LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 10/15 pp. 25-29
  • Aġixxi fi Qbil mal-Kuxjenza Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Aġixxi fi Qbil mal-Kuxjenza Tiegħek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Dawk b’Kuxjenza Mniġġsa
  • “Nadif għal Min Hu Nadif”
  • Kuxjenzi Differenti, Deċiżjonijiet Differenti
  • Kif Tistaʼ Żżomm Kuxjenza Tajba?
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Hija l-Kuxjenza Tiegħek Imħarrġa Sew?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Kuxjenza tajba f’għajnejn Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Il-kuxjenza tagħkom hi gwida li tistgħu toqogħdu fuqha?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 10/15 pp. 25-29

Aġixxi fi Qbil mal-​Kuxjenza Tiegħek

“Kollox nadif għal min hu nadif. Imma għal dawk li huma mniġġsin u bla fidi xejn m’hu nadif.” —TITU 1:15.

1. Pawlu kif kien involut mal-​kongregazzjonijiet fi Kreta?

WARA li l-​appostlu Pawlu kien lesta tliet vjaġġi missjunarji, hu ġie arrestat u maż-​żmien intbagħat Ruma, fejn inżamm għal sentejn sħaħ. X’għamel meta ġie meħlus? Xi żmien wara li ġie meħlus, hu żar il-​gżira taʼ Kreta maʼ Titu, li Pawlu kitiblu: “Ħallejtek fi Kreta, biex tkun tistaʼ tikkoreġi l-​affarijiet difettużi u tkun tistaʼ taħtar anzjani.” (Titu 1:5) L-​inkarigu taʼ Titu kien jinvolvi li jittratta maʼ nies li l-​kuxjenzi tagħhom kienu jew ma kinux qed jaħdmu sew.

2. Titu kellu jittratta maʼ liema problema fuq il-​gżira taʼ Kreta?

2 Pawlu ta l-​parir lil Titu dwar il-​kwalifiki għall-​anzjani tal-​kongregazzjoni u mbagħad urieh li kien hemm “ħafna li huma ribellużi, ilabalbu fil-​vojt, u jqarrqu bl-​imħuħ.” Dawn kienu qed “jaqilbu familji sħaħ billi . . . jgħallmu affarijiet li ma jmisshomx jgħallmu.” Titu kellu ‘jkompli jwiddibhom.’ (Titu 1:​10-14; 1 Timotju 4:7) Pawlu qal li moħħhom u l-​kuxjenza tagħhom kienu “mniġġsin,” waqt li uża kelma li tagħti s-​sens taʼ mtebbaʼ, bħal meta jkollok libsa sabiħa li tkun imtebbgħa biż-​żebgħa. (Titu 1:15) Xi wħud minn dawn l-​irġiel kellhom sfond Lhudi, għaliex huma kienu “jżommu maċ-​ċirkonċiżjoni.” Il-​kongregazzjonijiet illum m’humiex qed jiġu mħawdin minn irġiel b’din il-​ħarsa partikulari; xorta waħda nistgħu nitgħallmu ħafna dwar il-​kuxjenza mill-​parir li Pawlu ta lil Titu.

Dawk b’Kuxjenza Mniġġsa

3. Pawlu x’kitiblu lil Titu dwar il-​kuxjenza?

3 Innota l-​ambjent li fih Pawlu semma l-​kuxjenza. “Kollox nadif għal min hu nadif. Imma għal dawk li huma mniġġsin u bla fidi xejn m’hu nadif, għax kemm l-​imħuħ u kemm il-​kuxjenzi tagħhom huma mniġġsin. Huma jistqarru pubblikament li jafu lil Alla, imma jiċħduh b’dak li jagħmlu.” Jidher ċar li xi wħud dak iż-​żmien kellhom bżonn jagħmlu xi bidliet sabiex “ikunu jistgħu jissaħħu fil-​fidi.” (Titu 1:​13, 15, 16) Huma kien qed ikollhom problema biex jagħżlu bejn dak li hu nadif u dak li m’huwiex, u dan kien jinvolvi l-​kuxjenza tagħhom.

4, 5. Liema difett kellhom xi wħud fil-​kongregazzjonijiet, u dan kif effettwahom?

4 Iktar minn għaxar snin qabel, il-​ġemgħa li tiggverna Kristjana kkonkludiet li ċ-​ċirkonċiżjoni ma kinitx għadha meħtieġa biex dak li jkun isir aduratur veru, u din informat lill-​kongregazzjonijiet b’din id-​deċiżjoni. (Atti 15:​1, 2, 19-29) Però, xi wħud fi Kreta kienu għadhom “iżommu maċ-​ċirkonċiżjoni.” Huma wrew fil-​beraħ li ma qablux mal-​ġemgħa li tiggverna, u bdew “jgħallmu affarijiet li ma jmisshomx jgħallmu.” (Titu 1:​10, 11) Bi ħsibijiet mgħawġin, jistaʼ jkun li huma kienu qed jinkuraġġixxu regoli mil-​Liġi dwar l-​ikel u r-​ritwal tat-​tindif. Jistaʼ jkun ukoll li kienu qed jesaġeraw dak li kienet tgħid il-​Liġi, bħalma għamlu dawk taʼ qabilhom fi żmien Ġesù, kif ukoll jippromwovu ħrejjef Lhud u kmandamenti tal-​bniedem.​—Marku 7:​2, 3, 5, 15; 1 Timotju 4:3.

5 Dan il-​mod taʼ ħsieb kellu effett negattiv fuq il-​ġudizzju u s-​sens morali tagħhom, il-​kuxjenza tagħhom. Pawlu kiteb: “Għal dawk li huma mniġġsin u bla fidi xejn m’hu nadif.” Il-​kuxjenza tagħhom tant kienet saret mgħawġa li ma kinitx għadha gwida taʼ min joqgħod fuqha għall-​azzjonijiet u l-​opinjonijiet tagħhom. Iktar minn hekk, huma ġġudikaw lil Kristjani sħabhom fuq affarijiet li kienu persunali, kwistjonijiet li fihom Kristjan jistaʼ jiddeċiedi mod imma Kristjan ieħor jistaʼ jagħmel għażla mod ieħor. F’dan ir-​rigward dawn il-​Kretin kienu qed iqisu bħala mhux nadif dak li kien nadif. (Rumani 14:17; Kolossin 2:16) Waqt li ddikjaraw li huma jafu lil Alla, l-​għemejjel tagħhom urew mod ieħor.—Titu 1:16.

“Nadif għal Min Hu Nadif”

6. Pawlu semma liema żewġ tipi taʼ nies?

6 Kif nistgħu nibbenefikaw minn dak li Pawlu kiteb lil Titu? Innota l-​kuntrast li hemm f’din l-​istqarrija: “Kollox nadif għal min hu nadif. Imma għal dawk li huma mniġġsin u bla fidi xejn m’hu nadif, għax kemm l-​imħuħ u kemm il-​kuxjenzi tagħhom huma mniġġsin.” (Titu 1:15) Pawlu żgur li ma kienx qed jgħid li għal Kristjan nadif moralment, assolutament kollox hu nadif u permissibbli. Nistgħu nkunu ċerti dwar dan għaliex Pawlu kien għamilha ċara f’ittra oħra li min kien jipprattika ż-​żína, l-​idolatrija, l-​ispiritiżmu, u affarijiet bħal dawn “ma jiritx is-​saltna t’Alla.” (Galatin 5:​19-21) Allura aħna rridu nikkonkludu li Pawlu kien qed jgħid verità ġenerali dwar żewġ tipi taʼ nies, dawk li huma nodfa moralment u spiritwalment u dawk li m’humiex.

7. X’ma jinkludix Ebrej 13:​4, imma liema mistoqsija tistaʼ tqum?

7 L-​affarijiet li għandu jevita Kristjan sinċier m’humiex limitati għal dawk li tipprojbixxi l-​Bibbja b’mod speċifiku. Per eżempju, ikkunsidra din l-​istqarrija diretta: “Ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli għal kulħadd, u ħa tkun is-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis, għax Alla jiġġudika liż-​żienja u lill-​adulteri.” (Ebrej 13:4) Anki min m’huwiex Kristjan u min ma jaf xejn dwar il-​Bibbja jikkonkludi b’mod tajjeb li dan il-​vers jipprojbixxi l-​adulterju. Jidher ċar minn din is-​silta tal-​Bibbja u minn siltiet oħrajn li Alla jikkundanna relazzjoni sesswali bejn raġel jew mara miżżewġa u xi ħaddieħor li m’huwiex ir-​raġel jew il-​mara tagħhom bil-​liġi. Imma xi ngħidu dwar żewġ persuni mhux miżżewġin li jieħdu sehem f’sess orali? Ħafna adoloxxenti jgħidu li din il-​prattika ma tagħmilx ħsara minħabba li m’hijiex l-​att tar-​relazzjoni sesswali. Jistaʼ Kristjan iħares lejn is-​sess orali bħala li huwa nadif?

8. Rigward is-​sess orali, il-​Kristjani kif inhuma differenti minn ħafna nies fid-​dinja?

8 Ebrej 13:4 u l-​1 Korintin 6:9 jistabbilixxu dak li Alla ma japprovax kemm dwar l-​adulterju u kemm dwar iż-​żína (bil-Grieg, pornea). Din taʼ l-​aħħar x’tinkludi? It-​terminu Grieg jinvolvi l-​użu taʼ l-​organi ġenitali kemm b’mod naturali u kemm b’mod pervers bi skop żieni. Tinkludi kull forma taʼ relazzjoni sesswali projbita li ssir barra ż-​żwieġ Skritturali. Allura din tinkludi s-​sess orali, minkejja l-​fatt li lil ħafna adoloxxenti madwar id-​dinja jintqalilhom jew waslu għall-​konklużjoni li s-​sess orali huwa aċċettabbli. Il-​Kristjani veri ma jiggwidawx il-​ħsibijiet u l-​għemejjel tagħhom bl-​opinjonijiet taʼ dawk li “jlabalbu fil-​vojt, u jqarrqu bl-​imħuħ.” (Titu 1:10) Huma jżommu mal-​livell ogħla taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa. Minflok ma jipprovaw iġibu l-​iskużi għas-​sess orali, huma jifhmu li skond l-​Iskrittura dan hu żína, pornea, u jħarrġu l-​kuxjenza tagħhom biex ma tapprovax din il-​prattika.a​—Atti 21:25; 1 Korintin 6:​18; Efesin 5:3.

Kuxjenzi Differenti, Deċiżjonijiet Differenti

9. Jekk ‘kollox hu nadif,’ x’inhu l-​irwol tal-​kuxjenza?

9 Imma Pawlu x’ried ifisser meta qal li “kollox nadif għal min hu nadif”? Pawlu kien qed jirreferi għall-​Kristjani li ġabu l-​ħsibijiet u s-​sens morali tagħhom fi qbil mal-​livelli t’Alla, li nsibuhom fil-​Kelma ispirata Tiegħu. Kristjani bħal dawn jirrikonoxxu li dwar ħafna kwistjonijiet li m’humiex kundannati minn Alla b’mod dirett, hemm lok għall-​varjazzjoni fost dawk li jemmnu. Minflok ma jiġġudikaw lil oħrajn, huma jirrikonoxxu bħala “nadif” dak li Alla ma jikkundannax. Huma ma jistennewx li l-​oħrajn kollha se jaħsbuha eżatt bħalhom fuq aspetti tal-​ħajja li l-​Bibbja ma tagħtix direzzjoni speċifika dwarhom. Ejja nikkunsidraw kif dan jistaʼ jkun il-​każ.

10. Kif jistaʼ tieġ (jew funeral) iġib miegħu sfida?

10 Hemm ħafna familji li fihom sieħeb sar Kristjan imma l-​ieħor le. (1 Pietru 3:1; 4:3) Dan jistaʼ jġib miegħu diversi sfidi, bħal meta jkun hemm tieġ jew funeral taʼ xi qarib. Immaġina l-​każ taʼ mara Kristjana li żewġha m’huwiex taʼ l-​istess twemmin. Wieħed mill-​qraba tiegħu se jiżżewweġ, u ċ-​ċerimonja se ssir fi knisja tal-​Kristjaneżmu. (Jew qarib, forsi ġenitur, miet, u l-​funeral se jsir fil-​knisja.) Il-​koppja jiġu mistidnin, u hu jrid li martu takkumpanjah. X’tgħidilha l-​kuxjenza tagħha dwar li tattendi? X’se tagħmel? Immaġina dawn iż-​żewġ possibbiltajiet.

11. Iddeskrivi kif mara Kristjana għandha mnejn tirraġuna dwar jekk għandhiex tattendi tieġ fil-​knisja, u b’hekk tasal għal liema konklużjoni?

11 Lois tirrifletti dwar il-​kmand serju tal-​Bibbja, ‘Oħorġu minn Babilonja l-​Kbira,’ l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Rivelazzjoni 18:​2, 4) Hi darba kienet tagħmel parti mill-​knisja fejn se jseħħ it-​tieġ u taf li matul iċ-​ċerimonja kulmin se jkun preżenti se jintalab jieħu sehem f’għemejjel reliġjużi, bħat-​talb, il-​kant, jew xi ġesti reliġjużi. Allura hi determinata li ma tieħu ebda sehem f’dan u lanqas biss trid tkun hemm u tkun taħt pressjoni biex tikser l-​integrità tagħha. Lois tirrispetta lil żewġha u trid tikkoopera miegħu, il-​kap Skritturali tagħha; madankollu, hi ma tridx tagħmel kompromess fejn jidħlu l-​prinċipji Skritturali. (Atti 5:29) Għalhekk, bit-​tattika hi tispjega lil żewġha li anki jekk hu jagħżel li jkun preżenti, hi personalment ma tistax tattendi. Għandha mnejn tispjegalu li jekk tattendi u tirrifjuta li tieħu sehem f’xi ħaġa, tistaʼ ġġiegħlu jistħi, allura f’dan is-​sens il-​fatt li hi ma tattendix jistaʼ jkun l-​aħjar ħaġa għalih. Id-​deċiżjoni tagħha tħalliha b’kuxjenza nadifa.

12. Xi ħadd kif għandu mnejn jirraġuna u jirreaġixxi għal stedina biex jattendi tieġ fi knisja?

12 Ruth tiffaċċja kważi l-​istess dilemma. Hi tirrispetta lil żewġha, hija determinata li tkun leali lejn Alla, u taġixxi fi qbil mal-​kuxjenza tagħha mħarrġa mill-​Bibbja. Wara li taħseb dwar punti bħal dawk li kkunsidrat Lois, Ruth tikkunsidra bit-​talb il-​“Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” fil-​ħarġa tat-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Mejju, 2002. Hi tiftakar li t-​tliet Ebrej obdew il-​kmand biex imorru fejn kienet se sseħħ l-​idolatrija, u madankollu huma żammew l-​integrità tagħhom billi ma ħadux sehem fl-​għemil taʼ l-​idolatrija. (Danjel 3:​15-18) Hi tiddeċiedi li takkumpanja lil żewġha imma li ma tiħux sehem fi kwalunkwe għemil reliġjuż, u hi tkun qed taġixxi fi qbil mal-​kuxjenza tagħha. Bit-​tattika imma b’mod ċar hi tispjega lil żewġha x’tippermettilha u x’ma tippermettilhiex tagħmel il-​kuxjenza tagħha. Ruth tittama li hu se jara d-​differenza bejn il-​qima vera u dik falza.—Atti 24:16.

13. Għala m’għandux jallarmana l-​fatt li żewġ Kristjani jaslu għal konklużjonijiet differenti?

13 Jissuġġerixxi l-​fatt li żewġ Kristjani jistgħu jaslu għal konklużjonijiet differenti li ma tagħmel ebda differenza x’jagħmel individwu jew li wieħed minnhom bilfors li għandu kuxjenza dgħajfa? Le. Minħabba l-​esperjenzi li kellha fil-​passat dwar il-​mużika u t-​tagħmir taċ-​ċerimonji tal-​knisja, Lois għandha mnejn tħoss li l-​fatt li tkun preżenti se jkun perikoluż għaliha. U l-​mod kif aġixxiet maʼ żewġha fil-​passat rigward kwistjonijiet reliġjużi għandu mnejn jeffettwa l-​kuxjenza tagħha. Allura, hi konvinta li d-​deċiżjoni tagħha hija l-​aqwa waħda għaliha.

14. Il-​Kristjani x’għandhom iżommu f’moħħhom rigward kwistjonijiet taʼ deċiżjoni persunali?

14 Imma allura hija d-​deċiżjoni taʼ Ruth ħażina? M’huwiex f’idejn ħaddieħor li jiġġudikaha. Ħaddieħor m’għandux jiġġudikaha jew jikkritikaha talli tkun għażlet li tattendi l-​avveniment imma ma tieħu sehem f’ebda għemil reliġjuż. Żomm f’moħħok il-​parir taʼ Pawlu dwar id-​deċiżjonijiet persunali rigward li jittiekel jew ma jittikilx ċertu ikel: “Min jiekol ħa ma jmaqdarx lil min ma jikolx, u min ma jikolx ħa ma jiġġudikax lil min jiekol . . . Jara sidu jekk iżommx wieqaf jew jaqax. Tabilħaqq, iżomm wieqaf, għax Ġeħova jistaʼ jżommu wieqaf.” (Rumani 14:​3, 4) Żgur li ebda Kristjan ġenwin ma se jħeġġeġ lil ħadd biex jinjora l-​gwida taʼ kuxjenza mħarrġa, għaliex min jagħmel dan ikun bħallikieku qed jinjora leħen li għandu mnejn ikun qed jagħtih messaġġ li jsalvalu ħajtu.

15. Għala għandna nikkunsidraw bis-​serjetà l-​kuxjenza u s-​sentimenti t’oħrajn?

15 Biex inkomplu fuq dan l-​eżempju, iż-​żewġ Kristjani għandhom jikkunsidraw fatturi oħrajn, bħall-​effett li għemilhom jistaʼ jħalli fuq oħrajn. Pawlu tana l-​parir: “Ħa tkun din id-​deċiżjoni tagħkom: li quddiem ħukom ma tpoġġu xejn li jistaʼ jfixklu jew iwaqqgħu.” (Rumani 14:13) Jistaʼ jkun li Lois taf li sitwazzjonijiet simili kkaġunaw ħafna inkwiet fil-​kongregazzjoni jew fil-​familja tagħha, u dak li tagħmel jistaʼ jkollu effett qawwi fuq uliedha. B’kuntrast, jistaʼ jkun li Ruth taf sew li għażliet simili ma kkaġunawx inkwiet fil-​kongregazzjoni jew fil-​komunità. Iż-​żewġ nisa—u lkoll kemm aħna—għandhom jirrikonoxxu li kuxjenza mħarrġa sew hija sensittiva għall-​effett li tħalli fuq oħrajn. Ġesù qal: “Kulmin ifixkel lil wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin li jpoġġu l-​fidi fija jkun aħjar għalih li jdendlulu m’għonqu ġebla taʼ mitħna, bħal dik li jdawwar ħmar, u jgħarrquh f’baħar miftuħ.” (Mattew 18:6) Jekk individwu jinjora l-​kwistjoni taʼ li jfixkel lil oħrajn, dan jistaʼ jwassal biex ikollu kuxjenza mniġġsa, bħalma kellhom xi Kristjani fi Kreta.

16. Liema bidliet nistgħu nistennew li jagħmel Kristjan maż-​żmien?

16 L-​iżvilupp spiritwali taʼ Kristjan għandu dejjem ikompli jitjieb, bħalma għandu jkun il-​progress tiegħu f’li jismaʼ u jaġixxi fi qbil mal-​kuxjenza tiegħu. Ejja nimmaġinaw lil Mark, li għadu kif tgħammed. Il-​kuxjenza tiegħu tgħidlu biex jiċħad prattiki mhux Skritturali li qabel kien jieħu sehem fihom, forsi li jinvolvu l-​idoli jew id-​demm. (Atti 21:25) Fil-​fatt, issa hu jevita għalkollox anki affarijiet li huma ftit simili għal dak li Alla jipprojbixxi. Mill-​banda l-​oħra, hu jħossu mħawwad dwar kif xi wħud jiċħdu xi affarijiet li hu jarahom bħala li huma aċċettabbli, bħal ċerti programmi fuq it-​televixin.

17. Agħti eżempju taʼ kif iż-​żmien u l-​iżvilupp spiritwali jistgħu jeffettwaw il-​kuxjenza u d-​deċiżjonijiet taʼ Kristjan.

17 Maż-​żmien, Mark jikber fl-​għarfien u jersaq eqreb lejn Alla. (Kolossin 1:​9, 10) B’liema riżultat? Il-​leħen tiegħu minn ġewwa jirċievi taħriġ konsiderevoli. Issa Mark huwa iktar inklinat li jismaʼ mill-​kuxjenza tiegħu u jikkunsidra iktar bir-​reqqa l-​prinċipji Skritturali. Fil-​fatt, hu jirrealizza li xi affarijiet “ftit simili” li qabel kien jevita fil-​fatt m’humiex kuntrarji għall-​ħsibijiet t’Alla. Iktar minn hekk, minħabba li qed iwieġeb aħjar għall-​prinċipji Bibliċi u jinsab iktar lest li jaġixxi fi qbil mal-​kuxjenza mħarrġa tajjeb li għandu, Mark issa jitqanqal mill-​kuxjenza tiegħu biex jevita programmi li qabel kien iħoss li kienu aċċettabbli. Iva, il-​kuxjenza tiegħu ġiet irfinuta.—Salm 37:31.

18. Aħna għandna liema raġuni biex nifirħu?

18 F’ħafna kongregazzjonijiet, hemm individwi minn kull livell taʼ żvilupp Kristjan. Xi wħud minnhom huma ġodda fil-​fidi. Forsi l-​kuxjenza tagħhom hi kważi siekta dwar ċerti kwistjonijiet, u madankollu, il-​kuxjenza tagħhom teffettwa l-​mod kif jiddeċiedu dwar kwistjonijiet oħrajn. Uħud bħal dawn għandhom bżonn iż-​żmien u l-​għajnuna biex jaġġustaw ruħhom fi qbil mal-​gwida taʼ Ġeħova u jibdew iwieġbu għall-​kuxjenza mħarrġa tagħhom stess. (Efesin 4:​14, 15) B’ferħ, fl-​istess kongregazzjonijiet, x’aktarx li hemm ħafna li għandhom għarfien profond, esperjenza f’li japplikaw il-​prinċipji Bibliċi, u kuxjenza li tinsab ħafna fi qbil mal-​mod kif jaħsibha Alla. X’ferħ għandna li nistgħu nkunu maʼ wħud li huma ‘nodfa’ spiritwalment u li jħarsu lejn dak li hu aċċettabbli għall-​Mulej bħala l-​affarijiet li huma ‘nodfa’ moralment u spiritwalment! (Efesin 5:10) Jalla lkoll kemm aħna jkollna bħala mira persunali li niżviluppaw sa dan il-​punt u nżommu kuxjenza bħal din fi qbil maʼ l-​għarfien eżatt tal-​verità u d-​devozzjoni lejn Alla.—Titu 1:1.

[Nota taʼ taħt]

a The Watchtower tal-​15 taʼ Marzu, 1983, paġni 30-1, jipprovdi kummenti li jistgħu jiġu kunsidrati dwar il-​koppji miżżewġin.

Int Kif Twieġeb?

• Xi Kristjani fi Kreta għala kellhom kuxjenzi mniġġsin?

• Kif inhu li żewġ Kristjani li jkollhom kuxjenza mħarrġa sew jagħmlu deċiżjonijiet differenti?

• Maż-​żmien, x’għandu jiġrilha l-​kuxjenza tagħna?

[Mappa f’paġna 26]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Sqallija

GREĊJA

Kreta

ASJA MINURI

Ċipru

IL-​BAĦAR MEDITERRAN

[Stampa f’paġna 28]

Żewġ Kristjani li jiffaċċjaw l-​istess sitwazzjoni għandhom mnejn jieħdu deċiżjonijiet differenti

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja