Jehovah Għandu Jkun il-Fiduċja Tagħna
“Jehovah nnifsu se jagħti prova li jkun, effettivament, il-fiduċja tiegħek.”—PROVERBJI 3:26, NW.
1. Għalkemm ħafna jsostnu li jafdaw f’Alla, liema ħaġa tissuġġerixxi li dawn mhux dejjem jagħmlu hekk?
IL-MOTTO “In God We Trust” (F’Alla Nafdaw) jidher fuq il-flus taʼ l-Istati Uniti taʼ l-Amerka. Imma jpoġġu verament il-fiduċja tagħhom f’Alla, dawk kollha li jużaw dawn il-flus, f’dak il-pajjiż jew xi mkien ieħor? Jew ipoġġu iżjed fiduċja fil-flus stess? Fiduċja bħal din fil-flus taʼ dak il-pajjiż jew taʼ xi pajjiż ieħor ma tistax tkun f’armonija mal-fiduċja f’Alla li jistaʼ kollox u taʼ mħabba, li qatt ma jabbuża mill-qawwa tiegħu u li bl-ebda mod m’hu rgħib. Fil-fatt hu jikkundanna r-regħba f’termini ċarissimi.—Efesin 5:5.
2. Il-Kristjani veri liema attitudni għandhom dwar il-qawwa tar-rikkezzi?
2 Il-Kristjani veri jpoġġu l-fiduċja tagħhom f’Alla, mhux fir-rikkezzi, bil-“qawwa qarrieqa” tagħhom. (Mattew 13:22, NW) Huma jirrikonoxxu li l-qawwa tal-flus f’li jippromwovu l-kuntentizza u jippreservaw il-ħajja hija limitata għall-aħħar. Dan mhux minnu dwar il-qawwa t’Alla li Jistaʼ Kollox. (Sofonija 1:18) Għalhekk, kemm hija għaqlija t-twissija: “Tkunux mogħtija għar-rebgħa tal-flus; kunu kuntenti b’dak li għandkom, għax Alla stess qal: ‘Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek’”!—Lhud 13:5.
3. Il-kuntest taʼ Dewteronomju 31:6 kif jixħet dawl fuq il-kwotazzjoni tal-vers minn Pawlu?
3 Meta kiteb il-kliem t’hawn fuq lill-Kristjani Lhud, l-appostlu Pawlu kkwota l-istruzzjonijiet li Mosè ta lill-Iżraeliti ftit qabel mewtu: “Agħmlu l-ħila u qawwu qalbkom; tibżgħux u titregħdux quddiemhom; għax hu, il-Mulej, Alla tiegħek, se jimxi miegħek; m’hux se jħallik, u anqas jitilqek.” (Dewteronomju 31:6) Il-kuntest juri li Mosè kien qed jinkuraġġixxi fiduċja f’Jehovah li kienet iktar milli sempliċement jafdawh biex jipprovdilhom il-bżonnijiet materjali. Dan kif?
4. Alla kif ta prova lill-Iżraeliti li setgħu jafdawh?
4 Matul l-40 sena li Iżrael kellu jiġġerra fix-xagħri, Alla pprovdielhom lealment dak kollu li kellhom bżonn għal ħajjithom. (Dewteronomju 2:7; 29:5) Hu pprovda wkoll tmexxija. Mod wieħed kif għamel dan kien permezz taʼ sħaba matul il-jum u nar bil-lejl, li mexxew lill-Iżraeliti lejn “art tnixxi ħalib u għasel.” (Eżodu 3:8; 40:36-38) Hekk kif wasal iż-żmien biex attwalment jidħlu fl-Art Imwiegħda, Jehovah għażel lil Ġożwè biex ikun is-suċċessur taʼ Mosè. In-nies li kienu jokkupaw dik l-art kienu mistennijin juru reżistenza. Imma Jehovah kien ilu jimmarċja mal-poplu tiegħu għal għaxriet taʼ snin, u għalhekk ma kellhomx għalfejn jibżgħu. L-Iżraeliti kellhom kull raġuni biex jirrikonoxxu lil Jehovah bħala Alla li setaʼ jiġi fdat!
5. Is-sitwazzjoni tal-Kristjani llum kif inhi simili għal dik taʼ l-Iżraeliti qabel ma daħlu fl-Art Imwiegħda?
5 Il-Kristjani llum ilhom jimmarċjaw fix-xagħri tad-dinja preżenti mill-agħar fi triqithom lejn id-dinja l-ġdida t’Alla. Uħud minnhom ilhom isegwu din il-korsa għal iktar minn 40 sena. Issa jinsabu wara l-bieb tad-dinja l-ġdida t’Alla. Madankollu, għad hemm l-għedewwa fin-nofs, iddeterminati li ma jħallu lil ħadd jidħol f’dik li se ssir bħal Art Imwiegħda, iżjed glorjuża minn dik tal-qedem li kienet tnixxi ħalib u għasel. Mela għall-Kristjani llum, kemm huwa xieraq il-kliem taʼ Mosè, li rrepeta Pawlu: “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek”! Dawk kollha li jibqgħu qawwijin u kuraġġużi, mimlijin fidi, billi jpoġġu fiduċja f’Jehovah, huma ċerti li se jieħdu l-premju.
Fiduċja Bbażata fuq Għarfien u Ħbiberija
6, 7. (a) Liema ħaġa ġarrbet il-fiduċja t’Abraham f’Jehovah? (b) Abraham kif għandu mnejn li ħassu waqt li kien qed jivvjaġġa lejn il-post fejn kellu jissagrifika lil Iżakk?
6 F’punt partikulari Abraham, l-antenat taʼ l-Iżraeliti ġie kkmandat joffri lil ibnu Iżakk bħala offerta maħruqa. (Ġenesi 22:2) X’għen lil dan il-missier taʼ mħabba biex ikollu fiduċja daqstant qawwija f’Jehovah li kien lest li jobdih immedjatament? Lhud 11:17-19 iwieġeb: “Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet, hu li Alla kien qallu: ‘Minn Iżakk int għad ikollok nisel.’ Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens taʼ tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.”
7 Żomm f’moħħok li Abraham u Iżakk ħadu tlett ijiem biex jaslu fil-post fejn kellu jseħħ is-sagrifiċċju. (Ġenesi 22:4) Abraham kellu ħafna ħin biex jerġaʼ jikkunsidra dak li ntalab jagħmel. Nistgħu nimmaġinaw is-sentimenti tiegħu, l-emozzjonijiet tiegħu? It-twelid taʼ Iżakk tant kien raġuni mhix mistennija għall-ferħ. Dik l-evidenza taʼ intervent divin kabbret ir-rabta li Abraham u martu Sara, li qabel kienet ħawlija, kellhom m’Alla. Żgur li minn dak iż-żmien ’il quddiem għexu bi stennija taʼ dak li l-futur kellu maħżun għal Iżakk u għad-dixxendenti tiegħu. Minn kif dehru l-affarijiet, kien se jintemm ħesrem il-ħolm tagħhom, minħabba dak li issa talab minnu Alla?
8. Il-fiduċja t’Abraham f’Jehovah kif kienet iktar milli sempliċement emmen li Hu setaʼ jirxoxtah lil Iżakk?
8 Xorta waħda, Abraham kellu fiduċja bbażata fuq l-għarfien persunali li ħbieb intimi jkollhom dwar xulxin. Bħala “ħabib taʼ Alla,” Abraham “emmen lil Alla u kien dan li ġġustifikah.” (Ġakbu 2:23) Il-fiduċja t’Abraham f’Jehovah kienet iktar milli sempliċement emmen li Alla setaʼ jirxoxtah lil Iżakk. Abraham kien daqstant konvint li dak li Jehovah kien qed jitlob minnu kien xieraq, avolja Abraham ma kienx jaf il-fatti kollha. Ma kellux għalfejn jiddubita li Jehovah kien qed jirrikjedi dan fit-tjieba. Imbagħad, il-fiduċja t’Abraham issaħħet hekk kif l-anġlu taʼ Jehovah ndaħal biex ma jħallix lil Iżakk attwalment jinqatel bħala sagrifiċċju.—Ġenesi 22:9-14.
9, 10. (a) Iktar kmieni, Abraham meta kien wera fiduċja f’Jehovah? (b) Liema lezzjoni importanti nistgħu nitgħallmu minn Abraham?
9 Abraham kien wera din l-istess xorta taʼ fiduċja fit-tjieba taʼ Jehovah xi 25 sena qabel. Billi kien ġie mwissi li Sodoma u Gomorra kienu se jiġu meqrudin, hu ovvjament kien inkwetat dwar il-benesseri taʼ xi nies twajbin li kienu jgħixu hemmhekk, inkluż neputih Lot. Abraham talab bil-ħerqa lil Alla b’dan il-kliem: “Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin tmisshom l-istess xorti. Ma jkun qatt minnek, l-imħallef taʼ l-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja.”—Ġenesi 18:25.
10 Il-patrijarka Abraham kien konvint li Jehovah qatt ma jagħmel xi ħaġa taʼ bla tjieba. Is-salmista iktar tard kanta: “Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, twajjeb f’dak kollu li għamel.” (Salm 145:17) Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Naċċetta jien dak li Jehovah jippermetti li ngħaddi minnu mingħajr ma niddubita mit-tjieba tiegħu? Konvint jien li kulma jippermetti se jirriżulta għall-ġid tiegħi u għall-ġid taʼ oħrajn ukoll?’ Jekk nistgħu nwieġbu iva, inkunu tgħallimna lezzjoni importanti minn Abraham.
Nuru Fiduċja fl-Għażliet taʼ Jehovah
11, 12. (a) Liema aspett tal-fiduċja kien neċessarju għall-qaddejja t’Alla? (b) Xi drabi x’tistaʼ tkun il-problema tagħna?
11 Dawk li jqisu lil Jehovah bħala l-fiduċja tagħhom juru fiduċja wkoll fl-irġiel li Jehovah jagħżel li juża fit-twettiq taʼ l-iskopijiet tiegħu. Għall-Iżraeliti, dan kien ifisser li juru fiduċja f’Mosè u iktar tard f’Ġożwè, is-suċċessur tiegħu. Għall-Kristjani bikrin, dan kien ifisser li juru fiduċja fl-appostli u l-irġiel ixjeħ tal-kongregazzjoni f’Ġerusalemm. Għalina llum, dan ifisser li jkollna fiduċja fl-“irsir leali u diskret” maħtur biex jagħtina ‘l-ikel spiritwali tagħna fiż-żmien xieraq,’ kif ukoll f’dawk minn fosthom li jifformaw il-Ġemgħa li Tiggverna.—Mattew 24:45, NW.
12 Attwalment, li npoġġu l-fiduċja tagħna f’dawk li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni Kristjana huwa għall-benefiċċju tagħna stess. Jintqalilna: “Oqogħdu għal dawk li jmexxukom, u obduhom, għax huma jgħassu fuqkom għall-ġid tagħkom, bħala nies li għad iridu jagħtu kont tagħkom. Hekk huma jaqdu dan id-dmir bil-ferħ, u mhux bi swied il-qalb; għax dan ma jkun jiswielkom taʼ ebda ġid.”—Lhud 13:17.
Evita li Tikkritika l-Għażliet taʼ Jehovah
13. Liema raġuni għandna biex ikollna fiduċja f’dawk maħturin biex jieħdu t-tmexxija?
13 Il-Bibbja tgħinna nkunu bbilanċjati f’li nuru fiduċja f’dawk li jieħdu t-tmexxija fost il-poplu taʼ Jehovah. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Mosè qatt għamel żbalji? L-appostli dejjem urew l-attitudni bħal taʼ Kristu li Ġesù riedhom li jkollhom?’ It-tweġibiet huma ovvji. Jehovah għażel li juża rġiel leali u devoti biex jiggwidaw lill-poplu tiegħu, avolja huma rġiel imperfetti. Fi qbil maʼ dan, fil-waqt li l-anzjani llum huma imperfetti, xorta waħda għandna nirrikonoxxuhom bħala ‘maħturin mill-Ispirtu s-Santu biex jgħassu u jirgħu l-Knisja t’Alla.’ Huma jistħoqqilhom l-appoġġ u r-rispett tagħna.—Atti 20:28.
14. X’hemm notevoli dwar il-fatt li Jehovah għażel lil Mosè bħala mexxej minflok lil Aron jew lil Mirjam?
14 Aron kien tliet snin akbar minn Mosè, imma t-tnejn li huma kienu iżgħar minn oħthom, Mirjam. (Eżodu 2:3, 4; 7:7) U peress li Aron kien iktar fluwenti fid-diskors minn Mosè, dan ġie maħtur biex jaqdi bħala kelliemi għal ħuh. (Eżodu 6:29–7:2) Madankollu, biex imexxi lil Iżrael, Jehovah m’għażilx lil Mirjam, li kienet l-akbar fl-età, jew lil Aron, li kien l-iktar fluwenti. L-għażla taʼ Mosè minn Alla saret b’rikonoxximent sħiħ tal-fatti u l-ħtiġijiet tal-mument. Meta għal xi żmien ma kellhomx dan id-dehen ċar, Aron u Mirjam ilmentaw: “Jaqaw il-Mulej lil Mosè biss kellem? Ma kellimx lilna wkoll?” Mirjam, li x’aktarx kienet ix-xewwiexa ewlenija, ġiet ikkastigata minħabba din l-attitudni taʼ bla rispett lejn l-għażla taʼ Jehovah, li kemm hi u kemm Aron kien imisshom irrikonoxxewh bħala ‘l-iktar wieħed umli fost il-bnedmin li kien hemm fuq wiċċ l-art.’—Numri 12:1-3, 9-15.
15, 16. Kaleb kif wera li kellu fiduċja f’Jehovah?
15 Meta 12-il spija ntbagħtu biex jitkixxfu l-Art Imwiegħda, għaxra ġabu lura rapport negattiv. Tefgħu biżaʼ fi qlub l-Iżraeliti billi tkellmu dwar il-Kangħanin bħala “razza taʼ nies twal.” Dan, mill-banda l-oħra, ġagħal lill-Iżraeliti ‘jgemgmu kontra Mosè u Aron.’ Imma mhux l-ispiji kollha wrew nuqqas taʼ fiduċja f’Mosè u f’Jehovah. Naqraw: “Kaleb sikket il-poplu quddiem Mosè u qalilhom: ‘Infittxu nitilgħu, u neħduha f’idejna. Nistgħu nirbħuha għax nifi[lħ]u għaliha.’” (Numri 13:2, 25–33; 14:2) Ġożwè, l-ispija sieħbu wkoll żamm l-istess waqfa soda bħal taʼ Kaleb. It-tnejn li huma wrew li kienu għamlu lil Jehovah l-fiduċja tagħhom meta qalu: “Jekk jiffavorina l-Mulej żgur li jdaħħalna f’din l-art, u jagħtihielna: hi art li tnixxi ħalib u għasel. Biss . . . la tibżgħux mill-poplu tal-pajjiż . . . Il-Mulej magħna, la tibżgħux minnhom.” (Numri 14:6-9) Din il-fiduċja f’Jehovah ġiet ippremjata. Mill-ġenerazzjoni adulta li kienet ħajja dak iż-żmien, Kaleb, Ġożwè, u xi Leviti biss kienu pprivileġġati jidħlu fl-Art Imwiegħda.
16 Xi snin wara Kaleb qal: “Jien bqajt fidil lejn il-Mulej, Alla tiegħi. . . . U issa, ara, il-Mulej żammni ħaj, bħalma kien qal, għal dawn il-ħamsa u erbgħin sena, minn mindu l-Mulej qal dan il-kliem lil Mosè, meta Iżrael kien jiġġerra fid-deżert. Illum jien għandi ħamsa u tmenin sena. Għadni llum qawwi bħal meta bagħatni Mosè. Bħalma kienet saħħti dakinhar, hekk għadha llum.” (Ġożwè 14:6-11) Innota l-attitudni pożittiva taʼ Kaleb, il-fedeltà tiegħu, u l-abbiltajiet fiżiċi tiegħu. Madankollu, Jehovah ma kienx għażel lil Kaleb biex ikun is-suċċessur taʼ Mosè. Dan il-privileġġ ġie estiż lil Ġożwè. Nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah kellu raġunijiet tajbin għall-għażla tiegħu, u din kienet l-aħjar għażla.
17. Liema ħaġa setgħet dehret li tiskwalifikah lil Pietru milli jkollu xi responsabbiltà?
17 L-appostlu Pietru ċaħad lill-Imgħallem tiegħu tliet darbiet. Kien ukoll, bla ħsieb taʼ xejn, qabad u ħa l-affarijiet f’idejh, billi qaċċat widnet l-irsir tal-qassis il-kbir. (Mattew 26:47-55, 69-75; Ġwann 18:10, 11) Xi wħud jistgħu forsi jgħidu li Pietru kien bniedem beżżiegħ u żbilanċjat, u mhux denju li jgawdi privileġġi speċjali. Madankollu, lil min ngħataw l-imfietaħ tas-Saltna, u min kien ipprivileġġat li jiftaħ it-triq għas-sejħa tas-sema lil tliet gruppi? Kien Pietru.—Atti 2:1-41; 8:14-17; 10:1-48.
18. Bħalma semma Ġuda, liema żball irridu nevitaw?
18 Dawn l-eżempji juru li rridu noqogħdu attenti li ma niġġudikawx l-affarijiet skond ma jidhru minn barra. Jekk inpoġġu l-fiduċja tagħna f’Jehovah, ma niddubitawx l-għażliet tiegħu. Għalkemm il-kongregazzjoni tiegħu fuq l-art hija fformata minn bnedmin imperfetti, li ma jsostnux li huma infallibbli, hu qed jużahom b’mod setgħan. Ġuda, ħu Ġesù mill-omm, wissa lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu dwar individwi li “jiċħdu l-awtorità taʼ Alla, iżebilħu l-ħlejjaq glorjużi.” (Ġuda 8-10) M’għandna qatt inkunu bħalhom.
19. Għala m’għandna ebda raġuni biex nikkritikaw l-għażliet taʼ Jehovah?
19 Jehovah milli jidher jagħżel għal ċerti responsabbiltajiet individwi li għandhom il-kwalitajiet partikulari meħtiġin biex jiggwidaw lill-poplu tiegħu fit-triq li jridhom imorru f’dak iż-żmien partikulari. Għandna nistinkaw biex nirrikonoxxu dan il-fatt, billi ma nikkritikawx l-għażliet t’Alla, imma billi nkunu kuntenti li naqdu bl-umiltà fejn Jehovah poġġiena individwalment. B’hekk, nuru li nkunu għamilna lil Jehovah l-fiduċja tagħna.—Efesin 4:11-16; Filippin 2:3.
Nuru Fiduċja fit-Tjieba taʼ Jehovah
20, 21. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Alla ttratta maʼ Mosè?
20 Jekk xi drabi għandna t-tendenza li npoġġu fiduċja żejda fina nfusna u ftit ferm f’Jehovah, ejjew nitgħallmu minn Mosè. Meta kellu 40 sena, hu rħielha waħdu biex jeħles lill-Iżraeliti mill-jasar Eġizzjan. Bla dubju, l-isforzi tiegħu kienu b’intenzjoni tajba, imma ma wasslux biex Iżrael jinħeles immedjatament, lanqas biex titjieb is-sitwazzjoni tiegħu stess. Fil-fatt, ġie mġiegħel jaħrab. Kien biss wara li għadda minn 40 sena taʼ taħriġ iebes f’art barranija li sar jikkwalifika biex jintgħażel ħa jagħmel dak li ried jagħmel qabel. Din id-darba setaʼ jkun fiduċjuż mill-appoġġ taʼ Jehovah għax issa l-affarijiet kienu qed isiru bil-mod li riedhom isiru Jehovah fi żmien li kien jaqbel maʼ l-iskeda Tiegħu.—Eżodu 2:11–3:10.
21 Kull wieħed minna għandu jistaqsi lilu nnifsu: ‘Niġri jien xi drabi qabel Jehovah u l-anzjani maħturin fil-kongregazzjoni, billi nipprova nħaffef l-affarijiet jew nagħmilhom kif naf jien? Minflok ma nħossni li nqbiżt għal ċerti privileġġi, naċċetta bil-ferħa l-perijodu kontinwu taʼ taħriġ tiegħi?’ F’kelma waħda, tgħallimna lezzjoni importanti minn Mosè?
22. Minkejja li kien tilef privileġġ kbir, Mosè kif ħassu dwar Jehovah?
22 Iktar minn hekk, aħna nistgħu nitgħallmu lezzjoni oħra minn Mosè. Numri 20:7-13 jgħidilna dwar żball li kien għamel u li swielu ħafna. Tilef il-privileġġ li jdaħħal lill-Iżraeliti fl-Art Imwiegħda. F’dak il-waqt irreaġixxa hu bħallikieku d-deċiżjoni taʼ Jehovah fil-kwistjoni kienet inġusta? Intefaʼ f’xi rokna, biex ngħidu hekk, igerger waħdu għala Alla kien qed jistmah daqshekk ħażin? Tilef Mosè l-fiduċja fit-tjieba taʼ Jehovah? Nistgħu nsibu t-tweġibiet fil-kliem li Mosè stess qal lil Iżrael ftit qabel ma miet. Dwar Jehovah, Mosè qal: “Perfett għemilu; u lkoll ġusti t-triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.” (Dewteronomju 32:4) Mosè ċertament li żamm il-fiduċja tiegħu f’Jehovah sat-tmiem. Xi ngħidu għalina? Qegħdin aħna individwalment nieħdu passi biex insaħħu l-fiduċja tagħna f’Jehovah u fit-tjieba tiegħu? Dan kif nistgħu nagħmluh? Ejjew naraw.
Int Kif Twieġeb?
◻ L-Iżraeliti liema raġunijiet kellhom biex jafdaw f’Jehovah?
◻ Rigward il-fiduċja, wieħed x’jistaʼ jitgħallem minn Abraham?
◻ Għala għandna nevitaw li nikkritikaw l-għażliet taʼ Jehovah?
[Stampa f’paġna 13]
Fiduċja f’Jehovah tinkludi li nirrispettaw lil dawk li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni