Naqdu lil Jehovah bi Spirtu taʼ li Nissagrifikaw Lilna Nfusna
“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jsegwini kontinwament.”—MATTEW 16:24.
1. Ġesù kif għarraf lid-dixxipli tiegħu dwar il-mewt tiegħu li kienet riesqa?
FID-DELL tal-Muntanja Ħermon imgħottija bis-silġ, Ġesù Kristu jasal f’punt importanti ferm fil-ħajja tiegħu. Għad baqagħlu inqas minn sena waħda x’igħix. Hu jafu dan; id-dixxipli tiegħu ma jafuhx. Iż-żmien issa wasal biex huma jkunu jafu. Veru, Ġesù alluda qabel għall-mewt tiegħu li kienet riesqa, imma din hi l-ewwel darba li hu ċar u tond dwarha. (Mattew 9:15; 12:40) Ir-rakkont taʼ Mattew jaqra: “Minn dak iż-żmien ’il quddiem Ġesù Kristu beda juri lid-dixxipli tiegħu li hu jrid imur Ġerusalemm u jsofri ħafna affarijiet mill-irġiel ixjeħ u l-qassisin ewlenin u l-iskribi, u jiġi maqtul, u fit-tielet jum jiġi mqajjem.”—Mattew 16:21; Mark 8:31, 32.
2. X’kienet ir-reazzjoni taʼ Pietru għall-kliem taʼ Ġesù dwar is-sofferenza futura Tiegħu, u Ġesù kif wieġeb?
2 Il-jiem taʼ Ġesù huma magħdudin. Pietru, iżda, jirrabja għal ħsieb bħal dan li jidher ikrah. Ma jistax jaċċetta li l-Messija sejjer verament jiġi maqtul. Għalhekk, Pietru jazzarda jċanfar lill-Imgħallem tiegħu. Imqanqal mill-aħjar intenzjonijiet, hu jħeġġeġ bil-għaġla: “Kun qalbek tajba miegħek innifsek, Mulej; int lanqas xejn ma se jkollok dan id-destin.” Imma Ġesù minnufih jiċħad il-qalb tajba mhix f’lokha taʼ Pietru, b’mod daqstant pożittiv daqs li wieħed kieku jfarrak ir-ras taʼ serp velenuż. “Għaddi warajja, Satana! Inti blokka taʼ gambetta għalija, għaliex int taħseb, mhux il-ħsibijiet t’Alla, imma dawk tal-bnedmin.”—Mattew 16:22, 23.
3. (a) Pietru bla ma ried kif għamel lilu nnifsu aġent taʼ Satana? (b) Pietru kif kien blokka taʼ gambetta għal korsa taʼ li wieħed jissagrifika lilu nnifsu?
3 Pietru bla ma ried għamel lilu nnifsu aġent taʼ Satana. Ir-risposta taʼ Ġesù hija deċiżiva daqs meta wieġeb lil Satana fix-xagħri. Hemmhekk ix-Xitan ipprova jittanta lil Ġesù b’ħajja komda, stat taʼ sultan mingħajr sofferenza. (Mattew 4:1-10) Issa Pietru jinkuraġġih biex ma jgħakkisx lilu nnifsu. Ġesù jaf li din mhix ir-rieda taʼ Missieru. Il-ħajja tiegħu trid tkun waħda taʼ li jissagrifika lilu nnifsu, mhux waħda taʼ li jpaxxi lilu nnifsu. (Mattew 20:28) Pietru jsir blokka taʼ gambetta għal korsa bħal din; is-simpatija bi skop tajjeb tiegħu ssir nasba.a Ġesù, iżda, jara b’mod ċar illi li kieku żamm f’moħħu xi idea taʼ ħajja mingħajr sagrifiċċju, kien jitlef il-favur t’Alla billi jinqabad fil-ħatfa qattiela taʼ nasba satanika.
4. Ħajja komda għalih innifsu għala ma kinetx għal Ġesù u għas-segwaċi tiegħu?
4 Il-ħsieb taʼ Pietru, għalhekk, kellu bżonn jiġi aġġustat. Il-kliem tiegħu lil Ġesù rrappreżenta idea taʼ bniedem, mhux t’Alla. Ħajja li tkun komda għalih, triq faċli ’l barra mis-sofferenza, ma kinetx għal Ġesù; lanqas ma kellha ħajja bħal din tkun għas-segwaċi tiegħu, għax Ġesù mbagħad igħid lil Pietru u lill-bqija tad-dixxipli: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jsegwini kontinwament.”—Mattew 16:24.
5. (a) X’inhi l-isfida taʼ li tgħix il-ħajja Kristjana? (b) Kristjan irid ikun imħejji għal liema tliet affarijiet neċessarji?
5 Darba wara l-oħra, Ġesù jirritorna lejn din it-tema prinċipali: l-isfida taʼ li wieħed igħix il-ħajja Kristjana. Sabiex ikunu segwaċi taʼ Ġesù, il-Kristjani, bħall-Mexxej tagħhom, iridu jaqdu lil Jehovah bl-ispirtu taʼ li jissagrifikaw lilhom infushom. (Mattew 10:37-39) B’hekk, hu jsemmi tliet affarijiet neċessarji li Kristjan irid ikun lest li jagħmel: (1) jiċħad lilu nnifsu, (2) jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu, u (3) isegwi Lilu kontinwament.
“Jekk xi Ħadd Irid Jiġi Warajja”
6. (a) Wieħed kif jiċħad lilu nnifsu? (b) Lil min għandna nogħġbu iktar milli lilna nfusna?
6 Xi jfisser li wieħed jiċħad lilu nnifsu? Ifisser li wieħed irid jiċħad lilu nnifsu għalkollox, speċi taʼ li jagħti l-mewt lilu nnifsu. It-tifsira bażika tal-kelma Griega tradotta “jiċħad” hija “li jgħid le”; tfisser “li jiċħad għalkollox.” Għalhekk, jekk int taċċetta l-isfida tal-ħajja Kristjana, int iċċedi minn jeddek l-ambizzjonijiet, il-kumdità, ix-xewqat, il-ferħ, u l-pjaċir tiegħek stess. Essenzjalment, int tagħti ħajtek kollha kemm hi u dak kollu li hi tinvolvi lil Alla Jehovah għal dejjem. Li tiċħad lilek innifsek ifisser iktar milli ċċaħad lilek innifsek minn ċerti pjaċiri taʼ kultant. Minflok, ifisser li wieħed irid jerħi l-pussess tiegħu nnifsu u jagħtih lil Jehovah. (1 Korintin 6:19, 20) Wieħed li ċaħad lilu nnifsu jgħix biex jogħġob, mhux lilu nnifsu, imma lil Alla. (Rumani 14:8; 15:3) Ifisser li f’kull mument taʼ ħajtu, hu jgħid le lix-xewqat egoistiċi u iva lil Jehovah.
7. X’inhu z-zokk tat-tortura tal-Kristjan, u kif iġorru?
7 Li terfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħek, għalhekk, għandu implikazzjonijiet serji. Li ġġorr zokk huwa tagħbija u simbolu tal-mewt. Il-Kristjan hu lest li jsofri jekk ikun hemm bżonn, jew ikun imżeblaħ jew ittorturat jew saħansitra maqtul talli hu segwaċi taʼ Ġesù Kristu. Ġesù qal: “Kulmin ma jaċċettax iz-zokk tat-tortura tiegħu u jsegwi warajja mhux dehen tiegħi.” (Mattew 10:38) Mhux kulmin isofri qiegħed iġorr iz-zokk tat-tortura. Dawk li huma mill-agħar għandhom ħafna “weġgħat” imma ebda zokk tat-tortura. (Salm 32:10) Madankollu, il-ħajja tal-Kristjan hija ħajja taʼ li jġorr iz-zokk tat-tortura f’servizz b’sagrifiċċju lil Jehovah.
8. Ġesù poġġa liema mudell taʼ ħajja għas-segwaċi tiegħu?
8 L-aħħar kundizzjoni msemmija minn Ġesù hi li nsegwuh kontinwament. Ġesù jeħtieġ minna mhux biss li naċċettaw u nemmnu dak li għallem hu imma wkoll li, tul ħajjitna kollha, insegwu kontinwament il-mudell li ħalla hu. U x’inhuma xi wħud mill-fatturi dominanti li jidhru fil-mudell taʼ ħajja tiegħu? Meta ta lis-segwaċi tiegħu l-kariga finali tagħhom, hu qal: “Morru għalhekk u agħmlu dixxipli . . . , billi tgħallmuhom josservaw l-affarijiet kollha li kkmandajtkom.” (Mattew 28:19, 20) Ġesù ppriedka u għallem l-aħbar tajba tas-Saltna. Hekk għamlu d-dixxipli immedjati tiegħu u, tabilħaqq, il-kongregazzjoni Kristjana bikrija kollha kemm hi. Din l-attività żeluża flimkien maʼ li ma jkunu ebda parti mid-dinja ġiebet fuqhom il-mibgħeda u l-oppożizzjoni tad-dinja, li rriżulta f’li z-zokk tat-tortura tagħhom ikun saħansitra iktar tqil biex iġorruh.—Ġwann 15:19, 20; Atti 8:4.
9. Ġesù kif ittratta maʼ nies oħrajn?
9 Mudell prominenti ieħor li naraw fil-ħajja taʼ Ġesù kien il-mod kif ittratta maʼ nies oħrajn. Kien qalbu tajba u “kalm u umli fil-qalb.” B’hekk, dawk li semgħuh kienu jħossuhom imġeddin fl-ispirtu u kienu inkuraġġiti bil-preżenza tiegħu. (Mattew 11:29) Ma sawwathomx bil-kliem biex iġagħalhom isegwuh u lanqas ma tahom regola wara regola dwar kif għandhom jagħmlu dan; lanqas ma ġagħalhom iħossuhom ħatjin biex jisforzahom biex ikunu dixxipli tiegħu. Minkejja l-ħajja tagħhom taʼ sagrifiċċju tagħhom infushom, huma rriflettew ferħ ġenwin. X’kuntrast kbir maʼ dawk li għandhom spirtu dinji taʼ li jpaxxu lilhom infushom li jimmarka “l-aħħar jiem”!—2 Timotew 3:1-4.
Żviluppa u Żomm l-Ispirtu taʼ li Tissagrifika Lilek Innifsek bħal Ġesù
10. (a) Skond Filippin 2:5-8, Kristu kif ċaħad lilu nnifsu? (b) Jekk aħna segwaċi taʼ Kristu, liema attitudni mentali rridu nuru?
10 Ġesù ta l-eżempju f’li ċaħad lilu nnifsu. Hu rafaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u ġarru kontinwament billi għamel ir-rieda taʼ Missieru. Pawlu kiteb lill-Kristjani ġewwa Filippi: “Żommu din l-attitudni mentali fikom li kienet ukoll fi Kristu Ġesù, li, għalkemm kien qiegħed jeżisti fis-sura t’Alla, hu ma ta ebda konsiderazzjoni għal ħtif, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla. Le, imma battal lilu nnifsu u ħa s-sura taʼ rsir u sar li jixbah lill-bnedmin. Iktar minn hekk, meta sab lilu nnifsu fil-għamla bħala bniedem, umilja lilu nnifsu u sar ubbidjenti sal-mewt, iva, mewt fuq zokk tat-tortura.” (Filippin 2:5-8) Min jistaʼ jiċħad lilu nnifsu iktar kompletament minn hekk? Jekk int tappartjeni lil Kristu Ġesù u int wieħed mis-segwaċi tiegħu, trid iżżomm din l-istess attitudni mentali.
11. Li wieħed igħix ħajja taʼ li jissagrifika lilu nnifsu jfisser li jgħix għar-rieda taʼ min?
11 Appostlu ieħor, Pietru, igħidilna li ladarba Ġesù sofra u miet għalina, il-Kristjani jridu jarmaw lilhom infushom, bħal suldati mħejjijin tajjeb, bl-istess spirtu li kellu Kristu. Hu jikteb: “Għalhekk ladarba Kristu sofra fil-laħam, intom ukoll armaw lilkom infuskom bl-istess dispożizzjoni mentali; għaliex dak li sofra fil-laħam waqaf mid-dnubiet, bil-għan li hu jistaʼ jgħix il-bqija taʼ żmienu fil-laħam, mhux iktar għax-xewqat tal-bnedmin, imma għar-rieda t’Alla.” (1 Pietru 3:18; 4:1, 2) Il-korsa taʼ Ġesù taʼ li jissagrifika lilu nnifsu wriet ċar kif ħassu hu dwar ir-rieda t’Alla. Kellu ħsieb wieħed fid-devozzjoni tiegħu, billi dejjem poġġa r-rieda taʼ Missieru qabel dik tiegħu stess, saħansitra sal-punt taʼ mewta infamja.—Mattew 6:10; Luqa 22:42.
12. Kienet ħajja taʼ li jissagrifika lilu nnifsu qarsa għal Ġesù? Spjega.
12 Għalkemm il-ħajja taʼ Ġesù taʼ li jissagrifika lilu nnifsu kienet mogħdija iebsa u sfidanti għalih biex isegwiha, hu ma ħassx li kienet qarsa. Anzi, Ġesù ħa pjaċir f’li jissottometti ruħu għar-rieda divina. Għalih, li jagħmel xogħol Missieru kien bħal ikel. Kiseb sodisfazzjon veru minnu, sewwa sew bħalma wieħed jagħmel minn ikla tajba. (Mattew 4:4; Ġwann 4:34) B’hekk, jekk int trid tħossok verament imwettaq f’ħajtek, ma tistaʼ tagħmel xejn aħjar milli ssegwi l-eżempju taʼ Ġesù billi trawwem id-dispożizzjoni mentali tiegħu.
13. L-imħabba kif inhi l-forza li ssuq lill-ispirtu taʼ li wieħed jissagrifika lilu nnifsu?
13 Verament, liema hi l-forza li ssuq lill-ispirtu taʼ sagrifiċċju tagħna nfusna? F’kelma waħda, l-imħabba. Ġesù qal: “‘Trid tħobb lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. It-tieni, bħalu, hu dan, ‘Trid tħobb lil ġarek bħalek innifsek.’” (Mattew 22:37-39) Kristjan ma jistax ikun wieħed li jfittex li jogħġob lilu nnifsu u, fl-istess waqt, jobdi dawk il-kelmiet. Il-hena u l-interess tiegħu nnifsu jridu jkunu ggvernati l-ewwel u qabel kollox mill-imħabba tiegħu lejn Jehovah u mbagħad mill-imħabba tiegħu lejn il-ġar. Dan hu kif Ġesù għex ħajtu, u dan hu li jistenna hu mis-segwaċi tiegħu.
14. (a) Liema responsabbiltajiet huma spjegati f’Ebrej 13:15, 16? (b) Liema ħaġa tħeġġiġna biex nippridkaw l-aħbar tajba biż-żelu?
14 L-appostlu Pawlu fehma din il-liġi tal-imħabba. Hu kiteb: “Permezz tiegħu ejjew dejjem noffru ’l Alla sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal ismu. Barra minn hekk, tinsewx tagħmlu l-ġid u taqsmu l-affarijiet maʼ oħrajn, għax b’sagrifiċċji bħal dawn Alla jitgħaxxaq sewwa.” (Ebrej 13:15, 16) Il-Kristjani ma joffrux lil Jehovah sagrifiċċji taʼ annimali jew affarijiet hekk; għalhekk, ma jeħtiġux qassisin umani f’tempju materjali biex imexxuhom fil-qima tagħhom. Huwa permezz taʼ Kristu Ġesù li s-sagrifiċċju taʼ tifħir tagħna huwa offrut. U huwa prinċipalment permezz taʼ dak is-sagrifiċċju taʼ tifħir, dik id-dikjarazzjoni pubblika għal ismu, li aħna nuru mħabbitna lejn Alla. B’mod partikulari l-ispirtu mhux egoist tagħna bil-għeruq tiegħu fl-imħabba jqanqalna biex nippridkaw l-aħbar tajba biż-żelu, billi nkunu dejjem ħerqanin biex noffru lil Alla l-frott taʼ xofftejna. B’dan il-mod nuru wkoll l-imħabba lejn il-ġirien.
Is-Sagrifiċċju Tagħna Nfusna Jġib Barkiet Għonja
15. Liema mistoqsijiet li jiflu rigward l-issagrifikar tagħna nfusna nistgħu nistaqsu lilna nfusna?
15 Ieqaf ftit u rrifletti fuq il-mistoqsijiet li ġejjin: Il-mudell preżenti taʼ ħajti juri korsa taʼ sagrifiċċju tiegħi nnifsi? Il-miri tiegħi jippontaw lejn ħajja bħal din? Qegħdin il-membri tal-familja tiegħi jaħsdu ġid spiritwali mill-eżempju tiegħi? (Qabbel 1 Timotew 5:8.) Xi ngħidu dwar l-iltiema u r-romol? Jibbenefikaw huma wkoll mill-ispirtu tiegħi taʼ li nissagrifika lili nnifsi? (Ġakbu 1:27) Nistaʼ jien nespandi l-ħin li nqattaʼ fis-sagrifiċċju pubbliku tiegħi taʼ tifħir? Kapaċi jien nistinka għall-privileġġ taʼ pijunier, servizz f’Betel, jew bħala missjunarju, jew nistaʼ jien immur biex naqdi f’xi lokalità fejn hemm ħtieġa akbar għal proklamaturi tas-Saltna?
16. Il-għaqal kif jistaʼ jgħinna biex ingħixu ħajja taʼ ssagrifikar tagħna nfusna?
16 Xi drabi kulma jkun hemm bżonn huwa ftit għaqal biex nilħqu l-potenzjal kollu tagħna f’li naqdu lil Jehovah bi spirtu taʼ li nissagrifikaw lilna nfusna. Per eżempju, Janet, pijuniera regulari fl-Ekwador, kellha xogħol sekulari full-time. Ma damitx wisq ma sabet li l-iskeda tagħha għamlitha diffiċli għaliha biex tlaħħaq is-sigħat meħtiġin minn pijuniera regulari bi spirtu ferrieħi. Hi ddeċidiet li tispjega l-problema lill-imgħallem tagħha u talbet li jitnaqqsulha s-sigħat tax-xogħol. Peress li ma kienx lest li jnaqqas il-ħin tax-xogħol tagħha, hi mbagħad ħadet magħha lil Maria, li kienet qiegħda tfittex xogħol part-time biex tkun tistaʼ ssir pijuniera. It-tnejn li huma offrew li jaħdmu nofs taʼ nhar kull wieħed, u b’hekk jaqsmu x-xogħol taʼ ġurnata sħiħa. L-imgħallem qabel mal-proposta. Issa ż-żewġt aħwa huma pijunieri regulari. Malli rat dan ir-riżultat tal-għaġeb, Kaffa, li kienet hi wkoll mifnija bix-xogħol full-time mal-istess kumpanija u titħabat biex tlaħħaq mal-ħin tagħha bħala pijuniera, ħadet magħha lil Magali u għamlet l-istess offerta. Din ukoll ġiet aċċettata. B’hekk, erbaʼ aħwa jistgħu jkunu pijunieri, minflok tnejn li kienu fix-xifer taʼ li jitilqu mis-servizz full-time. Il-għaqal u l-inizzjattiva swew taʼ ġid.
17-21. Koppja miżżewġa waħda kif ivvalutaw mill-ġdid l-iskop tagħhom fil-ħajja, u b’liema riżultat?
17 Iktar minn hekk, ikkunsidra l-mogħdija taʼ sagrifiċċju tagħha nfisha li Evonne segwiet matul l-aħħar għaxar snin. Hi kitbet dan li ġej lill-Watch Tower Society f’Mejju tal-1991:
18 “F’Ottubru tal-1982, jien u l-familja tiegħi żorna l-Betel taʼ Brooklyn. Meta rajt il-post ħassejt li rrid noffri ruħi biex naħdem hemmhekk. Qrajt applikazzjoni, u kien hemm mistoqsija li laqtitni, ‘X’inhi l-medja taʼ sigħat tiegħek fis-servizz tal-għalqa għall-aħħar sitt xhur? Jekk il-medja tas-sigħat hi inqas minn għaxra, spjega għala.’ Ma stajt naħseb f’ebda raġuni valida, u għalhekk għamilt mira u lħaqtha għal ħames xhur.
19 “Avolja stajt naħseb f’xi ftit skużi biex ma nkunx pijuniera, meta qrajt in-1983 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, kont konvinta li kien hemm oħrajn li kienu għelbu ostakli akbar minn tiegħi sabiex isiru pijunieri. Mela, fl-1 t’April, 1983, jien tlaqt mix-xogħol full-time tiegħi b’paga għolja u sirt pijuniera awżiljarja, u ngħaqadt mal-pijunieri regulari fl-1 taʼ Settembru, 1983.
20 “Kien il-pjaċir tiegħi li niżżewweġ qaddej ministerjali mill-aħjar f’April tal-1985. Tliet snin wara, taħdita fil-konvenzjoni distrettwali rigward ix-xogħol taʼ pijunier qanqlet lil żewġi biex ikellimni f’widinti u jistaqsi, ‘Tara xi raġuni għala jien m’għandix nibda bħala pijunier mill-1 taʼ Settembru?’ Hu ngħaqad miegħi f’dan ix-xogħol għas-sentejn taʼ wara.
21 “Żewġi wkoll offra ruħu bħala voluntier biex jaħdem fix-xogħol taʼ kostruzzjoni f’Betel taʼ Brooklyn għal ġimgħatejn u applika għall-Programm Internazzjonali. Mela f’Mejju tal-1989 irħejnielha lejn in-Niġerja għal xahar biex ingħinu fil-kostruzzjoni tal-fergħa. Għada se nivvjaġġaw lejn il-Ġermanja, fejn se jiġu rranġati l-viża biex nidħlu fil-Polonja. Inħossuna ferħanin ferm li aħna nvoluti fi proġett taʼ bini sinjifikanti u memorabbli u li aħna parti minn dan il-qasam ġdid taʼ servizz full-time.”
22. (a) Kif nistgħu aħna, bħal Pietru, bla ma rridu nsiru blokka taʼ gambetta? (b) Li taqdi lil Jehovah bi spirtu taʼ li tissagrifika lilek innifsek ma jiddependix minn liema ħaġa?
22 Jekk m’intix kapaċi tkun pijunier inti stess, tistaʼ int tinkuraġġixxi lil dawk li qegħdin fis-servizz full-time biex jibqgħu jżommu l-privileġġ tagħhom u forsi saħansitra tgħinhom biex jagħmlu hekk? Jew se tkun int bħal xi membri tal-familja jew ħbieb b’intenzjoni tajba li, bħal Pietru, forsi tgħid lil xi qaddej full-time biex jeħodha bil-mod, biex ikun qalbu tajba miegħu nnifsu, bla ma tirrealizza li dak jistaʼ jkun blokka taʼ gambetta? Veru, jekk is-saħħa taʼ pijunier hija f’periklu serju jew jekk qiegħed jittraskura obbligi Kristjani, forsi jkollu jitlaq mis-servizz full-time għal xi żmien. Li taqdi lil Jehovah bi spirtu taʼ li tissagrifika lilek innifsek ma jiddependix minn xi tabella, bħal pijunier, Betelit, jew xi ħaġa oħra. Minflok, jiddependi fuq x’aħna aħna bħala persuni—kif naħsbu, x’nagħmlu, kif nittrattaw m’oħrajn, kif ingħixu ħajjitna.
23. (a) Kif nistgħu nkomplu jkollna l-ferħ taʼ li nkunu ħaddiema bi sħab m’Alla? (b) Liema assigurazzjoni nsibu f’Ebrej 6:10-12?
23 Jekk verament għandna spirtu taʼ li nissagrifikaw lilna nfusna, se jkollna l-ferħ taʼ li nkunu ħaddiema bi sħab m’Alla. (1 Korintin 3:9) Se jkollna s-sodisfazzjon li nkunu nafu li qegħdin nagħmlu lil qalb Jehovah tifraħ. (Proverbji 27:11) U għandna l-assigurazzjoni li Jehovah qatt ma se jinsiena jew jabbandunana sakemm nibqgħu leali lejh.—Ebrej 6:10-12.
[Nota taʼ taħt]
a Fil-Grieg, “blokka taʼ gambetta” (σκάνδαλον, skanʹda·lon) oriġinalment kienet “l-isem tal-parti taʼ nassa fejn ikun hemm il-lixka, b’hekk, in-nassa jew in-nasba nfisha.”—Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words.
X’Inhuma l-Ħsibijiet Tiegħek?
◻ Pietru bla ma ried kif sar blokka taʼ gambetta għal korsa taʼ li wieħed jissagrifika lilu nnifsu?
◻ Xi jfisser li tiċħad lilek innifsek?
◻ Kristjan kif iġorr iz-zokk tat-tortura tiegħu?
◻ Kif niżżviluppaw u nżommu spirtu taʼ li nissagrifikaw lilna nfusna?
◻ X’inhi l-forza li ssuq lill-ispirtu taʼ li wieħed jissagrifika lilu nnifsu?