LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w91 5/15 pp. 6-10
  • Rahan li Jikkorrispondi Għal Kulħadd

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Rahan li Jikkorrispondi Għal Kulħadd
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kwistjonijiet Li Jridu Jiġu Ssetiljati
  • Ir-​Rahan: Għata
  • Rahan li Jikkorrispondi
  • Min Jipprovdi r-​Rahan?
  • “Ġie Mwettaq!”
  • Ġeħova jipprovdi “fidwa għall-kotra”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Il-fidwa—L-aqwa rigal mingħand Alla
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Il-​Fidwa​—L-​Aqwa Rigal Mingħand Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù kif inhu “fidwa għal ħafna”?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
w91 5/15 pp. 6-10

Rahan li Jikkorrispondi Għal Kulħadd

“Bin il-​bniedem ġie, mhux biex ikun imministrat, imma biex jimministra u biex jagħti ruħu bħala rahan bi bdil għal ħafna.”—MATTEW 20:28.

1, 2. (a) Għala jistaʼ jingħad li r-​rahan huwa l-​akbar rigal t’Alla lill-​bnedmin? (b) X’benefiċċju jiġi milli neżaminaw ir-​rahan?

IR-​RAHAN huwa l-​akbar rigal t’Alla għall-​bnedmin. Permezz tal-​“ħelsien b’rahan,” aħna jistaʼ jkollna “l-​maħfra taʼ dnubietna.” (Efesin 1:7) Huwa l-​pedament għal tama taʼ ħajja taʼ dejjem, kemm jekk fis-​sema jew f’ġenna tal-​art. (Luqa 23:43; Ġwann 3:16) U minħabba fih, il-​Kristjani jistgħu jgawdu waqfa nadifa quddiem Alla saħansitra issa.—Rivelazzjoni 7:14, 15.

2 Ir-​rahan għalhekk mhux xi ħaġa vaga jew astratta. Billi għandu pedament legali fi prinċipji divini, ir-​rahan jistaʼ jġib benefiċċji reali u tanġibbli. Ċerti aspetti taʼ din id-​duttrina jistgħu jkunu ‘diffiċli biex tifhimhom.’ (2 Pietru 3:16) Imma se ssib li kull sforz ikun siewi f’li teżamina r-​rahan mill-​qrib, għax huwa jirrifletti l-​imħabba bla tarf t’Alla għall-​bnedmin. Li tifhem it-​tifsir tar-​rahan hu li tifhem il-​fattur ewlieni tar-​“rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien” bla qies t’Alla.—Rumani 5:8; 11:33.

Kwistjonijiet Li Jridu Jiġu Ssetiljati

3. Ir-​rahan kif sar neċessarju, u Alla għala ma setax sempliċement jiskuża l-​istat midneb tal-​umanità?

3 Ir-​rahan sar neċessarju minħabba d-​dnub tal-​ewwel bniedem Adam, li ħalla lin-​nisel tiegħu wirt bla siwi taʼ mard, tbatija, niket, u wgigħ. (Rumani 8:20) Minħabba l-​imperfezzjoni li wirtu, id-​dixxendenti kollha taʼ Adam huma “wlied il-​korla,” li jixirqilhom il-​mewt. (Efesin 2:3. Dewteronomju 32:5) Alla ma setax iċedi għal sentiment bla prinċipju u sempliċement jaħfer lill-​umanità bla ma jqis xejn. Il-​Kelma tiegħu stess turi li “l-​ħlas tad-​dnub hu l-​mewt.” (Rumani 6:23) Biex jiskuża l-​ħtija tal-​bnedmin, Alla kien ikollu jinjora l-​livelli taʼ tjieba tiegħu stess, u jagħmel bla siwi l-​ġustizzja legali tiegħu stess! (Ġob 40:8) Madankollu, “t-​tjieba u l-​ġudizzju huma l-​post stabbilit tat-​tron [t’Alla].” (Salm 89:14) Kwalunkwe ċaqlieqa min-​naħa tiegħu lil hinn mit-​tjieba kienet biss se tinkuraġġixxi l-​ksur tal-​liġi u ddgħajjef il-​pożizzjoni tiegħu bħala Sovran Universali.—Qabbel Ekkleżjasti 8:11.

4. L-​irvell taʼ Satana qajjem liema kwistjonijiet?

4 Alla kellu jissetilja wkoll kwistjonijiet oħra mqajma mill-​irvell taʼ Satana, kwistjonijiet taʼ sinjifikat bil-​wisq akbar mill-​istat imwiegħer uman. Satana tefaʼ dell ikrah fuq l-​isem tajjeb t’Alla billi akkuża lil Jehovah li hu giddieb u dittatur krudili li ċaħħad lill-​ħlejjaq tiegħu minn għarfien u ħelsien. (Ġenesi 3:1-5) Barra minn dan, billi qisu bħal li kieku għawweġ l-​iskop t’Alla li jimla l-​art bi bnedmin taʼ tjieba, Satana ġiegħel lil Alla jidher bħala wieħed fallut. (Ġenesi 1:28; Isaija 55:10, 11) Satana saħansitra azzarda jikkalunnja lill-​qaddejja leali t’Alla, billi akkużahom li huma jaqduH biss għal mottivi egoistiċi. Jekk jitqiegħdu taħt pressjoni, ftaħar Satana, ħadd minnhom ma jibqaʼ leali lejn Alla!—Ġob 1:9-11.

5. Alla għala ma setax jinjora l-​isfidi taʼ Satana?

5 Dawn l-​isfidi ma setgħux jiġu njorati. Jekk kienu jibqgħu ma jitwiġbux, fiduċja fit-​tmexxija t’Alla u appoġġ għaliha kienu fl-​aħhar mill-​aħhar se jispiċċaw għalkollox. (Proverbji 14:28) Jekk il-​liġi u l-​ordni jmorru għall-​agħar, ma kienx se jkun hawn kaos mal-​univers kollu? Alla b’hekk kien obbligat minħabba fih innifsu u minħabba t-​triqat taʼ tjieba tiegħu li jivvindika s-​sovranità tiegħu. Kien obbligat lejn il-​qaddejja leali tiegħu li jħallihom juru l-​lealtà li ma titkissirx tagħhom lejh. Dan kien ifisser li jittratta mal-​gwaj tal-​umanità midinba b’mod li jagħti preċedenza lill-​kwistjonijiet importantissimi. Hu iktar tard qal lil Iżrael: “Jien—Jiena hu Dak li qed nimsaħ għalkollox in-​nuqqasijiet tiegħek minħabba fija stess.”—Isaija 43:25.

Ir-​Rahan: Għata

6. Liema huma xi ftit mit-​termini wżati fil-​Bibbja biex jiddeskrivu l-​mezz t’Alla biex isalva lill-​umanità?

6 F’​Salm 92:5, naqraw: “Kemm huma kbar ix-​xogħlijiet tiegħek, O Jehovah! Profondi ferm huma l-​ħsibijiet tiegħek.” Għalhekk jirrikjedi sforz għalina biex nifhmu dak li Alla għamel għall-​umanità. (Qabbel Salm 36:5, 6.) B’ferħ, il-​Bibbja tgħinna nifhmu l-​affarijiet billi tuża għadd taʼ termini li jiddeskrivu jew jagħtu tixbieha tax-​xogħlijiet grandjużi t’Alla minn għadd taʼ ħarsiet differenti. Il-​Bibbja titkellem dwar ir-​rahan b’termini taʼ xiri, rikonċiljazzjoni, fidwa, redenzjoni, u tpattija. (Salm 49:8; Danjel 9:24; Galatin 3:13; Kolossin 1:20; Ebrej 2:17) Imma forsi l-​espressjoni li tiddeskrivi l-​affarijiet bl-​aħjar mod kienet dik użata minn Ġesù nnifsu f’​Mattew 20:28: “Bin il-​bniedem ġie, mhux biex ikun imministrat, imma biex jimministra u biex jagħti ruħu bħala rahan [Grieg, ly’tron] bi bdil għal ħafna.”

7, 8. (a) X’nitgħallmu mill-​kelmiet bil-​Grieg u bl-​Ebrajk għal rahan? (b) Uri kif rahan jinvolvi xi ħaġa li tikkorrispondi.

7 X’inhu rahan? Il-​kelma Griega ly’tron ġejja minn verb li jfisser “li tħoll.” Kienet tintuża biex tiddeskrivi l-​flus imħallsa bi bdil għall-​ħelsien taʼ xi priġunieri tal-​gwerra. Fl-​Iskrittura Ebrajka, madankollu, il-​kelma għal rahan, ko’pher, ġejja minn verb li jfisser “tiksi” jew “tgħatti.” Per eżempju, Alla qal lil Noè biex jiksi (ka’phar’) l-​arka bil-​qatran. (Ġenesi 6:14) Minn din il-​ħarsa, allura, li tifdi, jew li tpatti għad-​dnubiet, ifisser li tgħatti d-​dnubiet.—Salm 65:3.

8 It-​Theological Dictionary of the New Testament jinnota li ko’pher “dejjem tindika xi ekwivalenti,” jew xi ħaġa li tikkorrispondi. B’hekk, il-​għatu (kap·po’reth) tal-​arka tal-​patt jikkorrispondi fil-​għamla għall-​arka nfisha. Bl-​istess mod, biex tpatti għad-​dnub, jew tifdi, il-​ġustizzja divina titlob ‘ruħ għal ruħ, għajn għal għajn, sinna għal sinna, id għal id, sieq għal sieq.’ (Dewteronomju 19:21) Xi drabi, iżda, il-​ġustizzja tistaʼ tissodisfa ruħha jekk xi ekwivalenti jiġi offrut minflok kastig strett. Biex nagħtu tixbieha: Eżodu 21:28-32 jitkellem dwar barri li jferi xi persuna għall-​mewt. Jekk is-​sid kien jaf dwar id-​dispożizzjoni tal-​barri imma ma ħax prekawzjonijiet xierqa, hu setaʼ jiġi mġiegħel li jgħatti, jew iħallas, għall-​ħajja taʼ dak li nqatel b’ħajtu stess! Iżda, xi ngħidu jekk is-​sid kien biss parzjalment responsabbli? Hu kien jinħtieġ xi ko’pher, xi ħaġa li tgħatti l-​iżball tiegħu. Imħallfin maħturin setgħu jimponu fuqu rahan, jew multa, bħala prezz taʼ fidwa.

9. Sitwazzjoni li tinvolvi l-​ewwel imweldin Iżraeliti kif turi l-​eżattezza meħtieġa fi prezz taʼ fidwa?

9 Terminu Ebrajk ieħor marbut maʼ “li tirhan” hu pa·dhah’, verb li bażikament ifisser li “tifdi.” Numri 3:39-51 juri kemm ried ikun eżatt il-​prezz tal-​fidwa. Billi Alla kien ħeles lill-​ewwel imweldin Iżraeliti mill-​esekuzzjoni fil-​Qbiż tal-​1513 Q.E.K., huma kienu jappartjenu lilu. Hu b’hekk setaʼ ordna lil kull iben Iżraelit imwieled l-​ewwel biex jaqdih fit-​tempju. Minflok, Alla aċċetta “prezz taʼ fidwa” (pidh·yohm’, nom ġej minn pa·dhah’), billi ddikjara: “Ħudu lil-​Leviti għalija . . . minflok l-​ewwel imweldin kollha fost l-​ulied subien taʼ Iżrael.” Imma s-​sostituzzjoni kellha tkun eżatta. Ittieħed ċensiment tat-​tribù taʼ Levi: 22,000 raġel. Imbagħad, ittieħed ċensiment tal-​ewwel imwielda Iżraeliti kollha: 22,273 raġel. Biss billi jitħallas “prezz taʼ rahan” taʼ ħames xekel għal kull individwu setgħu il-​273 l-​ewwel imweldin li kien hemm iżjed jiġu mifdijin, skużati mis-​servizz tat-​tempju.

Rahan li Jikkorrispondi

10. Is-​sagrifiċċji tal-​annimali għala ma setgħux b’mod xieraq igħattu d-​dnubiet tal-​umanità?

10 Dan li għedna juri li rahan irid ikun l-​ekwivalenti taʼ dak li għalih ikun jissostitwixxi, jew igħatti. Is-​sagrifiċċju tal-​annimali li offrew irġiel taʼ fidi minn Abel ’il quddiem ma setgħux verament igħattu d-​dnubiet tan-​nies, ladarba l-​bnedmin huma superjuri għall-​annimali bla raġuni. (Salm 8:4-8) Pawlu setaʼ b’hekk jikteb li “m’huwiex possibbli għad-​demm taʼ barrin u taʼ mogħoż li jneħħi d-​dnubiet.” Sagrifiċċji bħal dawn setgħu jaqdu sempliċement bħala għata illustrattiv jew simboliku bi tħejjija għar-​rahan li kellu jiġi.—Ebrej 10:1-4.

11, 12. (a) Għala eluf taʼ miljuni taʼ bnedmin ma kellhomx bżonn imutu mewtiet taʼ sagrifiċċju biex igħattu għall-​istat midneb tal-​umanità? (b) Min biss setaʼ jservi taʼ “rahan li jikkorrispondi,” u liema għan taqdi l-​mewt tiegħu?

11 Dan ir-​rahan iffigurat bil-​quddiem ried ikun l-​ekwivalenti eżatt taʼ Adam, ladarba l-​piena tal-​mewt li Alla b’mod ġust applika fuq Adam irriżultat fil-​kundanna tar-​razza umana. “F’Adam ilkoll qed imutu,” igħid 1 Korintin 15:22. Mela ma kienx neċessarju għal eluf taʼ miljuni taʼ bnedmin individwali li jmutu mewtiet taʼ sagrifiċċju biex jikkorrispondu għal kull individwu mnissel minn Adam. “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-​dnub daħal fid-​dinja u l-​mewt permezz tad-​dnub.” (Rumani 5:12) U “ladarba l-​mewt hi permezz taʼ bniedem,” il-​fidwa tal-​umanità setgħet tiġi wkoll “permezz taʼ bniedem.”—1 Korintin 15:21.

12 Ir-​raġel li setaʼ jkun ir-​rahan ried ikun bniedem perfett tal-​laħam u d-​demm—l-​ekwivalenti eżatt taʼ Adam. (Rumani 5:14) Ħlejqa spirtu jew “bniedem Alla” ma kienx jibbilanċja l-​miżien tal-​ġustizzja. Bniedem perfett biss, xi ħadd li mhux taħt is-​sentenza taʼ mewt Adamika, setaʼ joffri “rahan li jikkorrispondi,” wieħed li jikkorrispondi b’mod perfett għal Adam. (1 Timotew 2:6)a Billi minn jeddu ssagrifika ħajtu dan “l-​aħhar Adam” setaʼ jħallas il-​ħlas tad-​dnub tal-​“ewwel raġel Adam.”—1 Korintin 15:45; Rumani 6:23.

13, 14. (a) Adam u Eva se jibbenefikaw mir-​rahan? Spjega. (b) Ir-​rahan kif se jibbenefika lid-​dixxendenti taʼ Adam? Agħti eżempju.

13 La Adam u lanqas Eva, madankollu ma jibbenefikaw mir-​rahan. Fil-​Liġi Mosajka kien hemm dan il-​prinċipju: “Ma tridu tieħdu ebda rahan għal ruħ taʼ qattiel li jixraqlu li jmut.” (Numri 35:31) Adam ma kienx imqarraq, mela d-​dnub tiegħu kien minn rajh, apposta. (1 Timotew 2:14) Kien jammonta għal qtil tan-​nisel tiegħu, għax issa huma wirtu l-​imperfezzjoni tiegħu, billi b’hekk ġew taħt is-​sentenza tal-​mewt. Jidher ċar li Adam kien ħaqqu jmut, għax bħala bniedem perfett, hu għazel minn rajh li ma jobdix il-​liġi t’Alla. Kien ikun kontra l-​prinċipji taʼ tjieba taʼ Jehovah li kieku Hu applika r-​rahan għal Adam. Li jitħallas il-​ħlas għad-​dnub taʼ Adam, madankollu, jipprovdi għat-​tneħħija tas-​sentenza tal-​mewt minn fuq in-​nisel taʼ Adam! (Rumani 5:16) F’sens legali, il-​qawwa distruttiva tad-​dnub hija maqtugħa sewwa sew mis-​sors tagħha. Dak li jħallas ir-​rahan ‘iduq il-​mewt għal kull bniedem,’ billi jbati l-​konsegwenzi tad-​dnub għall-​ulied kollha taʼ Adam.—Ebrej 2:9; 2 Korintin 5:21; 1 Pietru 2:24.

14 Biex nagħtu eżempju: Immaġina fabbrika kbira b’mijiet taʼ impjegati. Manager diżonest ifalli n-​negozju; il-​fabbrika tagħlaq il-​bibien tagħha. Mijiet issa huma bla xogħol u ma jistgħux iħallsu l-​kontijiet tagħhom. Sħabhom fiż-​żwieġ, uliedhom, u, iva, dawk il-​kredituri kollha se jbatu minħabba l-​korruzzjoni taʼ dak ir-​raġel wieħed! Imbagħad jiġi benefattur tat-​tajjeb li jħallas id-​dejn tal-​kumpanija u jerġaʼ jiftaħ il-​fabbrika. It-​tneħħija taʼ dak id-​dejn wieħed, mill-​banda l-​oħra, ġġib serħan sħiħ għall-​ħafna impjegati, għall-​familji tagħhom, u għal dawk il-​kredituri. Imma l-​manager li kien hemm se jkollu sehem fil-​prosperità l-​ġdida? Le, hu qiegħed il-​ħabs u b’hekk b’mod permanenti bla xogħol! Bl-​istess mod, it-​tneħħija tad-​dejn wieħed taʼ Adam iġġib benefiċċji għal miljuni mid-​dixxendenti tiegħu—imma mhux lil Adam.

Min Jipprovdi r-​Rahan?

15. Min setaʼ jipprovdi rahan għall-​umanità, u għala?

15 Is-​salmista lmenta: “L-​ebda wieħed minnhom ma jistaʼ b’xi mod jifdi mqar lil ħu, lanqas ma jagħti lil Alla rahan għalih; (u l-​prezz tal-​fidwa taʼ ruħhom u tant prezzjuż li waqaf għal żmien indefinit).” The New English Bible jgħid li l-​prezz tar-​rahan kien “għalkollox ’il bogħod milli setaʼ qatt iħallas hu.” (Salm 49:7, 8) Min, allura, kellu jipprovdi r-​rahan? Jehovah biss setaʼ jipprovdi l-​“Ħaruf [perfett] . . . li jneħħi d-​dnub tad-​dinja.” (Ġwann 1:29) Alla ma bagħatx xi anġlu biex jeħles lill-​umanità. Hu għamel is-​sagrifiċċju suprem taʼ li jibgħat l-​Iben uniġenitu tiegħu, “dak li bih kien jitgħaxxaq b’mod speċjali.”—Proverbji 8:30; Ġwann 3:16.

16. (a) L-​Iben t’Alla kif ġie li twieled bħala bniedem perfett? (b) Ġesù x’setaʼ jiġi msejjaħ f’sens legali?

16 Bil-​parteċipazzjoni minn jeddu fl-​arranġament divin, l-​Iben t’Alla “battal lilu nnifsu” min-​natura tas-​sema tiegħu. (Filippin 2:7) Jehovah trasferixxa l-​forza tal-​ħajja u l-​mudell tal-​personalita taʼ Ibnu tas-​sema, l-​ewwel imwieled, għal ġol-​ġuf taʼ verġni Lhudija li kien jisimha Marija. Spirtu Qaddis imbagħad ‘tefaʼ d-​dell tiegħu fuqha,’ billi ggarantixxa li t-​tarbija li kienet qed tikber f’ġufha kellu jkun qaddis, assolutament ħieles mid-​dnub. (Luqa 1:35; 1 Pietru 2:22) Bħala bniedem, hu kellu jiġi msejjaħ Ġesù. Imma f’sens legali, hu setaʼ jiġi msejjaħ ‘it-​tieni Adam,’ għax hu kien jikkorrispondi perfettament għal Adam. (1 Korintin 15:45, 47) Ġesù b’hekk setaʼ joffri lilu nnifsu f’sagrifiċċju bħala “ħaruf mingħajr tiċpisa u mingħajr tebgħa,” rahan għall-​umanità midinba.—1 Pietru 1:18, 19.

17. (a) Lil min jitħallas ir-​rahan u għala? (b) Ladarba Alla kemm jipprovdi kif ukoll jirċievi r-​rahan, għala qagħad isir it-​tpartit?

17 Lil min, iżda, kellu jiġi mħallas dak ir-​rahan? Għal sekli shaħ it-​teoloġi tal-​Kristjaneżmu argumentaw li ġie mħallas lil Satana x-​Xitan. Il-​fatt hu li l-​umanità ġiet “mibjugħa taħt” id-​dnub u b’hekk ġiet taħt il-​kontroll taʼ Satana. (Rumani 7:14; 1 Ġwann 5:19) Xorta waħda, Jehovah, mhux Satana, Saħansitra “jesiġi kastig” għall-​ħażin. (1 Tessalonkin 4:6) Għalhekk, kif jistqarr b’mod espliċitu Salm 49:7, ir-​rahan irid jitħallas “lil Alla.” Jehovah jipprovdi r-​rahan, imma wara li l-​Ħaruf t’Alla jkun ġie ssagrifikat, il-​valur tar-​rahan tiegħu irid jitħallas lil Alla. (Qabbel Ġenesi 22:7, 8, 11-13; Ebrej 11:17.) Dan ma jnaqqasx mir-​rahan u jagħmlu bla skop jew mekkaniku, bħal li kieku xi flus ġew maħrugin minn but u mpoġġijin f’ieħor. Ir-​rahan ma jinvolvix sempliċement xi tpartit fiżiku bħal xi biċċa negozju legali. Billi insista biex jitħallas rahan—saħansitra bi prezz kbir ħafna għalih innifsu—Jehovah afferma ż-​żamma tiegħu li ma titħarrikx maʼ prinċipji taʼ tjieba.—Ġakbu 1:17.

“Ġie Mwettaq!”

18, 19. Għala kien neċessarju għal Ġesù biex isofri?

18 Fir-​rebbiegħa tas-​sena 33 E.K., kien wasal iż-​żmien biex jitħallas ir-​rahan. Ġesù Kristu ġie arrestat fuq akkużi foloz, kien misjub ħati, u msammar maʼ zokk taʼ esekuzzjoni. Hu talab lil Alla b’“għajjat qawwi u dmugħ” minħabba l-​ugigħ immens u l-​umiljazzjoni li kienu nvoluti. (Ebrej 5:7) Kien neċessarju għal Ġesù li jbati daqshekk? Iva, għax billi jibqaʼ “leali, bla ħtija, bla mniġġes, mifrud mill-​midinbin,” sewwa sew sat-​tmiem, Ġesù ssetilja b’finalita drammatika l-​kwistjoni tal-​integrità tal-​qaddejja t’Alla—Ebrej 7:26.

19 It-​tbatijiet taʼ Kristu servew ukoll biex jipperfezzjonawh għar-​rwol tiegħu bħala Qassis il-​Kbir għall-​umanità. Bħala tali, hu ma kellux ikun xi burokratiku biered u indifferenti. “Għax billi hu nnifsu sofra meta ġie pprovat, hu kapaċi jidħol għal dawk li qed jiġu pprovati.” (Ebrej 2:10, 18; 4:15) Bl-​aħhar nifs taʼ ħajtu, Ġesù setaʼ jgħajjat bi trijonf, “Ġie mwettaq!” (Ġwann 19:30) Mhux biss kien ipprova l-​integrità tiegħu stess imma hu kien irnexxielu jpoġġi l-​bażi għas-​salvazzjoni tal-​umanità—u iktar importanti, l-​ivvindikar tas-​sovranità taʼ Jehovah!

20, 21. (a) Kristu għala ġie mqajjem mill-​imwiet? (b) Ġesù Kristu għala “ġie mogħti l-​ħajja fl-​ispirtu”?

20 B’liema manjiera, iżda, kellu r-​rahan jiġi attwalment applikat għall-​umanità midinba? Meta? Kif? Dawn il-​kwistjonijiet ma tħallewx għal riħhom. Fit-​tielet jum wara l-​mewt taʼ Kristu, Jehovah qajmu mill-​imwiet. (Atti 3:15; 10:40) B’dan l-​att taʼ sinjifikat kbir, fatt li hu vverifikat minn mijiet taʼ xhieda li raw b’għajnejhom stess, Jehovah mhux biss ippremja s-​servizz leali taʼ Ibnu imma tah opportunità biex itemm ix-​xogħol taʼ fidwa tiegħu.—Rumani 1:4; 1 Korintin 15:3-8.

21 Ġesù ġie “mogħti l-​ħajja fl-​ispirtu,” u l-​fdalijiet tal-​art tiegħu ttieħdu ’l hemm b’manjiera mhux magħrufa. (1 Pietru 3:18; Salm 16:10; Atti 2:27) Bħala ħlejqa spirtu, Ġesù rxoxtat setaʼ issa jagħmel ritorn trijunfanti lejn is-​sema. X’ċelebrazzjoni taʼ ferħ bla tmiem żgur li kien hemm fis-​sema f’dik l-​okkażjoni! (Qabbel Ġob 38:7.) Ġesù ma marx lura sempliċement biex igawdi l-​laqgħa li kellu. Hu ġie biex iwettaq xogħol ieħor, inkluż dak biex jagħmilha possibbli għar-​razza umana kollha biex tibbenefika mir-​rahan tiegħu. (Qabbel Ġwann 5:17, 20, 21.) Eżatt kif wettaq dan u xi jfisser għall-​umanità se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Il-kelma Griega wżata hawn, an·ti’ly·tron, ma tidher imkien iżjed fil-​Bibbja. Hija marbuta mal-​kelma li Ġesù uża għal rahan (ly’tron) f’​Mark 10:45. Madankollu, The New International Dictionary of New Testament Theology jindika li an·ti’ly·tron ‘tenfasizza l-​idea taʼ tpartit.’ B’mod xieraq, in-​New World Translation tittraduċiha “rahan li jikkorrispondi.”

Mistoqsijiet taʼ Reviżjoni

◻ Liema kwistjonijiet kienu saħansitra taʼ akbar importanza mis-​salvazzjoni tal-​umanità?

◻ Xi jfisser li “tagħti rahan” għall-​midinbin?

◻ Għal min kellu Ġesù jikkorrispondi, u għala?

◻ Min jipprovdi r-​rahan, u lil min jiġi mħallas?

◻ Għala kien neċessarju li Kristu jiġi mqajjem mill-​imwiet bħala spirtu?

[Stampa f’paġna 9]

Is-​sagrifiċċji tal-​annimali ma kinux biżżejjed biex igħattu d-​dnubiet tal-​bnedmin; huma taw stampa tas-​sagrifiċċju akbar li kellu jiġi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja