Sagrifiċċji taʼ Tifħir li Jogħġbu lil Jehovah
“Offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla.”—RUMANI 12:1.
1. Il-Bibbja x’tgħid dwar il-valur relattiv tas-sagrifiċċji taħt il-Liġi taʼ Mosè?
“IL-LIĠI taʼ Mosè, billi għandha biss id-dell tal-ġid li għandu jiġi, u mhux dan l-istess ġid, lil dawk li jersqu qrib lejn Alla ma tistaʼ qatt tagħmilhom perfetti bis-saħħa taʼ dawk is-sagrifiċċji li huma joffru bla waqfien minn sena għal sena.” (Lhud 10:1) Hawnhekk, l-appostlu Pawlu jurina ċar u tond li s-sagrifiċċji kollha offruti taħt il-Liġi taʼ Mosè ma kellhom ebda valur dejjiemi fejn għandha x’taqsam is-salvazzjoni tal-bnedmin.—Kolossin 2:16, 17.
2. Għala m’huwiex għalxejn li nipprovaw nifhmu l-informazzjoni dettaljata fil-Bibbja dwar l-offerti u s-sagrifiċċji fil-Liġi?
2 Ifisser dan li l-informazzjoni fil-Pentatewku rigward l-offerti u s-sagrifiċċji ma tiswa xejn għall-Kristjani llum? Fil-fatt, għal ftit iktar minn sena, dawk li huma miktubin fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja, dan l-aħħar għaddew l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja. Xi wħud kellhom jagħmlu sforz kbir biex jaqraw u jifhmu d-dettalji kollha. Kien għalxejn l-isforz li għamlu? Żgur li le, għax “kull ma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi, nkiteb għat-tagħlim tagħna, biex bis-sabar u bil-faraġ li tagħtina l-Iskrittura, aħna jkollna t-tama.” (Rumani 15:4) Mela, il-mistoqsija hi, Liema “tagħlim” u “faraġ” nistgħu nisiltu minn din il-ġabra taʼ informazzjoni fil-Liġi rigward l-offerti u s-sagrifiċċji?
Nitgħallmu u Nitfarrġu
3. Liema ħtieġa bażika għandna?
3 Għalkemm mhux mistenni minna li noffru sagrifiċċji letterali skond kif kienet titlob il-Liġi, xorta waħda sa ċertu punt għad għandna bżonn kbir taʼ dak li s-sagrifiċċji wettqu għall-Iżraelin. Dan hu li jinħafrulna dnubietna u li ngawdu l-favur t’Alla. Ladarba m’għadniex noffru sagrifiċċji letterali, kif nistgħu nirċievu dawn il-benefiċċji? Wara li juri kemm is-sagrifiċċji taʼ l-annimali kienu limitati, Pawlu jiddikjara: “Għalhekk Kristu meta daħal fid-dinja qal: ‘Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int ħejjejt għalija; vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet lilek ma għoġbukx.’ Jien imbagħad għedt: ‘Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla, kif fil-ktieb hemm miktub fuqi.’”—Lhud 10:5-7.
4. Pawlu kif japplika Salm 40:7-9 [40:6-8, NW] għal Ġesù Kristu?
4 Waqt li jikkwota minn Salm 40:7-9 [40:6-8, NW], Pawlu juri li Ġesù ma ġiex biex jirrepeti ‘s-sagrifiċċji u l-offerti,’ “vittmi maħruqa u vittmi [“għad-dnub,” Karm Żammit]” li lkoll kemm huma ma kinux għadhom approvati minn Alla saż-żmien meta kiteb Pawlu. Minflok, Ġesù ġie b’ġisem li ħejjielu Missieru tas-sema, ġisem li minn kull aspett kien preċiż bħal dak li Alla ħejja għal Adam meta ħalqu. (Ġenesi 2:7; Luqa 1:35; 1 Korintin 15:22, 45) Bħala l-Iben perfett t’Alla, Ġesù kellu l-irwol tan-“nisel” tal-mara, bħalma tbassar f’Ġenesi 3:15. Kien se jieħu passi biex lil Satana ‘jisħaqlu rasu,’ għalkemm Ġesù nnifsu kien se jiġi ‘misħuq f’għarqubu.’ B’dan il-mod, Ġesù sar il-mezz provdut minn Jehovah għas-salvazzjoni tal-bnedmin, mezz li bnedmin taʼ fidi kienu ilhom jistennew sa minn żmien Abel.
5, 6. Il-Kristjani liema mod superjuri għandhom biex javviċinaw lil Alla?
5 Meta jitkellem dwar dan l-irwol speċjali taʼ Ġesù, Pawlu jgħid: “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja taʼ Alla.” (2 Korintin 5:21) L-espressjoni “għamlu dnub” tistaʼ tiġi tradotta wkoll ‘għamlu bħala offerta għad-dnub.’ L-appostlu Ġwanni jgħid: “Hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.” (1 Ġwann 2:2) Għaldaqstant, waqt li l-Iżraelin kellhom mezz temporanju biex jersqu lejn Alla bis-sagrifiċċji tagħhom, il-Kristjani għandhom bażi superjuri biex jiġu għand Alla—is-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu. (Ġwann 14:6; 1 Pietru 3:18) Jekk nuru fidi fis-sagrifiċċju li Alla pprovda bħala prezz tal-fidwa u nobdu Lilu, aħna wkoll nistgħu ngawdu l-maħfra taʼ dnubietna u l-favur u l-barka t’Alla. (Ġwann 3:17, 18) M’huwiex dan sors taʼ faraġ għalina? Iżda, kif nistgħu nuru li għandna fidi fis-sagrifiċċju li tħallas bħala prezz tal-fidwa?
6 Wara li jispjega li l-Kristjani għandhom bażi superjuri biex jersqu lejn Alla, l-appostlu Pawlu jsemmi, bħalma naqraw f’Lhud 10:22-25, tliet modi li bihom nistgħu nuru l-fidi u l-apprezzament tagħna lejn Alla għal dak li pprovdielna b’imħabba. It-twissija taʼ Pawlu saret primarjament lil dawk li se ‘jidħlu fis-Santwarju,’ jiġifieri, Kristjani midlukin bis-sejħa għas-sema. Però, żgur li l-umanità kollha għandha bżonn tagħti kas tal-kliem imnebbaħ taʼ Pawlu jekk trid tibbenefika mis-sagrifiċċju li Ġesù ħallas għalina.—Lhud 10:19.
Offri Sagrifiċċji Safjin u bla Tinġis
7. (a) Lhud 10:22 kif jitfaʼ dawl fuq x’kien isir fis-sagrifiċċju? (b) X’ried isir biex is-sagrifiċċju jkun żgur aċċettat minn Alla?
7 L-ewwel, Pawlu jħeġġeġ lill-Kristjani: “Ejjew nersqu b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa, bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina u l-ġisem tagħna maħsul b’ilma safi.” (Lhud 10:22) Il-kliem li jintuża hawnhekk bla dubju jitfaʼ dawl fuq dak li kien isir f’sagrifiċċju normali taħt il-Liġi. Hekk jixraq għax biex sagrifiċċju jiġi aċċettat, ried jiġi offrut b’motiv tajjeb u jkun safi u bla tinġis. L-annimal tas-sagrifiċċju kien mill-merħla tal-baqar jew tan-nagħaġ, jiġifieri mill-annimali safjin, u kien “bla difett.” Jekk is-sagrifiċċju kien mit-tjur, ried ikun mill-gamiem jew mill-bċieċen. Jekk dan kien isir kif suppost, ‘kien se jkun milqugħ għall-espjazzjoni tiegħu.’ (Levitiku 1:2-4, 10, 14; 22:19-25) L-offerta tal-qmuħ ma kien ikun fiha ebda ħmira, li hija simbolu tal-korruzzjoni; lanqas ma kien ikun fiha għasel, x’aktarx il-ġulepp tal-frott, għax dan malajr jiffermenta. Meta s-sagrifiċċji, sew l-annimali u sew il-qmuħ, kienu jiġu offruti fuq l-artal, kienu jżidulhom il-melħ, li hu preservattiv.—Levitiku 2:11-13.
8. (a) X’kien meħtieġ minn dak li jagħmel l-offerta? (b) Kif nistgħu nkunu ċerti li l-qima tagħna hi aċċettata minn Jehovah?
8 Xi ngħidu dwar min jagħmel l-offerta? Il-Liġi kienet tgħid li kulmin jiġi quddiem Jehovah ried ikun safi u bla tinġis. Jekk xi ħadd kien jitniġġes b’xi ħaġa, l-ewwel dan ried joffri offerta għad-dnub jew offerta għall-ħtija biex jerġaʼ jikseb qagħda tajba maʼ Jehovah. Hekk l-offerta tal-ħruq jew is-sagrifiċċju tas-sliem li joffri setaʼ jiġi aċċettat Minnu. (Levitiku 5:1-6, 15, 17) Għalhekk, napprezzaw aħna kemm hu importanti li dejjem ikollna waqfa tajba maʼ Jehovah? Jekk irridu li l-qima tagħna tkun aċċettata minn Alla, irridu nkunu ħfief biex insewwu fejn inkunu nqasna milli nobdu l-liġijiet t’Alla. Għandna nkunu ħfief biex nagħmlu użu mill-mezzi li Alla pprovdielna għall-għajnuna. Dawn huma l-anzjani fil-kongregazzjoni u Ġesù Kristu, dak li “ħallas għal dnubietna.”—Ġakbu 5:14; 1 Ġwann 2:1, 2.
9. X’differenza ewlenija hemm bejn is-sagrifiċċji li jsiru lil Jehovah u dawk offruti lil allat foloz?
9 Fil-fatt, id-differenza ewlenija bejn is-sagrifiċċji offruti lil Jehovah u dawk offruti lil allat foloz min-nies tal-ġnus madwar Iżrael kienet l-enfasi fuq li jkunu ħielsa minn kull xorta taʼ tinġis. Waqt li jikkummenta dwar dan il-fattur distintiv tas-sagrifiċċji fil-Liġi taʼ Mosè, ktieb taʼ referenza josserva: “Nistgħu ninnotaw li m’hemm ebda konnessjoni maʼ tbassir jew seħer; ebda mġiba taʼ ġenn, ħsara fiżika fuq il-persuna nfisha, jew prostituzzjoni sagra, billi r-riti tal-fertilità senswali u bla kontroll kienu projbiti għalkollox; ebda sagrifiċċji umani; ebda sagrifiċċji għall-mejtin.” Dan kollu jiġbed l-attenzjoni tagħna lejn ħaġa waħda: Jehovah hu qaddis, u ma jaċċettax jew jagħlaq għajnejh għal xi xorta taʼ dnub jew korruzzjoni. (Ħabakkuk 1:13) Il-qima u s-sagrifiċċji li jiġu offruti lilu jridu jkunu safja u bla tinġis fiżikament, moralment, u spiritwalment.—Levitiku 19:2; 1 Pietru 1:14-16.
10. Fi qbil mat-twissija taʼ Pawlu li nsibu f’Rumani 12:1, 2, liema eżami tagħna nfusna għandna nagħmlu?
10 Meta nqisu dan, għandna neżaminaw lilna nfusna f’kull qasam tal-ħajja biex inkunu ċerti li s-servizz tagħna lil Jehovah huwa aċċettat minnu. M’għandna qatt naħsbu li dment li jkollna xi sehem fil-laqgħat Kristjani u fil-ministeru, ma jimpurtax x’nagħmlu fil-ħajja privata tagħna. Ukoll m’għandniex inħossu li għax nieħdu sehem f’attivitajiet Kristjani dan b’xi mod jiskużana mill-ħtieġa li nosservaw il-liġijiet t’Alla f’oqsma oħrajn taʼ ħajjitna. (Rumani 2:21, 22) M’għandniex nistennew li se jkollna l-barka u l-favur taʼ Jehovah jekk inħallu xi ħaġa mhix safja jew li tkun imniġġsa f’għajnejh tħassar il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna. Żomm f’moħħok kliem Pawlu: “Nitlobkom ħuti, għall-ħniena taʼ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. Timxux max-xejra taʼ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.”—Rumani 12:1, 2.
Offri Sagrifiċċji taʼ Tifħir b’Qalbek Kollha
11. X’inhu inkluż fl-espressjoni “stqarrija qawwija,” li tissemma f’Lhud 10:23?
11 Fl-ittra tiegħu lil-Lhud, Pawlu mbagħad jiġbed l-attenzjoni tagħna lejn aspett vitali tal-qima vera: “Inżommu sħiħ fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax taʼ kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda.” (Lhud 10:23) L-espressjoni “stqarrija qawwija” letteralment tfisser “qrara.” Pawlu jitkellem ukoll dwar “sagrifiċċju taʼ tifħir.” (Lhud 13:15) Dan ifakkarna fit-tip taʼ sagrifiċċju li offrew irġiel bħal Abel, Noè, u Abraham.
12, 13. Meta xi Iżraeli kien joffri sagrifiċċju tal-ħruq, dan x’kien jirrikonoxxi, u x’nistgħu nagħmlu biex nirriflettu l-istess spirtu?
12 Meta xi Iżraeli kien joffri sagrifiċċju tal-ħruq, dan kien jagħmlu “minn jeddu” quddiem Jehovah. (Levitiku 1:3, KŻ) B’dan is-sagrifiċċju hu jkun għamel stqarrija pubblika, jew rikonoxximent, tal-barkiet kotrana u l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah lejn il-poplu tiegħu. Ftakar li fattur distintiv tas-sagrifiċċju tal-ħruq kien li l-offerta kollha kemm hi kienet tiġi konsmata fuq l-artal—simbolu xieraq taʼ devozzjoni u dedikazzjoni sħiħa. Bl-istess mod, aħna nuru l-fidi tagħna fis-sagrifiċċju li tħallas bħala prezz tal-fidwa u l-gratitudni tagħna għal dan meta minn jeddna u b’qalbna kollha noffru lil Jehovah “sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri l-kelma taʼ xufftejna li tistqarr ismu.”
13 Filwaqt li l-Kristjani ma joffrux sagrifiċċji letterali, t’annimali jew ħxejjex, huma għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu xiehda dwar l-aħbar tajba tas-Saltna u jagħmlu dixxipli taʼ Ġesù Kristu. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Tieħu vantaġġ meta jkollok opportunità li xxandar pubblikament l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla sabiex iktar nies jistgħu jkunu jafu dwar l-affarijiet taʼ l-għaġeb li Alla għandu merfugħin għal nies ubbidjenti? Tuża l-ħin u l-enerġija tiegħek minn jeddek biex tgħallem lil min juri interess u tgħinu jsir dixxiplu taʼ Ġesù Kristu? Il-parteċipazzjoni żeluża tagħna fil-ministeru, bħar-riħa tfuħ taʼ l-offerta tal-ħruq, togħġbu ħafna lil Alla.—1 Korintin 15:58.
Thenna bi Sħubija m’Alla u mal-Bnedmin
14. Il-kliem taʼ Pawlu f’Lhud 10:24, 25 kif jixbah l-idea tas-sagrifiċċju tas-sliem?
14 Fl-aħħar, Pawlu jiġbdilna l-attenzjoni lejn ir-relazzjoni tagħna maʼ Kristjani sħabna hekk kif inqimu lil Alla. “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-Jum.” (Lhud 10:24, 25) L-espressjonijiet ‘inħajru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb,’ ‘niltaqgħu flimkien,’ u ‘nagħmlu l-qalb lil xulxin’ kollha jfakkruna dwar dak li s-sagrifiċċju tas-sliem kien jagħmel għall-poplu t’Alla f’Iżrael.
15. Liema xebh naraw bejn is-sagrifiċċju tas-sliem u l-laqgħat Kristjani?
15 Il-frażi “sagrifiċċju tas-sliem” xi drabi tiġi tradotta “sagrifiċċju tas-sħubija.” Il-kelma Lhudija għal “sliem” hawnhekk hi fil-plural, biex forsi turi li min jipparteċipa f’dawn is-sagrifiċċji jkollu paċi m’Alla u paċi m’adoraturi sħabu. Rigward is-sagrifiċċju tas-sliem, wieħed studjuż josserva: “Dan kien tabilħaqq żmien taʼ sħubija ferriħija maʼ l-Alla tal-Patt, li matulu Hu kien jindenja li jsir il-Mistieden taʼ Iżrael waqt li jittiekel is-sagrifiċċju, saħansitra bħalma Hu dejjem kien Dak li jistieden.” Dan ifakkarna fil-wegħda taʼ Ġesù: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.” (Mattew 18:20) Kull darba li nattendu xi laqgħa Kristjana, nibbenefikaw mis-sħubija li tibni, mit-tagħlim taʼ inkuraġġiment, u mill-ħsieb li l-Mulej Ġesù Kristu qiegħed preżenti magħna. Dan jagħmel il-laqgħa Kristjana okkażjoni verament taʼ ferħ u li ssaħħaħ il-fidi.
16. Waqt li nżommu f’moħħna s-sagrifiċċju tas-sliem, x’inhu dak li b’mod speċjali jagħmel il-laqgħat Kristjani tant taʼ ferħ?
16 Fis-sagrifiċċju tas-sliem, ix-xaħam kollu, jiġifieri, taʼ madwar l-imsaren, il-kliewi, il-parti taʼ fuq il-fwied, u taʼ madwar il-ġenbejn, kif ukoll il-parti mxaħħma tad-denb tan-nagħġa, kien offrut lil Jehovah billi jinħaraq, b’duħħan jaqbad fuq l-artal. (Levitiku 3:3-16) Ix-xaħam kien meqjus bħala l-aħjar u l-iktar parti rikka taʼ l-annimal. Li toffrih fuq l-artal kien jissimbolizza li lil Jehovah tagħtih l-aħjar sehem. Dak li jagħmel il-laqgħat Kristjani tant taʼ ferħ hu l-fatt li aħna mhux biss nirċievu t-tagħlim iżda wkoll noffru tifħir lil Jehovah. Dan nagħmluh billi nipparteċipaw u nagħtu bl-umiltà l-aqwa tagħna meta nkantaw mill-qalb, nagħtu attenzjoni bir-reqqa, u nikkummentaw meta jkun possibbli. “Hallelujah!” qal b’leħen għoli s-salmista. “Għannu lill-Mulej għanja ġdida: fil-ġemgħa taʼ ħbiebu t-tifħir tiegħu!”—Salm 149:1.
Hemm Jistennewna Barkiet Kotrana Mingħand Jehovah
17, 18. (a) Salamun liema sagrifiċċju grandjuż għamel meta ġie inawgurat it-tempju f’Ġerusalemm? (b) Iċ-ċerimonja taʼ l-inawgurazzjoni tat-tempju liema barkiet ġabitlu lill-poplu?
17 Fl-inawgurazzjoni tat-tempju f’Ġerusalemm, fis-sebaʼ xahar tas-sena 1026 Q.E.K., is-Sultan Salamun offra sagrifiċċju grandjuż quddiem Jehovah li kien jikkonsisti minn ‘sagrifiċċju tal-ħruq u l-offerta tal-qmuħ u x-xaħam tas-sagrifiċċji tas-sliem.’ Minbarra dak li kien offrut fl-offerti tal-qmuħ, total taʼ 22,000 baqra u 120,000 nagħġa ġew sagrifikati f’din l-okkażjoni.—1 Slaten 8:62-65.
18 Tistaʼ timmaġina kemm swiet flus u x’ammont taʼ xogħol kien involut għal ċerimonja kbira bħal din? Madankollu, il-barkiet li Iżrael irċieva ovvjament kienu bil-wisq akbar. Meta spiċċaw il-festi, Salamun “bagħat il-poplu, u huma bierku lis-sultan u kulħadd mar fl-għarix tiegħu, lkoll ferħana u qalbhom hienja għall-ġid kollu li għamel il-Mulej maʼ David, il-qaddej tiegħu, u maʼ Iżrael, il-poplu tiegħu.” (1 Slaten 8:66) Verament, bħalma qal Salamun, “il-barka tal-Mulej iġġib l-għana, u xejn ma jżid magħha t-taħbit tagħna.”—Proverbji 10:22.
19. X’nistgħu nagħmlu biex nirċievu barkiet grandjużi mingħand Jehovah issa u għal dejjem?
19 Qed ngħixu fi żmien meta d-“dell tal-ġid li għandu jiġi” ġie mibdul minn “dan l-istess ġid.” (Lhud 10:1) Ġesù Kristu, bħala Dak li fl-antik kien jiġi ffigurat permezz tal-qassis il-kbir, diġà daħal fis-sema stess u ppreżenta l-valur taʼ l-istess demmu biex ipatti għad-dnubiet taʼ dawk kollha li juru fidi fis-sagrifiċċju tiegħu. (Lhud 9:10, 11, 24-26) Bis-saħħa taʼ dan is-sagrifiċċju kbir, u billi b’qalbna kollha noffru lil Alla s-sagrifiċċji tagħna taʼ tifħir, safjin u bla tinġis, aħna wkoll nistgħu nkomplu nimxu ‘ferħanin u qalbna hienja,’ waqt li nħarsu ’l quddiem lejn barkiet kotrana mingħand Jehovah.—Malakija 3:10.
Int Kif Twieġeb?
• Liema tagħrif u faraġ nistgħu nisiltu mill-informazzjoni fil-Liġi dwar is-sagrifiċċji u l-offerti?
• Liema hija l-ewwel ħtieġa biex sagrifiċċju jkun aċċettat, u x’tifsir għandu dan għalina?
• X’nistgħu noffru li jistaʼ jitqabbel maʼ offerta volontarja tal-ħruq?
• Il-laqgħat Kristjani b’liema modi jistgħu jitqabblu maʼ sagrifiċċju tas-sliem?
[Stampa f’paġna 18]
Is-sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz tal-fidwa kien provdut minn Jehovah għas-salvazzjoni tal-bnedmin
[Stampa f’paġna 20]
Biex is-servizz tagħna jkun aċċettat minn Jehovah, aħna rridu nkunu ħielsa minn kull xorta taʼ tinġis
[Stampa f’paġna 21]
Aħna nirrikonoxxu pubblikament it-tjubija taʼ Jehovah meta nieħdu sehem fil-ministeru