l-indokraturi tal-grupp għandhom ikunu anzjani. Jew jistaʼ jaqdi qaddej ministerjali kapaċi sakemm jieħu postu anzjan. Qaddej ministerjali li jkun qed jaħdem f’din il-kapaċità jissejjaħ qaddej tal-grupp peress li ma jkunx jaqdi bħala indokratur fil-kongregazzjoni. Minflok, hu jaħdem taħt id-direzzjoni tal-anzjani f’li jieħu ħsieb ir-responsabbiltà tiegħu.
31 Aspett importanti tax-xogħol tal-indokratur tal-grupp hu li jieħu t-tmexxija fil-ministeru tal-għalqa. Ir-regolarità, iż-żelu, u l-entużjażmu li hu juri se jinkuraġġixxu lil dawk fil-grupp tiegħu. Minħabba li l-pubblikaturi japprezzaw l-inkuraġġiment u l-għajnuna li jiġu milli jkunu flimkien, ikun tajjeb li jkun hemm skeda għal għoti taʼ xhieda bħala grupp li tkun konvenjenti għall-maġġoranza. (Lq. 10:1-16) L-indokratur irid ikun ċert li dejjem ikun hemm biżżejjed territorju. Ġeneralment hu jikkonduċi l-laqgħa għas-servizz tal-għalqa u jorganizza lill-pubblikaturi għall-attività taʼ dakinhar. Meta ma jkunx jistaʼ jkun preżenti, għandu jagħmel arranġamenti biex anzjan ieħor, qaddej ministerjali jew, jekk ħadd minn dawn mhu disponibbli, pubblikatur kwalifikat jieħu ħsieb dawn ir-responsabbiltajiet sabiex il-pubblikaturi jkollhom id-direzzjoni li jeħtieġu.
32 L-indokratur tal-grupp għandu jippjana bil-quddiem għaż-żjara tal-indokratur tas-servizz billi jinforma lill-grupp tiegħu biż-żjara u jibni antiċipazzjoni għall-benefiċċji li se tħalli. Meta kulħadd fil-grupp ikun informat tajjeb dwar l-arranġament, huma jkunu jistgħu jagħtu s-sapport tagħhom bl-entużjażmu.
33 Kull grupp tas-servizz jinżamm żgħir apposta. Dan jippermetti lill-indokratur tal-grupp isir jaf tajjeb lil dawk kollha assenjati fih. Bħala ragħaj taʼ mħabba, hu interessat ħafna f’kull wieħed minnhom. Hu jipprova jagħtihom għajnuna u inkuraġġiment personali biex joħorġu fil-ministeru tal-għalqa u biex jappoġġaw il-laqgħat tal-kongregazzjoni. Ukoll, jipprova jagħmel kulma hu xieraq biex jgħin lil kull persuna tibqaʼ b’saħħitha spiritwalment. Dawk li jimirdu jew isiru dipressi se jibbenefikaw minn żjara personali. Suġġeriment inkuraġġanti jew kelma taʼ parir tistaʼ tħeġġeġ lil xi wħud jirsistu għal iżjed privileġġi fil-kongregazzjoni, u b’hekk ikunu jistgħu jgħinu iżjed lil ħuthom. Loġikament, il-biċċa l-kbira tal-isforzi tal-indokratur tal-grupp se jsiru biex jgħin lil dawk fil-grupp tiegħu stess. Madankollu, bħala anzjan u ragħaj, hu bi mħabba jimpurtah minn kulħadd fil-kongregazzjoni u jkun lest li jgħin lil kull min hu fil-bżonn.—Atti 20:17, 28.
34 Responsabbiltà waħda tal-indokratur tal-grupp hi li jgħin biex jinġabru r-rapporti tas-servizz tal-għalqa mingħand dawk fil-grupp tas-servizz tiegħu. Dawn ir-rapporti jingħataw lis-segretarju. Pubblikaturi individwali jistgħu jgħinu lill-indokratur tal-grupp billi jagħtu r-rapporti tas-servizz tal-għalqa tagħhom fil-pront. Dan jistaʼ jsir billi jagħtu r-rapporti tagħhom direttament lill-indokratur tal-grupp fl-aħħar taʼ kull xahar jew billi jpoġġuhom fil-kaxxa apposta għar-rapporti tas-servizz tal-għalqa fis-Sala tas-Saltna.
IL-KUMITAT TAS-SERVIZZ TAL-KONGREGAZZJONI
35 Hemm ċerti responsabbiltajiet li jieħu ħsiebhom il-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni, li jikkonsisti mill-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani, is-segretarju, u l-indokratur tas-servizz. Pereżempju, il-kumitat tas-servizz japprova l-użu tas-Sala tas-Saltna għal tiġijiet u funerali u hu responsabbli biex jiġu assenjati pubblikaturi fil-gruppi tas-servizz tal-għalqa. Il-kumitat japprova wkoll applikazzjonijiet għal servizz taʼ pijunier regolari u awżiljarju u forom oħra taʼ servizz. Il-kumitat tas-servizz jaqdi taħt id-direzzjoni tal-ġemgħa tal-anzjani.
36 L-uffiċċju tal-fergħa jipprovdi struzzjonijiet għar-responsabbiltajiet speċifiċi taʼ dawn l-aħwa, flimkien maʼ dawk tal-ħu li jikkonduċi l-Istudju tat-Torri tal-Għassa, tal-indokratur tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna, u taʼ oħrajn li jifformaw il-ġemgħa tal-anzjani.
37 Il-ġemgħa tal-anzjani f’kull kongregazzjoni tiltaqaʼ minn żmien għal żmien biex tiddiskuti affarijiet relatati mal-progress spiritwali tal-kongregazzjoni. Minbarra l-laqgħa tal-anzjani li tinżamm waqt iż-żjara tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet, issir laqgħa tal-anzjani madwar tliet xhur wara kull żjara tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. M’għandniex xi ngħidu, l-anzjani jistgħu jiltaqgħu fi kwalunkwe ħin li jiddettaw iċ-ċirkustanzi.
KUN SOTTOMESS
38 L-indokraturi huma rġiel imperfetti; madankollu kull wieħed fil-kongregazzjoni hu mħeġġeġ ikun sottomess lejhom għax dan hu l-arranġament taʼ Ġeħova. Hu se jitlob kont mill-indokraturi għall-azzjonijiet tagħhom. Huma qed jirrappreżentaw lilu u t-tmexxija teokratika tiegħu. Ebrej 13:17 jgħid: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont; sabiex dan jagħmluh bil-ferħ u mhux bit-tnehid, għax inkella jkun taʼ ħsara għalikom.” Bħalma Ġeħova juża l-ispirtu qaddis biex jaħtar raġel, Ġeħova se juża l-istess spirtu qaddis biex ineħħi raġel milli jaqdi bħala indokratur jekk jonqos milli juri l-frott tal-ispirtu u ma jgħixx skont il-ħtiġijiet Skritturali.
39 Aħna verament napprezzaw ix-xogħol iebes u l-eżempju mill-aħjar tal-indokraturi tal-kongregazzjoni! Meta kiteb lill-kongregazzjoni f’Tessalonika, Pawlu ħeġġeġ lill-aħwa: “Nitolbukom, aħwa, biex tistmaw lil dawk li qegħdin jaħdmu iebes fostkom u jippresiedu fuqkom fil-Mulej u jwissukom; u turuhom konsiderazzjoni kbira bl-imħabba għax-xogħol tagħhom.” (1 Tess. 5:12, 13) Ħafna mix-xogħol iebes tal-indokraturi tal-kongregazzjoni jagħmel is-servizz tagħna lil Alla eħfef u iżjed pjaċevoli. Ukoll, fl-ewwel ittra tiegħu lil Timotju, Pawlu semma l-attitudni li dawk fil-kongregazzjoni għandhom jikkultivaw lejn l-indokraturi, meta qal: “L-anzjani li jippresiedu bl-aħjar mod ħa jitqiesu li huma denji t’unur doppju, speċjalment dawk li jaħdmu iebes biex jitkellmu u jgħallmu l-kelma t’Alla.”—1 Tim. 5:17.
POŻIZZJONIJIET OĦRA TAʼ RESPONSABBILTÀ FL-ORGANIZZAZZJONI
40 Kultant, anzjani magħżulin jinħatru biex jaqdu bħala membri taʼ Gruppi li Jżuru lill-Pazjenti. Oħrajn jaqdu f’Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-Isptarijiet u jżuru sptarijiet u tobba biex jinkuraġġixxu kura kontinwa u alternattiva għax-Xhieda taʼ Ġeħova mingħajr l-użu tad-demm. Indokraturi oħrajn għandhom l-abbiltajiet biex javvanzaw l-interessi tas-Saltna billi jgħinu fil-bini u fil-manutenzjoni taʼ Swali tas-Saltna u Swali tal-Assemblea jew billi jaqdu bħala membri tal-Kumitat tal-Konvenzjonijiet. Ix-xogħol iebes taʼ dawn l-aħwa u li jagħtu minnhom infushom minn rajhom b’dan il-mod hu apprezzat ħafna minn kulħadd fl-organizzazzjoni. Tabilħaqq, ‘nies bħalhom nibqgħu ngħożżuhom.’—Flp. 2:29.
L-INDOKRATUR LI JŻUR IL-KONGREGAZZJONIJIET
41 Il-Ġemgħa li Tiggverna tagħmel arranġamenti biex jinħatru anzjani kwalifikati sabiex jaqdu bħala indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet. Dawn jiġu inkarigati mill-uffiċċju tal-fergħa biex iżuru lill-kongregazzjonijiet li jifformaw is-circuits tagħhom, ġeneralment darbtejn fis-sena. Minn żmien għal żmien iżuru wkoll pijunieri f’territorji iżolati. Huma jippjanaw iż-żjajjar tagħhom u jinformaw lil kull kongregazzjoni bil-quddiem biżżejjed biex joħroġ l-iktar ġid possibbli miż-żjara.
42 Il-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani jieħu t-tmexxija f’li jorganizza l-affarijiet sabiex iż-żjara tkun waħda rifreskanti spiritwalment għal kulħadd. (Rum. 1:11, 12) Meta jirċievi n-notifikazzjoni taż-żjara u l-informazzjoni dwar il-bżonnijiet personali tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u martu (jekk ikun miżżewweġ), il-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani permezz taʼ diversi aħwa jagħmel arranġamenti għall-akkomodazzjoni u affarijiet neċessarji oħra. Hu jieħu ħsieb li kulħadd, inkluż l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet, ikun informat dwar dawn l-arranġamenti.
43 L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jikkuntattja lill-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani dwar l-iskeda tal-laqgħat, inkluż il-laqgħat tas-servizz tal-għalqa. Dawn jiġu rranġati skont is-suġġerimenti tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u d-direzzjoni mill-uffiċċju tal-fergħa. Kulħadd għandu jiġi informat bil-quddiem dwar il-ħin u l-post tal-laqgħat mal-kongregazzjoni, mal-pijunieri, u mal-anzjani u l-qaddejja ministerjali, kif ukoll il-ħin u l-post tal-laqgħat tas-servizz tal-għalqa.
44 It-Tlieta wara nofsinhar, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jeżamina l-Congregation’s Publisher Records, ir-rekords tal-attendenza għal-laqgħat, ir-rekords tat-territorju, u dawk tal-kontijiet. Dan se jgħinu jifhem xi ftit il-bżonnijiet li jistaʼ jkun hemm fil-kongregazzjoni u kif jistaʼ jkun t’għajnuna għal dawk li huma responsabbli biex iżommu dawn ir-rekords. Il-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani għandu jagħmel arranġamenti biex l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jirċievi r-rekords minn qabel.
45 Matul iż-żjara tiegħu, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jieħu l-ħin biex jitkellem mal-aħwa individwalment skont ma jkun jistaʼ—fil-laqgħat, fis-servizz tal-għalqa, fil-ħin tal-ikel, u f’ħinijiet oħra. Barra minn hekk, jiltaqaʼ mal-anzjani u l-qaddejja ministerjali biex jaqsam magħhom pariri Skritturali adattati, suġġerimenti, u inkuraġġiment li se jgħinuhom jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom biex jirgħu l-merħla taħt il-ħarsien tagħhom. (Prov. 27:23; Atti 20:26-32; 1 Tim. 4:11-16) Hu jiltaqaʼ wkoll mal-pijunieri biex jinkuraġġihom f’xogħolhom u biex jgħinhom personalment fi kwalunkwe problema li jistaʼ jkollhom fil-ministeru.
46 Jekk ikun hemm affarijiet oħra li jkollhom bżonn l-attenzjoni, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet se jassisti kemm jistaʼ matul il-ġimgħa. Jekk dawn ma jkunux jistgħu jitlestew matul dak iż-żmien, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jistaʼ jgħin lill-anzjani jew lill-individwi involuti jagħmlu riċerka dwar id-direzzjoni Skritturali li tapplika. Jekk ikun hemm xi ħaġa li dwarha l-uffiċċju tal-fergħa jkollu bżonn jagħmel iżjed xogħol, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u l-anzjani se jipprovdu rapport dettaljat dwar il-problema lill-uffiċċju tal-fergħa.
47 Waqt li jkun qed iżur il-kongregazzjoni, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jattendi l-laqgħat regulari tal-kongregazzjoni. Dawn jistgħu jiġu aġġustati minn żmien għal żmien fi qbil mad-direzzjonijiet mill-uffiċċju tal-fergħa. Hu jagħti taħditiet bil-ħsieb li jinkuraġġixxi, jimmotiva, jistruwixxi, u jsaħħaħ lill-kongregazzjoni. Hu jagħmel mill-aħjar li jistaʼ biex ikebbes l-imħabba għal Ġeħova, Ġesù Kristu, u l-organizzazzjoni.
48 Wieħed mill-iskopijiet taż-żjara tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet hu li jinkuraġġixxi parteċipazzjoni żeluża fil-ministeru u biex jipprovdi suġġerimenti prattiċi. Ħafna fil-kongregazzjoni forsi jkunu jistgħu jirranġaw l-iskeda tagħhom biex jieħdu sehem akbar fis-servizz tal-għalqa dik il-ġimgħa, forsi billi jirranġaw biex ikunu pijunieri awżiljarji matul ix-xahar taż-żjara tiegħu. Dawk li jixtiequ jaħdmu miegħu jew maʼ martu jistgħu jagħmlu appuntament. Jistaʼ jinkiseb ħafna ġid meta l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jew martu jiġu mistidnin għal studji tal-Bibbja u żjajjar lura. L-isforz miżjud biex tappoġġa bis-sħiħ dan l-aspett taż-żjara f’din il-ġimgħa huwa apprezzat mill-qalb.—Prov. 27: 17.
49 Kull sena jiġu organizzati żewġ assembleat tas-circuit għal kull circuit. L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet hu responsabbli għall-organizzar tal-assemblea f’dawn l-okkażjonijiet. L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jaħtar indokratur tal-assemblea u assistent tiegħu. Dawn għandhom jaħdmu spalla maʼ spalla miegħu biex jieħdu ħsieb l-organizzar tal-assemblea. Dan se jippermetti lill-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jagħti l-attenzjoni primarja tiegħu għall-programm tal-assemblea. L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet ukoll jagħżel irġiel kapaċi oħra biex jieħdu ħsieb diversi dipartimenti. Hu wkoll jagħmel arranġamenti biex isir awditjar tal-kontijiet tas-circuit wara kull assemblea. Darba fis-sena, fl-assemblea tas-circuit irid ikun hemm rappreżentant tal-fergħa bħala kelliem mistieden. Minħabba d-distanzi involuti jew minħabba li l-faċilitajiet tal-assemblea jkunu żgħar, xi circuits jinqasmu f’sezzjonijiet u tinżamm assemblea tas-circuit għal kull sezzjoni.
50 L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jagħti r-rapport tas-servizz tal-għalqa tiegħu direttament lill-uffiċċju tal-fergħa fl-aħħar taʼ kull xahar. Jekk ikollu xi spejjeż żgħar—bħalma huma dawk għall-ivvjaġġar, l-ikel, l-akkomodazzjoni, u affarijiet oħra neċessarji li jkunu meħtieġa biex iwettaq ix-xogħol tiegħu—u dawn ma jkunux tħallsu mill-kongregazzjoni li jkun qed jaqdi, jistaʼ jitlob lura dawn l-ispejjeż mill-uffiċċju tal-fergħa. Ir-rappreżentanti li jivvjaġġaw għandhom il-fiduċja li jekk ipoġġu l-interessi tas-Saltna taʼ Ġeħova l-ewwel, il-bżonnijiet materjali se jiġu provduti, bħalma wiegħed Ġesù. (Lq. 12:31) Il-kongregazzjonijiet għandhom ikunu konxji tal-privileġġ li għandhom biex juru l-ospitalità lil dawn l-anzjani devoti li jaqduhom.—3 Ġw. 5-8.
IL-KUMITAT TAL-FERGĦA
51 F’kull uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja, tliet aħwa rġiel jew iktar li jkunu kwalifikati spiritwalment u maturi jaqdu bħala Kumitat tal-Fergħa li jindokra x-xogħol tal-ippritkar fil-pajjiż jew pajjiżi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu. Wieħed mill-membri tal-kumitat jaqdi bħala koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa.
52 Dawk li jaqdu fil-Kumitat tal-Fergħa jieħdu ħsieb affarijiet li jikkonċernaw lill-kongregazzjonijiet kollha fit-territorju tal-fergħa. Il-kumitat jindokra l-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna tat-territorju kollu tal-fergħa u jagħmel ċert li l-kongregazzjonijiet u s-circuits ikunu organizzati biex jagħtu l-indokrar xieraq lill-bżonnijiet tal-għalqa. Il-Kumitat tal-Fergħa jagħti attenzjoni wkoll lill-qasam missjunarju u lill-attività tal-pijunieri speċjali, regulari, u awżiljarji. Meta jkun hemm assembleat u konvenzjonijiet, il-kumitat jagħmel arranġamenti u jagħti inkarigi sabiex “isir kollox bid-deċenza u bl-ordni.”—1 Kor. 14:40.
53 Kumitat tal-Pajjiż jinħatar f’xi pajjiżi indokrati minn Kumitat tal-Fergħa f’pajjiż ieħor. Dan jgħin biex ikun hemm superviżjoni iktar mill-qrib tax-xogħol fejn ikun jaqdi l-Kumitat tal-Pajjiż. Jieħu ħsieb kwistjonijiet fid-Dar Betel u l-uffiċċju tagħha, jieħu ħsieb korrispondenza u rapporti, u ġeneralment jieħu ħsieb l-attivitajiet fil-ministeru. Il-Kumitat tal-Pajjiż jikkoopera mal-Kumitat tal-Fergħa għall-avvanz tal-interessi tas-Saltna.
54 Il-Ġemgħa li Tiggverna taħtar lil kull min jaqdi f’Kumitati tal-Fergħa u f’Kumitati tal-Pajjiż.
RAPPREŻENTANTI TAL-KWARTIERI ĠENERALI
55 Minn żmien għal żmien, isiru arranġamenti mill-Ġemgħa li Tiggverna biex aħwa kwalifikati jżuru kull fergħa madwar id-dinja. Il-ħu li jaqdi f’dan l-inkarigu jissejjaħ rappreżentant tal-kwartieri ġenerali. Ix-xogħol ewlieni tiegħu hu li jinkuraġġixxi l-familja Betel u biex jgħin lill-Kumitat tal-Fergħa fi problemi jew mistoqsijiet li jistgħu jqumu waqt ix-xogħol tal-ippritkar u li jintgħamlu dixxipli. Dan il-ħu jiltaqaʼ wkoll maʼ indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet magħżulin u kull tant żmien mal-missjunarji li jaqdu fil-ministeru. Waqt dawn iż-żjajjar hu jitkellem magħhom dwar il-problemi u l-bżonnijiet tagħhom, u jagħtihom l-inkuraġġiment meħtieġ dwar l-iktar attività importanti tagħhom, l-ippritkar tas-Saltna u li jagħmlu dixxipli.
56 Ir-rappreżentant tal-kwartieri ġenerali hu interessat ħafna f’dak li qed jitwettaq fil-ministeru f’dak li huma l-ippritkar tas-Saltna u attivitajiet oħra tal-kongregazzjoni. Skont ma jippermetti l-ħin, jistaʼ jżur ukoll uffiċċji tat-traduzzjoni. Meta rappreżentant tal-kwartieri ġenerali jżur fergħa, hu wkoll jieħu sehem kemm jistaʼ jkun fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna.
Hekk kif inkomplu nkunu sottomessi lejn indokraturi li għandhom ir-responsabbiltà li jirgħu l-merħla, nidħlu f’unità mal-Kap tal-kongregazzjoni, Kristu Ġesù
INDOKRAR BI MĦABBA
57 Nibbenefikaw bil-kbir mix-xogħol iebes u l-interess kollu mħabba taʼ rġiel Kristjani maturi. Hekk kif inkomplu nkunu sottomessi lejn indokraturi maħturin li għandhom ir-responsabbiltà li jirgħu l-merħla, nidħlu f’unità mal-Kap tal-kongregazzjoni, Kristu Ġesù. (1 Kor. 16:15-18; Efes. 1:22, 23) B’hekk, il-kongregazzjonijiet madwar id-dinja jimtlew bl-ispirtu t’Alla, u l-Kelma t’Alla sservi biex tiggwida x-xogħol fl-art kollha.—Salm 119:105.