LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 1/1 pp. 28-31
  • ‘Iġri’ b’Dan il-Mod

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Iġri’ b’Dan il-Mod
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Nimxu Skond ir-​Regoli’
  • “Inwarrbu Minna Kull Xkiel”
  • Niġru bis-​Sabar
  • Il-​Premju
  • L-​Aqwa Eżempju Għalina
  • Niġru t-Tiġrija bis-Sabar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Int Tistaʼ Tissaporti sat-Tmiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Kif Qegħed Tiġri fit-Tellieqa Għall-Ħajja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Iġri Sabiex Tkun Tistaʼ Tikseb il-Premju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 1/1 pp. 28-31

‘Iġri’ b’Dan il-​Mod

IMMAĠINA li qiegħed fi stejdjum mimli daqs bajda bin-​nies jistennew ħerqanin. L-​atleti joħorġu fil-​grawnd. In-​nies fil-​folla jgħajtu kemm jifilħu hekk kif ifeġġu l-​eroj tagħhom. Il-​membri tal-​ġurija jieħdu posthom biex jaraw li r-​regoli jiġu osservati. Hekk kif jibda l-​logħob, min jgħajjat bil-​ferħ u min bid-​diżappunt. L-​applaws li jagħtu lir-​rebbieħa jtarrxek!

Dan m’huwiex xi avveniment sportiv modern, imma wieħed li kien jinżamm xi 2,000 sena ilu fl-​Istmu taʼ Korintu. Il-​famuż Logħob Istmiku kien jinżamm hawnhekk kull sentejn, mis-​sitt seklu Q.E.K. sar-​rabaʼ seklu E.K. Għal bosta jiem, dan l-​avveniment kien ikun fuq fomm kulħadd fil-​Greċja kollha. Il-​logħob kien iktar minn sempliċi kompetizzjonijiet atletiċi. L-​atleti kienu simbolu taʼ tħejjija militari. Ir-​rebbieħa li kienu jitqiesu bħala eroj u idoli, kienu jingħataw kuruni magħmulin mill-​weraq tas-​siġar. Kienu jingħataw ukoll bosta rigali, u l-​belt kienet toħorġilhom pensjoni tajba għal tul ħajjithom.

L-appostlu Pawlu kien familjari mal-​Logħob Istmiku ħdejn Korintu u qabbel il-​ħajja taʼ Kristjan maʼ kompetizzjoni atletika. Waqt li rrefera għal ġerrejja u atleti oħrajn, hu wera b’sengħa kbira xi premju jistaʼ jinkiseb b’taħriġ tajjeb, bi sforzi fid-​direzzjoni t-​tajba, u bis-​sabar. M’għandniex xi ngħidu, il-​Kristjani li lilhom kien qed jikteb, kienu jafu wkoll dwar dan il-​logħob. Bla dubju, xi wħud minnhom kienu xi darba jew oħra fost dawk il-​folol jgħajtu fl-​istejdjum. Għalhekk, kienu se jifhmuhom tajjeb it-​tixbihat taʼ Pawlu. Xi ngħidu għalina llum? Aħna wkoll ninsabu f’tellieqa; tellieqa għall-​ħajja taʼ dejjem. Kif nistgħu nibbenefikaw minn dak li Pawlu qal dwar dawn il-​kompetizzjonijiet?

‘Nimxu Skond ir-​Regoli’

Il-​ħtiġijiet biex wieħed jieħu sehem fil-​logħob tal-​qedem kienu stretti ħafna. Uffiċjal kien jippreżenta lil kull atleta lill-​ispettaturi u jgħajjat: ‘Hawn xi ħadd li jistaʼ jakkuża lil dan ir-​raġel b’xi att kriminali? Qatt seraq jew aġixxa b’mod mill-​agħar jew pervers fil-​ħajja u fil-​manjieri tiegħu?’ Skond l-​Archaeologia Graeca, “l-​ebda bniedem li kien kriminal magħruf, jew li kellu lil xi ħadd jiġi minnu li kien hekk, ma kien jitħalla jieħu sehem.” U min kien jikser ir-​regoli tal-​logħob kien jingħata l-​piena ħarxa li jitkeċċa mill-​kompetizzjonijiet.

Dan il-​fatt jgħinna nifhmu l-​istqarrija taʼ Pawlu: “Hekk ukoll l-​atleta ma jiħux il-​premju jekk ma jkunx mexa skond ir-​regoli.” (2 Timotju 2:5) Bl-​istess mod, biex niġru fit-​tellieqa tal-​ħajja rridu nimxu mal-​ħtiġijiet taʼ Jehovah billi naġixxu fi qbil mal-​livelli morali għoljin tiegħu kif imniżżlin fil-​Bibbja. Madankollu, il-​Bibbja twissina: “Qalb il-​bniedem miġbuda għall-​ħażen sa minn ċkunitu.” (Ġenesi 8:21) B’hekk, anki wara li nidħlu fit-​tellieqa, irridu noqogħdu attenti li nibqgħu nimxu skond ir-​regoli sabiex jibqaʼ jkollna l-​approvazzjoni taʼ Jehovah u niksbu l-​ħajja taʼ dejjem.

L-aqwa għajnuna biex naġixxu b’dan il-​mod hija l-​imħabba għal Alla. (Mark 12:​29-​31) Din l-​imħabba se ġġagħalna nkunu rridu nogħġbu lil Jehovah u naġixxu skond ir-​rieda tiegħu.—1 Ġwann 5:3.

“Inwarrbu Minna Kull Xkiel”

Fil-​logħob tal-​qedem, il-​ġerrejja ma kinux imtaqqlin bil-​ħwejjeġ jew b’xi ħaġa oħra. “Fit-​tlielaq, . . . il-​kompetituri kienu jitfaċċaw għarwenin għalkollox,” jgħid il-​ktieb The Life of the Greeks and Romans. Mingħajr ħwejjeġ, l-​atleti setgħu jiċċaqalqu iktar bil-​ħeffa u bil-​kumdità. Ma kinux jaħlu l-​enerġija b’xi piż żejjed li jġorru. X’aktarx li Pawlu kellu dan f’moħħu meta kiteb lill-​Kristjani Lhud: “Ejjew inwarrbu minna kull xkiel . . . , u [“bis-​sabar,” KŻ] nibqgħu niġru t-​triq tal-​prova li għandna quddiemna.”—Lhud 12:1.

Liema xorta taʼ xkiel jistaʼ jfixkilna fit-​tellieqa għall-​ħajja? Tistaʼ tkun ix-​xewqa li ngeddsu ħafna affarijiet materjali li nistgħu ngħaddu mingħajrhom jew li jkollna stil taʼ ħajja kapriċċuż. Xi wħud forsi jħarsu lejn l-​għana bħala sigurtà jew iqisuh bħala mezz taʼ kuntentizza. Dan il-​“piż” żejjed jistaʼ jnaqqas ir-​ritmu taʼ ġerrej sal-​punt li jasal iż-​żmien li Alla ma jibqax daqshekk importanti għalih. (Luqa 12:​16-​21) Il-​ħajja taʼ dejjem tistaʼ tibda tidher bħala tama fil-​bogħod. ‘Id-​dinja l-​ġdida għad tiġi xi darba,’ jistaʼ forsi jaħseb dak li jkun, ‘imma sadattant nistaʼ nieħu vantaġġ minn dak li toffri din id-​dinja.’ (1 Timotju 6:​17-19) Ħarsa materjalistika bħal din tistaʼ faċilment tiżvija lil dak li jkun mit-​tellieqa għall-​ħajja jew ittellfu saħansitra milli jibdieha.

Fil-Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal: “Ħadd ma jistaʼ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmell lill-​ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-​flus.” Imbagħad, wara li tkellem dwar il-​mod kif Jehovah jieħu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ l-​annimali u tal-​pjanti u semma li l-​bnedmin jiswew iktar minn dawn, hu wissa: “Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-​pagani. Imma Missierkom li hu fis-​smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”—Mattew 6:​24-33.

Niġru bis-​Sabar

It-​tlielaq tal-​qedem mhux kollha kienu qosra. Tellieqa minnhom, imsejħa doʹli·khos, kienet twila madwar erbaʼ kilometri. Kienet prova iebsa taʼ saħħa u sabar. Skond it-​tradizzjoni, fis-​sena 328 Q.E.K., atleta bl-​isem t’Ageas, wara li rebaħ din it-​tellieqa, telaq bil-​ġiri t-​triq kollha lejn beltu, Argos, biex iħabbar ir-​rebħa tiegħu. Dakinhar ġera madwar 110 kilometri!

It-tellieqa Kristjana wkoll hija ġirja fit-​tul li tpoġġi taħt prova s-​sabar tagħna. Jeħtieġ li nissaportu f’din it-​tellieqa sat-​tmiem biex inkunu nistgħu niksbu l-​approvazzjoni taʼ Jehovah u l-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem. Pawlu ġera t-​tellieqa b’dan il-​mod. Lejn tmiem ħajtu, setaʼ jgħid: “Tqabadt it-​taqbida t-​tajba, temmejt il-​ġirja, ħarist il-​fidi. Mill-​bqija hemm merfugħa għalija l-​kuruna tal-​ġustizzja.” (2 Timotju 4:​7, 8) Bħal Pawlu, aħna wkoll irridu ‘ntemmu l-​ġirja.’ Jekk jonqsilna s-​sabar sempliċement għaliex it-​tellieqa narawha xi ftit jew wisq itwal milli stennejna fil-​bidu, se nonqsu li niksbu l-​premju tagħna. (Lhud 11:6) Xi traġedja tkun din, speċjalment issa li tant qegħdin qrib it-​tmiem!

Il-​Premju

Ir-​rebbieħa fil-​kompetizzjonijiet atletiċi Griegi kienu jingħataw kuruni li normalment kienu magħmulin mill-​weraq tas-​siġar u mżejnin bil-​fjuri. Fil-​Logħob Pitjan, ir-​rebbieħa kienu jirċievu kuruna tar-​rand. Fil-​Logħob Olimpiku kienu jieħdu kuruni tal-​weraq taż-​żebbuġ salvaġġ, filwaqt li fil-​Logħob Istmiku kienu jingħataw kuruni magħmulin mill-​weraq tas-​siġar tal-​prinjol. “Biex jagħmlu l-​kuraġġ lill-​kompetituri,” jinnota wieħed studjuż tal-​Bibbja, “ġo l-​istejdjum waqt il-​kompetizzjoni kienu jpoġġu l-​kuruni, il-​premjijiet tar-​rebħa, u l-​weraq tal-​palm f’post fejn kienu jistgħu jarawhom sew fuq artal, jew mejda bi tliet saqajn.” Għar-​rebbieħ kien sinjal taʼ unur kbir li jilbes il-​kuruna. Fi triqtu lura lejn id-​dar, kien jidħol il-​belt riekeb fuq karru b’mod trijonfanti.

B’dan f’moħħu, Pawlu staqsa lill-​qarrejja Korintin: “Ma tafux li l-​ġerrejja fl-​istadju kollha jiġru, imma l-​premju wieħed jirbħu? Iġru, mela, ħalli tirbħuh. . . . Dawn [jiġru] biex jirbħu kuruna midbiela, imma aħna, waħda li ma tidbielx.” (1 Korintin 9:​24, 25; 1 Pietru 1:​3, 4) X’kuntrast! Filwaqt li l-​kuruni tal-​logħob tal-​qedem kienu jidbielu, il-​premju li jistenna lil dawk li jiġru t-​tellieqa għall-​ħajja sat-​tmiem qatt ma jispiċċa.

Dwar din il-​kuruna ferm iżjed superjuri, l-​appostlu Pietru kiteb: “Meta jidher ir-​Ragħaj il-​Kbir, tiksbu l-​kuruna tal-​glorja minsuġa minn ward li ma jidbielx.” (1 Pietru 5:4) Jistaʼ xi premju li toffri din id-​dinja jħabbatha maʼ l-​immortalità, il-​premju taʼ ħajja bla taħsir fil-​glorja tas-​sema maʼ Kristu?

Illum, il-​biċċa l-​kbira mill-​ġerrejja Kristjani m’humiex midlukin minn Alla biex ikunu l-​ulied spiritwali tiegħu u m’għandhomx it-​tama taʼ ħajja fis-​sema. M’humiex jiġru għall-​premju taʼ l-​immortalità. Madankollu, Alla wkoll ipoġġi premju imprezzabbli quddiemhom, il-​ħajja taʼ dejjem fil-​perfezzjoni fuq l-​art magħmula ġenna taħt is-​Saltna tas-​sema. Hu liema hu l-​premju li l-​ġerrej Kristjan qed jirsisti għalih, għandu jiġri b’determinazzjoni u b’ħeġġa akbar minn dawk taʼ kwalunkwe ġerrej f’kompetizzjoni atletika. Għala? Għax il-​premju qatt ma se jispiċċa: “Din hi l-​wegħda li hu nnifsu għamlilna: il-​wegħda tal-​ħajja taʼ dejjem.”—1 Ġwann 2:25.

Bi premju bla paragun bħal dan quddiemu, il-​ġerrej Kristjan kif għandu jħares lejn dak li d-​dinja qed toffri biex tħajru? Il-​ħarsa tiegħu għandha tkun bħal dik taʼ Pawlu li qal: “Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-​qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis.” Fi qbil maʼ dan, Pawlu ġera b’kemm kellu saħħa! “Ħuti, ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa ’l taʼ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-​tmiem, biex nikseb il-​premju.” (Filippin 3:​8, 13, 14) Pawlu ġera b’għajnejh fissi fuq il-​premju. Hekk għandna nagħmlu aħna wkoll.

L-​Aqwa Eżempju Għalina

Fil-​logħob tal-​qedem, iċ-​champions kienu jgawdu ammirazzjoni kbira. Il-​poeti kienu jiktbu dwarhom, u l-​iskulturi kienu jagħmlu l-​istatwi tagħhom. L-​iskrittriċi taʼ l-​istorja Věra Olivová tgħid li huma “kienu jgħumu fil-​glorja u kienu popolari immens.” Kienu jservu wkoll bħala xempji għall-​ġenerazzjoni futura taʼ champions.

Min hu ċ-​“champion” li jservi bħala l-​aqwa eżempju għall-​Kristjani? Pawlu jwieġeb: “Ejjew . . . [bis-sabar] nibqgħu niġru t-​triq tal-​prova li għandna quddiemna; nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-​fidi tagħna; hu li, [għall]-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-​salib bla xejn ma qies l-​għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-​naħa tal-​lemin tat-​tron taʼ Alla.” (Lhud 12:​1, 2) Iva, jekk irridu nkunu rebbieħa fit-​tellieqa tagħna għall-​ħajja taʼ dejjem, irridu nitfgħu l-​attenzjoni fuq l-​Eżemplar tagħna, Ġesù Kristu. Dan nistgħu nagħmluh billi naqraw regolarment ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju u nimmeditaw fuq kif nistgħu nimitawh. Dan l-​istudju se jgħinna napprezzaw li Ġesù Kristu kien ubbidjenti lejn Alla u wera xi kwalità taʼ fidi kellu permezz tas-​sabar tiegħu. Bħala premju għas-​sabar tiegħu, hu kiseb l-​approvazzjoni t’Alla Jehovah flimkien maʼ ħafna privileġġi taʼ l-​għaġeb.—Filippin 2:9-11.

M’għandniex xi ngħidu, l-​iktar kwalità li tispikka f’Ġesù kienet l-​imħabba tiegħu. “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” (Ġwann 15:13) Hu ta tifsira iktar profonda lill-​kelma “mħabba” billi qalilna biex inħobbu saħansitra lill-​għedewwa tagħna. (Mattew 5:​43-​48) Għax kien iħobb lil Missieru tas-​sema, Ġesù sab il-​ferħ meta kien jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru. (Salm 40:​9, 10; Proverbji 27:11) Ejja nħarsu lejn Ġesù bħala l-​Eżemplar tagħna u bħala dak li jistabbilixxi r-​ritmu li għandna naqbdu fit-​tellieqa strapazzuża għall-​ħajja. Dan iqanqalna wkoll biex inħobbu lil Alla u ’l-proxxmu tagħna u biex insibu ferħ ġenwin fis-​servizz sagru li nagħtu. (Mattew 22:​37-39; Ġwann 13:34; 1 Pietru 2:21) Żomm f’moħħok li Ġesù ma jitlobx l-​impossibbli. Hu jiżgurana: “Jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-​mistrieħ għal ruħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​toqol tiegħi ħafif.”—Mattew 11:​28-30.

Bħal Ġesù, irridu nżommu għajnejna fuq il-​premju li hu merfugħ għal dawk kollha li jissaportu sat-​tmiem. (Mattew 24:13) Jekk nimxu skond ir-​regoli, jekk inwarrbu minna kull xkiel, u jekk niġru bis-​sabar, nistgħu nkunu fiduċjużi mir-​rebħa. Il-​mira li tidher quddiemna tħeġġiġna biex nibqgħu nagħmlu ħilitna! Iġġeddilna saħħitna minħabba l-​ferħ li timlina bih, ferħ li jagħmel it-​triq li rridu ngħaddu minnha tidher eħfef.

[Stampa f’paġna 29]

It-​tellieqa Kristjana hija waħda fit-​tul u teħtieġ is-​sabar

[Stampa f’paġna 30]

Kuntrarju għall-​atleti inkurunati bil-​weraq, il-​Kristjani jistgħu jħarsu ’l quddiem lejn premju li ma jispiċċax

[Stampa f’paġna 31]

Il-​premju jieħdu kulmin jissaporti sat-​tmiem

[Sors tal-​Istampa f’paġna 28]

Copyright British Museum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja