Ejja Nkunu Minn Dawk li Jemmnu
“Aħna minn dawk li jemmnu [“nies tal-fidi,” “Saydon”], biex insalvaw.”—LHUD 10:39.
1. Għala jistaʼ jingħad li l-fidi taʼ kull qaddej leali taʼ Jehovah hija prezzjuża?
L-EWWEl darba li tidħol f’Sala tas-Saltna li tkun mimlija adoraturi taʼ Jehovah, ieqaf ftit u ħares lejn dawk taʼ madwarek. Aħseb dwar il-ħafna modi kif dawn juru l-fidi tagħhom. Tistaʼ tara lil uħud imdaħħlin fiż-żmien li qdew lil Alla għal għaxriet taʼ snin, żgħażagħ li kuljum jirreżistu l-pressjoni minn dawk taʼ mparhom, u ġenituri li jaħdmu iebes biex irabbu tfal li jibżgħu minn Alla. Hemm l-anzjani u l-qaddejja ministerjali tal-kongregazzjoni, li jġorru ħafna responsabbiltajiet fuq spallejhom. Iva, tistaʼ tara aħwa rġiel u nisa spiritwali taʼ kull età li jegħlbu kull xorta taʼ ostaklu sabiex jaqdu lil Jehovah. Kemm hi prezzjuża l-fidi taʼ kull wieħed u waħda minnhom!—1 Pietru 1:7.
2. Il-pariri taʼ Pawlu f’Lhud kapitli 10 u 11 għala huma taʼ benefiċċju għalina llum?
2 Ftit huma l-bnedmin imperfetti, jekk jeżistu, li fehmu kemm hi importanti l-fidi aħjar minn kif fehemha l-appostlu Pawlu. Fil-fatt, hu nnota li l-fidi ġenwina twassal lil dak li jkun ‘biex isalva.’ (Lhud 10:39) Iżda, Pawlu kien jaf ukoll li l-fidi dejjem tistaʼ tiġi attakkata u mikula f’din id-dinja taʼ mingħajr fidi. Hu kien imħasseb profondament dwar il-Kristjani Lhud f’Ġerusalemm u fil-Ġudea, li kienu qegħdin jissieltu biex jippreservaw il-fidi tagħhom. Hekk kif inħarsu lejn partijiet minn Lhud kapitli 10 u 11, ejja ninnotaw il-metodi wżati minn Pawlu biex jibnilhom il-fidi. Waqt li nagħmlu dan, se naraw kif nistgħu nibnu fidi iktar b’saħħitha fina nfusna u f’dawk taʼ madwarna.
Esprimu Fiduċja f’Xulxin
3. Il-kliem taʼ Pawlu li nsibu f’Lhud 10:39 kif juri li hu kellu fiduċja f’ħutu rġiel u nisa fil-fidi?
3 L-ewwel ħaġa li nistgħu ninnotaw hija l-attitudni pożittiva taʼ Pawlu lejn l-udjenza tiegħu. Hu kiteb: “Iżda aħna m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu; aħna minn dawk li jemmnu, biex insalvaw.” (Lhud 10:39) Pawlu ħaseb l-aħjar, mhux l-agħar, dwar sħabu l-Kristjani leali. Innota, ukoll, li hu uża l-espressjoni “aħna.” Pawlu kien raġel twajjeb, u madankollu ma kienx jippretendi li hu superjuri għall-udjenza tiegħu, bħallikieku kien fuq livell taʼ tjieba għoli, ferm ’il fuq minnhom. (Qabbel Koħèlet 7:16.) Minflok, inkluda lilu nnifsu magħhom. Hu esprima fiduċja mill-qalb li hu u l-qarrejja Kristjani leali tiegħu kellhom ilkoll jiffaċċjaw l-ostakli skuraġġanti li kellhom quddiemhom, li kien se jkollhom il-kuraġġ li jirrifjutaw li jerġgħu lura biex jintilfu, u li kienu se juru li huma minn dawk li għandhom il-fidi.
4. Pawlu għal liema raġunijiet kellu fiduċja fi sħabu fit-twemmin?
4 Pawlu kif setaʼ jkollu din il-fiduċja? Ma kienx jarahom hu n-nuqqasijiet tal-Kristjani Lhud? Għall-kuntrarju, offrielhom pariri speċifiċi biex jgħinhom jegħlbu n-nuqqasijiet spiritwali tagħhom. (Lhud 3:12; 5:12-14; 6:4-6; 10:26, 27; 12:5) Xorta waħda, Pawlu kellu minn taʼ l-inqas żewġ raġunijiet tajbin biex ikollu fiduċja f’ħutu. (1) Bħala wieħed li kien jimita lil Jehovah, Pawlu għamel ħiltu kollha biex lin-nies t’Alla jarahom kif jarahom Jehovah. Dan ma kienx biss fejn kellhom x’jaqsmu n-nuqqasijiet tagħhom imma wkoll fejn kellhom x’jaqsmu l-kwalitajiet tajbin tagħhom u l-potenzjal li kellhom biex jagħżlu ħalli jagħmlu t-tajjeb fil-futur. (Salm 130:3; Efesin 5:1) (2) Pawlu kellu fidi impliċita fil-qawwa taʼ l-ispirtu qaddis. Hu kien jaf li ebda ostaklu, ebda debbulizza umana, ma setgħu jżommu lil Jehovah milli jagħti “qawwa iktar min-normal” lil kull Kristjan li jagħmel ħiltu kollha biex jaqdiH fedelment. (2 Korintin 4:7, NW; Filippin 4:13) Mela l-fiduċja taʼ Pawlu f’ħutu rġiel u nisa ma kinitx barra minn lokha, mhix realistika, jew ottimistika żżejjed. Kienet ibbażata b’mod sod u msejsa Skritturalment.
5. Kif nistgħu nimitaw il-fiduċja taʼ Pawlu, u wisq probabbli x’se jkun ir-riżultat?
5 Ċertament, il-fiduċja li wera Pawlu kienet tittieħed. Il-fatt li jkollhom lil Pawlu jkellimhom b’mod daqshekk inkuraġġanti bilfors li kien ifisser ħafna għall-kongregazzjonijiet f’Ġerusalemm u fil-Ġudea. Il-Kristjani Lhud, li kienu ffaċċjati biż-żebliħ aħrax u bl-indifferenza taʼ kburija taʼ l-opponenti Lhud tagħhom, ġew megħjunin minn dawn l-espressjonijiet biex jagħmlu riżoluzzjoni fi qlubhom li jkunu minn dawk li għandhom il-fidi. Nistgħu aħna llum nagħmlu l-istess lil xulxin? Huwa verament faċli li f’oħrajn naraw biss lista twila taʼ nuqqasijiet u difetti fil-personalità. (Mattew 7:1-5) Madankollu, nistgħu ngħinu lil xulxin ferm iktar jekk ninnotaw u nistmaw il-fidi unika li għandu kull wieħed minna. B’inkuraġġiment bħal dan, il-fidi jkollha iktar ċans li tissaħħaħ.—Rumani 1:11, 12.
Nużaw il-Kelma t’Alla b’Mod Xieraq
6. Pawlu minn liema sors kien qed jikkwota meta kiteb il-kliem dokumentat f’Lhud 10:38?
6 Pawlu bena wkoll il-fidi taʼ sħabu fit-twemmin billi uża l-Iskrittura bis-sengħa. Per eżempju, hu kiteb: “Il-bniedem ġust tiegħi jgħix bil-fidi; imma jekk jerġaʼ lura jien ma nitgħaxxaqx bih.” (Lhud 10:38) Hawnhekk Pawlu kien qed jikkwota mill-profeta Ħabakkuk.a Dan il-kliem x’aktarx li kien familjari mal-qarrejja taʼ Pawlu, Kristjani Lhud li kienu midħla sew tal-kotba profetiċi. Jekk wieħed jikkunsidra l-għan tiegħu—li jsaħħaħ il-fidi taʼ Kristjani ġewwa u qrib Ġerusalemm madwar is-sena 61 E.K.—l-eżempju taʼ Ħabakkuk kien għażla addattata. Għala?
7. Ħabakkuk meta ddokumenta l-profezija tiegħu, u x’kundizzjonijiet kien hemm f’Ġuda dak iż-żmien?
7 Huwa evidenti li Ħabakkuk kiteb il-ktieb tiegħu ftit iktar minn għoxrin sena qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. Fil-viżjoni, il-profeta ra lill-Kaldin (jew, Babiloniżi), “ġens qalil li jaħbat għal kulħadd,” jattakkaw lil Ġuda u jeqirdu lil Ġerusalemm, u fil-proċess jibilgħu popli u ġnus sħaħ. (Ħabakkuk 1:5-11) Imma dan il-gwaj kien ilu mbassar minn żmien Isaija, iktar minn seklu qabel. Fi żmien Ħabakkuk, Ġeħojakim saltan wara s-Sultan tajjeb Ġosija, u l-ħażen f’Ġuda ffjorixxa mill-ġdid. Ġeħojakim ippersegwita lil dawk li kienu jitkellmu f’isem Jehovah u saħansitra qatilhom. (2 Kronaki 36:5; Ġeremija 22:17; 26:20-24) Mhux taʼ b’xejn li l-profeta mnikket Ħabakkuk għajjat: “Mulej, kemm se ndum?”—Ħabakkuk 1:2.
8. L-eżempju taʼ Ħabakkuk għala kien se juri li hu t’għajnuna għall-Kristjani fl-ewwel seklu u anki llum?
8 Ħabakkuk ma kienx jaf kemm kienet qrib il-qerda taʼ Ġerusalemm. B’mod simili, il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu ma kinux jafu meta kienet se tintemm is-sistema t’affarijiet Lhudija. Lanqas aħna llum ma nafu l-“jum u s-siegħa” meta l-ġudizzju taʼ Jehovah se jiġi kontra din is-sistema mill-agħar. (Mattew 24:36) Mela, ejja ninnotaw it-tweġiba doppja li Jehovah ta lil Ħabakkuk. L-ewwel, hu assigura lill-profeta li t-tmiem kien se jiġi preċiż fil-waqt. ‘Ma jiddawwarx ma jasal!’ qal Alla, avolja min-naħa tal-bniedem kien donnu jidher li se jiddawwar. (Ħabakkuk 2:3) It-tieni, Jehovah fakkar lil Ħabakkuk: “[I]l-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu.” (Ħabakkuk 2:4) X’veritajiet mill-isbaħ u sempliċi! L-iktar li jimpurtana m’huwiex meta ġej it-tmiem, imma jekk aħniex se nkomplu ngħixu ħajja taʼ fidi.
9. Qaddejja ubbidjenti taʼ Jehovah kif baqgħu jgħixu minħabba l-fedeltà tagħhom (a) fis-sena 607 Q.E.K.? (b) wara s-sena 66 E.K.? (ċ) Għala huwa vitali li nsaħħu l-fidi tagħna?
9 Meta Ġerusalemm saret ħerba fis-sena 607 Q.E.K., Ġeremija, is-segretarju tiegħu Baruk, Ebedmelek, u r-Rekabin leali raw il-verità tal-wegħda li Jehovah kien għamel lil Ħabakkuk. Dawn baqgħu ‘jgħixu’ billi skansaw il-qerda terribbli taʼ Ġerusalemm. Għala? Jehovah ppremja l-fedeltà tagħhom. (Ġeremija 35:1-19; 39:15-18; 43:4-7; 45:1-5) B’mod simili, il-Kristjani Lhud taʼ l-ewwel seklu bilfors li wieġbu tajjeb għall-parir taʼ Pawlu, għax meta l-eżerċti Rumani attakkaw lil Ġerusalemm fis-sena 66 E.K. u mbagħad irtiraw bla ma ħadd jaf għala, dawk il-Kristjani taw kas fedelment it-twissija taʼ Ġesù biex jaħarbu. (Luqa 21:20, 21) Huma baqgħu jgħixu minħabba l-fedeltà tagħhom. Bl-istess mod, aħna se nibqgħu ngħixu jekk ninstabu li aħna leali meta jiġi t-tmiem. X’raġuni vitali biex insaħħu l-fidi tagħna issa!
Eżempji taʼ Fidi Mogħtijin il-Ħajja
10. Pawlu kif iddeskrivieha l-fidi taʼ Mosè, u aħna kif nistgħu nimitaw lil Mosè f’dan ir-rigward?
10 Pawlu wkoll bena l-fidi billi uża l-eżempji b’mod potenti. Hekk kif taqra Lhud kapitlu 11, innota kif hu jagħti l-ħajja lill-eżempji taʼ karattri Bibliċi. Per eżempju, hu jgħid li Mosè “żamm iebes, daqs kemm kieku kien qiegħed jara lil Alla li ma jidhirx.” (Korsiv tagħna.) (Lhud 11:27) Fi kliem ieħor, Jehovah tant kien reali għal Mosè li kien bħallikieku setaʼ jara lil Alla li ma jidhirx. Jistaʼ jingħad l-istess dwarna? Huwa faċli li ngħidu li għandna relazzjoni maʼ Jehovah, imma biex nibnu u nsaħħu din ir-relazzjoni rridu naħdmu. Dan huwa xogħol li jeħtieġ li nagħmluh! Huwa Jehovah daqshekk reali għalina li nikkunsidrawh meta nieħdu d-deċiżjonijiet, inkluż dawk li jidhru li huma żgħar ħafna? Fidi taʼ din ix-xorta se tgħinna nissaportu saħansitra l-agħar oppożizzjoni.
11, 12. (a) Il-fidi taʼ Ħenok taħt liema kundizzjonijiet għandha mnejn ġiet ittestjata? (b) Ħenok liema premju inkuraġġanti rċieva?
11 Ikkunsidra, ukoll, il-fidi taʼ Ħenok. Huwa diffiċli għalina li nimmaġinaw l-oppożizzjoni li ffaċċja. Ħenok kellu jwassal messaġġ li jniggeż taʼ ġudizzju kontra n-nies mill-agħar li kienu jgħixu dak iż-żmien. (Ġuda 14, 15) Il-persekuzzjoni li heddet lil dan ir-raġel leali kienet b’mod evidenti tant kiefra, tant vjolenti, li Jehovah “ħadu” mill-istat t’għajxien għall-irqad fil-mewt qabel ma l-għedewwa setgħu jitfgħu idejhom fuqu. Għalhekk, Ħenok ma baqax ħaj biex jara t-twettiq tal-profezija li lissen. Madankollu, hu rċieva għotja li, f’xi aspetti, kienet saħansitra aħjar.—Lhud 11:5; Ġenesi 5:22-24.
12 Jispjega Pawlu: “Qabel ma ttieħed [Ħenok] kien kiseb xhieda li hu kien għoġob lil Alla.” (Lhud 11:5) Dan x’kien ifisser? Qabel ma raqad fil-mewt, Ħenok setaʼ ra viżjoni taʼ xi tip, forsi dwar il-Ġenna taʼ l-art li se jqum fiha jum wieħed mhux ’il bogħod. Kien x’kien il-każ, Jehovah ħalla lil Ħenok ikun jaf li Hu kien kuntent bil-korsa leali tiegħu. Ħenok kien ferraħ qalb Jehovah. (Qabbel Proverbji 27:11.) Huwa kommoventi li timmedita fuq il-ħajja taʼ Ħenok, hux hekk? Tixtieq int li tgħix ħajja taʼ fidi bħal din? Allura mmedita fuq eżempji bħal dawn; arahom bħala nies reali. Kun determinat li tgħix bil-fidi, jum wara jum. Ftakar, ukoll, li dawk li għandhom il-fidi ma jaqdux lil Jehovah fuq il-bażi taʼ xi data jew żmien stipulat meta Alla se jwettaq il-wegħdi kollha tiegħu. Minflok, aħna deċiżi li naqdu lil Jehovah għal dejjem! Li nagħmlu dan ikun ifisser l-aqwa mod taʼ ħajja f’din is-sistema t’affarijiet u f’dik li ġejja.
Kif Insiru Iktar b’Saħħitna fil-Fidi
13, 14. (a) Il-kliem taʼ Pawlu dokumentat f’Lhud 10:24, 25 kif jistaʼ jgħinna biex il-laqgħat tagħna nagħmluhom okkażjonijiet taʼ ferħ? (b) X’inhi r-raġuni primarja għal-laqgħat Kristjani?
13 Lill-Kristjani Lhud, Pawlu wriehom għadd taʼ modi prattiċi kif setgħu jsaħħu l-fidi tagħhom. Ejja nikkunsidraw tnejn biss. Aħna x’aktarx familjari mat-twissija tiegħu f’Lhud 10:24, 25, li tħeġġiġna ninġabru regolarment fil-laqgħat Kristjani tagħna. Iżda, ftakar li l-kliem imnebbaħ taʼ Pawlu hemmhekk ma jimplikax li għandna nkunu osservaturi sempliċement passivi f’dawn il-laqgħat. Minflok, Pawlu jiddeskrivi l-laqgħat bħala opportunitajiet biex insiru nafu lil xulxin, biex inqanqlu lil xulxin ħalli naqdu lil Alla iktar bis-sħiħ, u biex ninkuraġġixxu lil xulxin. Aħna nkunu hemm biex nagħtu, mhux biex nirċievu biss. Dan jgħin biex il-laqgħat tagħna jkunu okkażjonijiet taʼ ferħ.—Atti 20:35.
14 Iżda, primarjament aħna nattendu għal-laqgħat Kristjani biex inqimu lil Alla Jehovah. Dan nagħmluh billi nieħdu sehem fit-talb u fl-għanjiet, billi nagħtu widen b’attenzjoni kbira, u billi noffru “l-kelma taʼ xufftejna”—espressjonijiet taʼ tifħir lil Jehovah fil-kummenti tagħna u f’partijiet mil-laqgħa. (Lhud 13:15) Jekk inżommu dawn l-għanijiet f’moħħna u naġixxu fuqhom f’kull laqgħa, il-fidi tagħna żgur li se tinbena kull darba.
15. Pawlu għala ħeġġeġ lill-Kristjani Lhud biex iżommu sod mal-ministeru tagħhom, u l-istess parir għala huwa xieraq illum?
15 Mod ieħor kif nibnu l-fidi huwa permezz tax-xogħol taʼ l-ippridkar. Kiteb Pawlu: “Inżommu sħiħ fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax taʼ kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda.” (Lhud 10:23) Tistaʼ tħeġġeġ lil oħrajn biex jibqgħu ggranfati maʼ xi ħaġa meta jkunu donnhom fil-periklu li se jitilquha. Satana ċertament li kien qed jippressa lil dawk il-Kristjani Lhud biex jitilqu l-ministeru tagħhom, u qed jagħmel pressjoni fuq in-nies t’Alla llum ukoll. Jekk niġu ffaċċjati b’din il-pressjoni, x’għandna nagħmlu? Ikkunsidra dak li għamel Pawlu.
16, 17. (a) Pawlu kif għamel il-qalb għall-ministeru? (b) Liema passi għandna nieħdu jekk insibu ruħna intimidati b’xi aspett tal-ministeru Kristjan tagħna?
16 Lill-Kristjani f’Tessalonika, Pawlu kitbilhom: “Għalkemm aħna, bħalma tafu, batejna u żebilħuna f’Filippi qabel ma ġejna għandkom, imma għamilna l-qalb f’Alla tagħna, u fost ħafna taħbit xandarnielkom l-Evanġelju taʼ Alla.” (1 Tessalonikin 2:2) Pawlu u sħabu kif ġew ‘imżebilħin’ ġo Filippi? Skond xi studjużi, il-kelma Griega wżata minn Pawlu tesprimi trattament insolenti, t’għajb, jew vjolenti. L-awtoritajiet Filippini kienu sawtuhom bil-bsaten, tefgħuhom il-ħabs, u qaflulhom saqajhom f’ċipp taʼ l-injam. (Atti 16:16-24) Dik l-esperjenza qarsa kif effettwatu lil Pawlu? Kien hemm uħud f’Tessalonika, il-belt li kien imiss fuq il-vjaġġ missjunarju tiegħu, li sabuh imriegħex bil-biżaʼ lil Pawlu? Le, hu ‘għamel il-qalb,’ billi kkonkwista l-biżaʼ u kompla jippriedka bil-qlubija.
17 Il-qlubija taʼ Pawlu minfejn ġiet? Minn ġo fih? Le, hu qal li għamel il-qalb permezz taʼ “Alla tagħna.” Xogħol taʼ referenza għal dawk li jittraduċu l-Bibbja jgħid li din l-istqarrija tistaʼ tiġi tradotta “Alla neħħa l-biżaʼ minn ġo qalbna.” Mela jekk tħoss li m’intix partikolarment qalbieni dwar il-ministeru tiegħek, jew jekk taħseb li xi aspett minnu jintimidak b’mod partikulari, għala ma tistaqsix lil Jehovah biex jagħmel l-istess ħaġa għalik? Itolbu jneħħi l-biżaʼ minn ġo qalbek. Itolbu jgħinek tagħmel il-qalb għax-xogħol. Iżjed minn hekk, ħu xi passi prattiċi oħrajn. Per eżempju, irranġa biex taħdem maʼ xi ħadd li jinqalaʼ fl-aspett taʼ għoti taʼ xiehda li jikkonċernak. Dan għandu mnejn jinvolvi territorju taʼ negozju, għoti taʼ xiehda fit-toroq, xandir informali, jew għoti taʼ xiehda bit-telefon. Forsi min jgħinek ikun lest li għall-ewwel jieħu t-tmexxija hu. Jekk inhu hekk, osserva u tgħallem. Imma mbagħad agħmel il-qalb biex tipprova int.
18. Liema barkiet nistgħu nesperjenzaw jekk nagħmlu l-qalb fil-ministeru tagħna?
18 Jekk jirnexxilek tagħmel il-qalb, aħseb dwar x’jistaʼ jirriżulta. Meta tippersisti u ma tħallix li tiġi skuraġġit, x’aktarx li se jkollok esperjenzi tajbin meta taqsam il-verità m’oħrajn, esperjenzi li kont titlifhom li kieku m’għamiltx hekk. (Ara paġna 25.) Se jkollok is-sodisfazzjon li tkun taf li għoġobt lil Jehovah billi għamilt xi ħaġa li tħossha diffiċli għalik. Se tesperjenza l-barka u l-għajnuna tiegħu talli tkun għelibt il-biżaʼ. Il-fidi tiegħek se tkun iktar b’saħħitha. Ngħiduha kif inhi, ma tistax taħdem biex tibni l-fidi f’oħrajn jekk fl-istess waqt ma tibnix il-fidi tiegħek stess.—Ġuda 20, 21.
19. Liema premju prezzjuż hemm maħżun għal “dawk li jemmnu”?
19 Jalla tkompli ssaħħaħ il-fidi tiegħek u dik taʼ dawk madwarek. Dan tistaʼ tagħmlu billi tibni lilek innifsek u lil oħrajn billi tuża l-Kelma t’Alla bis-sengħa, billi tistudja l-eżempji Bibliċi taʼ fidi u tagħtihom il-ħajja, billi tipprepara għal-laqgħat Kristjani u tipparteċipa fihom, u billi żżomm sod mal-privileġġ prezzjuż tal-ministeru pubbliku. Hekk kif tagħmel dawn l-affarijiet, kun assigurat li int, tabilħaqq, wieħed minn “dawk li jemmnu.” Ftakar, ukoll, li dawk taʼ din ix-xorta għandhom premju prezzjuż. Huma ‘minn dawk li jemmnu, biex isalvaw.’b Jalla l-fidi tiegħek tkompli tissaħħaħ, u jalla Alla Jehovah jsalvak għal dejjem!
[Noti taʼ taħt]
a Pawlu kkwota t-traduzzjoni mis-Settanta taʼ Ħabakkuk 2:4, li tinkludi l-frażi “jekk xi ħadd jerġaʼ lura, ruħi ma titgħaxxaqx bih.” Din l-istqarrija ma tidher f’ebda manuskritt Ebrajk li jeżisti llum. Xi wħud issuġġerew li s-Settanta kienet ibbażata fuq manuskritti Ebrajċi iktar bikrin li m’għadhomx jeżistu. Hu x’inhu l-każ, Pawlu inkludieha hawnhekk taħt l-influwenza taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla. Din għalhekk għandha awtorizzazzjoni divina.
b L-iskrittura tas-sena tax-Xhieda taʼ Jehovah għas-sena 2000 se tkun: “M’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, . . . aħna minn dawk li jemmnu.”—Lhud 10:39.
Int kif Twieġeb?
◻ Pawlu kif esprima l-fiduċja tiegħu fil-Kristjani Lhud, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
◻ Il-fatt li Pawlu rrefera għall-profeta Ħabakkuk għala kien daqshekk addattat?
◻ Pawlu ta l-ħajja lil liema eżempji Skritturali taʼ fidi?
◻ Pawlu liema mezzi prattiċi rrikkmanda biex wieħed jibni l-fidi?
[Stampa f’paġna 23]
Wara l-esperjenza taʼ wġigħ li kellu ġo Filippi, Pawlu għamel il-qalb biex ikompli jippriedka
[Stampi f’paġna 24]
Tistaʼ int tagħmel il-qalb biex tipprova diversi forom taʼ għoti taʼ xiehda?