LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 5/1 pp. 13-18
  • Ibqaʼ Hieni fis-Servizz taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibqaʼ Hieni fis-Servizz taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ifirħu bit-​Tama”
  • Żomm Attitudni Pożittiva
  • Issimplifika Ħajtek biex Tkun Hieni
  • Speċjalista taʼ l-Għajnejn Jiżraʼ Żerriegħa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Il-ferħ—Kwalità li nirċievu mingħand Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Sib il-Ferħ m’Alla l-Hieni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ithenna F’Jehovah!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 5/1 pp. 13-18

Ibqaʼ Hieni fis-​Servizz taʼ Jehovah

“Ifirħu dejjem fil-​Mulej: nerġaʼ ngħidilkom, ifirħu.”—FILIPPIN 4:3 [4:​4, NW].

1, 2. Wieħed ħu u l-​familja tiegħu kif setgħu jibqgħu jithennew minkejja li tilfu kulma kellhom?

JAMES, Kristjan taʼ 70 sena li jgħix fi Sierra Leone, ħadem iebes ħajtu kollha. Immaġina kemm feraħ meta fl-​aħħar kien irnexxielu jfaddal flus biżżejjed biex jixtri dar żgħira b’erbaʼ kmamar! Madankollu, ftit wara li James u l-​familja tiegħu marru joqogħdu fiha, f’dak il-​pajjiż faqqgħet gwerra ċivili, u d-​dar tagħhom sfat maħruqa u meqruda għalkollox. Huma tilfu d-​dar tagħhom, imma ma tilfux il-​ferħ. Għala le?

2 James u l-​familja tiegħu ma qagħdux jikkonċentraw fuq dak li kienu tilfu, imma fuq dak li kien għad baqgħalhom. James jispjega: “Anki matul dak iż-​żmien taʼ biżaʼ kbir, bqajna nagħmlu l-​laqgħat, naqraw il-​Bibbja, nitolbu flimkien, u naqsmu l-​ftit li kellna m’oħrajn. Stajna nibqgħu ferħanin għaliex tfajna ħsiebna fuq ir-​relazzjoni meraviljuża li għandna maʼ Jehovah.” Għax kienu jaħsbu dwar il-​barkiet li kienu jgawdu, l-​iktar dwar ir-​relazzjoni persunali mill-​qrib maʼ Jehovah, dawn il-​Kristjani leali setgħu jkomplu ‘jifirħu.’ (2 Korintin 13:11) M’għandniex xi ngħidu, ma kienx faċli għalihom li jissaportu ċ-​ċirkustanzi taʼ niket li sabu ruħhom fihom. Imma huma ma waqfux jithennew b’Jehovah.

3. Xi Kristjani tal-​bidu kif baqgħu jithennew?

3 Il-​Kristjani tal-​bidu ġarrbu provi li jixbhu ferm lil dawk li esperjenzaw James u l-​familja tiegħu. Madankollu, l-​appostlu Pawlu kitbilhom dan il-​kliem lill-​Kristjani Lhud: “Fraħtu meta serqulkom ġidkom.” Pawlu mbagħad spjega għala kienu ferħu: “Għax tafu li għandkom ġid akbar li jibqaʼ għal dejjem.” (Lhud 10:​34, korsiv tagħna.) Iva, it-​tama taʼ dawk il-​Kristjani fl-​ewwel seklu kellha qawwa kbira. Huma ħarsu ’l quddiem fiduċjużi li kienu se jirċievu xi ħaġa li ħadd ma setaʼ jisraqhielhom—“il-​kuruna tal-​ħajja,” li ma tidbielx, fis-​Saltna t’Alla fis-​sema. (Apokalissi 2:10) Illum, it-​tama Kristjana tagħna, sew jekk hi għas-​sema u sew jekk għall-​art, tistaʼ tgħinna nibqgħu nithennew anki meta jiġi fuqna l-​għawġ.

“Ifirħu bit-​Tama”

4, 5. (a) Il-parir taʼ Pawlu biex ‘jifirħu bit-​tama’ għala kien daqshekk f’waqtu għar-​Rumani? (b) X’jistaʼ jġiegħel lil Kristjan ma jibqax japprezza t-​tama tiegħu?

4 L-​appostlu Pawlu inkuraġġixxa lil sħabu fit-​twemmin li kienu Ruma biex ‘jifirħu bit-​tama’ tal-​ħajja taʼ dejjem. (Rumani 12:12) Dan kien parir f’waqtu għar-​Rumani. Inqas minn għaxar snin wara li kitbilhom Pawlu, ġiet fuqhom persekuzzjoni ħarxa, u xi wħud ġew torturati u maqtulin bl-​ordni taʼ l-​Imperatur Neruni. Il-​fidi li Alla kien se jagħtihom il-​kuruna tal-​ħajja li wegħedhom, bla dubju sostniethom fit-​tbatija tagħhom. Xi ngħidu għalina llum?

5 Bħala Kristjani, aħna wkoll nistennew li niġu persegwitati. (2 Timotju 3:12) Iżjed minn hekk, aħna nirrealizzaw li “ż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi” jiġu fuqna lkoll. (Koħèlet 9:11) Xi wieħed mill-​maħbubin tagħna jistaʼ forsi jmut b’xi diżgrazzja. Xi ġenitur jew ħabib tal-​qalb forsi jintlaqat minn xi marda fatali. Jekk ma nżommux l-​attenzjoni sħiħa tagħna fuq it-​tama tas-​Saltna, meta nġarrbu provi bħal dawn nistgħu nsibu ruħna f’periklu spiritwalment. Għaldaqstant, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien nifraħ “bit-​tama”? Kemm-il darba nindenja ruħi nimmedita dwarha? Kemm hija reali għalija l-​Ġenna taʼ l-​art li ġejja? Nimmaġinani hemmhekk? Għadni ħerqan biex nara t-​tmiem taʼ din is-​sistema preżenti kif kont meta bdejt nitgħallem il-​verità?’ Din l-​aħħar mistoqsija jixraq li naħsbu dwarha bis-​serjetà. Għala? Għaliex jekk aħna f’saħħitna, naqilgħuha tajjeb, u ngħixu xi mkien fid-​dinja li mhux qed jiġi effettwat wisq minn gwerer, nuqqas taʼ ikel, jew diżastri naturali, forsi fil-​preżent nistgħu ma napprezzawx kemm għandna bżonnha d-​dinja l-​ġdida li ġejja t’Alla.

6. (a) Meta Pawlu u Sila għaddew minn tribulazzjoni, fuq xiex kien moħħhom? (b) L-​eżempju taʼ Pawlu u Sila kif jistaʼ jinkuraġġina llum?

6 Lir-​Rumani, Pawlu tahom ukoll il-​parir biex ‘jistabru fl-​hemm’ jew, fit-​tribulazzjoni. (Rumani 12:12) Pawlu kien jaf x’inhi t-​tribulazzjoni. Darba kellu viżjoni li fiha raġel stiednu jmur il-​Maċedonja biex jgħin lin-​nies jitgħallmu dwar Jehovah. (Atti 16:9) Ftit wara, Pawlu flimkien maʼ Luqa, Sila, u Timotju marru bil-​baħar lejn l-​Ewropa. X’kien hemm maħżun għal dawn il-​missjunarji żelużi? Tribulazzjoni! Wara li kienu ppridkaw fil-​belt taʼ Filippi fil-​Maċedonja, Pawlu u Sila ġew imsawtin u mitfugħin il-​ħabs. Jidher ċar li xi ċittadini taʼ Filippi mhux talli ma ridux jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna imma talli bdew jopponuh bl-​aħrax. Ġagħalhom dan jitilfu l-​ferħ tagħhom lil dawn il-​missjunarji żelużi? Le. Wara li kienu ġew imsawtin u mitfugħin il-​ħabs, “għall-​ħabta taʼ nofs il-​lejl Pawlu u Sila bdew jitolbu u jfaħħru ’l Alla bl-​innijiet.” (Atti 16:​25, 26, korsiv tagħna.) M’għandniex xi ngħidu, l-​uġigħ mis-​swat ma ġabilhomx ferħ lil Pawlu u lil Sila, imma ż-​żewġ missjunarji mhux fuq dan qagħdu jaħsbu. Moħħhom kien biss f’Jehovah u fuq kif kien qed iberikhom. Billi ssaportew it-​tribulazzjoni bil-​ferħ, Pawlu u Sila kienu t’eżempju mill-​aħjar għal ħuthom ġewwa Filippi u f’postijiet oħrajn.

7. It-​talb tagħna għala għandu jinkludi r-​radd il-​ħajr?

7 Pawlu kiteb: “Itolbu bla waqfien.” (Rumani 12:12) Titlob int meta tgħaddi minn mumenti t’ansjetà? Dwar xiex titlob? X’aktarx li ssemmi l-​problema speċifika tiegħek u titlob lil Jehovah biex jgħinek. Imma int tistaʼ tinkludi wkoll kliem taʼ radd il-​ħajr għall-​barkiet li tgawdi. Meta jkollna xi problema, il-​fatt li nirriflettu ftit fuq l-​affarijiet tajbin li Jehovah jagħtina se jgħinna ‘nifirħu bit-​tama.’ David, li ħajtu kienet mimlija inkwiet, kiteb: “Bla għadd l-​għemejjel tiegħek, Mulej, Alla tiegħi; taʼ l-​għaġeb il-​ħsibijiet tiegħek għalina; ħadd ma jħabbatha miegħek! Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem; iżda huma ħafna biex insemmihom.” (Salm 40:6 [40:​5, NW]) Jekk, bħal David, nimmeditaw regolarment fuq il-​barkiet li nirċievu mingħand Jehovah, ikun impossibbli li ma jkollniex il-​ferħ.

Żomm Attitudni Pożittiva

8. X’jgħin lil Kristjan jibqaʼ hieni meta jgħaddi mill-​persekuzzjoni?

8 Ġesù jinkuraġġixxi lis-​segwaċi tiegħu biex iżommu attitudni pożittiva meta jiltaqgħu maʼ diversi provi. Hu jgħid: “Henjin intom, meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta taʼ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.” (Mattew 5:11) Liema raġuni għandna biex nifirħu f’ċirkustanzi bħal dawn? Il-​fatt li nkunu kapaċi nibqgħu sodi meta ngħaddu minn xi persekuzzjoni huwa prova li l-​ispirtu taʼ Jehovah qiegħed fuqna. L-​appostlu Pietru qal lill-​Kristjani sħabu taʼ żmienu: “Jekk tkunu mkasbrin minħabba l-​isem taʼ Kristu, henjin intom! Fuqkom għandkom l-​Ispirtu tal-​glorja, li hu l-​Ispirtu taʼ Alla.” (1 Pietru 4:​13, 14) Permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu, Jehovah se jgħinna wkoll nissaportu u, b’riżultat taʼ dan, inżommu l-​ferħ tagħna.

9. X’kien li għen lill-​aħwa jsibu raġunijiet għall-​ferħ meta kienu l-​ħabs minħabba l-​fidi tagħhom?

9 Anki meta nsibu ruħna fl-​iktar ċirkustanzi mwegħra nistgħu nsibu raġunijiet biex nifirħu. Kristjan li jismu Adolf sab li dan hu minnu. Hu jgħix f’pajjiż li fih ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah ilu projbit għal ħafna snin. Adolf u ħafna minn ħbiebu ġew arrestati u mogħtija sentenzi twal taʼ ħabs għaliex ma ridux jiċħdu t-​twemmin tagħhom ibbażat fuq il-​Bibbja. Il-​ħajja fil-​ħabs kienet iebsa, imma bħal Pawlu u Sila, Adolf u sħabu sabu raġunijiet biex iroddu ħajr lil Alla. Huma nnotaw li l-​esperjenza li għaddew minnha fil-​ħabs għenithom biex isaħħu l-​fidi tagħhom u jiżviluppaw kwalitajiet Kristjani imprezzabbli, bħalma huma l-​ġenerożità, il-​mogħdrija, u l-​affezzjoni bejn l-​aħwa. Per eżempju, meta xi priġunier kien jirċievi xi pakkett mid-​dar, hu kien jaqsam dak li jirċievi maʼ sħabu fit-​twemmin, li kienu jqisu dawn il-​provvisti miżjudin bħala li ġejjin mingħand Jehovah, li fl-​aħħar mill-​aħħar hu d-​Donatur taʼ ‘kull għotja tajba u kull don perfett.’ Dawn l-​atti taʼ qalb tajba ġabu ferħ kemm lil min kien jagħti u kemm lil min kien jirċievi. Għalhekk, din l-​istess esperjenza li kienet imfassla biex tkisser il-​fidi tagħhom għamlithom fil-​fatt iktar b’saħħithom spiritwalment!—Ġakbu 1:17; Atti 20:35.

10, 11. Waħda oħt kif kampat wara li ġiet interrogata bla waqfien u mbagħad ngħatat sentenza twila taʼ ħabs?

10 Ella, li wkoll tgħix f’pajjiż li fih ix-​xogħol tas-​Saltna ilu projbit ħafna, ġiet arrestata talli tkellmet m’oħrajn dwar it-​tama tas-​Saltna li hi tħaddan. Għal tmien xhur sħaħ ġiet interrogata bla waqfien. Meta fl-​aħħar dehret quddiem il-​qorti, ngħatat sentenza t’għaxar snin f’ħabs fejn ma kienx hemm adoraturi taʼ Jehovah oħrajn. Ella kien għad għandha 24 sena dak in-​nhar.

11 M’għandniex xi ngħidu, Ella ma kinitx ħerqana li tqattaʼ l-​biċċa l-​kbira minn żgħożitha f’ċella tal-​ħabs. Imma ladarba ma setgħetx tbiddel is-​sitwazzjoni tagħha, iddeċidiet li tbiddel il-​ħarsa tagħha. Għaldaqstant, il-​ħabs bdiet tqisu bħala t-​territorju persunali tagħha li fih tistaʼ tagħti xiehda. “Tant kien hemm xogħol taʼ ppridkar xi jsir,” hi tgħid, “li s-​snin għaddew malajr.” Wara iktar minn ħames snin, Ella reġgħet ġiet interrogata. Dawk li interrogawha rrealizzaw li l-​ħabs ma kienx kissrilha l-​fidi tagħha, u qalulha: “Ma nistgħux neħilsuk; int ma nbdiltx.” “Imma jien inbdilt!” wieġbet Ella determinata. “Għandi attitudni aħjar issa minn meta ntbgħatt il-​ħabs, u l-​fidi tiegħi hija ferm iżjed b’saħħitha minn qabel!” U żiedet: “Jekk ma tridux teħilsuni, se nibqaʼ sakemm Jehovah jieħu ħsieb jeħlisni hu.” Lil Ella, ħames snin u nofs maqfula l-​ħabs ma kinux serqulha l-​ferħ tagħha! Tgħallmet tkun sodisfatta fi kwalunkwe ċirkustanzi li sabet ruħha fihom. Tistaʼ int titgħallem xi ħaġa mill-​eżempju tagħha?—Lhud 13:5.

12.X’jistaʼ jġiblu l-​paċi tal-​moħħ lil Kristjan li jinsab f’ċirkustanzi diffiċli?

12 M’għandekx taqtagħha li Ella għandha xi don speċjali li jgħinha tiffaċċja sfidi bħal dawn. Meta tirreferi għall-​perijodu taʼ interrogazzjoni li għaddiet minnu fix-​xhur qabel inqatgħetilha s-​sentenza, Ella tammetti: “Niftakar kemm ċekċku snieni bil-​biżaʼ, u ħassejtni qisni xi għasfur imwerwer.” Iżda, Ella għandha fidi qawwija f’Jehovah. Tgħallmet tpoġġi l-​fiduċja tagħha fih. (Proverbji 3:​5-7) Minħabba f’hekk, Alla hu iktar reali għaliha minn qabel. Hi tispjega: “Kull darba li kont nidħol fil-​kamra għall-​interrogazzjoni, kont inħoss il-​paċi tinżel fuqi. . . . Iktar ma kienet tkun tal-​biżaʼ s-​sitwazzjoni, iktar kienet issir qawwija l-​paċi.” Jehovah kien jagħtihielha din il-​paċi. L-​appostlu Pawlu jispjega: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.”—Filippin 4:​6, 7.

13. Kif nistgħu nkunu żguri li jekk ikollna ngħaddu minn xi tribulazzjoni se jkollna s-​saħħa nissaportu?

13 Ella, li issa m’għadhiex il-​ħabs, baqgħet ferħana minkejja t-​tbatija. Dan għamlitu, mhux bis-​saħħa tagħha, imma bis-​saħħa li pprovdielha Jehovah. L-​istess setaʼ jingħad dwar l-​appostlu Pawlu, li kiteb: “Għalhekk niftaħar minn qalbi l-​aktar bid-​debbulizzi tiegħi biex il-​qawwa taʼ Kristu tgħammar fija . . . għax meta nkun dgħajjef, nkun qawwi.”—2 Korintin 12:​9, 10.

14. Uri kif Kristjan jistaʼ jħares lejn sitwazzjoni taʼ prova b’mod pożittiv u x’riżultat jistaʼ jkollu.

14 Il-​pressjonijiet li tiffaċċja int personalment illum għandhom mnejn li huma kemxejn differenti minn dawn li kkunsidrajna hawn. Xorta waħda, ikunu xi jkunu l-​pressjonijiet, dawn dejjem ikunu diffiċli li tissaportihom. Per eżempju, l-​imgħallem tiegħek forsi dejjem jikkritikalek xogħlok—iktar minn taʼ ħaddiema oħrajn li jappartjenu lil reliġjonijiet oħrajn. Forsi ma tistax issib xogħol ieħor. Kif tistaʼ tibqaʼ ferħan? Ftakar f’Adolf u sħabu, li mill-​esperjenza tagħhom fil-​ħabs tgħallmu jiżviluppaw ġewwa fihom kwalitajiet vitali. Jekk tipprova bis-​serjetà tikkuntenta lill-​imgħallem tiegħek—anki wieħed li hu ‘aħrax’—se tiżviluppa fik kwalitajiet Kristjani bħalma huma s-​sabar fit-​tul u l-​paċenzja. (1 Pietru 2:18) Barra minn hekk, għandek mnejn issir iktar kapaċi bħala ħaddiem, u dan jistaʼ jżidlek l-​opportunitajiet biex issib xogħol iktar sodisfaċenti iżjed ’il quddiem. Issa ejja niddiskutu xi modi oħrajn li bihom nistgħu nibqgħu henjin fis-​servizz taʼ Jehovah.

Issimplifika Ħajtek biex Tkun Hieni

15-17. Koppja x’tgħallmu dwar kif inaqqsu l-​istress, anki jekk ma setgħux ineħħu għalkollox dak li kien qed jikkaġunah?

15 Forsi ma tantx għandek għażla dwar it-​tip taʼ xogħol sekulari li tagħmel jew dwar fejn taħdem, imma għandu mnejn li hemm xi aspetti oħrajn f’ħajtek li jistaʼ jkollok kontroll fuqhom. Ikkunsidra l-​esperjenza li ġejja.

16 Koppja Kristjana stiednu lil anzjan għandhom għall-​ikel. Waqt l-​ikel, il-​ħu u martu semmew kif dan l-​aħħar kienu qed iħossuhom imtaqqlin bil-​pressjonijiet tal-​ħajja. Għalkemm it-​tnejn kellhom impjieg full-time li kien jiħdilhom ħafna mill-​ħin u l-​enerġija tagħhom, ma kienx possibbli għalihom li jbiddlu x-​xogħol. Qalu li jħossu li ma tantx jistgħu jibqgħu sejrin hekk.

17 Meta staqsewh x’parir jagħtihom, l-​anzjan wieġeb, “Żommu l-​affarijiet sempliċi.” Kif? Ir-​raġel u martu kienu qed iqattgħu mat-​tliet sigħat kuljum jivvjaġġaw mid-​dar għax-​xogħol u lura. L-​anzjan, li kien jafhom sew, issuġġerixxa li jmorru joqogħdu xi mkien li jkun eqreb tal-​post fejn jaħdmu, u b’hekk ikunu jistgħu jnaqqsu mill-​ammont taʼ ħin li jqattgħu jivvjaġġaw biex jaslu hemmhekk. Il-​ħin li jiffrankaw setgħu jużawh għal affarijiet importanti oħrajn—jew biex jistrieħu. Jekk il-​pressjonijiet tal-​ħajja qed jisirqulek mill-​ferħ, għala ma tarax x’bidliet tistaʼ tagħmel biex ikollok ftit tas-​serħan?

18. Għala huwa vitali li taħsibha darbtejn qabel tieħu xi deċiżjoni?

18 Mod ieħor kif tistaʼ tnaqqas il-​pressjonijiet hu billi taħsibha darbtejn qabel tieħu xi deċiżjoni. Per eżempju, wieħed Kristjan iddeċieda li jibni dar. Hu għażel pjanta komplikata ħafna, għalkemm qatt qabel ma kien bena xi dar. Issa qed jirrealizza li setaʼ evita ħafna problemi bla bżonn kieku qies il-​passi tiegħu sew qabel m’għażel il-​pjanta għad-​dar tiegħu. (Proverbji 14:15) Kristjan ieħor aċċetta li jagħmel tajjeb għad-​dejn li kien se jidħol għalih ħabib taʼ l-​istess twemmin. Il-​ftehim kien jgħid li jekk min jissellef ma jkunx jistaʼ jħallas lura d-​dejn, dak li għamillu tajjeb ikun marbut li jagħmel dan. Għall-​ewwel kollox mexa ħarir, iżda maż-​żmien dak li ssellef beda jmur lura minn kelmtu. Min sellfu l-​flus beda jinkwieta u ried il-​flus lura f’daqqa mingħand dak li kien għamillu tajjeb. B’hekk tgħidx xi pressjoni kbira saritlu lil dan taʼ l-​aħħar. Setaʼ dan jiġi evitat kieku qagħad iqis iktar bir-​reqqa l-​fatturi kollha qabel jaċċetta li jidħol responsabbli għad-​dejn taʼ ħaddieħor?—Proverbji 17:18.

19. Liema huma xi modi li bihom nistgħu nnaqqsu l-​istress minn ħajjitna?

19 Meta nħossuna għajjenin, ejja qatt ma naħsbu li nistgħu ntaffu l-​pressjoni u nerġgħu niksbu l-​ferħ billi nnaqqsu l-​ħin mill-​istudju persunali tal-​Bibbja, mis-​servizz taʼ l-​għalqa, u mill-​attendenza għal-​laqgħat. Fil-​fatt, dawn huma kollha vitali biex niksbu l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah, li jipproduċi fina l-​ferħ. (Galatin 5:22) L-​attivitajiet Kristjani huma dejjem rifreskanti u normalment ma jgħejjuniex iżżejjed. (Mattew 11:​28-30) Iktar hemm ċans li qed ngħejjew b’xi attivitajiet sekulari jew taʼ divertiment, milli b’dawk spiritwali. Li nidraw immorru norqdu f’ħin raġunevoli jistaʼ jgħinna nirkupraw. Ftit mistrieħ iktar mis-​soltu jistaʼ jkun t’għajnuna kbira. N. H. Knorr, li qeda bħala membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah sa mewtu, kien jgħid lill-​missjunarji: “Meta tħossukom skuraġġiti, l-​ewwel ħaġa li għandkom tagħmlu hu li tieħdu ftit tal-​mistrieħ. Tibqgħu skantati kemm tidher eħfef kwalunkwe problema wara li tkunu għaddejtu lejl tajjeb taʼ mistrieħ!”

20. (a) Fil-qosor semmi xi modi li bihom nistgħu nibqgħu ferħanin. (b) Liema raġunijiet jistgħu jiġuk f’moħħok għala għandna nkunu ferħanin? (Ara l-​kaxxa f’paġna 17.)

20 Il-​Kristjani għandhom il-​privileġġ li jaqdu lil Alla l-​hieni. (1 Timotju 1:​11, NW) Kif rajna, nistgħu nibqgħu ferħanin anki meta nkunu għaddejjin minn problemi serji. Ejja nżommu t-​tama tas-​Saltna quddiemna, inbiddlu l-​ħarsa tagħna fejn ikun hemm bżonn, u nżommu ħajjitna sempliċi. Imbagħad fi kwalunkwe sitwazzjoni li nistgħu nsibu ruħna fiha, se nwieġbu għall-​kliem taʼ Pawlu: “Ifirħu dejjem fil-​Mulej: nerġaʼ ngħidilkom, ifirħu.”—Filippin 4:3 [4:​4, NW].

Aħseb Sew fuq Dawn il-​Mistoqsijiet:

• Il-Kristjani għala għandhom iżommu l-​attenzjoni sħiħa tagħhom fuq it-​tama tas-​Saltna?

• X’jistaʼ jgħinna nibqgħu ferħanin f’ċirkustanzi diffiċli?

• Għala għandna nipprovaw nissimplifikaw ħajjitna?

• Xi wħud f’liema aspetti ssimplifikaw ħajjithom?

[Kaxxa/Stampi f’paġna 17]

Iktar Raġunijiet Għala Għandna Nkunu Ferħanin

Bħala Kristjani għandna ħafna raġunijiet għala nkunu ferħanin. Ikkunsidra dawn li ġejjin:

1. Nafu lil Jehovah.

2. Tgħallimna l-​verità tal-​Kelma t’Alla.

3. Jistaʼ jkollna l-​maħfra taʼ dnubietna permezz tal-​fidi tagħna fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù.

4. Is-Saltna t’Alla qed taħkem—id-​dinja l-​ġdida dalwaqt tkun hawn!

5. Jehovah daħħalna f’ġenna spiritwali.

6. Ingawdu sħubija Kristjana bnina.

7. Għandna l-​privileġġ li nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar.

8. Ninsabu ħajjin, u xi ftit jew wisq f’saħħitna.

Kemm raġunijiet oħra għall-​ferħ tistaʼ ssemmi?

[Stampa f’paġna 13]

Pawlu u Sila kienu henjin saħansitra fil-​ħabs

[Stampi f’paġna 15]

Qiegħed iżżomm il-​ħarsa tiegħek konċentrata fuq il-​prospett hieni tad-​dinja ġdida t’Alla?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja