LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 6/1 pp. 4-7
  • Alla Jimpurtah minn Dawk Imdaħħlin fiż-Żmien

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Alla Jimpurtah minn Dawk Imdaħħlin fiż-Żmien
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Difensur tar-​Romol”
  • Faraġ “fit-​Tribulazzjoni Tagħhom”
  • “L-​Affarijiet taʼ Qabel Ikunu Spiċċaw”
  • Il-Familja Kristjana Tgħin lix-Xjuħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Nieħdu Ħsieb Uħud Imdaħħlin fiż-Żmien —Responsabbiltà Kristjana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Kif Għandna Nittrattaw lil Nies Imdaħħlin fiż-Żmien?
    Stenbaħ!—2004
  • Onora lil dawk fostkom imdaħħlin fiż-żmien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 6/1 pp. 4-7

Alla Jimpurtah minn Dawk Imdaħħlin fiż-​Żmien

IL-​FATT li l-​anzjani huma daqstant maltrattati llum ma jissorprendiniex. Ħafna żmien ilu, il-​Bibbja bassret li matul l-​“aħħar jiem” taʼ din is-​sistema li tiċħad lil Alla, in-​nies kellhom ikunu “jħobbu lilhom infushom, . . . mingħajr imħabba naturali.” (2 Timotju 3:​1-3) Il-​kelma Griega tradotta “mħabba naturali” tistaʼ tinkludi l-​imħabba li normalment teżisti fil-​familja. Eżatt bħalma tgħid il-​profezija Biblika, illum faċli tinnota li dan it-​tip taʼ mħabba huwa nieqes.

B’kuntrast kbir maʼ dawk li jimmaltrattaw lill-​anzjani, Alla Ġeħova japprezzahom ħafna u jimpurtah minn dawk li huma mdaħħlin fiż-​żmien. Ikkunsidra kif il-​Bibbja turina li dan hu minnu.

“Difensur tar-​Romol”

Fl-​Iskrittura Ebrajka jidher ċar kemm Alla Ġeħova jimpurtah minn dawk imdaħħlin fiż-​żmien. Per eżempju, f’Salm 68:6 (68:​5, NW), David isejjaħ lil Alla “difensur tar-​romol,” li spiss ikunu anzjani.a Fi traduzzjonijiet oħra tal-​Bibbja, il-​kelma “difensur” tiġi tradotta bħala “mħallef,” “protettur,” u “wieħed li jiġġieled għal persuna oħra.” Jidher ċar li Ġeħova jimpurtah mir-​romol. Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid li jekk jiġu trattati ħażin, il-​qilla tiegħu tixgħel. (Eżodu 22:​21-23 [22:​22-24, NW]) Ir-​romol—u l-​uħud imdaħħlin fiż-​żmien kollha li huma leali—huma taʼ valur kbir għal Alla u l-​qaddejja tiegħu. Proverbji 16:31 jesprimi l-​ħarsa t’Alla Ġeħova u l-​poplu tiegħu meta jgħid: “Ix-​xagħar abjad kuruna taʼ ġieħ, li tinkiseb b’ħajja tajba.”

Mhux taʼ b’xejn li r-​rispett għall-​anzjani kien parti fundamentali mil-​Liġi li Ġeħova ta lil Iżrael. L-​Iżraelin ġew kmandati: “Qum quddiem ix-​xiħ, b’xagħru abjad, u agħtih qima u ibżaʼ minn Alla tiegħek: Jiena l-​Mulej.” (Levitiku 19:32) Għal din ir-​raġuni, il-​fatt li l-​Iżraelin jieħdu ħsieb l-​anzjani kien marbut mar-​relazzjoni taʼ l-​individwu stess m’Alla Ġeħova. Individwu ma setax jgħid li jħobb lil Alla jekk jimmaltratta lill-​anzjani.

Il-Kristjani m’humiex taħt il-​Liġi Mosajka. Madankollu, huma jinsabu taħt “il-​liġi tal-​Kristu,” li teffettwalhom ħafna l-​imġiba u l-​attitudni tagħhom, inkluż li juru mħabba u interess lejn il-​ġenituri u l-​anzjani. (Galatin 6:2; Efesin 6:​1-3; 1 Timotju 5:​1-3) U l-​Kristjani juru l-​imħabba mhux biss għax huma kmandati jagħmlu dan imma għaliex huma mqanqlin minn qalbhom. L-​appostlu Pietru ħeġġeġ: “Ħobbu lil xulxin mill-​qalb bil-​ħeġġa kollha.”—1 Pietru 1:22.

Id-dixxiplu Ġakbu pprovdielna raġuni oħra għala għandna nieħdu ħsieb lil min hu mdaħħal fiż-​żmien. Hu kiteb: “Ir-​reliġjon li hi nadifa u bla tinġis mill-​ħarsa t’Alla tagħna u Missierna hi din: li tieħu ħsieb l-​iltiema u r-​romol fit-​tribulazzjoni tagħhom, u li żżomm ruħek mingħajr tebgħa mid-​dinja.” (Ġakbu 1:27) Ġakbu jagħmel punt li jmiss il-​qalb. Dan jiġbed l-​attenzjoni tagħna lejn kemm huma importanti dawn l-​uħud għeżież għal Ġeħova.

Għalhekk, m’huwiex biżżejjed li sempliċement noqogħdu lura milli nittrattaw ħażin lill-​anzjani. Minflok, aħna għandna nuru interess sinċier fihom permezz t’għemejjel li jibbenefikawhom. (Ara l-​kaxxa “L-​Imħabba fl-​Azzjoni,” f’paġni 6-7.) Ġakbu kiteb: “Il-​fidi mingħajr l-​għemejjel hi mejta.”—Ġakbu 2:26.

Faraġ “fit-​Tribulazzjoni Tagħhom”

Hemm punt ieħor li rridu nisiltu minn kliem Ġakbu. Innota li Ġakbu qal lill-​Kristjani li kellhom jieħdu ħsieb ir-​romol “fit-​tribulazzjoni tagħhom.” Il-​kelma Griega tradotta “tribulazzjoni” bażikament tfisser in-​niket, l-​uġigħ, jew it-​tbatija li tiġi mill-​pressjonijiet taċ-​ċirkustanzi tagħna fil-​ħajja. M’hemm ebda dubju li ħafna mill-​anzjani jġarrbu dan in-​niket. Xi wħud minnhom iħossuhom waħedhom. Oħrajn iħossuhom imdejqin minħabba l-​limitazzjonijiet li ġġib magħha l-​età avanzata. Anki dawk li huma attivi sew fis-​servizz tagħhom lil Alla jistgħu jaqtgħu qalbhom. Ikkunsidra lil John,b proklamatur leali tas-​Saltna t’Alla għal iktar minn erbgħin sena, li l-​aħħar tletin minnhom qattagħhom fis-​servizz speċjali full-time. Issa John għandu fuq it-​80 sena u jammetti li kultant iħossu skuraġġit. Hu jgħid: “Spiss noqgħod naħseb u niftakar fl-​iżbalji tiegħi, kemm nagħmel żbalji. Il-​ħin kollu ngħid lili nnifsi li stajt mort aħjar.”

Uħud bħal dawn jistgħu jiksbu l-​faraġ minħabba li jafu li Ġeħova, għalkemm hu perfett, ma jistenniex li aħna nkunu perfetti. Għalkemm hu jaf bl-​iżbalji tagħna, il-​Bibbja tgħid dwaru: “Jekk tal-​ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” (Salm 130:3) Iva, Ġeħova jħares lil hinn mill-​iżbalji tagħna u jagħraf dak li hemm fil-​qalb. Kif nafuh dan?

Is-​Sultan David—li hu stess dineb u għamel ħafna żbalji—kien ispirat minn Alla biex jikkomponi l-​kliem li ġej, kif inhu mniżżel f’Salm 139:​1-3: “Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni; int taf meta noqgħod u meta nqum, int tagħraf mill-​bogħod ħsibijiet[i]. [“L-​ivvjaġġar tiegħi u li nimtedd għal tuli int kejjilt,” NW]; triqati kollha inti tafhom sewwa.” Hawnhekk il-​kelma “kejjilt” letteralment tfisser li “tgħarbel,” l-​istess bħalma bidwi jderri l-​qamħ biex jeħles mill-​karfa. Ispirat minn Alla, David jiżgurana li Ġeħova jaf kif għandu jgħarbel u jippreserva fil-​memorja tiegħu l-​għemejjel tajbin tagħna.

Missierna tas-​sema kollu ħniena jiftakar—u jgħożż—l-​għemejjel tajbin tagħna sakemm aħna nibqgħu leali lejh. Tabilħaqq, il-​Bibbja tgħid li hu jarah inġust li kieku min-​naħa tiegħu jinsa l-​għemejjel tagħna u l-​imħabba li wrejna għal ismu.—Ebrej 6:10.

“L-​Affarijiet taʼ Qabel Ikunu Spiċċaw”

Il-​Bibbja turi li l-​problemi taʼ l-​età avanzata ma kinux parti mill-​iskop li kellu Alla għall-​bnedmin. Kien biss wara li l-​ewwel ġenituri tagħna, l-​ewwel raġel u mara, ħaduha kontra l-​Ħallieq tagħhom li l-​effetti taʼ ħsara tax-​xjuħija saru parti mill-​ħajja tal-​bnedmin. (Ġenesi 3:​17-19; Rumani 5:12) L-​affarijiet mhux se jibqgħu hekk għal dejjem.

Bħalma nnotajna diġà, ħafna mill-​kundizzjonijiet ħżiena li nesperjenzaw illum—inkluż it-​trattament ħażin taʼ l-​anzjani—huma parti mill-​evidenza li qed ngħixu “fl-​aħħar jiem” taʼ din is-​sistema. (2 Timotju 3:1) L-​iskop t’Alla hu li jneħħi l-​effetti tad-​dnub, inkluż l-​effetti koroh tax-​xjuħija u l-​mewt. Il-​Bibbja tgħid: “[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:4.

Fid-dinja l-​ġdida t’Alla, l-​uġigħ u t-​tbatija taʼ l-​età avanzata se jkunu xi ħaġa tal-​passat. Hekk ukoll se jkun it-​trattament ħażin taʼ l-​anzjani. (Mikea 4:4) Saħansitra dawk li mietu u jinsabu fil-​memorja t’Alla se jerġgħu jingħataw il-​ħajja, sabiex huma wkoll ikollhom l-​opportunità li jgħixu għal dejjem f’ġenna taʼ l-​art. (Ġwanni 5:​28, 29) F’dak iż-​żmien, se jkun jidher ċar iktar minn qatt qabel li Alla Ġeħova jimpurtah mhux biss mill-​anzjani imma minn dawk kollha li jobduh.

[Noti taʼ taħt]

a M’għandniex xi ngħidu, xi romol m’humiex imdaħħlin fiż-​żmien. Per eżempju, f’Levitiku 22:13 jidher ċar li Alla jimpurtah mir-​romol li huma iżgħar.

b Mhux ismu veru.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 6, 7]

L-​Imħabba fl-​Azzjoni

Fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jieħdu t-​tmexxija biex juru interess f’min hu mdaħħal fiż-​żmien. Huma jieħdu bis-​serjetà t-​twissija taʼ l-​appostlu Pietru: “Irgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħkom.” (1 Pietru 5:2) Mod wieħed kif jieħdu ħsieb il-​merħla t’Alla hu billi jieħdu ħsieb lil min hu mdaħħal fiż-​żmien. Madankollu, dan x’għandu mnejn jinvolvi?

Irid ikollhom il-​paċenzja u jistaʼ jkun li anki jkollhom jagħmlu għadd taʼ żjajjar u diskussjonijiet sabiex jaraw eżatt kemm għandu bżonn għajnuna min hu mdaħħal fiż-​żmien. Forsi għandu bżonn l-​għajnuna fix-​xiri u t-​tindif, fit-​trasport għal-​laqgħat Kristjani, fil-​qari tal-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet Kristjani, u f’għadd t’affarijiet oħra. Kulmeta jkun possibbli, arranġamenti prattiċi u konsistenti għandhom jitħejjew u jitpoġġew fil-​prattika.c

Imma xi ngħidu jekk ħu jew oħt imdaħħla fiż-​żmien fil-​kongregazzjoni jkollha sitwazzjoni t’emerġenza, forsi jkollha bżonn għajnuna finanzjarja? L-​ewwel, ikun tajjeb li jiskopru jekk hemmx ulied jew qraba oħra li jistgħu jagħtu l-​għajnuna. Dan ikun fi qbil maʼ dak li hemm imniżżel fl-​1 Timotju 5:4: “Jekk xi armla għandha t-​tfal jew it-​tfal tat-​tfal, dawn l-​ewwel ħa jitgħallmu jipprattikaw id-​devozzjoni lejn Alla f’darhom stess u jibqgħu jagħtu kumpens xieraq lill-​ġenituri u lin-​nanniet tagħhom, għax dan hu aċċettabbli quddiem Alla.”

Jistaʼ jkun li l-​uħud imdaħħlin fiż-​żmien ikollhom bżonn l-​għajnuna biex jiddeterminaw jekk humiex intitolati għal kwalunkwe provvediment li joffri l-​gvern. Forsi xi wħud fil-​kongregazzjoni jkunu jistgħu jgħinuhom. Jekk m’hemmx xi opportunitajiet bħal dawn disponibbli, l-​anzjani jistgħu jiddeterminaw jekk l-​individwu jikkwalifikax għall-​għajnuna tal-​kongregazzjoni. F’ċerti każijiet, dan kien permess fil-​kongregazzjoni taʼ l-​ewwel seklu, għaliex l-​appostlu Pawlu kiteb lill-​ħaddiem sieħbu Timotju: “Ħa titqiegħed fil-​lista armla li m’għandhiex inqas minn sittin sena, mara taʼ raġel wieħed, li tingħatalha xiehda li għamlet għemejjel tajbin, jekk rabbietx it-​tfal, jekk laqgħetx lill-​istranġieri, jekk ħaslitx saqajn il-​qaddisin, jekk għenitx lil dawk li għaddew minn xi tribulazzjoni, jekk ħabirkitx f’kull għemil tajjeb.”—1 Timotju 5:​9, 10.

[Nota taʼ taħt]

c Għal iktar konsiderazzjoni, ara l-​artiklu “Meeting the Needs of Our Older Ones​—A Christian Challenge” (Nieħdu Ħsieb il-​Bżonnijiet taʼ Min hu Mdaħħal fiż-​Żmien—Sfida Kristjana) fil-​ħarġa tal-​Watchtower tal-​15 taʼ Lulju, 1988.

[Stampa f’paġna 5]

Dorka kienet tieħu ħsieb ir-​romol li kienu fil-​bżonn. —Atti 9:​36-39

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja