LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 1/1 pp. 12-17
  • “Dawk li Jagħmlu l-Kelma” Mimlijin Ferħ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Dawk li Jagħmlu l-Kelma” Mimlijin Ferħ
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Issaportar Bil-​Ferħ
  • Infittxu L-​Għerf
  • Insiru “Dawk Li Jagħmlu L-​Kelma”
  • Minkejja l-Provi, Iggranfa mal-Fidi Tiegħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Tgħallem minn Ħu Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Kif Tibqaʼ Ferħan Meta Tiffaċċja l-​Provi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Kunu Wħud Li Tagħmlu
    Il-Ministeru tas-Saltna—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 1/1 pp. 12-17

“Dawk li Jagħmlu l-​Kelma” Mimlijin Ferħ

“Ilqgħu bil-​ħlewwa l-​kelma mħawla fikom, li tistaʼ ssalvalkom ruħkom. Kunu intom dawk li jagħmlu l-​kelma, u mhux tisimgħuha biss.”—ĠAKBU 1:21, 22.

1. It-​test tagħna tas-​sena għall-​1996 kif għandu jitqies?

KUNU INTOM DAWK LI JAGĦMLU L-​KELMA.” Din l-​istqarrija sempliċi ġġorr messaġġ potenti. Hija meħuda minn “L-​Ittra Taʼ Ġakbu” fil-​Bibbja, u se tkun murija fis-​Swali tas-​Saltna bħala t-​test tas-​sena tax-​Xhieda taʼ Jehovah matul l-​1996.

2, 3. Għala kien xieraq li Ġakbu kellu jikteb l-​ittra li ġġorr ismu?

2 Ġakbu, ħu l-​Mulej Ġesù mill-​omm, kien prominenti fil-​kongregazzjoni Kristjana bikrija. F’okkażjoni minnhom wara l-​irxoxt taʼ Ġesù, il-​Mulej tagħna deher personalment lil Ġakbu u mbagħad lill-​appostli kollha. (1 Korintin 15:7) Iktar tard, meta l-​appostlu Pietru ġie meħlus mirakolożament mill-​ħabs, qal lil grupp taʼ Kristjani miġburin flimkien: “Agħtu din l-​aħbar lil Ġakbu u lill-​aħwa l-​oħra.” (Atti 12:17) Milli jidher Ġakbu, għalkemm hu nnifsu ma kienx appostlu, ippresieda fil-​laqgħa tal-​ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm meta l-​appostli u l-​anzjani ddeċidew li Ġentili kkonvertiti ma kellhomx bżonn jiġu ċirkonċiżi. Ġakbu ġabar id-​diskussjoni fil-​qosor, u d-​deċiżjoni kkonfermata mill-​ispirtu qaddis intbagħtet lill-​kongregazzjonijiet kollha.—Atti 15:1-29.

3 Ovvjament, l-​irraġunar matur taʼ Ġakbu kellu influwenza kbira. Madankollu, hu umilment irrikonoxxa li hu nnifsu kien sempliċement “qaddej taʼ Alla u taʼ Sidna Ġesù Kristu.” (Ġakbu 1:1) L-​ittra ispirata tiegħu fiha għana taʼ pariri sodi u inkuraġġiment għall-​Kristjani llum. Kienet tlestiet madwar erbaʼ snin qabel l-​attakk inizjali mir-​Rumani fuq Ġerusalemm mill-​Ġeneral Ċestjus Gallus, wara li l-​aħbar tajba kienet ġiet ippridkata b’mod estensiv “lill-​ħlejjaq kollha taħt is-​smewwiet.” (Kolossin 1:23) Kienu żminijiet kritiċi, u l-​qaddejja taʼ Jehovah kienu konxji bis-​sħiħ li l-​ġudizzju Tiegħu kien wasal biex jiġi esegwit fuq il-​ġens Lhudi.

4. X’jindika li l-​Kristjani bikrin kellhom fiduċja kbira fil-​Kelma t’Alla?

4 Dawk il-​Kristjani diġà kellhom l-​Iskrittura Ebrajka kollha u ħafna mill-​Iskrittura Griega. Bħalma huwa indikat mir-​referenzi numerużi tagħhom għall-​kitbiet iktar bikrin, il-​kittieba Kristjani tal-​Bibbja ovvjament kellhom fiduċja qawwija fil-​Kelma t’Alla. Bl-​istess mod, aħna llum għandna bżonn nistudjaw il-​Kelma t’Alla bis-​serjetà u napplikawha fil-​ħajjiet tagħna. Sabiex nissaportu, għandna bżonn is-​saħħa spiritwali u l-​kuraġġ li tipprovdi l-​Iskrittura Mqaddsa.—Salm 119:97; 1 Timotju 4:13.

5. Għala neħtieġu gwida speċjali llum, u fejn se nsibuha?

5 Illum l-​umanità tinsab fix-​xifer taʼ “diqa kbira li mill-​bidu tad-​dinja għadu qatt ma kien hawn bħalha u anqas ikun hawn.” (Mattew 24:21) Is-​sopravivenza tagħna tiddependi fuq li jkollna gwida divina. Kif nistgħu nsibuha din? Billi niftħu qlubna għat-​tagħlim tal-​Kelma ispirata mill-​ispirtu t’Alla. Dan se jwassalna biex insiru “dawk li jagħmlu l-​kelma” bħal qaddejja leali taʼ Jehovah fiż-​żminijiet taʼ qabel. Irridu naqraw u nistudjaw il-​Kelma t’Alla b’mod diliġenti u nużawha għat-​tifħir taʼ Jehovah.—2 Timotju 2:15; 3:16, 17.

Issaportar Bil-​Ferħ

6. Għala għandna nsibu ferħ f’li niltaqgħu maʼ provi?

6 Fil-​ftuħ taʼ l-​ittra tiegħu, Ġakbu jsemmi l-​ferħ, it-​tieni frotta taʼ l-​ispirtu t’Alla. Jikteb: “Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom maʼ kull xorta taʼ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-​tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-​sabar. Ħallu li s-​sabar ikollu l-​milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn.” (Ġakbu 1:2-4; Galatin 5:22, 23) Kif jistaʼ jingħad li huwa “kollox b’ferħ” li niltaqgħu maʼ ħafna provi? Sewwa, saħansitra Ġesù qal fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja: “Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta taʼ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-​smewwiet.” (Mattew 5:11, 12) Hemm sodisfazzjon mimli ferħ f’li naraw il-​barka taʼ Jehovah fuq l-​isforzi tagħna hekk kif nagħfsu ’l quddiem lejn il-​mira taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 17:3; 2 Timotju 4:7, 8; Lhud 11:8-10, 26, 35.

7. (a) Kif nistgħu niġu mgħejjunin biex nissaportu? (b) Bħal Ġob, kif nistgħu niġu ppremjati?

7 Ġesù nnifsu ssaporta “għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu.” (Lhud 12:1, 2, NW) Billi nħarsu b’attenzjoni lejn l-​eżempju kuraġġuż taʼ Ġesù, aħna wkoll nistgħu nissaportu! Bħalma jsemmi Ġakbu lejn it-​tmiem taʼ l-​ittra tiegħu, Jehovah ibierek b’mod għani lil uħud li jżommu l-​integrità. “Dawk li żammew sħiħ sa l-​aħħar, araw, aħna nqisuhom bħala hienja,” jgħid Ġakbu. “Smajtu bis-sabar taʼ Ġob, u tafu kif bil-​għajnuna tal-Mulej hu għalaq jiem ħajtu; għax il-​Mulej jaf jagħder, u hu ħanin bil-​bosta.” (Ġakbu 5:11) Ftakar kif l-​integrità taʼ Ġob kienet ippremjata meta ġie rrestawrat għal saħħa bnina u għat-​tgawdija taʼ ħajja hienja mimlija skop maʼ wħud maħbubin. Issaportar fl-​integrità jistaʼ jġiblek thennija simili fil-​Ġenna mwiegħda tad-​dinja ġdida t’Alla, bħala quċċata għall-​ferħ taʼ li taqdi lil Jehovah issa stess.

Infittxu L-​Għerf

8. Kif nistgħu nsibu għerf veru u prattiku, u t-​talb x’parti jilgħab f’dan?

8 L-​istudju diliġenti tagħna tal-​Kelma t’Alla, flimkien maʼ l-​applikar prattiku tiegħu, se jirriżulta f’għerf divin, li jagħmilna kapaċi nissaportu provi f’nofs il-​korruzzjoni tas-​sistema moribonda taʼ Satana. Kif nistgħu niġu żgurati li se nsibu għerf bħal dan? Ġakbu jgħidilna: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-​għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar ’il ħadd, u jagħtihulu. Mela ħa jitlob bil-​fidi, bla ma jitħasseb xejn, għax min jitħasseb ikun jixbah lill-​mewġ tal-​baħar imqanqal u mqalleb bir-​riħ.” (Ġakbu 1:5, 6) Għandna nitolbu bis-​serjetà, b’fiduċja li ma titħarrikx li Jehovah se jismaʼ l-​petizzjonijiet tagħna u li se jweġibhom fil-​mod u l-​waqt xieraq tiegħu stess.

9. Ġakbu kif jiddeskrivi l-​għerf divin u l-​applikar tiegħu?

9 L-​għerf divin huwa għotja mingħand Jehovah. Waqt li jiddeskrivi għotjiet bħal dawn, Ġakbu jgħid: “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-​sema, jinżel mingħand il-​Missier, il-​għajn tad-​dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell taʼ tidwir.” Iktar tard fl-​ittra tiegħu, Ġakbu jispjega r-​riżultat taʼ li niksbu għerf veru meta jgħid: “Hemm xi ħadd għaref u għaqli fostkom? Mela ħa juri bl-​imġiba tajba tiegħu, egħmilu bi ħlewwa għaqlija. . . . Il-​għerf li ġej mis-​sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-​sliem, it-​tjubija u l-​ħlewwa, huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-​uċuh u bla qerq.”—Ġakbu 1:17; 3:13-17.

10. Ir-​reliġjon falza kif inhi f’kuntrast mal-​vera?

10 Fl-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, kemm jekk fil-​Kristjaneżmu jew f’pajjiżi oħrajn, taʼ spiss hija d-​drawwa għal adoraturi li jkantaw xi innijiet, jisimgħu talb ripetituż, u forsi jisimgħu xi taħdita. L-​ebda inkuraġġiment ma jingħata lejn proklamar taʼ messaġġ taʼ tama, għaliex il-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet ma jaraw ebda prospett sabiħ għall-​futur. It-​tama glorjuża tas-​Saltna Messjanika t’Alla jew qatt ma tissemmaʼ jew hija kompletament mifhuma ħażin. Jehovah jgħid profetikament dwar is-​segwaċi tal-​Kristjaneżmu: “Tnejn huma d-​dnubiet tal-​poplu tiegħi: telqu lili, il-​għajn taʼ l-​ilma ġieri, biex ħaffru bjar għalihom, bjar miksura li ma jżommux ilma.” (Ġeremija 2:13) M’għandhomx ilmijiet taʼ verità. Għerf tas-​sema huwa nieqes.

11, 12. (a) L-​għerf divin kif għandu jimmotivana? (b) L-​għerf divin rigward liema ħaġa jwissina?

11 Kemm huwa differenti dan fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah illum! B’enerġija dinamika mogħtija minn Alla, qegħdin jiksu l-​art bl-​aħbar tajba tas-​Saltna Tiegħu li ġejja. L-​għerf li jitkellmu huwa bbażat solidament fuq il-​Kelma t’Alla. (Qabbel Proverbji 1:20; Isaija 40:29-31.) Tabilħaqq, huma jagħmlu użu prattiku t’għarfien veru u fehma f’li jipproklamaw l-​iskopijiet grandjużi taʼ dak Alla u Ħallieq tagħna. Għandha tkun ix-​xewqa tagħna li kulħadd fil-​kongregazzjoni ‘jagħraf sewwa r-​rieda taʼ Alla bil-​għerf kollu u d-​dehen spiritwali.’ (Kolossin 1:9) Billi jkollhom dan il-​pedament, kemm iż-​żgħar kif ukoll il-​kbar se jkunu mmotivati dejjem biex isiru “dawk li jagħmlu l-​kelma.”

12 “L-​għerf li ġej mis-​sema” jwissina dwar dnubiet li jistgħu jwasslu għal diżapprovazzjoni divina. “Kunu afu dan, ħuti egħżież,” jgħid Ġakbu. “Kull bniedem [irid] ikun ħafif biex jismaʼ; tqil biex jitkellem; tqil biex jinkorla. Għax bniedem inkurlat ma jagħmilx il-​ġustizzja taʼ Alla.” Iva, irridu nkunu ħfief, ħerqanin, biex nisimgħu l-​pariri divini u napplikawhom. Madankollu, irridu ngħassu kontra l-​użu ħażin taʼ dik il-​“biċċa ċkejkna fil-​ġisem,” l-​ilsien. Permezz taʼ ftaħir, tqasqis mhux għaqli, jew kliem mill-​opinjoni tagħna, l-​ilsien jistaʼ figurattivament iqabbad “foresta sħiħa.” Għalhekk għandna bżonn nikkultivaw il-​ħlewwa u l-​kontroll fuqna nfusna fis-​sħubijiet tagħna kollha.—Ġakbu 1:19, 20; 3:5.

13. Għala huwa importanti li naċċettaw ‘it-​taħwil tal-​kelma’?

13 “Neħħu għalhekk minn fuqkom kull ma hu mniġġes u kull fdal taʼ ħażen,” jikteb Ġakbu, “u ilqgħu bil-​ħlewwa l-​kelma mħawla fikom, li tistaʼ ssalvalkom ruħkom.” (Ġakbu 1:21) Did-dinja rgħiba, bl-​istil taʼ ħajja vanituż, materjalistiku, u egoistiku u l-​morali degradanti tagħha, waslet biex tgħaddi. “Iżda min jagħmel ir-​rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwann 2:15-17) Kemm huwa importanti, allura, li naċċettaw ‘it-​taħwil tal-​kelma’! L-​għerf ipprovdut mill-​Kelma t’Alla qiegħed f’kuntrast ċar mal-​ħażen taʼ did-dinja moribonda. Aħna ma rridu xejn minn dak il-​ħażen. (1 Pietru 2:1, 2) Għandna bżonn ikollna mħabba għall-​verità u fidi b’saħħitha mħawlin ġewwa qlubna, sabiex inkunu ddeterminati li qatt ma niżvijaw mill-​mogħdijiet taʼ tjieba taʼ Jehovah. Imma huwa biżżejjed li nisimgħu l-​Kelma t’Alla?

Insiru “Dawk Li Jagħmlu L-​Kelma”

14. Kif nistgħu nsiru kemm ‘semmiegħa’ kif ukoll “dawk li jagħmlu” l-​Kelma?

14 F’Ġakbu 1:22, naqraw: “Kunu intom dawk li jagħmlu l-​kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom.” “Kunu intom dawk li jagħmlu l-​kelma”! Din it-​tema hija ċertament enfasizzata fl-​ittra taʼ Ġakbu. Irridu nisimgħu, imbagħad nagħmlu ‘preċiż hekk’! (Ġenesi 6:22) Ħafna nies illum isostnu li huwa suffiċjenti li tismaʼ priedka jew tieħu sehem f’xi qima formalistika kultant, imma s’hemmhekk jaslu. Forsi jaħsbu li dment li jgħixu ‘ħajja tajba’ skond il-​livelli tagħhom, dak se jkun suffiċjenti. Madankollu Ġesù Kristu stqarr: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfaʼ salibu, u jimxi warajja.” (Mattew 16:24) Azzjoni taʼ ssagrifikar tagħhom infushom u ssaportar f’li jsegwu l-​mudell taʼ Ġesù t’għemil tar-​rieda t’Alla huma meħtiġin b’mod ċar minn Kristjani veri. Għalihom, ir-​rieda t’Alla llum hija l-​istess bħalma kienet fl-​ewwel seklu meta Ġesù rxoxtat ikkmanda: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha.” (Mattew 28:19) Kif sejjer int f’dan l-​aspett?

15. (a) Ġakbu liema tixbieha jagħti, billi juri kif nistgħu nsiru henjin bħala “dawk li jagħmlu l-​kelma”? (b) Sempliċi qima formali għala m’hijiex biżżejjed?

15 Jekk inkomplu nħarsu bir-​reqqa fil-​Kelma t’Alla, din tistaʼ tkun bħal mera f’li tirriflettilna eżatt liema xorta taʼ persuni aħna. Ġakbu jgħid: “Dak li jgħarbel sewwa l-​liġi perfetta tal-​ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jismaʼ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fil-​egħmil tiegħu.” (Ġakbu 1:23-25) Iva, se jkun wieħed hieni ‘li jagħmel il-​kelma.’ Iktar minn hekk, huwa importanti li nkunu ‘wieħed li jagħmel’ f’kull dettall tal-​ħajjiet Kristjani tagħna. Qatt m’għandna nqarrqu bina nfusna f’li naħsbu li sempliċi qima formali hija biżżejjed. Ġakbu jagħtina parir biex nosservaw xi aspetti tal-​vera qima li saħansitra Kristjani żelużi setgħu forsi traskuraw. Jikteb: “Quddiem Alla u Missierna t-​tjieba [“l-​għamla taʼ qima,” NW] safja u bla tebgħa hija din: iżżur l-​iltiema u r-​romol fil-​hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-​dinja.”—Ġakbu 1:27.

16. Abraham b’liema modi sar il-​“ħabib taʼ Alla,” u aħna kif nistgħu niksbu l-​ħbiberija Tiegħu?

16 M’huwiex suffiċjenti li tgħid sempliċement, ‘Nemmen f’Alla,’ u tieqaf hemm. Bħalma jinnota Ġakbu 2:19: “Inti temmen li Alla huwa wieħed, u tagħmel sew. U dan ix-​xjaten ukoll jemmnuh, u jitriegħdu.” Ġakbu jenfasizza li “l-​fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-​egħmil, tkun mejta,” u jirreferi għal Abraham, billi jgħid: “Il-​fidi [tiegħu] ħadmet id f’id maʼ l-​egħmil tiegħu, u kif bil-​ħila tal-​egħmil il-​fidi laħqet fl-​aqwa tagħha.” (Ġakbu 2:17, 20-22) Ix-​xogħlijiet t’Abraham kienu jinkludu li jipprovdi serħan għal qrabatu, juri ospitalità, jipprepara biex jissagrifika lil Iżakk, u ‘jiddikjara pubblikament’ fidi li ma titħarrikx fil-​wegħda t’Alla taʼ “belt mibnija fis-​sod,” is-​Saltna Messjanika futura. (Ġenesi 14:16; 18:1-5; 22:1-18; Lhud 11:8-10, 13, 14; 13:2) B’mod xieraq, Abraham ġie “msejjaħ ħabib taʼ Alla.” (Ġakbu 2:23) Aħna wkoll nistgħu niġu magħdudin bħala ‘ħbieb taʼ Jehovah’ hekk kif b’mod attiv nipproklamaw il-​fidi u t-​tama tagħna fis-​Saltna tiegħu taʼ tjieba li riesqa.

17. (a) Raħab għala “kienet iġġustifikata,” u kif ġiet ippremjata? (b) Il-​Bibbja liema lista twila tipprovdi taʼ dawk li ‘saru wħud li jagħmlu l-​kelma’? (ċ) Ġob kif ġie ppremjat, u għala?

17 Dawk li ‘jsiru wħud li jagħmlu l-​kelma’ huma tabilħaqq “iġġustifikat[i] bil-​egħmil, mhux bil-​fidi biss.” (Ġakbu 2:24) Raħab kienet waħda li żiedet xogħlijiet mal-​fidi tagħha fil-​“kelma” li kienet semgħet rigward l-​atti setgħanin taʼ Jehovah. Ħbiet lill-​ispiji Iżraeliti u għenithom jaħarbu, u mbagħad ġabret lin-​nies taʼ dar missierha għal preservazzjoni. Fl-​irxoxt, kemm se tithenna meta ssir taf li l-​fidi tagħha, appoġġjata mix-​xogħlijiet, wasslitha biex issir antenata tal-​Messija! (Ġożwè 2:11; 6:25; Mattew 1:5) Lhud kapitlu 11 jipprovdi lista twila t’oħrajn li ‘saru wħud li jagħmlu’ f’li juru l-​fidi tagħhom, u se jkunu ppremjati b’mod għani. Lanqas ma rridu ninsew lil Ġob, li taħt prova ħarxa qal: “Ikun imbierek isem il-​Mulej.” Bħalma diġà nnotajna, il-​fidi u x-​xogħlijiet tiegħu rriżultaw fi premju grandjuż. (Ġob 1:21; 31:6; 42:10; Ġakbu 5:11) Bl-​istess mod, l-​issaportar tagħna llum bħala “dawk li jagħmlu l-​kelma” se jġib it-​tbissima t’approvazzjoni taʼ Jehovah.

18, 19. Aħwa li tant kienu ilhom oppressi kif ‘saru wħud li jagħmlu l-​kelma,’ u liema barka ġabet l-​attività tagħhom?

18 Fost dawk li ssaportew bosta matul is-​snin hemm ħutna fl-​Ewropa tal-​Lvant. Issa li ħafna restrizzjonijiet ġew imneħħijin, dawn verament saru “dawk li jagħmlu l-​kelma” fl-​ambjent ġdid tagħhom. Missjunarji u pijunieri minn pajjiżi ġirien marru joqogħdu hemmhekk biex jgħinu f’li jgħallmu u jorganizzaw. Il-​fergħa tal-​Fillandja u fergħat viċin oħrajn tal-​Watch Tower Society bagħtu bennejja tas-​sengħa, u l-​fratellanza ġeneruża madwar id-​dinja ffinanzjat il-​bini t’uffiċċji tal-​fergħa u Swali tas-​Saltna ġodda.—Qabbel 2 Korintin 8:14, 15.

19 Kemm wieġbu b’mod żeluż fl-​għalqa dawk l-​aħwa li tant kienu ilhom oppressi! Qegħdin ‘jitħabtu u jitqabdu’ biex ilaħħqu, bħal li kieku, m’opportunitajiet li ma kinux disponibbli matul l-​‘istaġun taʼ nkwiet.’ (1 Timotju 4:10; 2 Timotju 4:2) Per eżempju, f’April li għadda fl-​Albanija, fejn l-​oppressjoni kienet krudili ħafna, il-​provista kollha kemm hi tal-​Kingdom News intitolata “Għala Hija L-​Ħajja Daqshekk Mimlija Problemi?” ġiet imqassma fi tlett ijiem biss. Dan kien segwiment splendidu għall-​Mafkar tal-​mewt taʼ Ġesù, li attendew għalih 3,491 persuna​—ħafna iżjed mill-​538 pubblikatur attiv tagħhom.

20. L-​attendenzi riċenti għall-​Mafkar x’jindikaw, u ħafna kif jistgħu jiġu mgħejjunin?

20 Pajjiżi oħrajn ukoll taw kontribut sinjifikanti għall-​attendenzi tal-​Mafkar, li żdiedu f’dawn l-​aħħar snin għal ’il fuq sewwa minn 10,000,000. F’ħafna postijiet uħud ġodda, li l-​fidi tagħhom ġiet imsaħħa billi attendew u osservaw il-​Mafkar, qegħdin isiru “dawk li jagħmlu l-​kelma.” Nistgħu ninkuraġġixxu iżjed imseħbin ġodda biex jikkwalifikaw għal dak il-​privileġġ?

21. Fi qbil mat-​test tas-​sena tagħna, liema korsa għandna nsegwu, u b’liema mira?

21 Bħal dawk il-​Kristjani żelużi fl-​ewwel seklu, u tant oħrajn minn dak iż-​żmien ’l hawn, ejjew inkunu ddeterminati li nisforzaw lilna nfusna f’li ‘niġru ’l quddiem lejn it-​tmiem [“il-​mira,” NW]’ taʼ ħajja taʼ dejjem, kemm jekk dik se tkun fis-​Saltna tas-​sema jew fil-​qasam tagħha fuq l-​art. (Filippin 3:12-14) Huwa denju taʼ kull sforz tagħna li niksbu dik il-​mira. Dan m’huwiex iż-​żmien li naqgħu għal li nkunu semmiegħa biss, imma ż-​żmien fost iż-​żminijiet kollha li ‘nqawwu qalbna u naħdmu.’ (Ħaggaj 2:4; Lhud 6:11, 12) Billi ‘aċċettajna t-​taħwil tal-​kelma,’ jalla ‘nsiru wħud li jagħmlu l-​kelma bil-​ferħ’ issa u għal ġo l-​eternità li ġejja. (w95 12/15)

Kif Twieġeb Int?

◻ Kif nistgħu nissaportu bil-​ferħ?

◻ X’inhu “l-​għerf li ġej mis-​sema,” u kif nistgħu nsegwuh?

◻ Għala rridu ‘nsiru wħud li jagħmlu l-​kelma, u mhux semmiegħa biss’?

◻ Liema rapporti għandhom jistimulawna biex inkunu “dawk li jagħmlu l-​kelma”?

[Stampa f’paġna 13]

Jalla aħna wkoll niftħu qlubna għat-​tagħlim divin

[Stampa f’paġna 14]

L-​integrità taʼ Ġob kienet ippremjata billi hu ġie rrestawrat għal ħajja hienja mimlija skop maʼ wħud maħbubin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja