“Ibqgħu Agħtu Prova taʼ X’Intom”
“Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-fidi, ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.” —2 KORINTIN 13:5.
1, 2. (a) L-inċertezza dwar it-twemmin tagħna kif tistaʼ teffettwana? (b) Liema sitwazzjoni f’Korintu taʼ l-ewwel seklu forsi ġagħlet lil xi wħud isiru inċerti dwar kif għandhom jimxu?
RAĠEL li qed jivvjaġġa fil-kampanja jasal f’salib it-toroq. Minħabba li m’huwiex ċert liema triq se twasslu għad-destinazzjoni tiegħu, hu jistaqsi lil dawk li jkunu għaddejjin għad-direzzjonijiet imma ma jaqblux fl-informazzjoni li jagħtuh. Konfuż, hu ma jistax ikompli bil-vjaġġ tiegħu. Dubji dwar it-twemmin tagħna jistaʼ jkollhom l-istess effett fuqna. Inċertezza bħal din tistaʼ ttellef l-abbiltà tagħna li nieħdu deċiżjonijiet u ġġagħalna nkunu indeċiżi dwar kif għandna nimxu.
2 Qamet sitwazzjoni li setgħet kellha effett bħal dan fuq xi wħud fil-kongregazzjoni Kristjana f’Korintu, fil-Greċja taʼ l-ewwel seklu. “Appostli raffinati żżejjed” kienu qed jisfidaw l-awtorità taʼ l-appostlu Pawlu, billi qalu: “L-ittri tiegħu huma serji u qawwijin, imma l-preżenza tiegħu meta jkun fostna hi dgħajfa u kliemu taʼ min jistmerru.” (2 Korintin 10:7-12; 11:5, 6) Ħarsa bħal din forsi ġagħlet lil xi wħud fil-kongregazzjoni f’Korintu jsiru inċerti dwar kif għandhom jimxu.
3, 4. Il-parir li Pawlu ta lill-Korintin għala għandu jkun taʼ interess għalina?
3 Pawlu stabbilixxa l-kongregazzjoni f’Korintu waqt iż-żjara tiegħu hemmhekk fis-sena 50 E.K. Hu baqaʼ f’Korintu “sena u sitt xhur, jgħallem il-kelma t’Alla fosthom.” Tabilħaqq, “ħafna mill-Korintin li semgħu bdew jemmnu u jitgħammdu.” (Atti 18:5-11) Pawlu kien interessat ferm fis-saħħa spiritwali taʼ sħabu fit-twemmin f’Korintu. Iżjed minn hekk, il-Korintin kienu kitbu lil Pawlu għal pariri dwar ċerti kwistjonijiet. (1 Korintin 7:1) Għalhekk tahom pariri eċċellenti.
4 Pawlu kiteb: “Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-fidi, ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.” (2 Korintin 13:5) Li kieku applikaw dan il-parir kien se jipproteġi lil dawk l-aħwa f’Korintu milli jkunu inċerti dwar kif għandhom jimxu. Dan jistaʼ jipproteġina bl-istess mod illum. Għalhekk, kif nistgħu nsegwu l-parir taʼ Pawlu? Kif nistgħu ngħarblu jekk aħniex fil-fidi? U x’hemm involut biex nagħtu prova taʼ x’aħna?
“Ibqgħu Għarblu Jekk Intomx fil-Fidi”
5, 6. Liema livell għandna biex ngħarblu jekk aħniex fil-fidi, u dan għala hu livell ideali?
5 F’eżami, ġeneralment jiġi testjat suġġett jew oġġett, u jkun hemm bażi jew livell maʼ xiex jitqabbel ir-riżultat. F’dan il-każ, l-oġġett li se jiġi eżaminat m’huwiex il-fidi—it-twemmin kollu li aħna aċċettajna. Is-suġġett huwa aħna bħala individwi. Sabiex nagħmlu dan l-eżami, għandna livell perfett. Għanja li kkompona s-salmista David tgħid: “Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja; ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx. Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb; il-kmandament tal-Mulej safi, u jdawwal l-għajnejn.” (Salm 19:8, 9 [19:7, 8, NW]) Il-Bibbja fiha l-liġijiet perfetti u l-ordnijiet ġusti taʼ Ġeħova, it-tfakkiriet taʼ min jafdahom u l-kmandamenti safjin tiegħu. Il-messaġġ li hemm fiha huwa l-livell ideali biex aħna ngħarblu lilna nfusna bih.
6 Rigward dan il-messaġġ ispirat minn Alla, l-appostlu Pawlu qal: “Għax il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar u tinfed tant li tifred ir-ruħ u l-ispirtu, u l-ġogi u l-mudullun tagħhom, u tistaʼ tagħraf il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb.” (Ebrej 4:12) Iva, il-Kelma t’Alla tistaʼ teżamina lil qalbna—dak li aħna tassew minn ġewwa. Kif nistgħu napplikaw personalment dan il-messaġġ li jinfed u li hu qawwi? Is-salmista ma jħalli ebda dubju dwar x’jinvolvi dan. Hu kanta: “Hieni l-bniedem li . . . fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar [“jaqra,” NW] fil-liġi tiegħu.” (Salm 1:1, 2) Il-“liġi tal-Mulej” tinsab fil-Kelma miktuba t’Alla, il-Bibbja. Għandha tkun l-għaxqa tagħna li naqraw il-Kelma taʼ Ġeħova. Tabilħaqq, għandna nieħdu l-ħin biex naqrawha taħt l-ilsien, jew nimmeditaw fuqha. Hekk kif nagħmlu dan, irridu nesponu lilna nfusna—l-oġġett li se jiġi eżaminat—għal dak li hemm miktub fiha.
7. Liema hu l-aħjar mod biex ngħarblu jekk aħniex fil-fidi?
7 Għalhekk, l-aħjar mod biex ngħarblu jekk aħniex fil-fidi huwa li naqraw u nimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla bit-talb u neżaminaw kemm il-kondotta tagħna hi fi qbil maʼ dak li nitgħallmu. Aħna nistgħu nkunu ferħanin li għandna ħafna għajnuniet biex nifhmu l-Kelma t’Alla.
8. Il-pubblikazzjonijiet taʼ “l-ilsir leali u għaqli” kif jistgħu jgħinuna ngħarblu jekk aħniex fil-fidi?
8 Ġeħova pprovda tagħlim u istruzzjoni permezz tal-pubblikazzjonijiet taʼ “l-ilsir leali u għaqli,” li jispjegaw l-Iskrittura. (Mattew 24:45) Per eżempju, ikkunsidra l-kaxxa intitolata “Mistoqsijiet għall-Meditazzjoni” fl-aħħar tal-maġġuranza mill-kapitli fil-ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah.a X’opportunitajiet mill-aqwa tipprovdilna din il-parti mill-ktieb biex nirriflettu personalment! Diversi suġġetti diskussi fir-rivisti tagħna, It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, ukoll jgħinuna ngħarblu jekk aħniex fil-fidi. Rigward l-artikli li jiddiskutu l-ktieb tal-Proverbji f’ħarġiet reċenti tat-Torri taʼ l-Għassa, waħda mara Kristjana qalet: “Insib dawn l-artikli prattiċi ħafna. Jgħinuni neżamina jekk id-diskors, il-kondotta, u l-attitudni tiegħi jilħqux tassew il-livelli ġusti taʼ Ġeħova.”
9, 10. Liema provvedimenti mingħand Ġeħova jgħinuna nibqgħu ngħarblu jekk aħniex fil-fidi?
9 Nirċievu wkoll abbundanza taʼ direzzjoni u inkuraġġiment fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet. Dawn huma fost il-provvedimenti spiritwali li Alla ta lil dawk li dwarhom Isaija pprofetizza: “Għad jiġri fl-aħħar jiem li l-għolja tad-dar tal-Mulej togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji, u tintrefaʼ ’l fuq mill-għoljiet, lejha għad jiġru l-ġnus kollha. Kotra taʼ popli għad jiġu u jgħidu: ‘Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej, . . . biex jgħallimna triqatu, u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.’” (Isaija 2:2, 3) Hija tassew barka li għandna dawn l-istruzzjonijiet dwar it-triqat taʼ Ġeħova.
10 Mod ieħor biex ngħarblu lilna nfusna hu permezz tal-parir mingħand dawk li għandhom kwalifiki spiritwali, inkluż lanzjani Kristjani. Rigward dawn, il-Bibbja tgħid: “Ħuti, anki jekk bniedem jagħmel xi pass falz qabel ma jinduna, intom li għandkom kwalifiki spiritwali ipprovaw aġġustawh mill-ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa, waqt li kull wieħed minnkom joqgħod attent għalih innifsu, minħabba l-biżaʼ li hu wkoll jiġi ttantat.” (Galatin 6:1) Kemm għandna nkunu grati għal dan il-provvediment biex naġġustaw lilna nfusna!
11. X’hemm bżonn nagħmlu biex ngħarblu jekk aħniex fil-fidi?
11 Il-pubblikazzjonijiet tagħna, il-laqgħat Kristjani, u l-irġiel maħturin huma kollha provvedimenti taʼ l-għaġeb mingħand Ġeħova. Però, biex ngħarblu jekk aħniex fil-fidi hemm bżonn li neżaminaw lilna nfusna. Għalhekk, meta nkunu qed naqraw il-pubblikazzjonijiet tagħna jew nisimgħu pariri Skritturali rridu nistaqsu lilna nfusna: ‘Qiegħed dan jiddeskrivi lili? Nagħmlu dan? Qiegħed inżomm mat-twemmin Kristjan kollu kemm hu?’ L-attitudni tagħna lejn l-informazzjoni li nirċievu permezz taʼ dawn il-provvedimenti wkoll għandha tinfluwenza l-kundizzjoni spiritwali tagħna. “Bniedem fiżiku ma jilqax l-affarijiet taʼ l-ispirtu t’Alla, għax huma bluha għalih,” tgħid il-Bibbja. “Madankollu, il-bniedem spiritwali jistħarreġ kollox.” (1 Korintin 2:14, 15) M’għandniex aħna nistinkaw biex inżommu ħarsa spiritwali u pożittiva lejn dak li naqraw fil-kotba, ir-rivisti, u l-pubblikazzjonijiet l-oħra tagħna u lejn dak li nisimgħu fil-laqgħat tagħna u mingħand l-anzjani?
“Ibqgħu Agħtu Prova taʼ X’Intom”
12. X’jinvolvi li nagħtu prova taʼ x’aħna?
12 Biex nagħtu prova taʼ x’aħna hemm bżonn li neżaminaw lilna nfusna. Iva, nistgħu nkunu fil-verità, imma x’inhu l-livell taʼ l-ispiritwalità tagħna? Biex nagħtu prova taʼ x’aħna jinvolvi li nagħtu prova taʼ maturità u t’apprezzament ġenwin għall-provvedimenti spiritwali.
13. Skond Ebrej 5:14, x’għandna li jservi taʼ prova tal-maturità tagħna?
13 Liema prova taʼ maturità Kristjana nistgħu nfittxu ġewwa fina? L-appostlu Pawlu kiteb: “Imma l-ikel solidu hu għan-nies maturi, għal dawk li bl-użu għandhom is-sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.” (Ebrej 5:14) Aħna nagħtu prova taʼ maturità billi nħarrġu s-sensi tagħna. Hekk kif ċerti muskoli fil-ġisem t’atleta għandhom bżonn jiġu mħarrġin billi jużahom ripetutament qabel ma jkun jistaʼ jibbrilla f’dak li jagħmel, is-sensi tagħna għandhom jiġu mħarrġin ripetutament billi napplikaw prinċipji Bibliċi.
14, 15. Għala għandna nagħmlu sforz diliġenti biex nistudjaw l-affarijiet iktar profondi tal-Kelma t’Alla?
14 Però, qabel ma nistgħu nħarrġu s-sensi tagħna hemm bżonn li nakkwistaw l-għarfien. Għal dan, studju persunali diliġenti huwa essenzjali. Meta nagħmlu l-istudju persunali b’mod regulari—speċjalment dwar l-affarijiet profondi tal-Kelma t’Alla—is-sensi tagħna jitjiebu. Matul is-snin, ħafna suġġetti profondi ġew diskussi fit-Torri taʼ l-Għassa. Kif nirreaġixxu meta niltaqgħu m’artikli li jiddiskutu l-veritajiet iktar profondi? Għandna t-tendenza li nevitawhom għaliex fihom “xi affarijiet tqal biex tifhimhom”? (2 Pietru 3:16) Għall-kuntrarju, nistinkaw iktar biex nifhmu dak li qed jingħad.—Efesin 3:18.
15 X’nistgħu nagħmlu jekk insibuha bi tqila biex nagħmlu l-istudju persunali? Huwa vitali li nistinkaw biex nitgħallmu nieħdu gost nagħmluh.b (1 Pietru 2:2) Biex insiru maturi hemm bżonn li nitgħallmu niksbu nutrimenti minn ikel solidu, il-veritajiet profondi tal-Kelma t’Alla. Inkella, is-sensi tagħna se jibqgħu limitati. Madankollu, biex nagħtu prova li mmaturajna jirrikjedi iktar milli sempliċement niksbu s-sens tagħna biex nagħżlu. Fil-ħajja taʼ kuljum għandna nużaw l-għarfien li niksbu permezz taʼ studju persunali diliġenti.
16, 17. Liema parir jagħti d-dixxiplu Ġakbu dwar li nsiru wħud li ‘jagħmlu l-kelma’?
16 Il-prova taʼ x’aħna tinsab ukoll fl-espressjonijiet tagħna t’apprezzament għall-verità—ix-xogħlijiet taʼ fidi tagħna. Billi juża tixbiha qawwija biex jiddeskrivi din il-parti taʼ l-eżaminar tagħna nfusna, id-dixxiplu Ġakbu jgħid: “Qisu li tagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss, u b’hekk tqarrqu bikom infuskom bi rraġunar falz. Għax jekk xi ħadd jismaʼ l-kelma u ma jagħmilhiex, dan qisu wieħed li jħares lejn wiċċu naturali f’mera. Iħares lejn wiċċu u jitlaq ’l hemm, u minnufih jinsa liema xorta taʼ bniedem hu. Imma min iħares fiss lejn il-liġi perfetta tal-libertà u jibqaʼ jagħmel hekk, peress li dan ma jkunx wieħed li jismaʼ u jinsa imma wieħed li jobdi l-kelma, ikun hieni li qed jagħmilha.”—Ġakbu 1:22-25.
17 Ġakbu qed jgħid: ‘Ħares fil-mera tal-Kelma t’Alla u eżamina lilek innifsek. Ippersisti f’dan, u eżamina lilek innifsek fid-dawl taʼ dak li ssib fil-kelma t’Alla. Imbagħad, tinsiex malajr dak li tara. Agħmel il-bidliet li hemm bżonn.’ Li ssegwi dan il-parir mhux dejjem jistaʼ jkun faċli.
18. Għala jistaʼ jkun taʼ sfida li nsegwu l-parir taʼ Ġakbu?
18 Per eżempju, innota l-bżonn taʼ li tieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Pawlu kiteb: “Għax bil-qalb wieħed jeżerċita l-fidi għall-ġustizzja, imma bil-fomm jistqarr pubblikament għas-salvazzjoni.” (Rumani 10:10) Li nistqarru pubblikament is-salvazzjoni b’fommna jirrikjedi diversi bidliet. Il-maġġuranza minna ma nsibuhx faċli x-xogħol taʼ l-ippridkar. Biex inkunu żelużi fih u nagħtu dan ix-xogħol il-post li jixraqlu f’ħajjitna jirrikjedi saħansitra iktar bidliet u sagrifiċċji. (Mattew 6:33) Imma ladarba nagħmlu dan ix-xogħol li tana Alla, aħna ferħanin bit-tifħir li jġib lil Ġeħova. Għalhekk, irridu nistaqsu, aħna proklamaturi żelużi tas-Saltna?
19. X’għandhom jinkludu x-xogħlijiet taʼ fidi tagħna?
19 X’għandhom jinkludu x-xogħlijiet taʼ fidi tagħna? Pawlu jgħid: “L-affarijiet li tgħallimtu kif ukoll aċċettajtu u smajtu mingħandi u dak kollu li rajtu fija, ipprattikawhom; u l-Alla tal-paċi jkun magħkom.” (Filippin 4:9) Nagħtu prova taʼ dak li aħna billi nipprattikaw dak li tgħallimna, aċċettajna, smajna, u rajna—dak kollu li jinvolvi biex inkunu Kristjani dedikati u dixxipli. Permezz tal-profeta Isaija, Ġeħova jistruwixxi: “Din hi t-triq; għaddi minnha.”—Isaija 30:21.
20. Liema tip taʼ individwi huma barka kbira għall-kongregazzjoni?
20 Irġiel u nisa li huma studenti diliġenti tal-Kelma t’Alla, li huma predikaturi żelużi taʼ l-aħbar tajba, li ma jonqsux fl-integrità tagħhom, u li jappoġġaw lealment is-Saltna huma barka kbira għall-kongregazzjoni. Il-preżenza tagħhom iżżid maʼ l-istabbilità tal-kongregazzjoni li huma jassoċjaw magħha. Huma jagħtu prova li huma t’għajnuna kbira, speċjalment għaliex hemm ħafna wħud ġodda li għandna nieħdu ħsieb. Meta ndaħħlu f’qalbna l-parir taʼ Pawlu biex ‘nibqgħu ngħarblu jekk aħniex fil-fidi, nibqgħu nagħtu prova taʼ x’aħna,’ aħna wkoll insiru t’eżempju tajjeb għal oħrajn.
Tgħaxxaq f’li Tagħmel ir-Rieda t’Alla
21, 22. Kif nistgħu nitgħaxxqu f’li nagħmlu r-rieda t’Alla?
21 Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem kanta: “Li nagħmel ir-rieda tiegħek. Alla tiegħi, dan jogħġobni; il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.” (Salm 40:9 [40:8, NW]) David kien jitgħaxxaq f’li jagħmel ir-rieda t’Alla. Għala? Għaliex il-liġi taʼ Ġeħova kienet f’qalbu. David ma kienx inċert dwar it-triq li kellu jieħu.
22 Meta l-liġi t’Alla tkun f’qalbna, aħna ma nkunux inċerti dwar kif għandna nimxu. Aħna nitgħaxxqu f’li nagħmlu r-rieda t’Alla. Għalhekk, bil-mezzi kollha tagħna ejja ‘nistinkaw kemm nifilħu’ hekk kif naqdu lil Ġeħova mill-qalb.—Luqa 13:24.
[Noti taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Għal suġġerimenti t’għajnuna dwar kif nistudjaw, ara t-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Diċembru, 2002, paġni 13-23, u t-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’Ottubru, 2000, paġni 8-23, pubblikati mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Tiftakar Int?
• Kif nistgħu ngħarblu jekk aħniex fil-fidi?
• X’hemm involut biex nagħtu prova taʼ x’aħna?
• Xi prova nistgħu nagħtu biex nuru li aħna Kristjani maturi?
• Ix-xogħlijiet taʼ fidi tagħna kif jgħinuna neżaminaw x’aħna?
[Stampa f’paġna 23]
Taf x’inhu l-aħjar mod kif tgħarbel jekk intix fil-fidi?
[Stampa f’paġna 24]
Aħna nagħtu prova tal-maturità Kristjana tagħna billi nużaw is-sensi tagħna
[Stampi f’paġna 25]
Nagħtu prova taʼ x’aħna billi ‘nagħmlu l-kelma, u mhux nisimgħuha biss’