LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 7/15 pp. 14-19
  • Dħalt Int fil-Mistrieħ t’Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Dħalt Int fil-Mistrieħ t’Alla?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Alla Straħ minn Xogħlu
  • Iżrael Naqas li Jidħol fil-​Mistrieħ t’Alla
  • Għad Baqaʼ Mistrieħ
  • Idħol fil-​Mistrieħ t’Alla
  • Il-​Kelma t’Alla Teżerċita Qawwa
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • X’Inhu l-Mistrieħ t’Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Hemm ħin biex taħdem u ħin biex tistrieħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Mistoqsijiet mill-​qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 7/15 pp. 14-19

Dħalt Int fil-​Mistrieħ t’Alla?

“Min jidħol fil-​mistrieħ taʼ Alla jistrieħ hu wkoll mix-​xogħol kif Alla strieħ minn tiegħu.”—LHUD 4:10.

1. Il-​mistrieħ għala huwa tant mixtieq?

MISTRIEĦ. Kemm hi kelma ħelwa u sabiħa din! Billi ngħixu fid-​dinja tal-​lum, mgħaġġla u taʼ taħbit, il-​biċċa l-​kbira minna żgur li naqblu li ftit tal-​mistrieħ nieħdu ħafna gost bih. Kemm jekk aħna xjuħ jew żgħażagħ, miżżewġin jew le, forsi nħossuna magħfusin u għajjenin sempliċement bil-​ħajja li niffaċċjaw minn jum għal jum. Għal dawk li huma limitati jew morda fiżikament, kull jum hu taʼ sfida. Bħalma tgħid l-​Iskrittura “li l-​ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-​uġigħ.” (Rumani 8:22) Wieħed li qed jistrieħ mhux neċessarjament għax hu għażżien. Il-​mistrieħ huwa bżonn uman li jrid ikollu postu.

2. Jehovah minn meta ilu jistrieħ?

2 Alla Jehovah nnifsu kien u għadu qed jistrieħ. Fil-​ktieb taʼ Ġenesi naqraw: “Hekk intemmu s-​sema u l-​art bit-​tagħmir kollu tagħhom. U fis-​sebaʼ jum Alla temm ix-​xogħol tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-​sebaʼ jum mix-​xogħol tiegħu li kien għamel.” Jehovah tah sinjifikat speċjali lis-​“sebaʼ jum,” għax il-​kitba ispirata tissokta tgħid: “Bierek Alla s-​sebaʼ jum u qaddsu [“għamlu sagru,” NW].”—Ġenesi 2:1-3.

Alla Straħ minn Xogħlu

3. X’ma setgħux kienu r-​raġunijiet għala Alla straħ?

3 Alla għala straħ fis-​“sebaʼ jum”? M’għandniex xi ngħidu, ma straħx għax kien għajjien. Jehovah għandu “abbundanza taʼ enerġija dinamika” u “ma jgħajjiex jew jiddgħajjef.” (Isaija 40:26, 28, NW) Lanqas ma kien il-​każ li Alla straħ għax kellu bżonn brejk jew bidla fir-​rutina, għax Ġesù qalilna: “Missieri għadu jaħdem sa issa: mela naħdem jien ukoll.” (Ġwann 5:17) F’kelma waħda, “Alla huwa spirtu” u mhux marbut miċ-​ċikli tal-​ġisem u l-​bżonnijiet tal-​ħlejjaq fiżiċi.—Ġwann 4:24.

4. Is-​“sebaʼ jum” b’liema mod kien differenti mis-​sitt ‘ijiem’ preċedenti?

4 Kif nistgħu niksbu xi ftit tad-​dehen dwar il-​għala Alla straħ fis-​“sebaʼ jum”? Billi ninnotaw li, għalkemm kien ferħan ħafna b’dak li kien wettaq matul il-​perijodu twil tas-​sitt ‘ijiem’ preċedenti taʼ ħolqien, Alla speċifikament bierek is-​“sebaʼ jum” u “għamlu sagru.” Il-​Concise Oxford Dictionary jiddefinixxi “sagru” bħala “ddedikat jew mogħti esklussivament (lil xi alla jew xi skop reliġjuż).” B’hekk, il-​fatt li Jehovah bierek is-​“sebaʼ jum” u sejjaħlu sagru jindika li dan u l-​“mistrieħ” tiegħu jrid ikollhom xi konnessjoni mar-​rieda qaddisa u l-​iskop tiegħu, minflok maʼ xi bżonnijiet min-​naħa tiegħu. X’inhi din il-​konnessjoni?

5. Alla x’beda jħaddem matul l-​ewwel sitt ‘ijiem’ taʼ ħolqien?

5 Matul is-​sitt ‘ijiem’ taʼ ħolqien preċedenti, Alla kien għamel u beda jħaddem iċ-​ċikli u l-​liġijiet kollha li jiggvernaw l-​iffunzjonar taʼ l-​art u taʼ kull ħaġa li hemm madwarha. Ix-​xjenzati issa qed jitgħallmu kemm dawn huma ddisinjati b’mod taʼ l-​għaġeb. Lejn tmiem is-​“sitt jum,” Alla ħalaq l-​ewwel koppja umana u poġġiehom fi “ġnien fl-​Għeden, in-​naħa tal-​lvant.” Fl-​aħħar, Alla ddikjara l-​iskop tiegħu rigward il-​familja umana u l-​art b’dan il-​kliem profetiku: “Nisslu u oktru, u imlew l-​art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-​ħut tal-​baħar u t-​tajr taʼ l-​ajru u l-​ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-​art.”—Ġenesi 1:28, 31; 2:8.

6. (a) Fi tmiem is-​“sitt jum,” Alla kif ħassu dwar kulma kien ħalaq? (b) Is-​“sebaʼ jum” f’liema sens huwa sagru?

6 Hekk kif is-​“sitt jum” taʼ ħolqien qorob lejn tmiemu, ir-​rakkont jgħidilna: “Ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Alla kien sodisfatt b’kull ħaġa li kien għamel. Hu b’hekk straħ, jew waqaf, minn iktar xogħol taʼ ħolqien rigward l-​art. Madankollu, għalkemm il-​ġnien ġenna kien perfett u sabiħ, dan kien ikopri biss roqgħa żgħira, u kien hemm biss żewġ ħlejjaq umani fuq l-​art. Kien se jieħu ż-​żmien biex l-​art u l-​familja umana jilħqu l-​istat li kien l-​iskop t’Alla għalihom. Għal din ir-​raġuni, hu ħatar is-​“sebaʼ jum” li kien se jippermetti lil kull ħaġa li kien ħalaq fis-​sitt ‘ijiem’ preċedenti tiżviluppa f’armonija mar-​rieda sagra tiegħu. (Qabbel Efesin 1:11.) Hekk kif jispiċċa “s-​sebaʼ jum,” l-​art tkun saret ġenna globali abitata eternament minn familja taʼ bnedmin perfetti. (Isaija 45:18) Is-​“sebaʼ jum” huwa miżmum, jew iddedikat, biex issir u titwettaq ir-​rieda t’Alla rigward l-​art u l-​ispeċi umana. F’dak is-​sens huwa “sagru.”

7. (a) Inkwantu għal liema ħaġa Alla straħ fis-​“sebaʼ jum”? (b) Sa tmiem is-​“sebaʼ jum” kull ħaġa kif se tirriżulta?

7 Għalhekk, Alla straħ mix-​xogħol tiegħu taʼ ħolqien fis-​“sebaʼ jum.” Hu bħallikieku waqaf ftit u ppermetta lil dak li kien beda hu biex itemm il-​korsa tiegħu. Għandu fiduċja sħiħa li sa tmiem is-​“sebaʼ jum,” kollox se jkun irnexxa eżatt bħalma kien l-​iskop tiegħu. Anki jekk kien hemm xi ostakli, dawn se jkunu ntgħelbu. L-​umanità ubbidjenti kollha se tibbenefika meta r-​rieda t’Alla ssir realtà sħiħa. Dan xejn ma jistaʼ jwaqqfu għax is-​“sebaʼ jum” għandu l-​barka t’Alla, u hu “qaddsu.” Xi prospett glorjuż għall-​umanità ubbidjenti!

Iżrael Naqas li Jidħol fil-​Mistrieħ t’Alla

8. L-​Iżraeliti meta u kif bdew josservaw is-​Sabat?

8 Il-​ġens taʼ Iżrael ibbenefika mill-​arranġament taʼ Jehovah għax-​xogħol u l-​mistrieħ. Saħansitra qabel ma ta lill-​Iżraeliti l-​Liġi ħdejn il-​Muntanja Sinaj, Alla qalilhom permezz taʼ Mosè: “Araw, il-​Mulej takom il-​mistrieħ is-​Sibt; għalhekk fis-​sitt jum jagħtikom ikel għal jumejn; u intom oqogħdu kull wieħed f’postu, u ma joħroġ ħadd jiġbor minnu fis-​sebaʼ jum.” Ir-​riżultat kien li “l-​poplu kien jistrieħ fis-​sebaʼ jum.”—Eżodu 16:22-30.

9. Il-​liġi tas-​Sabat għala kienet bidla li bla dubju l-​Iżraeliti ħadu gost biha?

9 Dan kien arranġament ġdid għall-​Iżraeliti, li kienu għadhom kif inħelsu mill-​jasar taʼ l-​Eġittu. Għalkemm l-​Eġizzjani u oħrajn kienu jkejlu ż-​żmien f’perijodi taʼ minn ħames sa għaxart ijiem, ma tantx hemm ċans li l-​irsiera Iżraeliti kienu jingħataw jum taʼ mistrieħ. (Qabbel Eżodu 5:1-9.) Huwa għalhekk raġonevoli li nikkonkludu li l-​poplu taʼ Iżrael feraħ b’din il-​bidla. Minflok ma ħarsu lejn il-​ħtieġa tas-​Sabat bħala piż jew restrizzjoni, kellhom għalfejn ikunu ferħanin li josservawha. Fil-​fatt, Alla qalilhom iktar tard li s-​Sabat kellu jservi taʼ tfakkira fil-​jasar tagħhom fl-​Eġittu u fil-​ħelsien tagħhom minnu.—Dewteronomju 5:15.

10, 11. (a) Billi jkunu ubbidjenti, l-​Iżraeliti lejn liema ħaġa setgħu jħarsu ’l quddiem biex igawduha? (b) L-​Iżraeliti għala naqsu li jidħlu fil-​mistrieħ t’Alla?

10 Li kieku l-​Iżraeliti li ħarġu mill-​Eġittu maʼ Mosè kienu ubbidjenti, kien ikollhom il-​privileġġ li jidħlu fl-​art imwiegħda li kienet “tnixxi ħalib u għasel.” (Eżodu 3:8) Hemm kienu se jgawdu mistrieħ veru, mhux biss nhar is-​Sabat imma tul ħajjithom kollha. (Dewteronomju 12:9, 10) Madankollu, dak ma kienx il-​każ. Dwarhom, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Min huma dawk li semgħu u qamu kontrieh? M’hux dawk kollha li ħarġu mill-​Eġittu bis-​saħħa taʼ Mosè? U lil min stmerr għal erbgħin sena? M’hux lil dawk li dinbu, u li l-​iġsma tagħhom waqgħu mejta fid-​deżert? U għal min ħalef li ma jidħlux fil-​mistrieħ tiegħu, jekk mhux għal dawk li ma ridux jisimgħu. Hekk naraw li huma ma setgħux jidħlu minħabba fin-​nuqqas taʼ twemmin tagħhom.”—Lhud 3:16-19.

11 X’lezzjoni qawwija għalina! Minħabba n-​nuqqas taʼ fidi tagħhom f’Jehovah, dik il-​ġenerazzjoni ma kisbitx il-​mistrieħ li hu kien wegħedhom. Minflok, huma mietu fix-​xagħri. Naqsu li jifhmu li bħala dixxendenti t’Abraham huma kienu assoċjati mill-​qrib mar-​rieda t’Alla f’li jipprovdi barkiet għall-​ġnus kollha taʼ l-​art. (Ġenesi 17:7, 8; 22:18) Minflok ma ħadmu f’armonija mar-​rieda divina, huma ġew distratti kompletament minħabba x-​xewqat komuni u egoistiċi tagħhom. Jalla qatt ma naqgħu f’korsa bħal din!—1 Korintin 10:6, 10.

Għad Baqaʼ Mistrieħ

12. Liema prospett kien għadu jeżisti għall-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu, u kif setgħu jiksbuh?

12 Wara li ġibed l-​attenzjoni lejn l-​Iżraeliti li naqsu jidħlu fil-​mistrieħ t’Alla minħabba n-​nuqqas taʼ fidi, Pawlu dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn sħabu fit-​twemmin. Kif diġà ssemma f’​Lhud 4:1-5, hu żgurahom li “l-​wegħda li nidħlu fil-​mistrieħ [t’Alla] għadha hemm.” Pawlu ħeġġiġhom biex jeżerċitaw fidi fl-​“Evanġelju,” għax “aħna, li nemmnu, nidħlu fil-​mistrieħ.” Ladarba l-​Liġi kienet diġà tneħħiet min-​nofs permezz tas-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù, Pawlu ma kienx hawn qed jirreferi għall-​mistrieħ fiżiku pprovdut mis-​Sabat. (Kolossin 2:13, 14) Billi kkwota Ġenesi 2:2 u Salm 95:11, Pawlu kien qed iħeġġeġ lill-​Kristjani Lhud biex jidħlu fil-​mistrieħ t’Alla.

13. Meta kkwota Salm 95, Pawlu għala ġibed l-​attenzjoni lejn il-​kelma “illum”?

13 Il-​possibbiltà li jidħlu fil-​mistrieħ t’Alla suppost li kienet ‘bxara tajba’ għall-​Kristjani Lhud, sewwa sew bħalma l-​mistrieħ tas-​Sabat suppost kien ‘bxara tajba’ għall-​Iżraeliti qabilhom. Għaldaqstant, Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin biex ma jagħmlux l-​istess żball li għamlu l-​Iżraeliti fix-​xagħri. Billi rrefera għal dak li issa hu Salm 95:7, 8, hu ġibed l-​attenzjoni lejn il-​kelma “illum,” għalkemm kien ilu żmien twil minn mindu Alla kien straħ mill-​ħolqien. (Lhud 4:6, 7) X’kien il-​punt taʼ Pawlu? Dan kien li “s-​sebaʼ jum,” li Alla kien żamm biex iħalli l-​iskop tiegħu rigward l-​art u l-​umanità jitwettaq bis-​sħiħ, kien għadu għaddej. Għalhekk, kien urġenti għall-​Kristjani sħabu li jaħdmu fi qbil maʼ dak l-​iskop minflok ma jkunu preokkupati b’miri egoistiċi. Għal darb’oħra hu semma t-​twissija: “La twebbsux qalbkom.”

14. Pawlu kif wera li kien għad baqaʼ “mistrieħ” t’Alla?

14 Iżjed minn hekk, Pawlu wera li l-​“mistrieħ” imwiegħed ma kienx sempliċement kwistjoni taʼ li jissetiljaw fl-​Art Imwiegħda taħt it-​tmexxija taʼ Ġożwè. (Ġożwè 21:44) “Kieku kien Ġożwè li tahom il-​mistrieħ,” irraġuna Pawlu, “Alla ma kienx jitkellem minn jum wara dan.” Minħabba dan, Pawlu żied: “Għad baqaʼ mistrieħ tas-​Sibt għall-​poplu taʼ Alla.” (Lhud 4:8, 9) X’inhu dak il-​“mistrieħ tas-​Sibt [“sabat,” NW]”?

Idħol fil-​Mistrieħ t’Alla

15, 16. (a) X’inhu s-​sinjifikat tat-​terminu “mistrieħ tas-​sabat”? (b) X’ifisser li wieħed ‘jistrieħ minn xogħlu stess’?

15 L-​espressjoni “mistrieħ tas-​sabat” hija tradotta minn kelma Griega li tfisser “tieħu sabat.” (Kingdom Interlinear) Il-​Professur William Lane jgħid: “It-​terminu rċieva l-​isfumatura partikulari tiegħu mill-​istruzzjonijiet dwar is-​Sabat li żviluppaw fil-​Ġudaiżmu fuq il-​bażi taʼ Eżodu 20:8-10, fejn ġie enfasizzat li l-​mistrieħ u t-​tifħir imorru id f’id . . . Dan jisħaq l-​aspett speċjali taʼ festeġġjar u ferħ, espressi fl-​adorazzjoni u t-​tifħir lil Alla.” Għalhekk, mela, il-​mistrieħ imwiegħed m’huwiex sempliċement ħelsien mix-​xogħol. Huwa bidla minn xogħol iebes, bla skop, għal servizz taʼ ferħ li jonora lil Alla.

16 Dan huwa indikat mill-​kliem li jkompli jgħid Pawlu: “Għax min jidħol fil-​mistrieħ taʼ Alla jistrieħ hu wkoll mix-​xogħol kif Alla strieħ minn tiegħu.” (Lhud 4:10) Alla ma straħx fis-​sebaʼ jum taʼ ħolqien għaliex kien għajjien. Minflok, hu waqaf mix-​xogħol taʼ ħolqien fuq l-​art sabiex lill-​prodott taʼ jdejh iħallih jiżviluppa u jasal għall-​glorja sħiħa, għat-​tifħir u l-​unur tiegħu. Bħala parti mill-​ħolqien t’Alla, aħna wkoll għandna nsibu postna f’dak l-​arranġament. Għandna ‘nistrieħu mix-​xogħol tagħna stess,’ jiġifieri, m’għandniex nibqgħu nipprovaw niġġustifikaw lilna nfusna quddiem Alla biex nipprovaw niksbu s-​salvazzjoni. Minflok, għandu jkollna fidi li s-​salvazzjoni tagħna tiddependi fuq is-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù Kristu, li permezz tiegħu l-​affarijiet kollha se jinġabu mill-​ġdid f’armonija maʼ l-​iskop t’Alla.—Efesin 1:8-14; Kolossin 1:19, 20.

Il-​Kelma t’Alla Teżerċita Qawwa

17. Liema korsa segwita minn Iżrael naturali għandna nevitaw?

17 L-​Iżraeliti naqsu li jidħlu fil-​mistrieħ imwiegħed t’Alla minħabba d-​diżubbidjenza u n-​nuqqas taʼ fidi tagħhom. Għaldaqstant, Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani Lhud: “Infittxu mela li nidħlu f’dan il-​mistrieħ, biex ma jkunx hemm min jaqaʼ bħalhom fuq l-​eżempju taʼ l-​ebusija tagħhom.” (Lhud 4:11) Il-​biċċa l-​kbira mil-​Lhud taʼ l-​ewwel seklu ma eżerċitawx fidi f’Ġesù, u ħafna minnhom sofrew bil-​kbir meta ntemmet is-​sistema t’affarijiet Lhudija fis-​sena 70 E.K. Kemm huwa urġenti li jkollna fidi fil-​kelma tal-​wegħda t’Alla llum!

18. (a) Pawlu liema raġunijiet tana biex neżerċitaw fidi fil-​kelma t’Alla? (b) Il-​kelma t’Alla kif “taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar”?

18 Għandna raġunijiet validi biex neżerċitaw fidi fil-​kelma taʼ Jehovah. Pawlu kiteb: “Il-​kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-​ruħ u l-​ispirtu u l-​ġogi u l-​mudullun; u tgħarbel il-​ħsibijiet u l-​fehmiet tal-​qalb.” (Lhud 4:12) Iva, il-​kelma, jew messaġġ, t’Alla “taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar.” Il-​Kristjani Lhud kellhom jiftakru xi ġralhom l-​antenati tagħhom. Billi injoraw il-​ġudizzju taʼ Jehovah li kienu se jmutu fix-​xagħri, huma pprovaw jidħlu fl-​Art Imwiegħda. Imma Mosè wissiehom: “Hemm l-​Għamalekin u l-​Kangħanin kontra tagħkom, u jeqirdukom bix-​xabla.” Meta l-​Iżraeliti webbsu rashom u marru, “niżlu l-​Għamalekin u l-​Kangħanin li kienu joqogħdu fuq il-​muntanja, darbuhom u farrkuhom sa Ħorma.” (Numri 14:39-45) Il-​kelma taʼ Jehovah taqtaʼ iktar minn xabla b’żewġt ixfar, u kulmin jinjoraha apposta żgur li jaħsad il-​konsegwenzi.—Galatin 6:7-9.

19. Il-​kelma t’Alla kif “tinfed” bil-​qawwa, u għala għandna nirrikonoxxu li rridu nagħtu kont lil Alla?

19 Kemm hi qawwija l-​kelma t’Alla li saħansitra “tinfed sa tifred minn xulxin ir-​ruħ u l-​ispirtu u l-​ġogi u l-​mudullun”! Tippenetra fil-​ħsibijiet u l-​motivi taʼ l-​individwu, billi figurattivament tinfed dritt sal-​mudullun fl-​iktar parti ġewwinija taʼ l-​għadam! Għalkemm l-​Iżraeliti meħlusin mill-​jasar taʼ l-​Eġittu kienu aċċettaw li jħarsu l-​Liġi, Jehovah kien jaf li fil-​fond taʼ qalbhom ma kinux apprezzawhom il-​provvedimenti u l-​ħtiġijiet tiegħu. (Salm 95:7-11) Minflok ma għamlu r-​rieda tiegħu, kienu kkonċernati f’li jissodisfaw ix-​xewqat taʼ ġisimhom. Għaldaqstant, ma daħlux fil-​mistrieħ imwiegħed t’Alla imma mietu fix-​xagħri. Għandna bżonn nieħdu lezzjoni minn dan, għax “xejn ma hemm fil-​ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.” (Lhud 4:13) Jalla għalhekk inwettqu d-​dedikazzjoni tagħna lil Jehovah u ‘ma nerġgħux lura biex nintilfu.’—Lhud 10:39.

20. X’hemm quddiemna, u x’irridu nagħmlu issa biex nidħlu fil-​mistrieħ t’Alla?

20 Għalkemm is-​“sebaʼ jum”​—jum il-​mistrieħ t’Alla—​għadu għaddej, hu konxju dwar kif qed jiżvolġi l-​iskop tiegħu rigward l-​art u l-​umanità. Is-​Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu, ma jdumx ma jieħu azzjoni biex jeħles l-​art mill-​opponenti kollha tar-​rieda t’Alla, inkluż Satana x-​Xitan. Matul ir-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu, Ġesù u l-​144,000 ħakkiem imsieħeb tiegħu se jġibu l-​art u l-​umanità għall-​istat li Alla kellu l-​iskop għalihom. (Apokalissi 14:1; 20:1-6) Issa huwa ż-​żmien li nagħtu prova li ħajjitna hija ċċentrata fuq ir-​rieda t’Alla Jehovah. Minflok ma nipprovaw niġġustifikaw lilna nfusna quddiem Alla u nippromwovu l-​interessi tagħna stess, issa huwa ż-​żmien biex ‘nistrieħu mix-​xogħlijiet tagħna stess’ u b’qalbna kollha naqdu l-​interessi tas-​Saltna. Billi nagħmlu dan u billi nibqgħu leali lejn Missierna tas-​sema, Jehovah, se jkollna l-​privileġġ li ngawdu l-​benefiċċji tal-​mistrieħ t’Alla issa u għal dejjem.

Tistaʼ Tispjega?

◻ X’kien l-​iskop għala Alla straħ fis-​“sebaʼ jum”?

◻ L-​Iżraeliti liema mistrieħ setgħu gawdew, imma għala naqsu li jidħlu fih?

◻ X’irridu nagħmlu biex nidħlu fil-​mistrieħ t’Alla?

◻ Il-​kelma t’Alla kif inhi ħajja, qawwija, u taqtaʼ iktar minn xabla b’żewġt ixfar?

[Stampa f’paġna 16, 17]

L-​Iżraeliti ħarsuh is-​Sabat, imma ma daħlux fil-​mistrieħ t’Alla. Taf għala?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja