“Dawk li Jagħmlu l-Kelma” Mimlijin Ferħ
“Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom, li tistaʼ ssalvalkom ruħkom. Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss.”—ĠAKBU 1:21, 22.
1. It-test tagħna tas-sena għall-1996 kif għandu jitqies?
KUNU INTOM DAWK LI JAGĦMLU L-KELMA.” Din l-istqarrija sempliċi ġġorr messaġġ potenti. Hija meħuda minn “L-Ittra Taʼ Ġakbu” fil-Bibbja, u se tkun murija fis-Swali tas-Saltna bħala t-test tas-sena tax-Xhieda taʼ Jehovah matul l-1996.
2, 3. Għala kien xieraq li Ġakbu kellu jikteb l-ittra li ġġorr ismu?
2 Ġakbu, ħu l-Mulej Ġesù mill-omm, kien prominenti fil-kongregazzjoni Kristjana bikrija. F’okkażjoni minnhom wara l-irxoxt taʼ Ġesù, il-Mulej tagħna deher personalment lil Ġakbu u mbagħad lill-appostli kollha. (1 Korintin 15:7) Iktar tard, meta l-appostlu Pietru ġie meħlus mirakolożament mill-ħabs, qal lil grupp taʼ Kristjani miġburin flimkien: “Agħtu din l-aħbar lil Ġakbu u lill-aħwa l-oħra.” (Atti 12:17) Milli jidher Ġakbu, għalkemm hu nnifsu ma kienx appostlu, ippresieda fil-laqgħa tal-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm meta l-appostli u l-anzjani ddeċidew li Ġentili kkonvertiti ma kellhomx bżonn jiġu ċirkonċiżi. Ġakbu ġabar id-diskussjoni fil-qosor, u d-deċiżjoni kkonfermata mill-ispirtu qaddis intbagħtet lill-kongregazzjonijiet kollha.—Atti 15:1-29.
3 Ovvjament, l-irraġunar matur taʼ Ġakbu kellu influwenza kbira. Madankollu, hu umilment irrikonoxxa li hu nnifsu kien sempliċement “qaddej taʼ Alla u taʼ Sidna Ġesù Kristu.” (Ġakbu 1:1) L-ittra ispirata tiegħu fiha għana taʼ pariri sodi u inkuraġġiment għall-Kristjani llum. Kienet tlestiet madwar erbaʼ snin qabel l-attakk inizjali mir-Rumani fuq Ġerusalemm mill-Ġeneral Ċestjus Gallus, wara li l-aħbar tajba kienet ġiet ippridkata b’mod estensiv “lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.” (Kolossin 1:23) Kienu żminijiet kritiċi, u l-qaddejja taʼ Jehovah kienu konxji bis-sħiħ li l-ġudizzju Tiegħu kien wasal biex jiġi esegwit fuq il-ġens Lhudi.
4. X’jindika li l-Kristjani bikrin kellhom fiduċja kbira fil-Kelma t’Alla?
4 Dawk il-Kristjani diġà kellhom l-Iskrittura Ebrajka kollha u ħafna mill-Iskrittura Griega. Bħalma huwa indikat mir-referenzi numerużi tagħhom għall-kitbiet iktar bikrin, il-kittieba Kristjani tal-Bibbja ovvjament kellhom fiduċja qawwija fil-Kelma t’Alla. Bl-istess mod, aħna llum għandna bżonn nistudjaw il-Kelma t’Alla bis-serjetà u napplikawha fil-ħajjiet tagħna. Sabiex nissaportu, għandna bżonn is-saħħa spiritwali u l-kuraġġ li tipprovdi l-Iskrittura Mqaddsa.—Salm 119:97; 1 Timotju 4:13.
5. Għala neħtieġu gwida speċjali llum, u fejn se nsibuha?
5 Illum l-umanità tinsab fix-xifer taʼ “diqa kbira li mill-bidu tad-dinja għadu qatt ma kien hawn bħalha u anqas ikun hawn.” (Mattew 24:21) Is-sopravivenza tagħna tiddependi fuq li jkollna gwida divina. Kif nistgħu nsibuha din? Billi niftħu qlubna għat-tagħlim tal-Kelma ispirata mill-ispirtu t’Alla. Dan se jwassalna biex insiru “dawk li jagħmlu l-kelma” bħal qaddejja leali taʼ Jehovah fiż-żminijiet taʼ qabel. Irridu naqraw u nistudjaw il-Kelma t’Alla b’mod diliġenti u nużawha għat-tifħir taʼ Jehovah.—2 Timotju 2:15; 3:16, 17.
Issaportar Bil-Ferħ
6. Għala għandna nsibu ferħ f’li niltaqgħu maʼ provi?
6 Fil-ftuħ taʼ l-ittra tiegħu, Ġakbu jsemmi l-ferħ, it-tieni frotta taʼ l-ispirtu t’Alla. Jikteb: “Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom maʼ kull xorta taʼ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar. Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn.” (Ġakbu 1:2-4; Galatin 5:22, 23) Kif jistaʼ jingħad li huwa “kollox b’ferħ” li niltaqgħu maʼ ħafna provi? Sewwa, saħansitra Ġesù qal fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja: “Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta taʼ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.” (Mattew 5:11, 12) Hemm sodisfazzjon mimli ferħ f’li naraw il-barka taʼ Jehovah fuq l-isforzi tagħna hekk kif nagħfsu ’l quddiem lejn il-mira taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 17:3; 2 Timotju 4:7, 8; Lhud 11:8-10, 26, 35.
7. (a) Kif nistgħu niġu mgħejjunin biex nissaportu? (b) Bħal Ġob, kif nistgħu niġu ppremjati?
7 Ġesù nnifsu ssaporta “għall-ferħ li tqiegħed quddiemu.” (Lhud 12:1, 2, NW) Billi nħarsu b’attenzjoni lejn l-eżempju kuraġġuż taʼ Ġesù, aħna wkoll nistgħu nissaportu! Bħalma jsemmi Ġakbu lejn it-tmiem taʼ l-ittra tiegħu, Jehovah ibierek b’mod għani lil uħud li jżommu l-integrità. “Dawk li żammew sħiħ sa l-aħħar, araw, aħna nqisuhom bħala hienja,” jgħid Ġakbu. “Smajtu bis-sabar taʼ Ġob, u tafu kif bil-għajnuna tal-Mulej hu għalaq jiem ħajtu; għax il-Mulej jaf jagħder, u hu ħanin bil-bosta.” (Ġakbu 5:11) Ftakar kif l-integrità taʼ Ġob kienet ippremjata meta ġie rrestawrat għal saħħa bnina u għat-tgawdija taʼ ħajja hienja mimlija skop maʼ wħud maħbubin. Issaportar fl-integrità jistaʼ jġiblek thennija simili fil-Ġenna mwiegħda tad-dinja ġdida t’Alla, bħala quċċata għall-ferħ taʼ li taqdi lil Jehovah issa stess.
Infittxu L-Għerf
8. Kif nistgħu nsibu għerf veru u prattiku, u t-talb x’parti jilgħab f’dan?
8 L-istudju diliġenti tagħna tal-Kelma t’Alla, flimkien maʼ l-applikar prattiku tiegħu, se jirriżulta f’għerf divin, li jagħmilna kapaċi nissaportu provi f’nofs il-korruzzjoni tas-sistema moribonda taʼ Satana. Kif nistgħu niġu żgurati li se nsibu għerf bħal dan? Ġakbu jgħidilna: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar ’il ħadd, u jagħtihulu. Mela ħa jitlob bil-fidi, bla ma jitħasseb xejn, għax min jitħasseb ikun jixbah lill-mewġ tal-baħar imqanqal u mqalleb bir-riħ.” (Ġakbu 1:5, 6) Għandna nitolbu bis-serjetà, b’fiduċja li ma titħarrikx li Jehovah se jismaʼ l-petizzjonijiet tagħna u li se jweġibhom fil-mod u l-waqt xieraq tiegħu stess.
9. Ġakbu kif jiddeskrivi l-għerf divin u l-applikar tiegħu?
9 L-għerf divin huwa għotja mingħand Jehovah. Waqt li jiddeskrivi għotjiet bħal dawn, Ġakbu jgħid: “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, il-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell taʼ tidwir.” Iktar tard fl-ittra tiegħu, Ġakbu jispjega r-riżultat taʼ li niksbu għerf veru meta jgħid: “Hemm xi ħadd għaref u għaqli fostkom? Mela ħa juri bl-imġiba tajba tiegħu, egħmilu bi ħlewwa għaqlija. . . . Il-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa, huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuh u bla qerq.”—Ġakbu 1:17; 3:13-17.
10. Ir-reliġjon falza kif inhi f’kuntrast mal-vera?
10 Fl-imperu dinji taʼ reliġjon falza, kemm jekk fil-Kristjaneżmu jew f’pajjiżi oħrajn, taʼ spiss hija d-drawwa għal adoraturi li jkantaw xi innijiet, jisimgħu talb ripetituż, u forsi jisimgħu xi taħdita. L-ebda inkuraġġiment ma jingħata lejn proklamar taʼ messaġġ taʼ tama, għaliex il-biċċa l-kbira mir-reliġjonijiet ma jaraw ebda prospett sabiħ għall-futur. It-tama glorjuża tas-Saltna Messjanika t’Alla jew qatt ma tissemmaʼ jew hija kompletament mifhuma ħażin. Jehovah jgħid profetikament dwar is-segwaċi tal-Kristjaneżmu: “Tnejn huma d-dnubiet tal-poplu tiegħi: telqu lili, il-għajn taʼ l-ilma ġieri, biex ħaffru bjar għalihom, bjar miksura li ma jżommux ilma.” (Ġeremija 2:13) M’għandhomx ilmijiet taʼ verità. Għerf tas-sema huwa nieqes.
11, 12. (a) L-għerf divin kif għandu jimmotivana? (b) L-għerf divin rigward liema ħaġa jwissina?
11 Kemm huwa differenti dan fost ix-Xhieda taʼ Jehovah illum! B’enerġija dinamika mogħtija minn Alla, qegħdin jiksu l-art bl-aħbar tajba tas-Saltna Tiegħu li ġejja. L-għerf li jitkellmu huwa bbażat solidament fuq il-Kelma t’Alla. (Qabbel Proverbji 1:20; Isaija 40:29-31.) Tabilħaqq, huma jagħmlu użu prattiku t’għarfien veru u fehma f’li jipproklamaw l-iskopijiet grandjużi taʼ dak Alla u Ħallieq tagħna. Għandha tkun ix-xewqa tagħna li kulħadd fil-kongregazzjoni ‘jagħraf sewwa r-rieda taʼ Alla bil-għerf kollu u d-dehen spiritwali.’ (Kolossin 1:9) Billi jkollhom dan il-pedament, kemm iż-żgħar kif ukoll il-kbar se jkunu mmotivati dejjem biex isiru “dawk li jagħmlu l-kelma.”
12 “L-għerf li ġej mis-sema” jwissina dwar dnubiet li jistgħu jwasslu għal diżapprovazzjoni divina. “Kunu afu dan, ħuti egħżież,” jgħid Ġakbu. “Kull bniedem [irid] ikun ħafif biex jismaʼ; tqil biex jitkellem; tqil biex jinkorla. Għax bniedem inkurlat ma jagħmilx il-ġustizzja taʼ Alla.” Iva, irridu nkunu ħfief, ħerqanin, biex nisimgħu l-pariri divini u napplikawhom. Madankollu, irridu ngħassu kontra l-użu ħażin taʼ dik il-“biċċa ċkejkna fil-ġisem,” l-ilsien. Permezz taʼ ftaħir, tqasqis mhux għaqli, jew kliem mill-opinjoni tagħna, l-ilsien jistaʼ figurattivament iqabbad “foresta sħiħa.” Għalhekk għandna bżonn nikkultivaw il-ħlewwa u l-kontroll fuqna nfusna fis-sħubijiet tagħna kollha.—Ġakbu 1:19, 20; 3:5.
13. Għala huwa importanti li naċċettaw ‘it-taħwil tal-kelma’?
13 “Neħħu għalhekk minn fuqkom kull ma hu mniġġes u kull fdal taʼ ħażen,” jikteb Ġakbu, “u ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom, li tistaʼ ssalvalkom ruħkom.” (Ġakbu 1:21) Did-dinja rgħiba, bl-istil taʼ ħajja vanituż, materjalistiku, u egoistiku u l-morali degradanti tagħha, waslet biex tgħaddi. “Iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwann 2:15-17) Kemm huwa importanti, allura, li naċċettaw ‘it-taħwil tal-kelma’! L-għerf ipprovdut mill-Kelma t’Alla qiegħed f’kuntrast ċar mal-ħażen taʼ did-dinja moribonda. Aħna ma rridu xejn minn dak il-ħażen. (1 Pietru 2:1, 2) Għandna bżonn ikollna mħabba għall-verità u fidi b’saħħitha mħawlin ġewwa qlubna, sabiex inkunu ddeterminati li qatt ma niżvijaw mill-mogħdijiet taʼ tjieba taʼ Jehovah. Imma huwa biżżejjed li nisimgħu l-Kelma t’Alla?
Insiru “Dawk Li Jagħmlu L-Kelma”
14. Kif nistgħu nsiru kemm ‘semmiegħa’ kif ukoll “dawk li jagħmlu” l-Kelma?
14 F’Ġakbu 1:22, naqraw: “Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom.” “Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma”! Din it-tema hija ċertament enfasizzata fl-ittra taʼ Ġakbu. Irridu nisimgħu, imbagħad nagħmlu ‘preċiż hekk’! (Ġenesi 6:22) Ħafna nies illum isostnu li huwa suffiċjenti li tismaʼ priedka jew tieħu sehem f’xi qima formalistika kultant, imma s’hemmhekk jaslu. Forsi jaħsbu li dment li jgħixu ‘ħajja tajba’ skond il-livelli tagħhom, dak se jkun suffiċjenti. Madankollu Ġesù Kristu stqarr: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfaʼ salibu, u jimxi warajja.” (Mattew 16:24) Azzjoni taʼ ssagrifikar tagħhom infushom u ssaportar f’li jsegwu l-mudell taʼ Ġesù t’għemil tar-rieda t’Alla huma meħtiġin b’mod ċar minn Kristjani veri. Għalihom, ir-rieda t’Alla llum hija l-istess bħalma kienet fl-ewwel seklu meta Ġesù rxoxtat ikkmanda: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.” (Mattew 28:19) Kif sejjer int f’dan l-aspett?
15. (a) Ġakbu liema tixbieha jagħti, billi juri kif nistgħu nsiru henjin bħala “dawk li jagħmlu l-kelma”? (b) Sempliċi qima formali għala m’hijiex biżżejjed?
15 Jekk inkomplu nħarsu bir-reqqa fil-Kelma t’Alla, din tistaʼ tkun bħal mera f’li tirriflettilna eżatt liema xorta taʼ persuni aħna. Ġakbu jgħid: “Dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jismaʼ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fil-egħmil tiegħu.” (Ġakbu 1:23-25) Iva, se jkun wieħed hieni ‘li jagħmel il-kelma.’ Iktar minn hekk, huwa importanti li nkunu ‘wieħed li jagħmel’ f’kull dettall tal-ħajjiet Kristjani tagħna. Qatt m’għandna nqarrqu bina nfusna f’li naħsbu li sempliċi qima formali hija biżżejjed. Ġakbu jagħtina parir biex nosservaw xi aspetti tal-vera qima li saħansitra Kristjani żelużi setgħu forsi traskuraw. Jikteb: “Quddiem Alla u Missierna t-tjieba [“l-għamla taʼ qima,” NW] safja u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fil-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-dinja.”—Ġakbu 1:27.
16. Abraham b’liema modi sar il-“ħabib taʼ Alla,” u aħna kif nistgħu niksbu l-ħbiberija Tiegħu?
16 M’huwiex suffiċjenti li tgħid sempliċement, ‘Nemmen f’Alla,’ u tieqaf hemm. Bħalma jinnota Ġakbu 2:19: “Inti temmen li Alla huwa wieħed, u tagħmel sew. U dan ix-xjaten ukoll jemmnuh, u jitriegħdu.” Ġakbu jenfasizza li “l-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-egħmil, tkun mejta,” u jirreferi għal Abraham, billi jgħid: “Il-fidi [tiegħu] ħadmet id f’id maʼ l-egħmil tiegħu, u kif bil-ħila tal-egħmil il-fidi laħqet fl-aqwa tagħha.” (Ġakbu 2:17, 20-22) Ix-xogħlijiet t’Abraham kienu jinkludu li jipprovdi serħan għal qrabatu, juri ospitalità, jipprepara biex jissagrifika lil Iżakk, u ‘jiddikjara pubblikament’ fidi li ma titħarrikx fil-wegħda t’Alla taʼ “belt mibnija fis-sod,” is-Saltna Messjanika futura. (Ġenesi 14:16; 18:1-5; 22:1-18; Lhud 11:8-10, 13, 14; 13:2) B’mod xieraq, Abraham ġie “msejjaħ ħabib taʼ Alla.” (Ġakbu 2:23) Aħna wkoll nistgħu niġu magħdudin bħala ‘ħbieb taʼ Jehovah’ hekk kif b’mod attiv nipproklamaw il-fidi u t-tama tagħna fis-Saltna tiegħu taʼ tjieba li riesqa.
17. (a) Raħab għala “kienet iġġustifikata,” u kif ġiet ippremjata? (b) Il-Bibbja liema lista twila tipprovdi taʼ dawk li ‘saru wħud li jagħmlu l-kelma’? (ċ) Ġob kif ġie ppremjat, u għala?
17 Dawk li ‘jsiru wħud li jagħmlu l-kelma’ huma tabilħaqq “iġġustifikat[i] bil-egħmil, mhux bil-fidi biss.” (Ġakbu 2:24) Raħab kienet waħda li żiedet xogħlijiet mal-fidi tagħha fil-“kelma” li kienet semgħet rigward l-atti setgħanin taʼ Jehovah. Ħbiet lill-ispiji Iżraeliti u għenithom jaħarbu, u mbagħad ġabret lin-nies taʼ dar missierha għal preservazzjoni. Fl-irxoxt, kemm se tithenna meta ssir taf li l-fidi tagħha, appoġġjata mix-xogħlijiet, wasslitha biex issir antenata tal-Messija! (Ġożwè 2:11; 6:25; Mattew 1:5) Lhud kapitlu 11 jipprovdi lista twila t’oħrajn li ‘saru wħud li jagħmlu’ f’li juru l-fidi tagħhom, u se jkunu ppremjati b’mod għani. Lanqas ma rridu ninsew lil Ġob, li taħt prova ħarxa qal: “Ikun imbierek isem il-Mulej.” Bħalma diġà nnotajna, il-fidi u x-xogħlijiet tiegħu rriżultaw fi premju grandjuż. (Ġob 1:21; 31:6; 42:10; Ġakbu 5:11) Bl-istess mod, l-issaportar tagħna llum bħala “dawk li jagħmlu l-kelma” se jġib it-tbissima t’approvazzjoni taʼ Jehovah.
18, 19. Aħwa li tant kienu ilhom oppressi kif ‘saru wħud li jagħmlu l-kelma,’ u liema barka ġabet l-attività tagħhom?
18 Fost dawk li ssaportew bosta matul is-snin hemm ħutna fl-Ewropa tal-Lvant. Issa li ħafna restrizzjonijiet ġew imneħħijin, dawn verament saru “dawk li jagħmlu l-kelma” fl-ambjent ġdid tagħhom. Missjunarji u pijunieri minn pajjiżi ġirien marru joqogħdu hemmhekk biex jgħinu f’li jgħallmu u jorganizzaw. Il-fergħa tal-Fillandja u fergħat viċin oħrajn tal-Watch Tower Society bagħtu bennejja tas-sengħa, u l-fratellanza ġeneruża madwar id-dinja ffinanzjat il-bini t’uffiċċji tal-fergħa u Swali tas-Saltna ġodda.—Qabbel 2 Korintin 8:14, 15.
19 Kemm wieġbu b’mod żeluż fl-għalqa dawk l-aħwa li tant kienu ilhom oppressi! Qegħdin ‘jitħabtu u jitqabdu’ biex ilaħħqu, bħal li kieku, m’opportunitajiet li ma kinux disponibbli matul l-‘istaġun taʼ nkwiet.’ (1 Timotju 4:10; 2 Timotju 4:2) Per eżempju, f’April li għadda fl-Albanija, fejn l-oppressjoni kienet krudili ħafna, il-provista kollha kemm hi tal-Kingdom News intitolata “Għala Hija L-Ħajja Daqshekk Mimlija Problemi?” ġiet imqassma fi tlett ijiem biss. Dan kien segwiment splendidu għall-Mafkar tal-mewt taʼ Ġesù, li attendew għalih 3,491 persuna—ħafna iżjed mill-538 pubblikatur attiv tagħhom.
20. L-attendenzi riċenti għall-Mafkar x’jindikaw, u ħafna kif jistgħu jiġu mgħejjunin?
20 Pajjiżi oħrajn ukoll taw kontribut sinjifikanti għall-attendenzi tal-Mafkar, li żdiedu f’dawn l-aħħar snin għal ’il fuq sewwa minn 10,000,000. F’ħafna postijiet uħud ġodda, li l-fidi tagħhom ġiet imsaħħa billi attendew u osservaw il-Mafkar, qegħdin isiru “dawk li jagħmlu l-kelma.” Nistgħu ninkuraġġixxu iżjed imseħbin ġodda biex jikkwalifikaw għal dak il-privileġġ?
21. Fi qbil mat-test tas-sena tagħna, liema korsa għandna nsegwu, u b’liema mira?
21 Bħal dawk il-Kristjani żelużi fl-ewwel seklu, u tant oħrajn minn dak iż-żmien ’l hawn, ejjew inkunu ddeterminati li nisforzaw lilna nfusna f’li ‘niġru ’l quddiem lejn it-tmiem [“il-mira,” NW]’ taʼ ħajja taʼ dejjem, kemm jekk dik se tkun fis-Saltna tas-sema jew fil-qasam tagħha fuq l-art. (Filippin 3:12-14) Huwa denju taʼ kull sforz tagħna li niksbu dik il-mira. Dan m’huwiex iż-żmien li naqgħu għal li nkunu semmiegħa biss, imma ż-żmien fost iż-żminijiet kollha li ‘nqawwu qalbna u naħdmu.’ (Ħaggaj 2:4; Lhud 6:11, 12) Billi ‘aċċettajna t-taħwil tal-kelma,’ jalla ‘nsiru wħud li jagħmlu l-kelma bil-ferħ’ issa u għal ġo l-eternità li ġejja. (w95 12/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ Kif nistgħu nissaportu bil-ferħ?
◻ X’inhu “l-għerf li ġej mis-sema,” u kif nistgħu nsegwuh?
◻ Għala rridu ‘nsiru wħud li jagħmlu l-kelma, u mhux semmiegħa biss’?
◻ Liema rapporti għandhom jistimulawna biex inkunu “dawk li jagħmlu l-kelma”?
[Stampa f’paġna 13]
Jalla aħna wkoll niftħu qlubna għat-tagħlim divin
[Stampa f’paġna 14]
L-integrità taʼ Ġob kienet ippremjata billi hu ġie rrestawrat għal ħajja hienja mimlija skop maʼ wħud maħbubin