LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 1/1 pp. 12-15
  • “Għalkemm Miet, Għadu Jitkellem”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Għalkemm Miet, Għadu Jitkellem”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • JITRABBA FIL-​BIDU TAL-​UMANITÀ
  • X’GĦEN LIL ABEL JIŻVILUPPA L-​FIDI F’ALLA?
  • IS-​SAGRIFIĊĊJU T’ABEL—GĦALA KIEN MILL-​AQWA
  • “Għalkemm Miet, Għadu Jitkellem”
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Iben Tajjeb u Ieħor Ħażin
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Noffru Sagrifiċċji Aċċettabbli lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 1/1 pp. 12-15

Imita l-​Fidi Tagħhom

“Għalkemm Miet, Għadu Jitkellem”

ABEL ta daqqa t’għajn lejn il-​merħla tan-​nagħaġ tiegħu huma u jirgħu fil-​kwiet fuq l-​għolja. Imbagħad, forsi ħares lil hinn minn fejn kienu n-​nagħaġ tiegħu lejn post fil-​bogħod fejn setaʼ jilmaħ dawl inemnem. Hu kien jaf li hemmhekk kien hemm xafra taqbad, dejjem iddur, ma tħalli lil ħadd jidħol fil-​ġnien tal-​Għeden. Xi darba, il-​ġenituri tiegħu kienu jgħixu hemm, imma issa la huma u lanqas uliedhom ma jistgħu jidħlu. Ġib quddiem għajnejk tard wara nofsinhar hekk kif tkun għaddejja żiffa ħelwa tħabbel xagħar Abel hu u jdawwar ħarstu ’l fuq u jaħseb dwar il-​Ħallieq. Qatt setgħet tfiq il-​ferita bejn il-​bniedem u Alla? Din kienet l-​akbar xewqa t’Abel.

Abel qed ikellmek illum. Tistaʼ tisimgħu? Għandek mnejn tgħid li ħaġa bħal din hi impossibbli. Wara kollox, it-​tieni wild taʼ Adam miet bosta snin ilu. Il-​fdalijiet tiegħu ilhom li spiċċaw u tħalltu mat-​trab taʼ kważi 6,000 sena. Rigward il-​mejtin, il-​Bibbja tgħallimna: “Ma jafu assolutament xejn.” (Ekkleżjasti 9:5, 10) Iktar minn hekk, Abel qatt ma lissen kelma waħda li hi mniżżla fil-​Bibbja. Allura kif jistaʼ jkellimna?

L-​appostlu Pawlu kien ispirat biex jgħid dan dwar Abel: “Permezz tagħha, għalkemm miet, għadu jitkellem.” (Ebrej 11:4) Permezz taʼ xiex jitkellem Abel? Permezz tal-​fidi. Abel kien l-​ewwel bniedem li qatt żviluppa din il-​kwalità mill-​aqwa. Tant wera fidi qawwija li l-​eżempju tiegħu hu ħaj u taʼ min jimitah illum. Jekk nitgħallmu mill-​fidi tiegħu u nipprovaw nimitawha, ikun bħallikieku Abel qiegħed ikellimna.

Imma x’nistgħu nitgħallmu dwar Abel u l-​fidi tiegħu ladarba fil-​Bibbja ftit li xejn insibu dwaru? Ejja naraw.

JITRABBA FIL-​BIDU TAL-​UMANITÀ

Abel twieled fil-​bidu tal-​istorja umana. Ġesù iktar tard tkellem dwar Abel bħala li għex fi żmien “it-​tisjis tad-​dinja.” (Luqa 11:50, 51) Evidentement Ġesù ried ifisser id-​dinja taʼ nies li għandhom it-​tama li jiġu mifdijin mid-​dnub. Filwaqt li Abel kien ir-​rabaʼ bniedem li eżista, milli jidher hu kien l-​ewwel wieħed li Alla ra li jistħoqqlu jiġi mifdi.a B’mod ċar, Abel ma trabbiex fost nies taʼ ħajja eżemplari.

Għalkemm il-​bnedmin ma kinux ilhom jeżistu, diġà kellhom jiffaċċjaw ċirkustanzi tal-​biki. Il-​ġenituri t’Abel, Adam u Eva, x’aktarx li kienu nies sbieħ u dinamiċi. Imma għamlu żball enormi f’ħajjithom, u dan huma kienu jafuh. Darba kienu perfetti, u quddiemhom kellhom il-​prospett li jgħixu għal dejjem. Imbagħad irribellaw kontra Alla Ġeħova u ġew imkeċċijin mill-​ġnien tal-​Għeden li kien darhom. Billi poġġew ix-​xewqat tagħhom stess qabel kwalunkwe ħaġa—saħansitra qabel il-​bżonnijiet tan-​nisel tagħhom—tilfu l-​perfezzjoni u l-​ħajja taʼ dejjem.—Ġenesi 2:15–3:24.

Issa li kienu eżiljati biex jgħixu barra l-​ġnien, Adam u Eva sabu l-​ħajja diffiċli. Madankollu, meta twieled l-​ewwel wild tagħhom, huma semmewh Kajjin li jfisser “Xi Ħaġa Mnissla,” u Eva qalet: “Ulidt raġel bl-​għajnuna taʼ Ġeħova.” Kliemha jagħti x’jifhem li f’moħħha setaʼ kellha l-​wegħda li Ġeħova għamel fil-​ġnien, meta bassar li ċerta mara kien se jkollha ‘nisel’ li xi darba kien se jeqred lill-​wieħed mill-​agħar li żvija lil Adam u Eva. (Ġenesi 3:15; 4:1) Immaġinat Eva li l-​mara fil-​profezija kienet hi u li Kajjin kien in-​‘nisel’ imwiegħed?

Jekk inhu hekk, arralha bl-​ikrah. Iktar minn hekk, jekk hi u Adam imlew moħħ Kajjin b’ideat bħal dawn hu u jikber, ċertament li ma kinux t’għajnuna għall-​kburija umana imperfetta tiegħu. Maż-​żmien, Eva kellha t-​tieni wild, imma ma nsibu l-​ebda stqarrija grandjuża dwaru. Semmewh Abel, li jistaʼ jfisser “Nifs,” jew “Vanità.” (Ġenesi 4:2) Irriflettiet l-​għażla taʼ dan l-​isem inqas stennijiet, bħallikieku kellhom inqas tama f’Abel milli f’Kajjin? Nistgħu biss nissopponu.

Kien x’kien il-​każ, il-​ġenituri llum jistgħu jitgħallmu ħafna mill-​ewwel ġenituri tagħna. Bil-​kliem u bl-​azzjonijiet tagħkom, se tinkuraġġixxu intom il-​kburija, l-​ambizzjoni, u t-​tendenzi egoistiċi taʼ wliedkom? Jew se tgħallmuhom iħobbu lil Alla Ġeħova u jkollhom ħbiberija miegħu? B’sogħba, l-​ewwel ġenituri ma wettqux ir-​responsabbiltà li kellhom. Iżda kien hemm tama għan-​nisel tagħhom.

X’GĦEN LIL ABEL JIŻVILUPPA L-​FIDI F’ALLA?

Hekk kif iż-​żewġ subien kienu qed jikbru, Adam x’aktarx li ħarriġhom fix-​xogħol li kellu jsir biex jipprovdu għall-​familja. Kajjin sar bidwi; Abel sar ragħaj.

Però, Abel għamel xi ħaġa bil-​wisq iktar importanti. Matul is-​snin, hu żviluppa l-​fidi—dik il-​kwalità mill-​isbaħ li iktar tard Pawlu kiteb dwarha. Aħseb dwar dan. Abel ma kellu l-​ebda eżempju uman li setaʼ jsegwi. Allura, kif żviluppa l-​fidi f’Alla Ġeħova? Ikkunsidra tliet raġunijiet għala Abel setaʼ jkollu fidi soda.

Il-​ħolqien taʼ Ġeħova.

Veru, Ġeħova kien seħet l-​art u bdiet tipproduċi xewk u għollieq li fixklu l-​agrikultura. Xorta waħda, l-​art kienet tipproduċi b’mod ġeneruż l-​ikel li żamm lill-​familja t’Abel ħajja. U ma kien hemm l-​ebda saħta fuq l-​annimali, inkluż l-​għasafar u l-​ħut; lanqas fuq il-​muntanji, ix-​xmajjar, il-​lagi, u l-​ibħra; u lanqas fuq is-​smewwiet, is-​sħab, ix-​xemx, il-​qamar, u l-​istilel. Kull fejn kien iħares, Abel kien jara evidenza tal-​imħabba, l-​għerf, u t-​tjubija profonda t’Alla Ġeħova, il-​wieħed li ħalaq kollox. (Rumani 1:20) Meta hu mmedita b’apprezzament fuq il-​ħolqien u l-​kwalitajiet t’Alla, il-​fidi tiegħu ssaħħet.

Abel ċertament li ħa l-​ħin biex jaħseb fuq affarijiet spiritwali. Immaġinah jieħu ħsieb il-​merħla tiegħu. Il-​ħajja taʼ ragħaj kienet tirrikjedi ħafna mixi. Hu mexxa lil dawn il-​ħlejjaq ġentili fuq l-​għoljiet, mill-​widien, mix-​xmajjar—dejjem ifittex l-​aħjar ħaxix, l-​aħjar għadajjar għax-​xorb, u l-​iktar postijiet kennija fejn jistrieħu. Mill-​ħlejjaq kollha t’Alla, in-​nagħaġ jidhru li huma l-​iktar vulnerabbli, bħallikieku ġew maħluqin bil-​bżonn li l-​bniedem jiggwidahom u jipproteġihom. Ħass Abel li anki hu kellu bżonn il-​gwida u l-​protezzjoni taʼ Xi Ħadd iktar għaref u qawwi minn kwalunkwe bniedem, u l-​bżonn li Dan jieħu ħsiebu? Mingħajr dubju, hu esprima ħafna ħsibijiet bħal dawn fit-​talb, u minħabba f’hekk il-​fidi tiegħu baqgħet tikber.

Fil-​ħolqien, Abel sab raġunijiet sodi biex ikollu l-​fidi fil-​Ħallieq kollu mħabba

Il-​wegħdi taʼ Ġeħova.

Adam u Eva żgur li rrakkontaw lil uliedhom l-​affarijiet li ġraw fil-​ġnien tal-​Għeden u li wasslu għat-​tkeċċija tagħhom. B’hekk, Abel kellu ħafna fuqiex jimmedita.

Ġeħova qal li l-​art kienet se tiġi misħuta. Abel setaʼ jara ċar ix-​xewk u l-​għollieq li wettqu dan il-​kliem. Ġeħova bassar ukoll li Eva kienet se tbati l-​uġigħ fit-​tqala u fil-​ħlas. Hu żgur li ra dan il-​kliem jitwettaq ukoll jekk sakemm miet laħqu twieldu ħutu oħrajn. Ġeħova bassar li Eva kien se jkollha bżonn esaġerat għall-​imħabba u l-​attenzjoni taʼ żewġha u li Adam, min-​naħa tiegħu, kien se jiddominaha. Abel ra din ir-​realtà tal-​biki tiġri quddiem għajnejh. F’kull każ, Abel ra li l-​kelma taʼ Ġeħova hi taʼ min joqgħod fuqha għalkollox. B’hekk, Abel kellu raġunijiet sodi biex ipoġġi l-​fidi fil-​wegħda t’Alla dwar ‘nisel’ li xi darba kien se jirranġa l-​affarijiet ħżiena li kienu bdew fl-​Għeden.—Ġenesi 3:15-​19.

Il-​qaddejja taʼ Ġeħova.

Abel ma ra ebda eżempju tajjeb fil-​familja umana, imma dak iż-​żmien il-​bnedmin ma kinux l-​uniċi ħlejjaq intelliġenti fuq l-​art. Meta Adam u Eva tkeċċew mill-​ġnien, Ġeħova għamel ċert li la huma u lanqas nisilhom ma setgħu jidħlu f’dik il-​Ġenna tal-​art. Biex jgħasses id-​daħla, Ġeħova poġġa kerubini—anġli taʼ kariga għolja ħafna—flimkien max-​xafra taqbad taʼ xabla li kienet iddur kontinwament.—Ġenesi 3:24.

Immaġina lil Abel taʼ tifel li kien jara lil dawk il-​kerubini. Ladarba kienu jidhru b’iġsma umani, Abel setaʼ jara li kellhom saħħa immensa. U dik ix-​“xabla,” dejjem taqbad, dejjem iddur, kienet tqanqal il-​biżaʼ wkoll. Waqt li Abel kien qed jikber, qatt ra hu li dawn il-​kerubini ddejqu u telqu posthom? Le. Lejl u nhar, xahar wara xahar, sena wara l-​oħra, dawn il-​ħlejjaq intelliġenti u b’saħħithom baqgħu eżatt f’posthom. B’hekk, Abel sar jaf li Alla Ġeħova kellu qaddejja leali u sodi. F’dawk il-​kerubini, Abel ra tip taʼ lealtà u ubbidjenza lejn Ġeħova li ma setax jara fil-​familja tiegħu stess. Ċertament li dak l-​eżempju anġeliku saħħaħ il-​fidi tiegħu.

Matul ħajtu kollha, Abel setaʼ jara li l-​kerubini kienu qaddejja leali u ubbidjenti taʼ Ġeħova

Meta Abel immedita fuq dak kollu li Ġeħova rrivela dwaru nnifsu permezz tal-​ħolqien, tal-​wegħdi divini, u tal-​eżempji tal-​qaddejja Tiegħu, hu sab li l-​fidi tiegħu ssaħħet saħansitra iktar. Nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​eżempju tiegħu, hux hekk? Partikularment iż-​żgħażagħ jistgħu jiġu inkuraġġiti li jkunu jafu li hu possibbli jiżviluppaw il-​fidi ġenwina f’Alla Ġeħova, jagħmlu x’jagħmlu l-​membri tal-​familja tagħhom. Bil-​meravilji tal-​ħolqien taʼ madwarna, bil-​Bibbja sħiħa għad-​dispożizzjoni tagħna, u b’ħafna eżempji taʼ bnedmin li wrew il-​fidi, għandna bosta raġunijiet biex nibnu l-​fidi llum.

IS-​SAGRIFIĊĊJU T’ABEL—GĦALA KIEN MILL-​AQWA

Hekk kif kibret il-​fidi t’Abel f’Ġeħova, hu ried isib mezz biex jesprimi l-​fidi tiegħu bl-​azzjoni. Madankollu, sempliċi bniedem x’jistaʼ jagħti lill-​Ħallieq tal-​univers? Alla ċertament li ma kellu bżonn l-​ebda għotja jew għajnuna mingħand il-​bnedmin. Maż-​żmien, Abel fehem din il-​verità profonda: Kieku—b’motiv xieraq—hu sempliċement offra lil Ġeħova l-​aqwa minn dak li kellu, Missieru tas-​sema kollu mħabba kien se jieħu pjaċir.

Għalhekk, Abel ipprepara biex joffri xi nagħaġ mill-​merħla tiegħu. Hu għażel l-​aqwa, l-​ewwel imweldin, u offra l-​aħjar partijiet taʼ dawn l-​annimali. Sadanittant, Kajjin ukoll fittex il-​barka u l-​approvazzjoni t’Alla u pprepara offerta mill-​ħsad tiegħu. Imma l-​motivi tiegħu ma kinux bħal t’Abel. Id-​differenza saret evidenti meta l-​aħwa ppreżentaw l-​offerti tagħhom.

Abel offra s-​sagrifiċċju tiegħu bil-​fidi; Kajjin m’għamilx hekk

Iż-​żewġ subien taʼ Adam għandu mnejn użaw l-​artali u n-​nar għall-​offerti tagħhom, forsi fejn setgħu jarawhom il-​kerubini, li kienu l-​uniċi rappreżentanti taʼ Ġeħova ħajjin fuq l-​art dak iż-​żmien. Ġeħova rreaġixxa. Naqraw: “Ġeħova kien qed iħares b’approvazzjoni lejn Abel u l-​offerta tiegħu.” (Ġenesi 4:4) Ir-​rakkont ma jgħidilniex kif Ġeħova wera l-​approvazzjoni tiegħu. Imma għala approva lil Abel?

Kien minħabba l-​offerta nfisha? Abel offra ħliqa ħajja li tieħu n-​nifs u xerred id-​demm prezzjuż tagħha. Irrealizza Abel kemm kien se jkun taʼ valur sagrifiċċju bħal dan? Ħafna sekli wara żmien Abel, Alla uża s-​sagrifiċċju taʼ ħaruf bla difett biex jirrappreżenta s-​sagrifiċċju tal-​Iben perfett tiegħu, “il-​Ħaruf t’Alla,” li d-​demm innoċenti tiegħu kien se jiġi mxerred. (Ġwanni 1:29; Eżodu 12:5-​7) Madankollu, għalkemm ma nafux fiċ-​ċert x’kien qed jaħseb jew x’kien jaf Abel dak iż-​żmien, nistgħu ngħidu li hu la kien jaf u lanqas fehem kif Ġeħova kien se juża s-​sagrifiċċji iktar tard.

Imma dak li nafu fiċ-​ċert hu dan: Abel offra l-​aqwa nett minn dak li kellu. Ġeħova ma kienx qed iħares b’approvazzjoni biss lejn l-​offerta imma anki lejn ir-​raġel innifsu. Imqanqal mill-​imħabba għal Ġeħova u minn fidi ġenwina fih, Abel aġixxa.

Il-​każ taʼ Kajjin kien differenti. Ġeħova “ma ħarisx b’approvazzjoni lejn Kajjin u lejn l-​offerta tiegħu.” (Ġenesi 4:5) Mhux għax l-​offerta nfisha taʼ Kajjin kienet difettuża; il-​Liġi t’Alla iktar tard ippermettiet offerti minn dak li tipproduċi l-​art. (Levitiku 6:14, 15) Imma l-​Bibbja dwar Kajjin tgħid li “l-​għemejjel tiegħu kienu mill-​agħar.” (1 Ġwanni 3:12) Bħal ħafna sal-​lum il-​ġurnata, Kajjin evidentement ħaseb li sempliċi turija minn barra taʼ devozzjoni lejn Alla kienet biżżejjed. In-​nuqqas taʼ fidi tiegħu f’Ġeħova jew in-​nuqqas taʼ mħabba vera lejh malajr saru evidenti permezz tal-​għemejjel tiegħu.

Meta Kajjin ra li ma kisibx l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova, ipprova hu jitgħallem mill-​eżempju t’Abel? Le. Hu mtela bil-​mibegħda għal ħuh. Ġeħova ra dak li kien qed jiġri f’qalb Kajjin u rraġuna miegħu bil-​paċenzja. Hu wissa lil Kajjin li dan l-​aġir kien se jwasslu għal dnub serju u offra lil Kajjin it-​tama li jiġi “milqugħ” jekk biss ibiddel l-​aġir tiegħu.—Ġenesi 4:6, 7.

Kajjin injora t-​twissija t’Alla. Minflok, hu stieden lil ħuh iżgħar minnu biex imur jimxi miegħu fl-​għalqa u bl-​innoċenza kollha Abel mar. Hemmhekk Kajjin ħebb għalih u qatlu. (Ġenesi 4:8) F’ċertu sens, Abel sar l-​ewwel vittma taʼ persekuzzjoni reliġjuża, l-​ewwel martri. Hu miet, imma l-​istorja tiegħu ma spiċċatx hemm.

B’mod figurattiv, id-​demm t’Abel għajjat lil Alla Ġeħova għall-​vendetta, jew ġustizzja. U Alla ra li saret ġustizzja billi kkastiga lil Kajjin li kien mill-​agħar għad-​delitt tiegħu. (Ġenesi 4:9-​12) Iktar importanti, ir-​rakkont tal-​fidi t’Abel qed ikellem lilna llum. Għomru—forsi madwar mitt sena—kien qasir għall-​bnedmin taʼ dak iż-​żmien, imma Abel uża ħajtu b’mod li għoġob lil Alla. Qabel miet kien jaf li kellu l-​imħabba u l-​approvazzjoni taʼ Missieru tas-​sema, Ġeħova. (Ebrej 11:4) Allura, nistgħu nkunu fiduċjużi li hu qiegħed fis-​sigurtà fil-​memorja bla limitu taʼ Ġeħova, jistenna li jiġi rxoxtat għall-​ħajja fuq art magħmula ġenna. (Ġwanni 5:28, 29) Se tiltaqaʼ miegħu hemmhekk? Tistaʼ jekk int determinat li tagħti widen hekk kif jitkellem Abel u timita l-​fidi mill-​aqwa tiegħu.

a L-​espressjoni “t-​tisjis tad-​dinja” tinvolvi l-​idea taʼ prokreazzjoni, u b’hekk għandha x’taqsam mal-​bidu tan-​nisel uman. Però, Ġesù għala assoċja lil Abel mat-​“tisjis tad-​dinja” u mhux lil Kajjin, li kien l-​ewwel bniedem li twieled? Id-​deċiżjonijiet u l-​azzjonijiet taʼ Kajjin wassluh għal ribelljoni intenzjonata kontra Alla Ġeħova. Bħall-​ġenituri tiegħu, Kajjin ma jidhirx li se jiġi rxoxtat u mifdi.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja