LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 9/15 pp. 20-24
  • Uri l-Imħabba u r-Rispett Billi Tikkontrolla Lsienek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Uri l-Imħabba u r-Rispett Billi Tikkontrolla Lsienek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Oqgħod Attent minn Dak li “Jagħmel Ħafna Ħsara [u] Ma Jitrażżanx”
  • ‘Warrab it-​Tqasqis’
  • ‘Rażżan l-​Ilsien’
  • Warrab ‘l-​Imrar Malizzjuż, ir-​Rabja, u l-​Korla’
  • “Il-​Ftehim” Huwa Neċessarju
  • Tistaʼ Tirbaħ l-​Isfida
  • Għidu Dak li “Hu Tajjeb Biex Jibni”
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Tistaʼ Ssalvah Iż-Żwieġ Tiegħek!
    Stenbaħ!—2001
  • “Għidu dak li hu tajjeb biex jibni”
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • L-Ilġiem fuq iż-Żiemel u l-Ilsien
    Stenbaħ!—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 9/15 pp. 20-24

Uri l-​Imħabba u r-​Rispett Billi Tikkontrolla Lsienek

“Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu; mill-​banda l-​oħra, il-​mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.”​—EFESIN 5:33.

1, 2. Liema mistoqsija importanti għandu jistaqsi lilu nnifsu kulmin hu miżżewweġ, u għala?

EJJA nimmaġinaw li rċivejt rigal ġo kaxxa b’tabella li fuqha hemm miktub: “Fraġli.” Kif se tittratta l-​kaxxa? Żgur li se tagħmel dak kollu li tistaʼ biex tevita li tagħmlilha l-​ħsara. Xi ngħidu dwar ir-​rigal taż-​żwieġ?

2 L-​armla Iżraelija Nagħomi qalet lix-​xebbiet Orpa u Rut: “Jalla Ġeħova jagħtikom għotja u ssibu post taʼ mistrieħ kull waħda f’dar żewġha.” (Rut 1:​3-9, NW) Il-​Bibbja tgħid hekk dwar mara tajba: “Id-​dar u l-​għana wirt il-​missirijiet, imma mara bil-​għaqal hi don tal-​Mulej.” (Proverbji 19:14) Jekk int miżżewweġ, trid tqis lil martek, jew lil żewġek, bħala għotja mingħand Alla. Kif qed tittratta l-​għotja li tak Alla?

3. Liema parir taʼ Pawlu għandhom jagħtu kas l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin?

3 F’ittra lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu, l-​appostlu Pawlu qal: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu; mill-​banda l-​oħra, il-​mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” (Efesin 5:33) Ikkunsidra kif l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin jistgħu jagħtu kas dan il-​parir b’konnessjoni maʼ kliemhom.

Oqgħod Attent minn Dak li “Jagħmel Ħafna Ħsara [u] Ma Jitrażżanx”

4. L-​ilsien kif jistaʼ jkollu effett tajjeb jew ħażin?

4 Ġakbu, il-​kittieb Bibliku, jgħid li l-​ilsien “jagħmel ħafna ħsara” kif ukoll li hu “mimli velenu li jġib il-​mewt.” (Ġakbu 3:8) Ġakbu kien konxju taʼ din il-​verità vitali: Ilsien bla kontroll hu qerriedi. Bla dubju, hu kien familjari mal-​proverbju Bibliku li jqabbel il-​kliem bla ħsieb maʼ ‘sejf li jinfed.’ B’kuntrast, l-​istess proverbju jgħid li “lsien l-​għorrief idewwi.” (Proverbji 12:18) Tabilħaqq, il-​kliem jistaʼ jkollu effett qawwi. Jistaʼ jweġġaʼ jew jistaʼ jdewwi. Il-​kliem tiegħek x’effett għandu fuq martek jew żewġek? Jekk tistaqsi lir-​raġel jew lill-​mara tiegħek kif se twieġeb?

5, 6. Liema fatturi jagħmluha diffiċli għal xi wħud biex irażżnu lsienhom?

5 Jekk maż-​żmien fiż-​żwieġ tagħkom bdejtu tużaw kliem li jweġġaʼ, tistgħu ttejbu s-​sitwazzjoni. Madankollu, hemm bżonn taʼ sforz. Għala? L-​ewwelnett, irridu niġġieldu kontra l-​imperfezzjoni. Id-​dnub li writna jpoġġi influwenza negattiva fuq il-​mod kif naħsbu dwar xulxin u kif inkellmu lil xulxin. Ġakbu kiteb: “Jekk xi ħadd ma jitfixkilx f’dak li jgħid, dan ikun raġel perfett, kapaċi jliġġem ukoll lil ġismu kollu.”​—Ġakbu 3:2.

6 Flimkien maʼ l-​imperfezzjoni umana, l-​ambjent fil-​familja għandu x’jaqsam maʼ l-​użu ħażin taʼ l-​ilsien. Xi wħud trabbew f’pajjiżi fejn il-​ġenituri “ma jkunux iridu jiftiehmu . . . [u huma] mingħajr rażna.” (2 Timotju 3:​1-3) Spiss, tfal li jitrabbew f’ambjent bħal dan juru kwalitajiet simili meta jsiru adulti. M’għandniex xi ngħidu, la l-​imperfezzjoni u lanqas it-​trobbija diffiċli m’huma skuża għal kliem li jweġġaʼ. Però, il-​fatt li nkunu nafu dawn il-​fatturi jgħinna nifhmu għala hu diffiċli għal xi wħud li jrażżnu lsienhom biex ma jgħidux kliem li jweġġaʼ.

‘Warrab it-​Tqasqis’

7. Pietru x’ried ifisser meta wissa lill-​Kristjani biex ‘iwarrbu kull xorta taʼ tqasqis’?

7 Tkun xi tkun ir-​raġuni, l-​użu taʼ kliem li jweġġaʼ fiż-​żwieġ jistaʼ jindika nuqqas taʼ mħabba u rispett għall-​mara jew għar-​raġel. Mhux taʼ b’xejn li Pietru wissa lill-​Kristjani biex ‘iwarrbu kull xorta taʼ tqasqis.’ (1 Pietru 2:1) Il-​kelma Griega tradotta “tqasqis” tfisser “kliem insolenti.” Tagħti l-​idea taʼ ‘li tispara lin-​nies bil-​kliem.’ Kemm jiddeskrivi tajjeb dan l-​effetti taʼ lsien bla rażan!

8, 9. X’jistaʼ jirriżulta mill-​użu taʼ kliem insolenti, u l-​imseħbin fiż-​żwieġ għala għandhom jevitaw li jagħmlu dan?

8 Kliem insolenti forsi ma jidhirx li hu daqshekk gravi, imma kkunsidra x’jiġri meta raġel jew mara tuża kliem bħal dan. Jekk dak li jkun isejjaħ lis-​sieħba tiegħu stupida, għażżiena, jew egoista jkun qed jimplika li l-​karattru tagħha kollu kemm hu jistaʼ jinġabar f’kelma waħda​—kelma li tbaxxi lil dak li jkun! Din żgur ma tkunx turija taʼ mħabba. U xi ngħidu dwar stqarrijiet esaġerati li jenfasizzaw in-​nuqqasijiet taʼ martek jew taʼ żewġek? Stqarrijiet bħal “Int dejjem tard” jew “Int qatt ma tismagħni” mhux ukoll huma stqarrijiet esaġerati? Żgur li dawn iqanqlu tweġiba difensiva. Imbagħad, dan jistaʼ jikkaġuna argument sħun.​—Ġakbu 3:5.

9 Konversazzjoni mimlija kliem insolenti tikkaġuna tensjoni fiż-​żwieġ, u din ukoll jistaʼ jkollha konsegwenzi serji. Proverbji 25:24 jgħid: “Aħjar tgħix f’rokna fuq bejt, milli f’dar kbira maʼ mara ġellieda.” M’għandniex xi ngħidu, l-​istess jistaʼ jingħad dwar raġel ġelliedi. Maż-​żmien, kliem li jweġġaʼ mir-​raġel jew mill-​mara jeqred ir-​relazzjoni, forsi jġiegħel lir-​raġel jew lill-​mara tħossha mhux maħbuba, jew saħansitra li ma jistħoqqilhiex tkun maħbuba. Jidher ċar li huwa importanti li rrażżnu lsienna. Imma dan kif nistgħu nagħmluh?

‘Rażżan l-​Ilsien’

10. Għala huwa importanti li rrażżnu lsienna?

10 Ġakbu 3:8 jgħid: “L-​ilsien, ħadd mill-​bnedmin ma jistaʼ jimmansah.” Minkejja dan, bħalma rikkieb iliġġem żiemel biex jikkontrolla l-​movimenti taʼ l-​annimal, aħna rridu nagħmlu l-​almu tagħna biex illiġġmu lsienna. “Jekk xi bniedem jaħseb li hu reliġjuż, u madankollu ma jrażżanx ilsienu, imma jkompli jqarraq b’qalbu stess, ir-​reliġjon taʼ dan il-​bniedem hi fiergħa.” (Ġakbu 1:​26; 3:​2, 3) Dan il-​kliem juri li l-​mod kif tuża lsienek hu kwistjoni serja. Ma jeffettwax biss ir-​relazzjoni tiegħek fiż-​żwieġ; jeffettwa r-​relazzjoni tiegħek m’Alla Ġeħova.​—1 Pietru 3:7.

11. Wieħed kif jistaʼ forsi jevita li nuqqas taʼ ftehim isir argument sħun?

11 Ikun għaqli li tqis kif titkellem maʼ martek jew żewġek. Jekk tiżviluppa sitwazzjoni stressanti, ipprova naqqas it-​tensjoni. Ikkunsidra sitwazzjoni li qamet fil-​ħajja taʼ Iżakk u martu Rebekka, bħalma nsibu f’Ġenesi 27:46–​28:4. “Rebekka qalet lil Iżakk: ‘Iddejjaqt minn ħajti minħabba l-​bniet taʼ Ħet. Jekk Ġakobb jiżżewweġ xi waħda mill-​bniet taʼ Ħet bħal dawn, xi mara minn din l-​art, xi tkun tiswieli ħajti?’” M’hemm l-​ebda indikazzjoni li Iżakk wieġeb bl-​aħrax. Minflok, hu bagħat lil ibnu Ġakobb biex isib mara li kellha l-​biżaʼ minn Alla u li ma kinitx se tikkaġuna niket lil Rebekka. Ejja ngħidu li jqum xi nuqqas taʼ qbil bejn raġel u martu. Bidla żgħira minn “int” għal “jien” tistaʼ tevita li nuqqas taʼ ftehim żgħir isir argument sħun. Per eżempju, minflok ma tgħid, “Int qatt ma tqattaʼ ħin miegħi!” għala ma tgħidx, “Kemm nixtieq li nistgħu nqattgħu iktar ħin flimkien”? Iffoka fuq il-​problema, mhux biss fuq il-​persuna. Irreżisti t-​tendenza li tanalizza min hu ħati u min le. Rumani 14:19 jgħid: “Ħa niġru wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi u l-​affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.”

Warrab ‘l-​Imrar Malizzjuż, ir-​Rabja, u l-​Korla’

12. Sabiex nikkontrollaw ilsienna, għal xiex għandna nitolbu, u għala?

12 It-​trażżin taʼ lsienna jinvolvi iktar milli noqogħdu attenti għal dak li ngħidu. Wara kollox, kliemna jirrifletti dak li naħsbu u nħossu verament. Ġesù qal: “Bniedem tajjeb joħroġ it-​tajjeb mit-​teżor tajjeb taʼ qalbu, imma l-​ħażin joħroġ il-​ħażin mit-​teżor ħażin tiegħu; għax mill-​abbundanza li jkollu f’qalbu jitkellem fommu.” (Luqa 6:45) Għalhekk, biex tikkontrolla lsienek, hemm bżonn li titlob bħalma talab David: “Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.”​—Salm 51:12 (51:​10, NW).

13. L-​imrar malizzjuż, ir-​rabja, u l-​korla kif jistgħu jwasslu għal kliem abbużiv?

13 Pawlu ħeġġeġ lill-​Efesin biex jevitaw mhux biss il-​kliem li jweġġaʼ imma wkoll is-​sentimenti wara dan il-​kliem. Hu kiteb: “Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tagħjir flimkien maʼ kull ħażen.” (Efesin 4:31) Innota li qabel ma semma ‘t-​twerżiq u t-​tagħjir,’ Pawlu semma “mrar malizzjuż u rabja u korla.” Hija r-​rabja li tbaqbaq minn ġewwa li tistaʼ tispiċċa fi kliem li jweġġaʼ. Għalhekk, staqsi lilek innifsek: ‘Għandi jien imrar u korla f’qalbi? Għandi t-​tendenza li “nitbaqbaq”?’ (Qwiel 29:​22, Saydon) Jekk dan huwa minnu fil-​każ tiegħek, itlob għall-​għajnuna t’Alla biex tegħleb dawn it-​tendenzi u biex teżerċita r-​rażna ħalli tkun tistaʼ tevita li tirrabja. Salm 4:4 (NW) jgħid: “Jekk tibdew tħossukom irrabjati, tidinbux. Tkellmu f’qalbkom, fis-​sodda tagħkom, u ibqgħu siekta.” Jekk tibda tielgħa t-​tempra u tħoss li se titlef il-​kontroll, segwi l-​parir taʼ Proverbji 17:14 li jgħid: “Warrab qabel tibda xi ġlieda.” Warrab għal ftit mis-​sitwazzjoni sakemm jgħaddi l-​periklu.

14. L-​għadab minħabba dak li jkun ġara kif jistaʼ jeffettwa ż-​żwieġ?

14 M’huwiex faċli li tkampa mal-​korla u r-​rabja, speċjalment meta toriġina minn dak li Pawlu jsejjaħlu “mrar malizzjuż.” Il-​kelma Griega li uża Pawlu ġiet imfissra bħala li tikkaratterizza “spirtu inkorlat li jirrifjuta rikonċiljazzjoni” u ‘malizzja li żżomm kont tan-​nuqqasijiet.’ Kultant l-​ostilità hija bħal ħajt kbir bejn raġel u martu, u din il-​kundizzjoni tistaʼ ddum għal żmien twil. Jekk il-​kwistjoni ma tiġix irranġata għalkollox tistaʼ tirriżulta fi stmerrija. Imma m’int se takkwista xejn jekk tibqaʼ mgħaddab minħabba nuqqasijiet tal-​passat. Dak li sar ma jistax jinbidel. Xi nuqqas li ġie maħfur għandu jintesa. L-​imħabba “ma żżommx kont tal-​ħsara.”​—1 Korintin 13:​4, 5.

15. X’se jgħin lil dawk li huma mdorrijin jużaw kliem aħrax ibiddlu l-​mod kif jitkellmu?

15 Xi ngħidu jekk kien jintuża diskors aħrax fil-​familja li trabbejt fiha u issa int imdorri tużah? Tistaʼ tagħmel bidliet f’dan ir-​rigward. Int diġà għamilt limiti f’diversi oqsma tal-​ħajja li fihom int determinat li ma tħallix lilek innifsek taġixxi b’ċertu mod. Fejn se tagħżel li tagħmel il-​limitu fi kliemek? Se tieqaf qabel ma kliemek isir abbużiv? Ikun tajjeb li tadotta l-​limitu deskritt f’Efesin 4:29: “Ħa ma toħroġ minn fommkom ebda kelma mħassra.” Dan jirrikjedi li ‘tinżaʼ l-​personalità l-​qadima bid-​drawwiet tagħha, u tilbes il-​personalità l-​ġdida, li permezz taʼ l-​għarfien eżatt qed tiġġedded skond ix-​xbieha taʼ Dak li ħalaqha.’​—Kolossin 3:​9, 10.

“Il-​Ftehim” Huwa Neċessarju

16. Għala huwa taʼ periklu meta l-​imseħbin fiż-​żwieġ ma jibqgħux ikellmu lil xulxin?

16 Jistaʼ jkun taʼ ħsara meta r-​raġel jew il-​mara tispiċċa ma tkellimx lill-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ, u ftit joħroġ ġid. Dan l-​aġir ma jsirx dejjem biex wieħed iweġġaʼ s-​sieħeb jew is-​sieħba, għax jistaʼ jirriżulta minn frustrazzjoni jew skuraġġiment. Madankollu, jekk jirrifjutaw li jkellmu lil xulxin, it-​tensjoni se tiżdied u l-​problema mhux se tissolva. Waħda mara miżżewġa qalet, “Għalkemm nerġgħu nibdew nitkellmu, qatt ma nsolvu l-​problema.”

17. X’għandhom jagħmlu Kristjani li qed jesperjenzaw stress fiż-​żwieġ?

17 Mhux faċli ssib soluzzjoni meta jkun hemm tensjoni bejn il-​miżżewġin. Proverbji 15:22 jgħid: “Tifsil taʼ xogħol bla ħsieb jisfaʼ fix-​xejn, imma bil-​pariri taʼ ħafna jmur tajjeb.” Tridu tpoġġu bil-​qiegħda flimkien u tiddiskutu l-​kwistjoni. Għalhekk, isimgħu lil xulxin b’qalb u b’moħħ miftuħ. Jekk dan jidher li hu impossibbli, għala ma tiħux vantaġġ mill-​provvediment taʼ l-​anzjani fil-​kongregazzjoni Kristjana? Huma għandhom għarfien taʼ l-​Iskrittura u huma esperjenzati f’li japplikaw il-​prinċipji Bibliċi. Dawn l-​irġiel huma “bħal ilqugħ għar-​riħ, u kenn fit-​tempesta.”​—Isaija 32:2.

Tistaʼ Tirbaħ l-​Isfida

18. Liema sfida hija deskritta f’Rumani 7:​18-​23?

18 Hija taʼ sfida li rrażżnu lsienna. Hekk ukoll hu taʼ sfida li nikkontrollaw l-​azzjonijiet tagħna. Biex jiddeskrivi l-​isfida li ffaċċja, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Naf li fija, jiġifieri, f’laħmi, ma jgħammar xejn tajjeb; għax fija għandi abbiltà biex nixtieq, imma abbiltà biex nagħmel dak li hu tajjeb m’għandix. Għax ma nagħmilx it-​tajjeb li nixtieq, imma nipprattika l-​ħażin li ma nixtieqx. Issa, jekk nagħmel dak li ma nixtieqx, m’huwiex iktar jien li qed nagħmel dan, imma d-​dnub li qed jgħammar fija.” Minħabba “l-​liġi tad-​dnub li hemm fil-​membri [tagħna],” aħna inklinati li nagħmlu użu ħażin minn ilsienna u minn partijiet oħra taʼ ġisimna. (Rumani 7:18-23) Madankollu, l-​isfida rridu negħlbuha​—u nistgħu negħlbuha bl-​għajnuna t’Alla.

19, 20. L-​eżempju taʼ Ġesù kif jistaʼ jgħin lill-​irġiel u n-​nisa miżżewġin biex irażżnu lsienhom?

19 F’relazzjoni li hija karatterizzata mill-​imħabba u r-​rispett, m’hemmx lok għal kliem bla ħsieb u aħrax. Aħseb dwar l-​eżempju li ħalla Ġesù Kristu f’dan ir-​rigward. Ġesù qatt m’uża kliem insolenti mad-​dixxipli tiegħu. Anki fl-​aħħar lejla taʼ ħajtu fuq l-​art meta l-​appostli tiegħu kienu qed jargumentaw dwar min kien l-​akbar, l-​Iben t’Alla ma ċanfarhomx. (Luqa 22:​24-27) Il-​Bibbja tagħti din it-​twissija: “Irġiel, komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.”​—Efesin 5:25.

20 Iżda, xi ngħidu dwar il-​mara? Hi “għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” (Efesin 5:33) Sejra mara li għandha rispett lejn żewġha tgħajjat miegħu, billi tuża kliem abbużiv? Pawlu kiteb: “Irridkom tkunu tafu li l-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu; u l-​kap tal-​mara hu r-​raġel; u l-​kap tal-​Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) In-​nisa għandhom ikunu sottomessi lejn il-​kap tagħhom bħalma Kristu hu lejn il-​Kap tiegħu. (Kolossin 3:18) Għalkemm l-​ebda bniedem imperfett ma jistaʼ jimita lil Ġesù perfettament, il-​fatt li l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin jistinkaw biex ‘jimxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu’ se jgħinhom biex jirbħu l-​isfida kontra li jużaw ilsienhom ħażin.​—1 Pietru 2:21.

X’Tgħallimt?

• Ilsien mhux imrażżan kif jistaʼ jagħmel il-​ħsara fiż-​żwieġ?

• Għala huwa diffiċli li rrażżnu lsienna?

• X’jgħinna nikkontrollaw il-​kliem tagħna?

• X’għandek tagħmel meta tesperjenza l-​istress fiż-​żwieġ?

[Stampa f’paġna 24]

L-​anzjani jipprovdu għajnuna bbażata fuq il-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja