Rebaħ il-Ħażen?
L-IDEA taʼ ġlieda universali bejn il-qawwiet tat-tajjeb u l-ħażin matul listorja qajmet ruxxmata spekulazzjonijiet minn kittieba u filosfi. Madankollu, hemm ktieb li fih insibu r-rakkont eżatt tal-battalja bejn Alla u x-Xitan. Dan il-ktieb huwa l-Bibbja. Hi tikxef x’kien hemm involut f’dan il-konflitt u tgħin lil dak li jkun jiddetermina min rebaħ tassew.
Eżatt wara l-ħolqien taʼ l-ewwel raġel u mara, spirtu inviżibbli, Satana x-Xitan, sfida l-ħakma t’Alla. Kif? Billi b’makakkerija saħaq li Alla ċaħħadhom minn affarijiet tajbin tal-ħolqien tiegħu u li l-bnedmin setgħu jgħixu aħjar jekk ikunu indipendenti minn Alla.—Ġenesi 3:1-5; Apokalissi 12:9.
Iktar tard, fi żmien il-patrijarka Ġob, Satana qajjem kwistjoni oħra. Bl-intenzjoni li jkisser l-integrità taʼ Ġob lejn Alla, Satana qal: “Ġild b’ġild, u l-bniedem jagħti kull ma jkollu għal ħajtu!” (Ġob 2:4) Kif tefaʼ lil kulħadd f’keffa waħda b’din l-istqarrija! Billi uża l-kelma ġenerali “bniedem” minflok l-isem taʼ Ġob, Satana żeraʼ dubju dwar l-integrità tal-bnedmin kollha. Fil-fatt, hu sostna: ‘Il-bniedem lest li jagħmel minn kollox biex isalva ħajtu. Agħtini l-opportunità u tara kif jirnexxili nbiegħed lil kulħadd, ikun min ikun, ’il bogħod minn Alla.’
It-tweġiba għal dawn iż-żewġ mistoqsijiet tiddetermina min rebaħ fil-battalja bejn Alla u x-Xitan: Il-bniedem kapaċi jirnexxi fil-ħakma tiegħu? Irnexxielu x-Xitan ibiegħed lil kulħadd minn dak Alla veru?
Jistgħu l-Bnedmin Jirnexxu fil-Ħakma Tagħhom?
Għal eluf taʼ snin, il-bnedmin esperimentaw b’ħakmiet differenti. Matul l-istorja, ipprovaw diversi forom taʼ gvernijiet, bħall-monarkija, l-aristokrazija, id-demokrazija, l-awtokrazija, il-Faxxiżmu, u l-Komuniżmu. Il-fatt li dejjem kien hemm bżonn li jesperimentaw b’dan, ma jurix li dawn id-diversi ħakmiet m’humiex tajbin biżżejjed?
“Ir-Rumani sabu ruħhom, kważi bla mistenni, involuti f’esperiment amministrattiv u vast,” kiteb H. G. Wells fil-ktieb A History of the World, li ħareġ fl-1922. Hu jkompli: “Kien il-ħin kollu jinbidel, qatt ma sar stabbli. Minn banda, l-esperiment falla. Mill-banda l-oħra l-esperiment għadu mhux komplut, u llum l-Ewropa u l-Amerika għadhom qed jipprovaw isolvu l-problemi komplikati li ġġib magħha l-arti tat-tmexxija, l-istess bħalma kellhom jagħmlu r-Rumani fil-bidu.”
Fis-seklu 20 l-esperimenti fit-tmexxija baqgħu għaddejjin. F’dak is-seklu l-ħakma demokratika spiċċat aċċettata ħafna iktar minn qatt qabel. Id-demokrazija bħala teorija ssostni li tilħaq lil kulħadd. Iżda wriet id-demokrazija li l-bniedem jistaʼ jirnexxilu jaħkem mingħajr Alla? Jawaharlal Nehru, ex-prim ministru taʼ l-Indja, iddeskriva d-demokrazija bħala li hija tajba imma kompla: “Ngħid hekk għax is-sistemi l-oħrajn huma agħar minnha.” L-ex-president Franċiż Valéry Giscard d’Estaing qal: “Għaddejjin minn kriżi taʼ demokrazija rappreżentattiva.”
Anki fil-ħames seklu Q.E.K., il-filosfu Grieg Platun skopra xi difetti fit-tmexxija demokratika. Skond il-ktieb A History of Political Theory, hu attakka “l-injoranza u n-nuqqas t’abbiltà taʼ ħafna politikanti, li hija s-saħta speċjali tad-demokraziji.” Ħafna mill-politikanti taʼ llum jilmentaw minħabba d-diffikultà li għandhom biex isibu individwi kapaċi li huma kwalifikati sabiex jaqdu fil-gvern. In-nies “imxebbgħin b’mexxejja li jidhru mhux kwalifikati meta jiffaċċjaw problemi enormi,” qal The Wall Street Journal. Dan kompla: “Huma ma jifilħux iktar iħabbtu wiċċhom maʼ mexxejja korrotti u indeċiżi meta jiġu biex jistaqsu għad-direzzjoni mingħandhom.”
Issa ikkunsidra t-tmexxija tas-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem. Alla Jehovah ta għerf li jispikka lil Salamun. (1 Slaten 5:9-14 [4:29-34, NW]) Kif mar il-ġens taʼ Iżrael fil-ħakma taʼ 40 sena taʼ Salamun? Il-Bibbja twieġeb, “il-poplu taʼ Ġuda u Iżrael kien kotran bħar-ramel tal-baħar; u kienu lkoll ferħana jieklu u jixorbu.” Ir-rakkont jgħid ukoll: “Il-poplu taʼ Ġuda u Iżrael kien jgħix fiż-żgur, kulħadd taħt id-dielja u t-tina tiegħu, minn Dan sa Birsaba, iż-żmien kollu taʼ Salamun.” (1 Slaten 4:20; 5:5 [4:20, 25, NW]) Minħabba li kellhom sultan għaref jaħkem fuqhom bħala r-rappreżentant viżibbli tal-Ħakkiem Suprem inviżibbli, Alla Jehovah, il-ġens gawda stabbiltà, għana, u ferħ li qatt ma kien hemm bħalhom.
X’kuntrast estrem bejn il-ħakma tal-bniedem u dik t’Alla! Jistaʼ xi ħadd sinċerament jgħid li Satana rebaħ fil-kwistjoni tat-tmexxija? Le, għax il-profeta Ġeremija ddikjara bl-eżatt: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.
Jistaʼ Satana Jbiegħed lil Kulħadd minn Alla?
Irnexxielu Satana juri li jistaʼ jbiegħed lil kulħadd minn Alla? F’kapitlu 11 tal-ktieb Bibliku tal-Lhud, l-appostlu Pawlu jsemmi għadd taʼ rġiel u nisa leali li għexu qabel żmien il-Kristjanità. Imbagħad hu ddikjara: “Ma nsibx żmien biż-żejjed biex insemmi fuq Gidgħon, Barak, Sansun, Ġefti, David, Samwel u l-profeti.” (Lhud 11:32) Pawlu jirreferi għal dawn il-qaddejja leali t’Alla sempliċement bħala “sħaba hekk kbira taʼ xhieda.” (Lhud 12:1) Il-kelma Griega użata hawnhekk bħala “sħaba” ma tfissirx xi ħaġa separata li l-forma tagħha tidher sew u b’mod ċar b’daqs u forma preċiża, iżda tirreferi għal sħaba enormi u bla forma. Din hija addattata għaliex il-qaddejja leali t’Alla fil-passat tant kienu numerużi li huma bħal sħaba enormi. Iva, matul is-sekli eluf taʼ nies bla għadd użaw ir-rieda ħielsa tagħhom u għażlu li jappoġġaw lil Alla Jehovah.—Ġożwè 24:15.
Xi ngħidu għal żmienna? L-għadd taʼ Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja żdied għal iktar minn sitt miljuni minkejja l-persekuzzjoni terribbli u l-oppożizzjoni li ffaċċjaw matul is-seklu 20. Xi disaʼ miljuni oħra ssieħbu magħhom u ħafna minn dawn qed jagħmlu bidliet importanti sabiex jidħlu f’relazzjoni persunali mill-qrib maʼ Alla.
L-aħjar tweġiba għal dak li saħaq Satana dwar li hu kapaċi jbiegħed lill-bnedmin minn Jehovah, ġiet mill-Iben t’Alla stess, Ġesù Kristu. Lanqas l-uġigħ intollerabbli fuq għuda tat-tortura ma kisser l-integrità tiegħu. Hekk kif Ġesù ħa l-aħħar nifs tiegħu, hu għajjat: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi.”—Luqa 23:46.
Satana uża dak kollu li setaʼ—mit-tentazzjonijiet sal-persekuzzjoni diretta—sabiex jipprova jżomm il-bnedmin taħt il-kontroll tiegħu. Billi juża “l-ġibda tal-ġisem u l-ġibda taʼ l-għajnejn u l-kburija tal-ħajja” biex jittanta lin-nies, hu jipprova jżommhom ’il bogħod jew iwarrabhom minn Jehovah. (1 Ġwann 2:16) Ukoll, Satana ‘dallam il-moħħ taʼ dawk neqsin mill-fidi, biex ma jarawx jiddi d-dawl taʼ l-Evanġelju glorjuż taʼ Kristu.’ (2 Korintin 4:4) U Satana ma joqgħodx lura milli juża t-theddid u milli jinqeda bil-biżaʼ mill-bniedem sabiex jilħaq l-iskop tiegħu.—Atti 5:40.
Madankollu, dawk li jappoġġaw ’l Alla ma jiġux megħluba mix-Xitan. Huma saru jafu lil Alla Jehovah u saru ‘jħobbuh b’qalbhom kollha b’ruħhom kollha u b’moħħhom kollu.’ (Mattew 22:37) Iva, il-lealtà li ma titħarrikx taʼ Ġesù u taʼ għadd bla limitu taʼ bnedmin oħra hija telfa enormi għal Satana x-Xitan.
X’Se Jiġri fil-Futur?
Se jibqgħu l-esperimenti fit-tmexxija tal-bniedem għaddejjin għal dejjem? Il-profeta Danjel bassar: “Fi żmien dawn is-slaten, Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Danjel 2:44) Is-Saltna li se jwaqqaf Alla tas-sema hija gvern tas-sema f’idejn Ġesù Kristu. Hija l-istess Saltna li Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għaliha. (Mattew 6:9, 10) Din is-Saltna se teqred il-gvernijiet umani kollha fil-“gwerra [li ġejja] taʼ nhar il-Jum il-kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox” u se teffettwa l-art kollha.—Apokalissi 16:14, 16.
X’hemm lest għal Satana? Il-Bibbja tiddeskrivi din il-ġrajja li se sseħħ fil-futur: “[L-anġlu taʼ Jehovah] qabad id-Dragun, is-Serp tal-qedem, li hu d-Demonju u x-Xitan, u rabtu għal elf sena, u waddbu fil-bir bla qiegħ, li mbagħad għalqu fuqu u ssiġillah biex ma jqarraqx iżjed bil-ġnus sa ma jintemmu l-elf sena.” (Apokalissi 20:1-3) Biss wara li Satana jintefaʼ fil-bir bla qiegħ fejn ma jistaʼ jagħmel xejn, se jkun possibbli li jibda r-Renju t’Elf Sena taʼ Ġesù Kristu.
Imbagħad, kemm se tkun post pjaċevoli din l-art! Il-ħażen u dawk li jagħmluh mhux se jkunu iktar. Il-Bibbja twiegħed: “Għax il-ħżiena jitqaċċtu ’l barra. . . . Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:9-11) Il-paċi tagħhom mhix se tiġi mhedda minn ħadd, la mill-bnedmin u lanqas mill-annimali. (Isaija 11:6-9) Anki l-miljuni li, minħabba l-injoranza jew għax ma kellhomx l-opportunità li jsiru jafu lil Jehovah, żammew max-Xitan fil-passat se jerġgħu jingħataw il-ħajja u se jirċievu edukazzjoni divina.—Atti 24:15.
Sa tmiem ir-Renju t’Elf Sena, l-art se terġaʼ ssir ġenna, u l-bnedmin taʼ ġo fiha se jkunu saru perfetti. Imbagħad, Satana se jitħalla ħieles għal “ftit żmien,” u dan sabiex jinqered għal dejjem maʼ dawk kollha li jopponu l-ħakma t’Alla.—Apokalissi 20:3, 7-10.
Maʼ Min Se Żżomm?
Is-seklu 20 kien żmien meta Satana ħalaq konfużjoni sħiħa fuq l-art. Madankollu, minflok ma jindikaw li rebaħ, il-kundizzjonijiet fuq l-art jirrappreżentaw sinjal li ninsabu fl-aħħar jiem taʼ din id-dinja ħażina. (Mattew 24:3-14; Apokalissi 6:1-8) La l-ħafna ħażen li hawn fuq l-art u lanqas il-ħarsa tal-maġġuranza ma tiddetermina min rebaħ. Iż-żewġ fatturi li jiddeterminaw min rebaħ huma: Taʼ min hi l-aħjar tmexxija u jekk l-individwu jkunx qeda ’l Alla għax qanqlitu l-imħabba. Fiż-żewġ każi, ir-rebbieħ huwa Jehovah.
Jekk iż-żmien li għadda diġà wera li Satana huwa żbaljat, għala Alla jħalli l-ħażen jibqaʼ għaddej? Jehovah qed ikun paċenzjuż “għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) Ir-rieda t’Alla hi “li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Timotju 2:4) Jalla tuża ż-żmien li baqaʼ biex tistudja l-Bibbja u tieħu għarfien dwar l-uniku Alla veru, u dwar il-wieħed li hu bagħat, Ġesù Kristu. (Ġwann 17:3) Ix-Xhieda taʼ Jehovah se jkunu ferħanin jgħinuk tikseb dan l-għarfien sabiex int ukoll tkun tistaʼ tingħaqad mal-miljuni li jinsabu weqfin sodi man-naħa tar-rebħa.
[Stampi f’paġna 5]
Billi jżommu l-integrità, ix-Xhieda taʼ Jehovah ikabbru t-telfa taʼ Satana
[Stampa f’paġna 7]
Jehovah għandu ħafna wħud leali li jżommu miegħu