LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • lv kap. 11 pp. 121-132
  • “Ħa Jkun iż-Żwieġ Onorabbli”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ħa Jkun iż-Żwieġ Onorabbli”
  • “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF TERSAQ EQREB LEJN ALLA U LEJN IS-​SIEĦEB JEW IS-​SIEĦBA TIEGĦEK
  • IL-​MOTIVAZZJONI TIEGĦEK —IMĦABBA MILL-​QALB GĦAL ĠEĦOVA
  • EVITA DISKORS U KONDOTTA LI JIDDIŻONORAW IŻ-​ŻWIEĠ
  • “IS-​SODDA TAŻ-​ŻWIEĠ BLA TINĠIS”
  • KIF ISSAĦĦAĦ IR-​RABTA TAŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦEK
  • Wara l-ġurnata tat-tieġ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Kif Tibni Żwieġ li Jirnexxi
    Stenbaħ!—2008
  • Tistaʼ Ssalvah Iż-Żwieġ Tiegħek!
    Stenbaħ!—2001
  • Jekk iż-​Żwieġ Wasal fi Stat Kritiku
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
Ara Iżjed
“Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
lv kap. 11 pp. 121-132

KAPITLU 11

“Ħa Jkun iż-​Żwieġ Onorabbli”

“Ifraħ b’mart żgħożitek.”—PROVERBJI 5:18.

1, 2. Liema mistoqsija se nikkunsidraw, u għala?

INT miżżewweġ? Jekk iva, huwa ż-​żwieġ tiegħek sors taʼ ferħ, jew qed tesperjenza problemi serji fih? Int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek sirtu inqas qrib taʼ xulxin? Qed tissaporti l-​ħajja miżżewġa imma mingħajr ferħ? Jekk iva, x’aktarx li tħossok imnikket li r-​rabta kollha mħabba li darba kellkom issa birdet. Bħala Kristjan, żgur li trid li ż-​żwieġ tiegħek iġib glorja lil Ġeħova, l-​Alla li int tħobb. Għalhekk, iċ-​ċirkustanzi preżenti tiegħek jistgħu jkunu sors taʼ inkwiet u diqa għalik. Minkejja dan, jekk jogħġbok tikkonkludix li s-​sitwazzjoni tiegħek hija bla tama.

2 Illum, hemm koppji Kristjani mill-​aħjar li darba kienu sempliċement qed jissaportu ż-​żwieġ tagħhom mingħajr relazzjoni b’saħħitha bejniethom. Madankollu, sabu mezz kif isaħħu din ir-​relazzjoni. Int ukoll tistaʼ ssib iktar kuntentizza fiż-​żwieġ tiegħek. Kif?

KIF TERSAQ EQREB LEJN ALLA U LEJN IS-​SIEĦEB JEW IS-​SIEĦBA TIEGĦEK

3, 4. L-​imseħbin fiż-​żwieġ għala se jersqu eqreb lejn xulxin jekk jistinkaw biex jersqu eqreb lejn Alla? Agħti tixbiha.

3 Int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek se tersqu eqreb lejn xulxin jekk tistinkaw biex tersqu eqreb lejn Alla. Għala? Ikkunsidra tixbiha: Immaġina muntanja—wiesgħa minn isfel u dejqa minn fuq. Fuq in-​naħa tal-​lemin tal-​muntanja hemm raġel u fuq in-​naħa tax-​xellug hemm mara. It-​tnejn jibdew telgħin. Meta t-​tnejn li huma jkunu għadhom telgħu ftit biss, jibqaʼ distanza kbira bejniethom. Madankollu, hekk kif it-​tnejn jibdew telgħin iktar u iktar fl-​għoli lejn il-​quċċata, id-​distanza bejniethom dejjem tonqos. Qed tara l-​lezzjoni rassiguranti f’din it-​tixbiha?

4 L-​isforzi li tagħmel biex taqdi lil Ġeħova bis-​sħiħ jistgħu jitqabblu maʼ l-​isforzi meħtiġin biex titlaʼ muntanja. Ladarba tħobb lil Ġeħova, diġà qed tagħmel ħiltek biex titlaʼ, biex ngħidu hekk. Madankollu, jekk int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek m’għadkomx daqshekk qrib taʼ xulxin, jistaʼ jkun li qed titilgħu n-​naħat opposti taʼ dik il-​muntanja. Però, x’jiġri meta tkomplu telgħin? M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun li għall-​ewwel ikun hemm distanza mhux ħażin bejnietkom. Minkejja dan, iktar ma tagħmel sforz biex tersaq eqreb lejn Alla—biex titlaʼ iktar fl-​għoli—int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek iktar se ssiru qrib taʼ xulxin. Tabilħaqq, il-​fatt li tersaq eqreb lejn Alla huwa ċ-​ċavetta biex tersaq eqreb lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Imma fir-​realtà kif tistaʼ tagħmel dan?

5. (a) Liema hu mod wieħed kif nersqu eqreb lejn Ġeħova u lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba fiż-​żwieġ? (b) Ġeħova kif iħares lejn iż-​żwieġ?

5 Mod importanti kif titlaʼ, biex ngħidu hekk, hu li int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek tagħtu kas il-​pariri dwar iż-​żwieġ misjubin fil-​Kelma t’Alla. (Salm 25:4; Isaija 48:17, 18) Għalhekk, ikkunsidra punt speċifiku li qal l-​appostlu Pawlu. Hu qal: “Ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli għal kulħadd.” (Ebrej 13:4) Dan xi jfisser? Il-​kelma “onorabbli” tindika li xi ħaġa hija meqjusa bħala taʼ valur u prezzjuża. U dan hu eżatt kif Ġeħova jħares lejn iż-​żwieġ—hu jqisu bħala prezzjuż.

IL-​MOTIVAZZJONI TIEGĦEK —IMĦABBA MILL-​QALB GĦAL ĠEĦOVA

6. X’juri l-​kuntest tal-​parir li Pawlu ta dwar iż-​żwieġ, u għala huwa importanti li dan inżommuh f’moħħna?

6 M’għandniex xi ngħidu, bħala qaddejja t’Alla, int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek diġà tafu li ż-​żwieġ huwa prezzjuż, saħansitra sagru. Ġeħova nnifsu stabbilixxa l-​arranġament taż-​żwieġ. (Mattew 19:4-6) Madankollu, jekk bħalissa qed tesperjenza problemi fiż-​żwieġ, il-​fatt li taf li ż-​żwieġ huwa onorabbli jistaʼ ma jkunx biżżejjed biex jimmotiva lilek u lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek biex tittrattaw lil xulxin bl-​imħabba u bir-​rispett. Allura, x’se jqanqlek tagħmel dan? Innota kif Pawlu ttratta s-​suġġett taʼ kif jintwera l-​unur. Hu ma qalx, “iż-​żwieġ hu onorabbli”; minflok, hu qal, “ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli.” Pawlu ma kienx sempliċement qed jagħmel osservazzjoni; kien qed jagħti twissija.a Il-​fatt li żżomm din id-​differenza f’moħħok jistaʼ jgħinek iżżid il-​motivazzjoni biex terġaʼ tkebbes ir-​rispett lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Dan għala hu minnu?

7. (a) Liema kmandi Skritturali nwettqu, u għala? (b) Liema riżultati tajbin jiġu mill-​ubbidjenza?

7 Ikkunsidra għal mument kif tqis kmandi Skritturali oħrajn, bħall-​inkarigu biex nagħmlu dixxipli jew it-​twissija biex niltaqgħu flimkien għall-​qima. (Mattew 28:19; Ebrej 10:24, 25) Huwa minnu li kultant jistaʼ jkun taʼ sfida li nwettqu dawn il-​kmandi. In-​nies li tippridkalhom jistgħu jwieġbu b’mod negattiv, jew ix-​xogħol sekulari li tagħmel jistaʼ jħallik tant eżawrit li jistaʼ jkun diffiċli li tattendi l-​laqgħat Kristjani. Minkejja dan, int tkompli tippriedka l-​messaġġ tas-​Saltna, u tibqaʼ tattendi l-​laqgħat Kristjani. Ħadd ma jistaʼ jwaqqfek—lanqas Satana! Għala le? Għaliex l-​imħabba mill-​qalb li għandek għal Ġeħova tqanqlek biex tobdi l-​kmandamenti tiegħu. (1 Ġwanni 5:3) B’liema riżultati tajbin? Is-​sehem tiegħek fix-​xogħol tax-​xandir u l-​attendenza għal-​laqgħat jagħtuk paċi ġewwinija u ferħ fil-​qalb għax taf li qed tagħmel ir-​rieda t’Alla. U dawn is-​sentimenti, min-​naħa l-​oħra, iġeddulek saħħtek. (Neħemija 8:10) X’nitgħallmu minn dan?

8, 9. (a) X’jistaʼ jqanqalna nobdu t-​twissija biex nonoraw iż-​żwieġ, u għala? (b) Liema żewġ punti se nikkunsidraw issa?

8 Bħalma l-​imħabba profonda tiegħek għal Alla tqanqlek tobdi l-​kmandi biex tippriedka u biex tattendi l-​laqgħat minkejja l-​ostakli, hekk ukoll l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova tistaʼ tqanqlek tobdi t-​twissija Skritturali biex ‘tħalli ż-​żwieġ [tiegħek] ikun onorabbli,’ anki meta dan jidher diffiċli. (Ebrej 13:4; Salm 18:29; Ekkleżjasti 5:4) Iżjed minn hekk, sewwasew bħalma l-​isforzi tiegħek biex tieħu sehem fl-​ippridkar u tattendi l-​laqgħat iġibu barkiet għonja mingħand Alla, hekk ukoll l-​isforzi tiegħek biex tonora ż-​żwieġ tiegħek se jiġu notati u mberkin minn Ġeħova.—1 Tessalonikin 1:3; Ebrej 6:10.

9 Allura, kif tistaʼ tagħmel iż-​żwieġ tiegħek onorabbli? Trid tevita mġiba li tipperikola l-​arranġament taż-​żwieġ. Barra minn hekk, hemm bżonn tieħu passi li jsaħħu l-​għaqda taż-​żwieġ.

EVITA DISKORS U KONDOTTA LI JIDDIŻONORAW IŻ-​ŻWIEĠ

10, 11. (a) Liema mġiba tiddiżonora ż-​żwieġ? (b) Liema mistoqsija għandna nikkunsidraw mas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna?

10 Ftit taż-​żmien ilu, mara Kristjana qalet: “Nitlob lil Ġeħova għas-​saħħa biex jgħinni nissaporti.” Tissaporti xiex? Hi tispjega: “Żewġi jweġġgħani bi kliemu. Tbenġil li jidher jistaʼ ma jkollix, imma r-​rimarki sarkastiċi u kontinwi tiegħu, bħal ‘Ma nifilħekx!’ u ‘Ma tiswa għal xejn!’ tassew weġġgħuli qalbi.” Din il-​mara ssemmi kwistjoni serja ħafna—kliem abbużiv fiż-​żwieġ.

11 Kemm hu taʼ niket meta l-​miżżewġin f’familji Kristjani joqogħdu jitgħajru, u b’hekk jikkaġunaw feriti emozzjonali li ma jfiqux malajr! Ovvjament, żwieġ li fih jintuża kliem li jweġġaʼ m’huwiex onorabbli. Iż-​żwieġ tiegħek kif inhu sejjer f’dan ir-​rigward? Mod wieħed kif issir taf hu billi bl-​umiltà tistaqsi lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek, “X’effett għandu kliemi fuqek?” Jekk is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek tħoss li darba wara l-​oħra kliemek ikkaġuna feriti emozzjonali, għandek tkun lest li tbiddel is-​sitwazzjoni għall-​aħjar.—Galatin 5:15; Efesin 4:31.

12. Il-​qima taʼ dak li jkun kif tistaʼ ssir fiergħa mill-​ħarsa t’Alla?

12 Żomm ċar f’moħħok li l-​mod kif tuża lsienek fl-​arranġament taż-​żwieġ jeffettwa r-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova. Il-​Bibbja tgħid: “Jekk xi bniedem jaħseb li jqim lil Alla tajjeb u madankollu ma jrażżanx ilsienu, imma jkompli jqarraq b’qalbu stess, il-​qima taʼ dan il-​bniedem hi fiergħa.” (Ġakbu 1:26) Kliemek ma jistax ikun separat mill-​qima tiegħek. Il-​Bibbja ma tappoġġax l-​idea li jiġri x’jiġri fid-​dar m’huwiex importanti dment li wieħed jistqarr li qed jaqdi lil Alla. Jekk jogħġbok tqarraqx bik innifsek. Din hija kwistjoni serja. (1 Pietru 3:7) Jistaʼ jkun li għandek abbiltajiet u żelu, imma jekk tweġġaʼ lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek apposta bi kliem iebes, tkun qed tiddiżonora l-​arranġament taż-​żwieġ u l-​qima tiegħek għandha mnejn titqies minn Alla bħala li hi fiergħa.

13. L-​imseħbin fiż-​żwieġ kif jistgħu jikkaġunaw uġigħ emozzjonali lil xulxin?

13 Ukoll, il-​miżżewġin iridu joqogħdu attenti li ma jikkaġunawx uġigħ emozzjonali b’modi inqas diretti. Ikkunsidra żewġ eżempji: Omm li qed trabbi t-​tfal waħedha spiss iċċempel lil raġel Kristjan miżżewweġ fil-​kongregazzjoni biex titolbu xi parir, u jitkellmu fit-​tul; ħu Kristjan mhux miżżewweġ iqattaʼ ħafna ħin kull ġimgħa jaħdem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa m’oħt Kristjana miżżewġa. L-​individwi miżżewġin f’dawn iż-​żewġ eżempji forsi għandhom intenzjonijiet tajbin; però, il-​kondotta tagħhom kif teffettwa lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tagħhom? Mara li ffaċċjat sitwazzjoni bħal din qalet: “Il-​fatt li żewġi qed jagħti ħafna ħin u attenzjoni lil oħt oħra fil-​kongregazzjoni jweġġagħni. Inħossni inferjuri.”

14. (a) Liema obbligu fiż-​żwieġ hu enfasizzat f’Ġenesi 2:24? (b) X’għandna nistaqsu lilna nfusna?

14 Nistgħu nifhmu għala din il-​mara u oħrajn li jiffaċċjaw sitwazzjoni simili fiż-​żwieġ iħossuhom imweġġgħin. L-​imseħbin tagħhom fiż-​żwieġ jinjoraw l-​istruzzjoni bażika t’Alla għaż-​żwieġ: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu.” (Ġenesi 2:24) M’għandniex xi ngħidu, dawk li jiżżewġu xorta jirrispettaw lill-​ġenituri tagħhom; madankollu, huwa l-​arranġament t’Alla li l-​obbligu ewlieni tagħhom hu lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom. B’mod simili, il-​Kristjani jħobbuhom ħafna lil sħabhom fit-​twemmin; madankollu, ir-​responsabbiltà primarja tagħhom hi lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom. B’hekk, meta l-​Kristjani miżżewġin iqattgħu ammont taʼ ħin mhux xieraq maʼ sħabhom fit-​twemmin, speċjalment maʼ dawk tas-​sess oppost, jew isiru familjari żżejjed magħhom, jipperikolaw ir-​rabta taż-​żwieġ. Jistaʼ jkun li għalhekk hemm pressjoni fiż-​żwieġ tiegħek? Staqsi lilek innifsek, ‘Verament nagħti lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħi l-​ħin, l-​attenzjoni, u l-​affezzjoni li bi dritt huma tagħha?’

15. Skond Mattew 5:28, il-​Kristjani miżżewġin għala għandhom jevitaw li jagħtu attenzjoni mhix xierqa lil xi ħadd tas-​sess oppost?

15 Iżjed minn hekk, il-​Kristjani miżżewġin li jagħtu attenzjoni mhix xierqa lil dawk tas-​sess oppost u li m’humiex miżżewġin lilhom, b’nuqqas t’għaqal ikunu qed jipperikolaw lilhom infushom. B’sogħba, xi Kristjani miżżewġin żviluppaw sentimenti romantiċi lejn dawk li saru familjari żżejjed magħhom. (Mattew 5:28) Mill-​banda l-​oħra, rabtiet emozzjonali bħal dawn wasslu għal kondotta li ġġib saħansitra iktar diżunur liż-​żwieġ. Ikkunsidra x’qal l-​appostlu Pawlu dwar dan is-​suġġett.

“IS-​SODDA TAŻ-​ŻWIEĠ BLA TINĠIS”

16. Liema kmand jagħti Pawlu dwar iż-​żwieġ?

16 Eżatt wara li Pawlu ta t-​twiddiba, “Ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli,” hu żied it-​twissija: “Ħa tkun is-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis, għax Alla jiġġudika liż-​żienja u lill-​adulteri.” (Ebrej 13:4) Pawlu uża t-​terminu “sodda taż-​żwieġ” biex jirreferi għal relazzjonijiet sesswali. Relazzjonijiet bħal dawn huma “bla tinġis,” jew nodfa moralment, jekk jitgawdew biss fl-​arranġament taż-​żwieġ. Għalhekk, il-​Kristjani jagħtu kas il-​kliem ispirat: “Ifraħ b’mart żgħożitek.”—Proverbji 5:18.

17. (a) Il-​ħarsa tad-​dinja lejn l-​adulterju għala hija irrilevanti għall-​Kristjani? (b) Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju li ħalla Ġob?

17 Dawk li jkollhom relazzjonijiet sesswali maʼ xi ħadd barra miż-​żwieġ ikunu qed juru nuqqas taʼ rispett kbir għal-​liġijiet morali t’Alla. Veru, ħafna llum iqisu l-​adulterju bħala mġiba normali. Madankollu, dak li jaħsbu bnedmin oħrajn dwar l-​adulterju m’għandux jinfluwenza l-​mod kif iqisuh il-​Kristjani. Huma jafu li fl-​aħħar, mhux il-​bniedem, imma “Alla jiġġudika liż-​żienja u lill-​adulteri.” (Ebrej 10:31; 12:29) Għalhekk, il-​Kristjani veri jżommu sew mal-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn dan is-​suġġett. (Rumani 12:9) Ftakar li l-​patrijarka Ġob qal: “Patt m’għajnejja għamilt.” (Ġob 31:1) Iva, biex jevitaw saħansitra pass wieħed fit-​triq li tistaʼ twassal għall-​adulterju, il-​Kristjani veri jikkontrollaw għajnejhom u qatt ma jħarsu b’xenqa lejn persuna tas-​sess oppost li m’huwiex is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom.—Ara l-​Appendiċi, paġni 219-21.

18. (a) F’għajnejn Ġeħova, kemm hu serju l-​adulterju? (b) Liema similarità hemm bejn l-​adulterju u l-​idolatrija?

18 F’għajnejn Ġeħova, kemm hu serju l-​adulterju? Il-​Liġi Mosajka tgħinna napprezzaw kif iħossu Ġeħova dwar il-​kwistjoni. F’Israel, l-​adulterju u l-​idolatrija kienu fost l-​offiżi li kienu jġorru l-​piena tal-​mewt. (Levitiku 20:2, 10) Tistaʼ tara similarità bejn it-​tnejn? Israeli li jqim idolu jkun kiser il-​patt tiegħu maʼ Ġeħova. B’mod simili, Israeli li jikkommetti adulterju jkun kiser il-​patt tiegħu mas-​sieħba tiegħu. It-​tnejn aġixxew bi tradiment. (Eżodu 19:5, 6; Dewteronomju 5:9; Malakija 2:14) Għalhekk, it-​tnejn kienu ħatjin quddiem Ġeħova, l-​Alla leali u taʼ min jafdah.—Salm 33:4.

19. X’jistaʼ jsaħħaħ id-​determinazzjoni taʼ dak li jkun biex ma jikkommettix adulterju, u għala?

19 M’għandniex xi ngħidu, il-​Kristjani m’humiex taħt il-​Liġi Mosajka. Madankollu, il-​fatt li jiftakru li f’Israel tal-​qedem l-​adulterju kien dnub serju jistaʼ jsaħħaħ lill-​Kristjani fid-​determinazzjoni tagħhom biex ma jikkommettux att bħal dan. Għala? Ikkunsidra dan ix-​xebh: Sejjer int tidħol fi knisja, tinżel għarkopptejk, u titlob quddiem xi xbieha? ‘Lanqas qatt!’ tgħid int. Imma taħsibha darbtejn jekk joffrulek somma kbira taʼ flus? ‘Żgur li le!’ twieġeb int. Tabilħaqq, Kristjan veru jistmerr saħansitra l-​ħsieb li jittradixxi lil Ġeħova billi jqim lil xi idolu. B’mod simili, il-​Kristjani għandhom jistmerru l-​ħsieb li jittradixxu lil Alla tagħhom, Ġeħova, kif ukoll lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tagħhom billi jikkommettu l-​adulterju—tkun xi tkun il-​ħajra għad-​dnub. (Salm 51:1, 4; Kolossin 3:5) Qatt ma rridu nagħmlu xi ħaġa li tferraħ lil Satana imma li ġġib diżunur kbir lil Ġeħova u lill-​arranġament sagru taż-​żwieġ.

KIF ISSAĦĦAĦ IR-​RABTA TAŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦEK

20. X’ġara f’xi żwiġijiet? Agħti tixbiha.

20 Minbarra li tevita kondotta li tiddiżonora ż-​żwieġ, liema passi tistaʼ tieħu biex tkebbes ir-​rispett tiegħek lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek fiż-​żwieġ? Biex twieġeb, aħseb dwar l-​arranġament taż-​żwieġ bħala li hu dar. Imbagħad, aħseb dwar il-​kliem ħelu, l-​aġir magħmul bil-​ħsieb, u l-​espressjonijiet oħrajn t’unur li l-​miżżewġin jagħmlu lil xulxin bħala t-​tiżjin li jżid mas-​sbuħija tad-​dar. Jekk tħossukom qrib taʼ xulxin, iż-​żwieġ tagħkom ikun bħal dar imżejna b’tiżjin li jagħtiha kulur u jagħmilha post li jilqgħek. Jekk l-​affezzjoni tagħkom tmajna, dan it-​tiżjin ftit ftit se jisparixxi, u jħalli ż-​żwieġ tagħkom bla ħajja bħal dar mingħajr tiżjin. Ladarba tixtieq tobdi l-​kmand t’Alla biex ‘iż-​żwieġ ikun onorabbli,’ żgur li se titqanqal biex ittejjeb is-​sitwazzjoni. Wara kollox, xi ħaġa prezzjuża u onorabbli hi taʼ min isewwiha, jew jirrestawraha. Kif tistaʼ tagħmel dan? Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Dar tinbena bl-​għerf, u bid-​dixxerniment tkun stabbilita fis-​sod. U bl-​għarfien il-​kmamar taʼ ġewwa jimtlew b’kull ġid prezzjuż u sabiħ.” (Proverbji 24:3, 4) Ikkunsidra kif dan il-​kliem jistaʼ jiġi applikat għaż-​żwieġ.

21. Kif nistgħu nsaħħu ż-​żwieġ tagħna pass pass? (Ara wkoll il-​kaxxa f’paġna 131.)

21 Fost l-​affarijiet ‘prezzjużi’ li jimlew dar ferħana hemm kwalitajiet bħall-​imħabba vera, il-​biżaʼ minn Alla, u l-​fidi soda. (Proverbji 15:16, 17; 1 Pietru 1:7) Dawn joħolqu żwieġ b’saħħtu. Imma nnotajt kif il-​kmamar fil-​proverbju msemmi hawn fuq huma mimlijin b’affarijiet prezzjużi? “Bl-​għarfien.” Iva, meta jiġi applikat, l-​għarfien Bibliku għandu l-​qawwa li jbiddel il-​mod kif jaħsbu n-​nies u jqanqalhom ikebbsu l-​imħabba tagħhom għal xulxin. (Rumani 12:2; Filippin 1:9) Għalhekk, kulmeta int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek tpoġġu flimkien u bil-​kalma tikkunsidraw xi versi Bibliċi, bħall-​iskrittura tal-​jum, jew artiklu bbażat fuq il-​Bibbja fit-​Torri taʼ l-​Għassa jew Stenbaħ! li għandu x’jaqsam maż-​żwieġ, qisuh bħallikieku qed teżaminaw tiżjin mill-​isbaħ li jistaʼ jsebbaħ lil darkom. Meta l-​imħabba għal Ġeħova tqanqalkom biex tapplikaw fiż-​żwieġ tagħkom il-​parir li tkunu għadkom kif eżaminajtu, tkunu qed iġġibu dak it-​tiżjin fil-​“kmamar taʼ ġewwa,” biex ngħidu hekk. Minħabba f’hekk, ftit mill-​kulur u l-​imħabba li darba gawdejtu fiż-​żwieġ tagħkom jistaʼ jerġaʼ jinkiseb.

22. Liema sodisfazzjon jistaʼ jkollna jekk nistinkaw biex nagħtu sehemna biex insaħħu ż-​żwieġ tagħna?

22 Huwa minnu li jistaʼ jieħu ammont taʼ ħin u sforz biex tpoġġu dak it-​tiżjin lura f’postu wieħed wara l-​ieħor. Però, jekk tistinka biex tagħti sehmek, se jkollok is-​sodisfazzjon profond taʼ li tkun taf li qed tobdi l-​kmand Bibliku: “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rumani 12:10; Salm 147:11) Fuq kollox, l-​isforzi ħerqanin li tagħmel biex tonora ż-​żwieġ tiegħek se jżommuk fl-​imħabba t’Alla.

[Nota taʼ taħt]

a Il-kuntest juri li t-​twissija taʼ Pawlu dwar iż-​żwieġ hija parti minn sensiela taʼ twissijiet.—Ebrej 13:1-5.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 131]

KIF NISTAʼ NTEJJEB IŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦI?

Prinċipju: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu; mill-​banda l-​oħra, il-​mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.”—Efesin 5:33.

Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek

▪ X’inhuma l-​kwalitajiet tajbin tas-​sieħeb jew tas-​sieħba tiegħi, u kif nistaʼ nesprimi apprezzament għalih jew għaliha?—Proverbji 14:1; 31:29; 1 Pietru 3:1, 6; 4:8.

▪ Nonora lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħi billi nipprova nifhem il-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħha?—Filippin 2:4.

▪ Lest li ma niffokax fuq in-​nuqqasijiet tas-​sieħeb jew tas-​sieħba tiegħi?—Mattew 6:14, 15.

▪ Ilni ma nesprimi l-​affezzjoni tiegħi għas-​sieħeb jew għas-​sieħba tiegħi?—L-​Għanja taʼ Salamun 2:9-14.

▪ Lejn liema miri spiritwali qed naħdmu?—Mattew 6:33, 34; 1 Korintin 9:24-27.

▪ X’nistaʼ nagħmel biex ninkuraġġixxi lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħi biex naqraw il-​Bibbja u nikkunsidraw l-​iskrittura tal-​jum flimkien?

[Stampa f’paġna 122]

Ladarba jiġi applikat, l-​għarfien Bibliku għandu l-​qawwa li jsaħħaħ iż-​żwieġ tiegħek

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja