Kun Ċert li Tpoġġi l-Affarijiet l-Iktar Importanti l-Ewwel!
Sar il-ħin għal-laqgħa, imma int għandek x’tagħmel. X’se tpoġġi l-ewwel?
INT raġel miżżewweġ u missier. Hekk kif toqrob biex tispiċċa ġurnata tax-xogħol twila u iebsa, ħsibijietek jaqgħu fuq il-laqgħa tal-kongregazzjoni li trid tattendi dik il-lejla. Jekk titlaq minnufih minn fuq ix-xogħol, bilkemm ikollok ċans biex tieħu doċċa, tbiddel, u tiekol xi ħaġa taʼ malajr, qabel ma titlaq għal-laqgħa. Fil-pront, jiġi fuqek l-imgħallem u jsaqsik jekk tistax tibqagħlu xogħol bis-sahra. Iwiegħdek li jħallsek tajjeb. U int għandek bżonnhom il-flus.
Jew int mara miżżewġa u omm. Waqt li qed tipprepara l-ikla taʼ fil-għaxija, tixħet għajnejk fuq munzell ħwejjeġ li m’humiex mgħoddijin u li xi ftit minnhom huma meħtiġin l-għada. Tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘Jekk il-lejla mmur għal-laqgħa, meta se nsib il-ħin biex nagħmel il-mogħdija?’ Billi għadek kif bdejt taħdem full-time, qed issir taf kemm hu diffiċli li tieħu ħsieb l-affarijiet tad-dar waqt li taqlaʼ l-għajxien.
Jew int student. F’kamartek, l-iskrivanija ħa ssiefer bil-kotba u l-pitazzi tal-ħowmwerk. Ħafna minnu ngħatalek ftit taż-żmien ilu, imma int qgħadt tittratieni, u issa ħafna mix-xogħol irid isir f’daqqa. Tiġik it-tentazzjoni li ssaqsi lill-ġenituri ħalli jippermettulek li ma tmurx għal-laqgħa u tibqaʼ d-dar biex tispiċċa l-ħowmwerk.
Int kieku x’se tpoġġi l-ewwel: il-ħin miżjud fix-xogħol sekulari, il-mogħdija, il-ħowmwerk, jew il-laqgħa tal-kongregazzjoni? Mill-aspett spiritwali, x’ifisser, li npoġġu l-affarijiet l-iktar importanti l-ewwel? X’inhi l-ħarsa taʼ Jehovah?
X’Għandu Jiġi l-Ewwel?
Ftit wara li l-Iżraeliti rċevew l-Għaxar Kmandamenti, wieħed raġel inqabad jiġbor il-ħatab f’jum is-Sibt. Dan kien ipprojbit strettament fil-Liġi. (Numri 15:32-34; Dewteronomju 5:12-15) Int kif kont tiġġudikah dan il-każ? Kont tiskużah lir-raġel, billi tirraġuna li, wara kollox, ma kienx qed jaħdem biex jgħix fil-lussu imma biex jipprovdi n-neċessitajiet taʼ familtu? Kont tirraġuna li kien se jkun hemm ħafna okkażjonijiet matul is-sena biex josserva jum is-Sibt, u għalhekk li jitlef osservanza taʼ darba, forsi minħabba li ma ppjanax bil-quddiem, setaʼ jinħafirlu faċilment?
Jehovah ħares lejn dan il-każ b’mod iktar serju. Il-Bibbja tgħid, “[I]l-Mulej qal lil Mosè: ‘Dan ir-raġel jagħtuh il-mewt.’” (Numri 15:35) Jehovah għala ħadha daqshekk bi kbira rigward dak li għamel dan ir-raġel?
In-nies kellhom sitt ijiem biex jiġbru l-ħatab kif ukoll biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom rigward ikel, ħwejjeġ, u kenn. Is-sebaʼ jum kellu jkun iddedikat għall-bżonnijiet spiritwali tagħhom. Fil-waqt li ma kienx ħażin li tiġbor il-ħatab, kien ħażin li tagħmel hekk fil-ħin li kellu jitwarrab għall-qima taʼ Jehovah. Għalkemm il-Kristjani m’humiex taħt il-Liġi Mosajka, dan l-inċident ma jgħallimniex lezzjoni f’li npoġġu l-prijoritajiet tagħna sew illum?—Filippin 1:10.
Wara li qattgħu 40 sena fix-xagħri, l-Iżraeliti kienu lesti biex jidħlu fl-Art Imwiegħda. Xi wħud kienu xebgħu jieklu l-manna, l-ikel ipprovdut b’mod divin fix-xagħri, u bla dubju kienu qed iħarsu ’l quddiem lejn bidla fl-ikel. Biex jgħinhom iżommu ħarsa tajba hekk kif kienu deħlin fl-art li “tnixxi ħalib u għasel,” Jehovah fakkarhom: “Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem.”—Eżodu 3:8; Dewteronomju 8:3.
L-Iżraeliti kien se jkollhom jaħdmu iebes għall-“ħalib” u l-“għasel” tagħhom. Kien hemm armati x’jintrebħu, djar x’jinbnew, għelieqi x’jinżergħu. Xorta waħda, Jehovah kkmanda lin-nies biex iwarrbu l-ħin kuljum biex jimmeditaw fuq affarijiet spiritwali. Kellhom jieħdu l-ħin ukoll biex jgħallmu l-modi t’Alla lil uliedhom. Qal Jehovah: “Għallmuhom [il-kmandamenti tiegħi] lil uliedkom u tkellmu fuqhom meta tkun mistrieħ f’darek u miexi fit-triq; meta timtedd u meta tqum.”—Dewteronomju 11:19.
Tliet darbiet fis-sena kull raġel Iżraelit u proselita fil-pajjiż kien ikkmandat biex jidher quddiem Jehovah. Billi rrealizzaw li l-familja kollha kienet se tibbenefika spiritwalment minn okkażjonijiet bħal dawn, ħafna mill-kapijiet tal-familji raw kif għamlu biex kemm marthom kif ukoll uliedhom jakkumpanjawhom. Imma min kien se jipproteġilhom darhom u l-għelieqi tagħhom minn attakki mill-għadu waqt li l-familja ma tkunx hemm? Wiegħed Jehovah: “Ma jkun hemm ħadd li jixxennaq għal artek, meta titlaʼ biex tara wiċċ il-Mulej, Alla tiegħek, tliet darbiet fis-sena.” (Eżodu 34:24) Kienet meħtieġa l-fidi biex l-Iżraeliti jemmnu li jekk ipoġġu l-interessi spiritwali l-ewwel, ma kinux se jitilfu materjalment. Jehovah żammha kelmtu? Dażgur li żammha!
Ibqaʼ Fittex l-Ewwel is-Saltna
Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex ipoġġu l-valuri spiritwali qabel kull ħaġa oħra. Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, hu wissa lis-semmiegħa tiegħu: “Toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’ Fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu [in-neċessitajiet materjali] jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:31, 33) Dlonk wara l-mewt taʼ Ġesù, Kristjani li kienu għadhom kif tgħammdu mxew fuq dak il-parir. Ħafna minnhom kienu Lhud jew proseliti Lhud li kienu vvjaġġaw lejn Ġerusalemm għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa taʼ Pentekoste fis-sena 33 E.K. Waqt li kienu hemm, ġrat xi ħaġa mhix mistennija. Huma semgħu u ħaddnu l-aħbar tajba dwar Ġesù Kristu. Billi kienu ħerqanin biex jitgħallmu iktar dwar il-fidi li kienu għadhom kif sabu, baqgħu f’Ġerusalemm. Il-proviżjonijiet tagħhom bdew jonqsu, imma l-kumditajiet materjali kienu taʼ importanza sekondarja. Kienu sabu l-Messija! Ħuthom il-Kristjani qasmu magħhom dak li kellhom f’dawk li kienu affarijiet materjali, u b’hekk kollha kemm huma setgħu jkomplu “jżommu sħiħ fit-tagħlim taʼ l-appostli u . . . fit-talb.”—Atti 2:42.
Maż-żmien, xi Kristjani injoraw il-bżonn taʼ sħubija regulari fil-laqgħat. (Lhud 10:23-25) Forsi saru materjalistiċi, billi injoraw l-affarijiet spiritwali waqt li pprovaw jassiguraw sigurtà finanzjarja għalihom u għal familthom. Wara li ħeġġeġ lil ħutu biex ma jabbandunawx il-laqgħat, l-appostlu Pawlu kiteb: “Tkunux mogħtija għar-re[għb]a tal-flus; kunu kuntenti b’dak li għandkom, għax Alla stess qal: ‘Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.’”—Lhud 13:5.
Il-parir taʼ Pawlu rriżulta li kien eżatt f’waqtu. Madwar ħames snin wara li Pawlu kiteb l-ittra tiegħu lil-Lhud, l-armata Rumana taʼ Ċestju Gallu ċċirkondat lil Ġerusalemm. Il-Kristjani leali ftakru fit-twissija taʼ Ġesù: “Meta mbagħad taraw [dan] . . . min ikun fuq il-bejt, ara li ma jinżilx biex jidħol ġewwa jieħu xi ħaġa mid-dar; anqas min ikun fir-rabaʼ ma għandu jerġaʼ lura biex jieħu l-mantar tiegħu.” (Mark 13:14-16) Kienu jafu li s-sopravivenza tagħhom kienet tiddependi, mhux fuq l-istabbiltà taʼ l-impjieg tagħhom jew il-valur tal-ġid materjali tagħhom, imma fuq l-ubbidjenza tagħhom lejn l-istruzzjonijiet taʼ Ġesù. Dawk li wieġbu għall-parir taʼ Pawlu u poġġew l-interessi spiritwali l-ewwel, mingħajr dubju sabuha eħfef biex iħallu warajhom lil darhom, l-impjieg tagħhom, ħwejjiġhom, u l-affarijiet persunali prezzjużi tagħhom u jaħarbu lejn il-muntanji, minn dawk li ma ħelsux mill-imħabba tal-flus.
Kif xi Wħud Ipoġġu l-Affarijiet l-Iktar Importanti l-Ewwel Illum
Kristjani leali llum jgħożżu sħubija regulari maʼ ħuthom, u ħafna jagħmlu sagrifiċċji kbar sabiex jattendu għal-laqgħat. F’ċerti lokalitajiet, l-uniku impjieg disponibbli jinvolvi xogħol bix-xift. Wieħed ħu joffri li nhar taʼ Sibt fil-għaxija, li ħafna nies fil-komunità tiegħu jippreferu li jużawh għar-rikreazzjoni, jidħol minflok sħabu tax-xogħol jekk huma, mill-banda l-oħra, jidħlu minfloku għax-xogħol meta x-xift jaħbatlu mal-laqgħat. Aħwa oħrajn li jaħdmu bix-xift jattendu għal-laqgħat taʼ xi kongregazzjoni li tkun fil-viċin jekk ix-xogħol tagħhom iżommhom milli jattendu għal-laqgħat tagħhom. B’dan il-mod, kważi qatt ma jitilfu laqgħa. Fil-Kanada, persuna li bdiet tinteressa ruħha malajr irrealizzat kemm huma importanti l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u l-Laqgħa tas-Servizz, imma l-iskeda tax-xogħol tagħha kienet iżżommha milli tattendi għalihom. Għaldaqstant, hi ħallset lil seħbitha biex taħdmilha x-xift tagħha ħalli hi tkun libera biex tattendi għal dawn il-laqgħat importanti.
Ħafna li jbatu minn mard kroniku rari jitilfu laqgħa. Huma jisimgħu l-programm id-dar permezz tat-telefon jew taʼ xi tejp rikording meta ma jkunux jistgħu jkunu preżenti fis-Sala tas-Saltna. Huma juru apprezzament taʼ min ifaħħru għall-provvedimenti spiritwali taʼ Jehovah li jiġu permezz taʼ l-“irsir leali u diskret”! (Mattew 24:45, NW) Kristjani li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom imdaħħlin fiż-żmien jibqgħu jafuhulhom tassew lil dak il-ħu jew oħt li joffru li jibqgħu huma mal-ġenitur waqt li dak li s-soltu jieħu ħsiebu jkun jistaʼ jattendi laqgħa tal-kongregazzjoni.
Ippjana bil-Quddiem!
Ġenituri li huma konxji tal-bżonnijiet spiritwali tagħhom stess jgħinu lil uliedhom biex japprezzaw il-laqgħat Kristjani. Bħala regola ġenerali, huma jistennew li wliedhom jagħmlu l-ħowmwerk hekk kif jingħatalhom minflok ma jħalluh jakkumula. Fil-ġranet tal-laqgħat l-ulied jagħmlu l-ħowmwerk malli jaslu lura mill-iskola. Passatempi u attivitajiet oħrajn m’humiex permessi li jtellfulhom il-laqgħat tal-kongregazzjoni.
Bħala raġel miżżewweġ u missier, tagħti prijorità lill-attendenza għal-laqgħat? Bħala mara miżżewġa u omm, tipprova tippjana r-responsabbiltajiet tiegħek biex tħalli ħin għal-laqgħat? Bħala żagħżugħ, torganizza l-ħowmwerk tiegħek madwar il-laqgħat jew il-laqgħat madwar il-ħowmwerk?
Laqgħa tal-kongregazzjoni hija provvediment mingħand Jehovah. Kull sforz għandu jsir biex nieħdu sehem f’dan l-arranġament taʼ mħabba. Jehovah se jbierkek b’mod għani jekk int tpoġġi l-affarijiet l-iktar importanti l-ewwel!